Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex
Document 32017D0657
Council Decision (EU) 2017/657 of 3 April 2017 on the conclusion on behalf of the European Union of the Agreement between the European Union and the Principality of Liechtenstein on supplementary rules in relation to the instrument for financial support for external borders and visa, as part of the Internal Security Fund for the period 2014 to 2020
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/657 tat-3 ta' April 2017 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/657 tat-3 ta' April 2017 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020
ĠU L 94, 7.4.2017, p. 1-2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
care este în vigoare
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/657/oj
7.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 94/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/657
tat-3 ta' April 2017
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 77(2) u punt (a) tal-Artikolu 218(6)tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/47 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Kummissjoni fil-5 ta' Diċembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li jenħtieġ li pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen jipparteċipaw fl-istrument skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom u r-regoli supplimentari neċessarji għal tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u s-setgħat ta' awditu tal-Qorti tal-Awdituri. |
(3) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. |
(4) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(5) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(6) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (6).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill f'isem l-Unjoni Ewropea, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim (7).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta' April 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
R. GALDES
(1) Il-kunsens tat-2 ta' Marzu 2017.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen. (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(6) Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 7 tat-12 ta' Jannar 2017, flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.
(7) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.