EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1412

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1412 tal-1 ta' Awwissu 2017 dwar ir-rikonoxximent ta' Fiġi skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (notifikata bid-dokument C(2017) 5277) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/5277

ĠU L 202, 3.8.2017, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1412/oj

3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1412

tal-1 ta' Awwissu 2017

dwar ir-rikonoxximent ta' Fiġi skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument C(2017) 5277)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu b'approvazzjoni ċ-ċertifikati xierqa ta' kompetenza tal-baħħara, li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, tal-1978 (il-“Konvenzjoni STCW”).

(2)

Fit-18 ta' Frar 2011, il-Ġermanja talbet ir-rikonoxximent ta' Fiġi. Wara dik it-talba, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet ta' Fiġi bil-għan li twettaq valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tagħhom biex tivverifika jekk Fiġi jissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati. Kien spjegat li l-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni għall-ġbir ta' informazzjoni li għandha titwettaq mill-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-Aġenzija) f'Fiġi.

(3)

Abbażi tar-riżultati ta' spezzjoni li saret f'Ġunju 2013, u b'kont meħud ta' pjan volontarju ta' azzjoni korrettiva mibgħut mill-awtoritajiet ta' Fiġi f'Settembru 2014 u ssupplimentat f'Diċembru 2014, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni f'Fiġi.

(4)

Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni identifikat għadd ta' oqsma li kellhom bżonn jiġu indirizzati sewwa mill-awtoritajiet ta' Fiġi, inklużi n-nuqqasijiet marbutin mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dispożizzjonijiet nieqsa għall-kwalifiki ta' ċerti kategoriji ta' ħarrieġa, u rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni kif ukoll proċeduri tal-ġestjoni ta' kwalità insuffiċjenti jew inkompleti.

(5)

F'April 2015, il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet ta' Fiġi b'rapport ta' valutazzjoni li kien ibbażat fuq ir-riżultati tal-ispezzjoni ta' Ġunju 2013 u qieset il-pjan ta' azzjonijiet korrettivi ssupplimentat.

(6)

F'Ġunju 2015, l-awtoritajiet ta' Fiġi ressqu pjan ta' azzjonijiet korrettivi aġġornat.

(7)

Abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet ta' Fiġi, bl-eċċezzjoni ta' sejba dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni, ħadu miżuri biex jagħmlu s-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara ta' Fiġi konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW.

(8)

B'mod partikolari, Fiġi adotta leġiżlazzjoni ġdida li tindirizza n-nuqqasijiet identifikati b'rabta mad-dispożizzjonijiet nazzjonali u aġġorna l-proċeduri tal-kwalità tal-amministrazzjoni u tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni marittima u l-kurrikula u l-programmi ta' taħriġ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni marittima tiegħu.

(9)

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet ta' Fiġi għal kjarifika dwar is-sejba tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 7 b'rabta mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni. Din is-sejba ma tistax, f'kull każ, tqajjem dubji dwar il-valutazzjoni pożittiva ġenerali.

(10)

Ir-riżultat finali tal-valutazzjoni juri li Fiġi huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, u li dan il-pajjiż ħa l-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati.

(11)

L-Istati Membri ngħataw rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(12)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, Fiġi huwa rikonoxxut fir-rigward tas-sistemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.


Top