This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D2086
Council Decision (EU) 2017/2086 of 6 November 2017 on the signing, on behalf of the Union, of the Agreement between the European Union and the Federation of Saint Kitts and Nevis amending the Agreement between the European Community and the Federation of Saint Kitts and Nevis on the short-stay visa waiver
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2086 tas-6 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2086 tas-6 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir
ĠU L 297, 15.11.2017, p. 7–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
15.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2086
tas-6 ta' Novembru 2017
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tiegħu 2009/901/KE (1), il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (2) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn għal perjodu qasir bħala massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. |
(3) |
Huwa neċessarju li din id-definizzjoni l-ġdida tiġi inkorporata fil-Ftehim sabiex ir-reġim ta' soġġorn għal perjodu qasir tal-Unjoni jkun armonizzat kompletament. |
(4) |
Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar ftehim li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (il-“Ftehim emendatorju”). |
(5) |
In-negozjati dwar il-Ftehim emendatorju ġew iffinalizzat b'suċċess bl-inizjalar tiegħu, permezz ta' Skambju ta' Ittri, fit-28 ta' Lulju 2016. |
(6) |
Jenħtieġ li l-Ftehim emendatorju jiġi ffirmat, u li d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim emendatorju jiġu approvati, f'isem l-Unjoni. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4);għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(8) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (6).
Artikolu 2
Id-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim emendatorju għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim emendatorju f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TAMM
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/901/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (ĠU L 321, 8.12.2009, p. 43).
(2) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 38.
(3) Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal- fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(6) It-test tal-Ftehim emendatorju ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il- konklużjoni tiegħu.