This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0579
Commission Delegated Regulation (EU) 2017/579 of 13 June 2016 supplementing Regulation (EU) No 600/2014 of the European Parliament and of the Council on markets in financial instruments with regard to regulatory technical standards on the direct, substantial and foreseeable effect of derivative contracts within the Union and the prevention of the evasion of rules and obligations (Text with EEA relevance. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/579 tat-13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/579 tat-13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2016/3544
ĠU L 87, 31.3.2017, p. 189–192
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/03/2017
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Completion | 32014R0600 | 03/01/2018 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32017R0579R(01) | (MT) |
31.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/189 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/579
tat-13 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 28(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Minħabba l-varjetà wiesgħa ta' kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (OTC), u sabiex jiġi ddeterminat meta kuntratt tad-derivattivi OTC jista' jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u biex jispeċifika l-każijiet fejn huwa meħtieġ jew xieraq li jkun impedit li jiġu evitati r-regoli u l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għandu jiġi adottat approċċ ibbażat fuq il-kriterji. |
(2) |
L-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jgħid li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 28 u 29 ta' dan ir-Regolament jitqiesu li jkunu ġew issodisfati meta mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f'pajjiż li għalih il-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni li jiddikjara ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji għandhom għalhekk japplikaw ukoll għal kuntratti fejn iż-żewġ kontropartijiet ikunu stabbiliti f'pajjiż terz li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tiegħu jkunu għadhom ma ġewx iddikjarati bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. |
(3) |
Ċerta informazzjoni dwar il-kuntratti konklużi minn entitajiet minn pajjiżi terzi xorta waħda tkun disponibbli biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' dawn l-awtoritajiet tal-pajjiż terz sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet relevanti jkunu applikati u infurzati. |
(4) |
Minħabba r-relazzjoni intrinsika bejn dan ir-Regolament u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 285/2014 (3), it-termini tekniċi neċessarji għal fehim komprensiv tal-istandards tekniċi għandu jkollhom l-istess tifsira. |
(5) |
Il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi koperti minn garanzija mogħtija minn entitajiet stabbiliti fl-Unjoni joħolqu riskju finanzjarju għall-garanti stabbilit fl-Unjoni. Minħabba li r-riskju jkun jiddependi fuq il-kobor tal-garanzija mogħtija mill-kontropartijiet finanzjarji sabiex tkopri l-kuntratti tad-derivattivi OTC, u minħabba l-interkonnessjonijiet bejn il-kontropartijiet finanzjarji meta mqabblin ma' dawk tal-kontropartijiet mhux finanzjarji, huma biss il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi li huma koperti minn garanzija li taqbeż ċerti limiti kwantitattivi u li tkun ipprovduta minn kontropartijiet finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni li għandhom jitqiesu li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni. |
(6) |
Il-kontropartijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi terzi jistgħu jagħmlu kuntratti tad-derivattivi OTC permezz ta' fergħat tagħhom fl-Unjoni. Minħabba l-impatt tal-attività ta' dawn il-fergħat fuq is-suq tal-Unjoni, il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi bejn dawn il-fergħat tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni. |
(7) |
Il-kuntratti tad-derivattivi OTC li jsiru minn kontropartijiet speċifiċi bl-għan ewlieni li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-obbligu tan-negozjar applikabbli għal entitajiet li li kieku kienu jkunu l-kontropartijiet naturali tal-kuntratt, għandhom jitqiesu li jevadu r-regoli jew l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 minħabba li jfixklu milli jintlaħaq wieħed mill-għanijiet ta' dan ir-Regolament. |
(8) |
Il-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma parti minn xi arranġament li l-karatteristiċi tiegħu mhumiex sostnuti minn motivazzjoni kummerċjali jew ma għandhomx karattru kummerċjali u li għandhom l-għan primarju li jevitaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, inklużi r-regoli dwar il-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni, jitqiesu li qed jevadu r-regoli u l-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament. |
(9) |
Sitwazzjonijiet fejn il-komponenti individwali tal-ftehim jkunu inkonsistenti mas-sustanza legali tal-ftehim sħiħ, fejn il-ftehim isir b'tali mod li mhux il-mod kif normalment wieħed jistenna li jsir negozju raġonevoli, meta l-ftehim jew is-sensiela ta' ftehimiet ikunu jinkludu elementi li għandhom l-effett li jpaċu jew li jannullaw is-sustanza ekonomika reċiproka tagħhom, meta t-tranżazzjonijiet ikunu ta' natura ċirkolari, għandhom jitqiesu bħala indikaturi ta' ftehim artifiċjali jew sensiela ta' ftehimiet artifiċjali. |
(10) |
Minħabba li entitajiet ta' pajjiżi terzi milquta minn dawn l-istandards tekniċi regolatorji jeħtieġu ż-żmien sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 meta l-kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawn l-istandards tekniċi regolatorji biex jitqiesu li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni, huwa xieraq li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li fiha dawk il-kundizzjonijiet tiġi ttardjata b'sitt xhur. |
(11) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess data. |
(12) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni. |
(13) |
L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, tapplika d-definizzjoni li ġejja:
|
“garanzija” tfisser obbligu ġuridiku dokumentat b'mod espliċitu minn garanti li jagħmel tajjeb għal pagamenti tal-ammonti dovuti jew li jistgħu jsiru dovuti skont il-kuntratti tad-derivattivi OTC koperti minn din il-garanzija u li daħlet għalihom l-entità ggarantita favur il-benefiċjarju, meta jkun hemm każ ta' inadempjenza kif definit fil-garanzija jew fejn ma jkun sar l-ebda pagament mill-entità ggarantita. |
Artikolu 2
Kuntratti b'effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni
1. Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni meta mill-inqas entità ta' pajjiż terz tibbenefika minn garanzija pprovduta minn kontroparti finanzjarja stabbilita fl-Unjoni li tkopri l-obbligazzjonijiet kollha, jew parti minnhom, li jirriżulataw minn kuntratt tad-derivattivi OTC, sal-punt li l-garanzija tkun tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
tkun tkopri l-obbligazzjonijiet kollha ta' entità minn pajjiż terz li jirriżultaw minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC, għall-ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew l-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti, jew tkun tkopri biss parti mill-obbligazzjonijiet ta' entità minn pajjiż terz li jirriżultaw minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC għall-ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew l-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti, diviż bil-perċentwal tal-obbligazzjonijiet koperti; |
(b) |
tkun mill-inqas daqs 5 fil-mija tas-somma tal-iskoperturi attwali, kif definit fl-Artikolu 272(17) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fil-kuntratti tad-derivattivi OTC tal-kontroparti finanzjarja li toħroġ il-garanzija u li tkun stabbilita fl-Unjoni. |
2. Meta tinħareġ garanzija għall-ammont massimu li hu taħt il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a), il-kuntratti koperti minn din il-garanzija ma jitqisux li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni sakemm l-ammont tal-garanzija ma jiżdiedx, f'liema każ l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni jerġa' jiġi vvalutat mill-garanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 fil-jum meta ssir iż-żieda.
3. Meta obbligazzjoni li tirriżulta minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC tkun taħt il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a), dawn il-kuntratti ma jitqisux li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni anke meta l-ammont massimu tal-garanzija li tkopri din l-obbligazzjoni jkun daqs jew jaqbeż il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a) u anki meta l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b) tkun intlaħqet.
4. Jekk ikun hemm żieda fl-obbligazzjoni li tirriżulta minn kuntratti ta' derivattivi OTC jew minn tnaqqis fl-iskopertura attwali, il-garanti jivvaluta mill-ġdid jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 intlaħqux. Din il-valutazzjoni ssir rispettivment fil-jum li fih tiżdied l-obbligazzjoni għall-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(a) u ta' kull xahar għall-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(b).
5. Il-kuntratti tad-derivattivi OTC b'ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew bl-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti konklużi qabel ma tinħareġ garanzija jew qabel ma tiżdied, u li sussegwentement ikunu koperti minn garanzija li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, jitqiesu li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni.
6. Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni meta ż-żewġ entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz jidħlu f'kuntratt tad-derivattivi OTC permezz tal-fergħat tagħhom fl-Unjoni u jkunu jikkwalifikaw bħala kontropartijiet finanzjarji li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.
Artikolu 3
Każijiet fejn huwa meħtieġ jew xieraq li jiġi impedit l-evitar tar-regoli jew tal-obbligi previsti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014
1. Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li ġie mfassal b'tali mod biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jekk il-mod li bih sar dan il-kuntratt jitqies, meta wieħed jarah b'mod sħiħ u wara li jittieħdu inkonsiderazjoni ċ-ċirkostanzi kollha, li l-iskop ewlieni tiegħu huwa li tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kuntratt jitqies li ġie mfassal b'tali mod biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jekk l-għan ewlieni ta' arranġament, jew serje ta' arranġamenti marbutin mal-kuntratt tad-derivattivi OTC huwa li jxejjen l-oġġett, l-ispirtu u l-iskop ta' kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li li kieku tkun tapplika anki meta l-kuntratt ikun parti minn arranġament artifiċjali jew sensiela artifiċjali ta' arranġamenti.
3. Arranġament li intrinsikament ma għandux motivazzjoni u karattru kummerċjali jew ġustifikazzjoni ekonomika rilevanti, u jikkonsisti f'kuntratt, tranżazzjoni, skema, azzjoni, operazzjoni, ftehim, għotja, qbil, wegħda, impenn jew event jitqies bħala arranġament artifiċjali. L-arranġament jista' jinkludi aktar minn stadju jew parti waħda.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 285/2014 tat-13 ta' Frar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni, u biex ma jkunx hemm l-evażjoni ta' regoli jew ta' obbligi (ĠU L 85, 21.3.2014, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).