Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1719

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/5946

    ĠU L 259, 27.9.2016, p. 42–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/03/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1719/oj

    27.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 259/42


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1719

    tas-26 ta' Settembru 2016

    li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 18(3)(b) u (5), tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, tiżdied il-kompetittività u jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bi prezzijiet raġonevoli hemm il-bżonn urġenti li jitlesta s-suq intern tal-enerġija li jkun interkonness u jkun qed jaħdem kollu kemm hu. Jekk is-suq intern tal-elettriku jkun jiffunzjona sew, il-produtturi jkollhom inċentivi xierqa biex jinvestu f'ġenerazzjoni tal-enerġija ġdida, fosthom f'elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-aktar Stati Membri u reġjuni iżolati fis-suq tal-enerġija tal-Unjoni. Lill-konsumaturi, suq li jkun jiffunzjona sew jagħtihom il-miżuri xierqa biex jippromwovu użu aktar effiċjenti tal-enerġija u dan jippresupponi provvista tal-enerġija sigura.

    (2)

    Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija element essenzjali tas-sigurtà pubblika u għalhekk hija marbuta intrinsikament mal-funzjonament effiċjenti tas-suq intern tal-elettriku u mal-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku iżolati tal-Istati Membri. L-uniku mod kif l-elettriku jista' jasal għand iċ-ċittadini tal-Unjoni huwa permezz tan-netwerk. Is-swieq tal-elettriku li jaħdmu sew u, b'mod partikolari, in-netwerks u l-assi l-oħra assoċjati mal-provvista tal-elettriku huma essenzjali għas-sigurtà pubblika, għall-kompetittività ekonomika u għall-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji għall-kundizzjonijiet tal-aċċess għan-netwerk għal skambji transfruntiera tal-elettriku u b'mod partikolari, regoli dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni fir-rigward tal-interkonnessjonijiet u s-sistemi ta' trażmissjoni li jaffettwaw il-flussi tal-elettriku transfruntiera. Sabiex ikollna suq tal-elettriku tassew integrat, irid jinħolqu opportunitajiet ta' ħħeġġjar effiċjenti għall-ġeneraturi, għall-konsumaturi u għall-bejjiegħa bl-imnut biex jittaffew ir-riskji futuri fil-prezzijiet fiż-żona fejn joperaw, inkluż l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-irkant dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità.

    (4)

    Il-kalkolu tal-kapaċità fit-tul għall-perjodi tas-suq ta' sena u ta' xahar minn qabel għandhom jikkoordinawh l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (minn hawn 'il quddiem “it-TSOs”) tal-anqas fil-livell reġjonali biex ikun żgurat li l-kalkolu tal-kapaċità jkun affidabbli u li jkun hemm kapaċità ottimali disponibbli għas-suq. Għal dan il-għan, it-TSOs għandhom jistabbilixxu mudell ta' grilja komuni li jiġbor id-dejta kollha meħtieġa għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul filwaqt li jqis l-inċertezzi inerenti għall-perjodi ta' żmien fit-tul. L-approċċ koordinat abbażi tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni għandu japplika għall-kalkolu u għall-allokazzjoni ta' kapaċitajiet transfruntiera fit-tul. L-approċċ abbażi tal-fluss jista' jiġi applikat meta l-kapaċitajiet transżonali bejn iż-żoni tal-offerti jkunu tassew interdipendenti u l-approċċ ikun ġustifikat mil-lat ta' effiċjenza ekonomika.

    (5)

    Ir-regoli armonizzati dwar il-kapaċità transżonali fit-tul jeħtieġu li fil-livell Ewropew titwaqqaf u titħaddem pjattaforma unika ta' allokazzjoni. Din il-pjattaforma ċentrali għandhom jiżviluppawha t-TSOs kollha biex teħfief l-allokazzjoni ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għall-parteċipanti fis-suq u għandha tipprovdi għat-trasferiment tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul mingħand parteċipant eliġibbli wieħed fis-suq għal ieħor.

    (6)

    Sabiex ikun hemm allokazzjoni trasparenti u nondiskriminatorja tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni trid tippubblika l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-irkant qabel dan jinbeda. Ir-regoli dwar in-nomini għandu jkun fihom informazzjoni dettaljata dwar il-proċedura ta' nomina għal drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni inklużi r-rekwiżiti, iż-żminijiet, l-għeluq tan-negozju u l-eliġibbiltà għall-iskambju bejn il-parteċipanti fis-suq.

    (7)

    Id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom ikunu jistgħu jirritornaw id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul lit-TSOs biex jiġu riallokati f'allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità sussegwenti. Id-detenturi jistgħu jirċievu ħlas talli jirritotnaw id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul. Barra minn hekk, il-parteċipanti fis-suq għandhom ikunu intitolati li jittrasferixxu jew jixtru drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li diġà jkunu allokati. Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinfurmaw lit-TSOs dwar dawn it-trasferimenti jew dan ix-xiri u dwar il-kontropartijiet inklużi l-parteċipanti involuti fis-suq u t-TSOs rispettivi.

    (8)

    Hu importanti li l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-parteċipazzjoni fil-pjattaforma unika ta' allokazzjoni jinżammu f'limiti raġonevoli, l-aktar fejn tidħol l-armonizzazzjoni tal-qafas kuntrattwali mal-parteċipanti fis-suq.

    (9)

    Madwar l-Unjoni bħalissa jeżistu bosta regoli ta' allokazzjoni li jirregolaw l-arranġamenti kuntrattwali għad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul. It-TSOs għandhom jiżviluppaw regoli armonizzati ta' allokazzjoni għad-drittijiet fiżiċi tat-trażmissjoni, drittijiet finanzjarji tat-trażmissjoni — opzjoni (minn hawn 'il quddiem “FTRs — opzjoni”) u drittijiet finanzjarji tat-trażmissjoni — obbligi (minn hawn 'il quddiem “FTRs — obbligi”) fil-livell tal-Unjoni.

    (10)

    Dawk ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni għandhom tal-anqas ikun fihom id-deskrizzjoni tal-proċess/proċedura ta' allokazzjoni għad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, inklużi r-rekwiżiti minimi għal parteċipazzjoni, kwistjonijiet finanzjarji, it-tip ta' prodotti offruti fi rkanti espliċiti, ir-regoli dwar in-nomina, ir-regoli dwar it-tnaqqis u ta' kumpens, ir-regoli għall-parteċipanti fis-suq fil-każ li jkunu qed jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul, il-prinċipju ta' uża jew bigħ (minn hawn 'il quddiem “UIOSI”), ir-regoli dwar il-forza maġġuri u r-responsabbiltà. Dawk ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni għandhom jiddeskrivu wkoll l-obbligi kuntrattwali li jridu jirrispettaw il-parteċipanti fis-suq.

    (11)

    Ir-Regolament (UE) 2015/1222 (2) jistabbilixxi skadenza għaċ-ċertezza tal-ġurnata bil-quddiem u sistema relatata ta' kumpens għad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li tnaqqsu wara din l-iskadenza. Bl-istess mod, it-TSOs għandhom jirrimborsaw jew jikkumpensaw lid-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li d-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul ikunu tnaqqsu qabel l-iskadenza għaċ-ċertezza tal-ġurnata bil-quddiem.

    (12)

    Jistgħu jiddaħħlu limiti fuq il-kumpens li għandu jitħallas lid-detenturi li d-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul ikunu tnaqqsu qabel l-iskadenza għaċ-ċertezza tal-ġurnata bil-quddiem, filwaqt li titqies il-likwidità tas-swieq rilevanti u l-possibbiltà li l-parteċipanti fis-suq jaġġustaw il-pożizzjonijiet tagħhom.

    (13)

    F'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) għandha tieħu deċiżjoni dwar termini u kundizzjonijiet komuni għall-aċċess jew metodoloġiji komuni, meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar dawk il-kwistjonijiet regolatorji.

    (14)

    Dan ir-Regolament ġie żviluppat b'koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija, man-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-Elettriku (“l-ENTSO tal-Elettriku”) u mal-partijiet konċernati, sabiex jiġu adottati regoli effettivi, bilanċjati u proporzjonati b'mod trasparenti u parteċipattiv. Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, qabel ma tipproponi xi emenda għal dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Aġenzija, lill-ENTSO tal-Elettriku u lil partijiet konċernati rilevanti oħra.

    (15)

    Dan ir-Regolament jissupplimenta l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament.

    (16)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    TITOLU I

    ID-DIŻPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fis-swieq forward, dwar it-twaqqif ta' metodoloġija komuni biex tiġi determinata l-kapaċità transżonali fit-tul, dwar it-twaqqif ta' pjattaforma unika ta' allokazzjoni fil-livell Ewropew li toffri drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, u dwar il-possibbiltà li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għal allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità sussegwenti jingħataw lura jew li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jiġu trasferiti bejn il-parteċipanti fis-suq.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kull sistema ta' trażmissjoni u kull interkonnessjoni fl-Unjoni, ħlief għas-sistemi ta' trażmissjoni fuq gżejjer li ma jkunux konnessi ma' sistemi oħra ta' trażmissjoni permezz ta' interkonnetturi.

    3.   Fl-Istati Membri li għandhom aktar minn TSO wieħed, dan ir-Regolament għandu japplika għat-TSOs kollha ta' dak l-Istat Membru. Meta t-TSO ma jkollux funzjoni rilevanti għal obbligu wieħed jew aktar skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-responsabbiltà għall-konformità ma' dawk l-obbligi tiġi assenjata lil TSO speċifiku wieħed jew lil TSOs differenti.

    4.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni tista' tinfetaħ għall-operaturi fis-suq u għat-TSOs li joperaw l-Iżvizzera diment li l-liġi nazzjonali tagħha tkun timplimenta d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku u diment li jkun hemm ftehim intergovernattiv dwar il-koperazzjoni fir-rigward tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Isvizzera.

    5.   Soġġett għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 4, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tiddeċidiha l-Kummissjoni abbażi ta' opinjoni tal-Aġenzija. Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-TSOs Żvizzeri li jingħaqdu mal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandhom ikunu konsistenti mad-drittijiet u mar-responsabbiltajiet tat-TSOs li joperaw fl-Unjoni, sabiex ikun hemm funzjonament mingħajr xkiel tal-allokazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul implimentati fil-livell tal-Unjoni u sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-partijiet konċernati kollha.

    Artikolu 2

    Id-definizzjonijiet

    Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/1222, fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 (4) kif ukoll fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Minbarra dawk, japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

    (1)

    “allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità” tfisser l-attribuzzjoni ta' kapaċità transżonali fit-tul permezz ta' rkant qabel il-perjodu ta' żmien tal-ġurnata bil-quddiem;

    (2)

    “dritt tat-trażmissjoni fit-tul” tfisser dritt fiżiku tat-trażmissjoni jew FTR — opzjoni jew FTR — obbligu li jkun inkiseb fl-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità;

    (3)

    “regoli ta' allokazzjoni” tfisser ir-regoli għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità li jiġu applikati mill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni;

    (4)

    “pjattaforma unika ta' allokazzjoni” tfisser il-pjattaforma Ewropea stabbilita mit-TSOs kollha għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità;

    (5)

    “irkant” tfisser il-proċess li matulu kapaċità transżonali fit-tul tiġi offruta u allokata lill-parteċipanti fis-suq li jippreżentaw offerti;

    (6)

    “UIOSI” tfisser il-prinċipju li jistabbilixxi li l-kapaċità transżonali sottostanti ta' drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni mixtrija u mhux nominati jsiru awtomatikament disponibbli għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta' ġurnata bil-quddiem u li jistabbilixxi li d-detentur ta' dawn id-drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni jirċievi remunerazzjoni mingħand it-TSOs.

    (7)

    “nomina” tfisser in-notifika tal-użu ta' kapaċità transżonali fit-tul minn detentur tad-drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni u mill-kontroparti tiegħu, jew minn parti terza awtorizzata, lit-TSOs rispettivi;

    (8)

    “regoli dwar in-nomina” tfisser ir-regoli fir-rigward tan-notifika dwar l-użu tal-kapaċità transżonali fit-tul minn detentur tad-drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni u mill-kontroparti tiegħu, jew minn parti terza awtorizzata, lit-TSOs rispettivi;

    (9)

    “firxa tas-suq” tfisser id-differenza bejn il-prezzijiet kull siegħa ta' ġurnata bil-quddiem taż-żewġ żoni tal-offerti kkonċernati għall-perjodu ta' żmien tas-suq rispettiv f'direzzjoni speċifika;

    (10)

    “regoli ta' kumpens” tfisser ir-regoli li jipprovdu li kull TSO responsabbli għall-konfini taż-żona tal-offerti, meta jkunu ġew allokati d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, jikkumpensa lid-detenturi li d-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul għal tnaqqis fid-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul.

    Artikolu 3

    L-għanijiet tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità

    Dan ir-Regolament għandu l-għan li:

    (a)

    jippromwovi n-negozjar transżonali fit-tul effettiv b'opportunitajiet ta' ħħeġġjar transżonali fit-tul għall-parteċipanti fis-suq;

    (b)

    itejjeb il-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fit-tul

    (c)

    jipprovdi aċċess nondiskriminatorju għal kapaċità transżonali fit-tul;

    (d)

    jiżgura t-trattament ġust u nondiskriminatorju tat-TSOs, tal-Aġenzija, tal-awtoritajiet regolatorji u tal-parteċipanti fis-suq;

    (e)

    iħares il-ħtieġa ta' allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità li tkun ġusta u li ssir b'mod ordnat u formazzjoni tal-prezzijiet li ssir b'mod ordnat;

    (f)

    jiżgura u jtejjeb it-trasparenza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità;

    (g)

    jikkontribwixxi għat-tħaddim u l-iżvilupp effiċjenti fit-tul tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u tas-settur tal-elettriku fl-Unjoni.

    Artikolu 4

    L-adozzjoni ta' termini u kundizzjonijiet u ta' metodoloġiji

    1.   It-TSOs għandhom jiżviluppaw it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji meħtieġa minn dan ir-Regolament u jippreżentawhom għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti fl-iskadenzi rispettivi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Meta proposta għal termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji skont dan ir-Regolament tkun trid tiġi żviluppata u maqbula minn aktar minn TSO wieħed, it-TSOs parteċipanti għandhom jaħdmu id f'id. It-TSOs, bl-għajnuna tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-Elettriku, għandhom jinformaw regolarment lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti u lill-Aġenzija dwar il-progress tal-iżvilupp ta' dawn it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji.

    2.   Meta ma jkunux jistgħu jaqblu bejniethom, it-TSOs li jiddeċiedu dwar proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji skont l-Artikolu 4(6) għandhom jiddeċiedu b'maġġoranza kwalifikata. Maġġoranza kwalifikata għal proposti skont l-Artikolu 4(6) għandha teħtieġ maġġoranza ta':

    (a)

    TSOs li jirrappreżentaw tal-anqas 55 % tal-Istati Membri; u

    (b)

    TSOs li jirrappreżentaw l-Istati Membri li flimkien jinkludu tal-anqas 65 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

    Minoranza li timblokka d-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 4(6) għandha tinkludi TSOs li jirrappreżentaw tal-anqas erba' Stati Membri u, fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata għandha titqies li nkisbet.

    Għad-deċiżjonijiet tat-TSO skont l-Artikolu 4(6), għandu jingħata vot wieħed lil kull Stat Membru. Jekk fit-territorju ta' Stat Membru jkun hemm aktar minn TSO wieħed, l-Istat Membru għandu jalloka s-setgħat tal-votazzjoni fost it-TSOs.

    3.   It-TSOs li jiddeċiedu dwar proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji skont l-Artikolu 4(7) għandhom jiddeċiedu b'maġġoranza kwalifikata jekk ma jkunux jistgħu jilħqu jaqblu bejniethom u meta r-reġjuni kkonċernati jkollhom aktar minn ħames Stati Membri. Maġġoranza kwalifikata għal proposti skont l-Artikolu 4(7) għandha teħtieġ maġġoranza ta':

    (a)

    TSOs li jirrappreżentaw tal-anqas 72 % tal-Istati Membri konċernati; u

    (b)

    TSOs li jirrappreżentaw Stati Membri li flimkien jinkludu tal-anqas 65 % tal-popolazzjoni tar-reġjun ikkonċernat.

    Minoranza li timblokka d-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 4(7) għandha tinkludi tal-anqas l-għadd minimu ta' TSOs li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti, kif ukoll TSOs li jirrappreżentaw tal-anqas Stat Membru wieħed ieħor ikkonċernat u, fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata għandha titqies li nkisbet.

    It-TSOs li jiddeċiedu dwar il-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji skont l-Artikolu 4(7) fir-rigward ta' reġjuni li jkollhom anqas minn ħames Stati Membri għandhom jiddeċiedu b'kunsens.

    Għad-deċiżjonijiet tat-TSO skont l-Artikolu 4(7), għandu jingħata vot wieħed lil kull Stat Membru. Jekk fit-territorju ta' Stat Membru jkun hemm aktar minn TSO wieħed, l-Istati Membri għandhom jallokaw is-setgħat tal-votazzjoni fost it-TSOs.

    4.   Jekk xi TSOs ma jippreżentawx proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-iskadenzi ddefiniti f'dan ir-Regolament, dawn għandhom jipprovdu l-abbozzi rilevanti tat-termini u l-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti u lill-Aġenzija, u jispjegaw x'kien li waqqaf milli jintlaħaq ftehim. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni u meta titlobha l-Kummissjoni għandha tikkopera mal-awtoritajiet regolatorji kompetenti biex tinvestiga r-raġunijiet għan-nuqqas u tinforma lill-Kummissjoni b'dan. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji meħtieġa fi żmien erba' xhur minn meta tasal l-informazzjoni mingħand l-Aġenzija.

    5.   Kull awtorità regolatorja għandha tkun responsabbli biex tapprova t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji msemmija fil-paragrafi 6 u 7.

    6.   Il-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji li ġejjin iridu japprovawhom l-awtoritajiet regolatorji kollha:

    (a)

    il-metodoloġija tal-provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija skont l-Artikolu 17;

    (b)

    il-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni skont l-Artikolu 18;

    (c)

    ir-rekwiżiti għall-pjattaforma unika ta' allokazzjoni skont l-Artikolu 49;

    (d)

    ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni skont l-Artikolu 51;

    (e)

    il-metodoloġija tal-qsim tal-introjtu mill-konġestjoni skont l-Artikolu 57;

    (f)

    il-metodoloġija għall-qsim tal-ispejjeż tal-istabbiliment, l-iżvilupp u t-tħaddim tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni skont l-Artikolu 59;

    (g)

    il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż imġarrba biex tkun żgurata ċertezza u remunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 61.

    7.   Il-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji li ġejjin iridu japprovawhom l-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun ikkonċernat:

    (a)

    il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 10;

    (b)

    il-metodoloġija għall-qsim tal-kapaċità transżonali skont l-Artikolu 16;

    (c)

    id-disinn reġjonali tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 31;

    (d)

    it-twaqqif ta' proċeduri ta' riżerva skont l-Artikolu 42;

    (e)

    ir-rekwiżiti reġjonali tar-regoli armonizzati dwar l-allokazzjoni skont l-Artikolu 52, inklużi r-regoli reġjonali dwar il-kumpens skont l-Artikolu 55.

    8.   Il-proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji għandha tinkludi l-firxa proposta taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom u deskrizzjoni tal-impatt li mistennija jħallu fuq l-għanijiet ta' dan ir-Regolament. Il-proposti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji soġġetti għall-approvazzjoni ta' diversi awtoritajiet regolatorji jew ta' kollha kemm huma għandhom jitressqu lill-Aġenzija fl-istess waqt meta jitressqu lill-awtoritajiet regolatorji. Meta jitolbu l-awtoritajiet regolatorji kompetenti, fi żmien tliet xhur l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni dwar il-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji.

    9.   Meta l-approvazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji tkun teħtieġ deċiżjoni ta' aktar minn awtorità regolatorja waħda, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jikkonsultaw u jikkoperaw u jikkoordinaw mill-qrib sabiex jilħqu ftehim. Meta applikabbli, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jikkunsidraw l-opinjoni tal-Aġenzija. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu deċiżjonijiet dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji skont il-paragrafi 6 u 7, fi żmien sitt xhur minn meta jaslu t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji għand l-awtorità regolatorja jew, meta jkun applikabbli, għand l-aħħar awtorità regolatorja konċernata.

    10.   Meta l-awtoritajiet regolatorji ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 9, jew meta jitolbu dan b'mod konġunt, l-Aġenzija għandha tadotta deċiżjoni dwar il-proposti preżentati għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji fi żmien sitt xhur, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

    11.   Jekk xi awtorità regolatorja jew aktar jitolbu emenda għall-approvazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji li jkunu ġew preżentati skont il-paragrafi 6 u 7, it-TSOs rilevanti għandhom jippreżentaw proposta għal termini u kundizzjonijiet jew għal metodoloġiji emendati biex tiġi approvata fi żmien xahrejn skont ir-rekwiżit tal-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jiddeċiedu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji emendati fi żmien xahrejn minn meta jitressqu. Meta l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji skont il-paragrafi 6 u 7 fi żmien xahrejn, jew meta jitolbu dan b'mod konġunt, l-Aġenzija għandha tadotta deċiżjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji emendati fi żmien sitt xhur, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009. Jekk it-TSOs rilevanti ma jipperżentawx proposta għal termini u kundizzjonijiet jew għall- metodoloġiji emendati, għandha tapplika l-proċedura prevista fil-paragrafu 4.

    12.   It-TSOs responsabbli għall-iżvilupp ta' proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji jew l-awtoritajiet regolatorji responsabbli għall-adozzjoni tagħhom skont il-paragrafi 6 u 7, jistgħu jitolbu emendi ta' dawn it-termini u l-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji.

    Il-proposti għall-emenda tat-termini u l-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji għandhom jiġu preżentati għal konsultazzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 u jiġu approvati skont il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu.

    13.   It-TSOs responsabbli biex jitwaqqfu t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji skont dan ir-Regolament għandhom jippubblikawhom fuq l-Internet wara li jkunu approvawhom l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jew, jekk ma tkun meħtieġa l-ebda approvazzjoni, wara li jitwaqqfu, ħlief meta din l-informazzjoni tkun titqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 7.

    Artikolu 5

    L-involviment tal-partijiet konċernati

    L-Aġenzija, f'koperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-Elettriku, għandha torganizza l-involviment tal-partijiet konċernati dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità u aspetti oħrajn tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jinkludi laqgħat regolari mal-partijiet konċernati biex jinstabu problemi u jiġi propost titjib l-aktar fejn jidħlu t-tħaddim u l-iżvilupp tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, fosthom l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-irkant. Dan ma għandux jieħu post il-konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati skont l-Artikolu 6.

    Artikolu 6

    Il-konsultazzjoni

    1.   It-TSOs responsabbli għall-preżentazzjoni ta' proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji jew għall-emendi tagħhom skont dan ir-Regolament għandhom jikkonsultaw mal-partijiet konċernati, inklużi l-awtoritajiet rilevanti ta' kull Stat Membru, dwar l-abbozz ta' proposti għal termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji fejn dan ikun espliċitament stabbilit f'dan ir-Regolament. Tal-anqas, din il-konsultazzjoni għandha ddum xahar.

    2.   Il-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji li jippreżentaw it-TSOs fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu ppubblikati u ppreżentati għal konsultazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Proposti li jippreżentaw it-TSOs fil-livell reġjonali għandhom jiġu ppreżentati għal konsultazzjoni tal-anqas fil-livell reġjonali. Il-partijiet li jressqu proposti fil-livell bilaterali u multilaterali għandhom jikkonsultaw tal-anqas lill-Istat Membru kkonċernat.

    3.   L-entitajiet responsabbli għall-proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji għandhom jikkunsidraw kif xieraq l-opinjonijiet tal-partijiet konċernati li joħorġu mill-konsultazzjonijiet li jsiru f'konformità mal-paragrafu 1, qabel ma din titressaq għall-approvazzjoni regolatorja jekk ikun mitlub skont l-Artikolu 4 jew qabel il-pubblikazzjoni fil-bqija tal-każijiet. Fil-każijiet kollha għandha tingħata ġustifikazzjoni ċara u b'saħħitha għall-inklużjoni jew le tal-opinjonijiet li joħorġu mill-konsultazzjoni u din għandha tiġi ppubblikata fi żmien xieraq qabel jew waqt il-pubblikazzjoni tal-proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji.

    Artikolu 7

    L-obbligi tal-kunfidenzjalità

    1.   Kull informazzjoni kunfidenzjali li tasal, tinqasam jew titwassal skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għal kull persuna soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

    3.   Informazzjoni kunfidenzjali li tasal għand il-persuni msemmija fil-paragrafu 2 waqt il-qadi ta' dmirijiethom ma tistax tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità oħra, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġi nazzjonali, bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament jew b'xi leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġi nazzjonali jew bil-liġi tal-Unjoni, l-awtoritajiet regolatorji, korpi jew il-persuni li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss għall-fini tal-qadi tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

    TITOLU II

    IR-REKWIŻITI GĦAT-TERMINI, IL-KUNDIZZJONIJIET U L-METODOLOĠIJI

    IL-KAPITOLU 1

    Il-kalkolu bil-quddiem tal-kapaċità

    It-Taqsima 1

    Ir-rewiżiti ġenerali

    Artikolu 8

    Ir-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament ir-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata għandhom ikunu dawk stabbiliti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 9

    Il-perjodi ta' żmien għall-kapaċità kkalkulata

    It-TSOs f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżguraw li l-kapaċità transżonali fit-tul tiġi kkalkulata għal kull allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità u tal-anqas kull sena u kull xahar.

    It-Taqsima 2

    Il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità

    Artikolu 10

    Il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità

    1.   Sa sitt xhur mill-approvazzjoni tal-metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità koordinata msemmija fl-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) 2015/1222, it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jippreżentaw proposta għal metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità għall-perjodi ta' żmien fit-tul fir-reġjun rispettiv. Il-proposta għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 6.

    2.   L-approċċ użat fil-metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità għandu jkun jew approċċ koordinat tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni jew approċċ abbażi tal-fluss.

    3.   Il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità għandha tkun kompatibbli u konsistenti mal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità stabbilita għall-perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    4.   L-inċertezza assoċjata mal-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul għandha tiġi kunsidrata meta tiġi applikata:

    (a)

    analiżi tas-sigurtà bbażata fuq xenarji multipli u li tuża l-inputs tal-kalkolu tal-kapaċità, l-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità msemmi fl-Artikolu 21(1)(b) u l-validazzjoni tal-kapaċità transżonali msemmija fl-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament (UE) 2015/1222; jew

    (b)

    approċċ statistiku bbażat fuq kapaċità transżonali storika għal perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata jekk ikun jista' jintwera li dan l-approċċ jista':

    (i)

    iżid l-effiċjenza tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità;

    (ii)

    iqis aħjar l-inċertezzi fil-kalkolu tal-kapaċità transżonali fit-tul mill-analiżi tas-sigurtà skont il-paragrafu 4(a);

    (iii)

    iżid l-effiċjenza ekonomika bl-istess livell ta' sigurtà tas-sistema.

    5.   It-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata jistgħu japplikaw flimkien l-approċċ abbażi tal-fluss għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-approċċ abbażi tal-fluss iwassal għal żieda fl-effiċjenza ekonomika fir-reġjun(i) bil-kapaċità kkalkulata bl-istess livell ta' sigurtà tas-sistema;

    (b)

    it-trasparenza u l-preċiżjoni tar-riżultati abbażi tal-flussi jkunu ġew ikkonfermati fir-reġjun(i) bil-kapaċità kkalkulata;

    (c)

    it-TSOs jagħtu ċans ta' sitt xhur lill-parteċipanti fis-suq biex jadattaw il-proċessi tagħhom.

    6.   Meta tiġi applikata analiżi tas-sigurtà bbażata fuq xenarji multipli għall-iżvilupp tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità f'reġjun bil-kapaċità kkalkulata, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti għall-inputs tal-kalkolu tal-kapaċità, l-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità u l-validazzjoni tal-kapaċità transżonali kif previst fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2015/1222, ħlief l-Artikolu 21(1)(a)(iv) meta rilevanti.

    7.   Meta tkun qed tiġi żviluppata l-metodoloġijiesa tal-kalkolu tal-kapaċità, għandhom jitqu r-rekwiżiti għall-proċeduri ta' riżerva u r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 11

    Il-metodoloġija tal-marġini tal-affidabbiltà

    Il-proposta għal metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità għandha tinkludi metodoloġija tal-marġni ta' affidabbiltà li għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 12

    Il-metodoloġiji għal-limiti u l-kontinġenzi tas-sigurtà operazzjonali

    Il-proposta għal metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità għandha tinkludi metodoloġiji għal-limiti u l-kontinġenzi tas-sigurtà operazzjonali li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 13

    Il-metodoloġija tal-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni

    Il-proposta għal metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità għandha tinkludi metodoloġija sabiex jiġu stabbiliti kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni li għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 14

    Il-metodoloġija tal-azzjonijiet ta' rimedju

    Jekk l-azzjonijiet ta' rimedju jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità fit-tul, kull TSO għandu jiżgura li dawk l-azzjonijiet ta' rimedju jkunu teknikament disponibbli f'operazzjoni f'ħin reali u jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 15

    Il-metodoloġija tal-validazzjoni tal-kapaċità transżonali

    Il-proposta għal metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità għandha tinkludi metodoloġija tal-validazzjoni transżonali li għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 16

    Il-metodoloġija għall-qsim tal-kapaċità transżonali fit-tul

    1.   Sa mhux aktar tard minn meta titressaq il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 10, it-TSOs ta' kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw proposta b'mod konġunt għal metodoloġija għall-qsim tal-kapaċità transżonali fit-tul b'mod koordinat bejn perjodi ta' żmien fit-tul differenti fi ħdan ir-reġjun rispettiv. Il-proposta għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 6.

    2.   Il-metodoloġija għall-qsim tal-kapaċità transżonali fit-tul għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għandha tissodisfa l-ħtiġijiet ta' ħħeġġjar tal-parteċipanti fis-suq;

    (b)

    għandha tkun koerenti mal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità;

    (c)

    ma għandhiex twassal għal restrizzjonijiet fil-kompetizzjoni, b'mod partikolari għall-aċċess għal drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul.

    It-Taqsima 3

    Mudell ta' grilja komuni

    Artikolu 17

    Il-metodoloġija tal-provvista ta' dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija

    1.   Sa sitt xhur wara l-approvazzjoni tal-metodoloġija tal-provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija stabbilita għall-perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata msemmija fl-Artikolu 9(6) tar-Regolament (UE) 2015/1222, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt proposta għal metodoloġija unika tal-provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija għat-twassil tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija meħtieġa biex jitwaqqaf il-mudell ta' grilja komuni għall-perjodi ta' żmien fit-tul. Il-proposta għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 6. Il-metodoloġija għandha tqis u tikkumplimenta l-metodoloġija tal-provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    2.   Meta tkun qed tiġi żviluppata l-metodoloġija tal-provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 18

    Il-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni

    1.   Sa sitt xhur mill-approvazzjoni tal-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni stabbilita għall-perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata msemmija fl-Artikolu 9(6) tar-Regolament (UE) 2015/1222, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta b'mod konġunt għal metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni għal perjodi ta' żmien fit-tul. Il-metodoloġija tkun soġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 6.

    2.   Il-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni għandha tqis u tikkumplimenta l-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni żviluppata skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1222. Il-metodoloġija għandha tippermetti t-twaqqif tal-mudell ta' grilja komuni għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul f'reġjuni bil-kapaċità kkalkulata fejn tkun qed tiġi applikata analiżi tas-sigurtà bbażata fuq xenarji multipli skont l-Artikolu 10.

    3.   Meta tkun qed tiġi żviluppata l-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 19

    Ix-xenarji

    1.   It-TSOs kollha f'reġjuni bil-kapaċità kkalkulata, fejn tkun qed tiġi applikata l-analiżi tas-sigurtà bbażata fuq xenarji multipli skont l-Artikolu 10, għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt sett komuni ta' xenarji li għandhom jintużaw fil-mudell ta' grilja komuni għal kull perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul.

    2.   Meta jkun qed jiġi żviluppat is-sett komuni ta' xenarji, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 20

    Il-mudell ta' grilja individwali

    Meta jkun qed jiġi żviluppat il-mudell ta' grilja individwali għal perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul f'reġjuni bil-kapaċità kkalkulata, fejn tkun qed tiġi applikata l-analiżi tas-sigurtà bbażata fuq xenarji multipli skont l-Artikolu 10, kull TSO għandu japplika r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    It-Taqsima 4

    Il-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità

    Artikolu 21

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   Il-proċess tal-fużjoni tal-mudelli ta' grilja individwali stabbilit skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2015/1222 għandu japplika meta l-mudelli ta' grilja individwali jkunu qed jiġu amalgamati fil-mudell ta' grilja komuni għal kull perjodu ta' żmien fit-tul. Sa sitt xhur mill-approvazzjoni tal-metodoloġija tal-provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija għal perjodi ta' żmien fit-tul imsemmija fl-Artikolu 17 u tal-metodoloġija tal-mudell tal-grilja komuni għal perjodi ta' żmien fit-tul imsemmija fl-Artikolu 18, it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt regoli operazzjonali għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul li jissupplimentaw ir-regoli definiti għall-operazzjoni tal-fużjoni tal-mudelli ta' grilja individwali skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    2.   Il-kalkolaturi tal-kapaċità koordinata stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2015/1222 għandhom jikkalkulaw il-kapaċitajiet transżonali fit-tul għar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata tagħhom. Għal dan il-għan, sa sitt xhur mill-aprovazzjoni tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità għal perjodi ta' żmien fit-tul imsemmija fl-Artikolu 10, it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt regoli operazzjonali għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul li jissupplimentaw ir-regoli definiti għall-operazzjoni tal-kalkolaturi tal-kapaċità koordinata skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    3.   Għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul għandhom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 22

    Il-ħolqien ta' mudell ta' grilja komuni

    Il-proċess u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2015/1222 għall-ħolqien ta' mudell ta' grilja komuni għandu japplika meta jkun qed jinħoloq il-mudell ta' grilja komuni għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul f'reġjuni bil-kapaċità kkalkulata, fejn tkun ġiet applikata l-analiżi tas-sigurtà bbażata fuq xenarji multipli skont l-Artikolu 10.

    Artikolu 23

    Kolkoli reġjonali għall-kapaċitajiet transżonali fit-tul

    1.   Meta t-TSOs japplikaw approċċ statistiku skont l-Artikolu 10, il-proċess għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali fit-tul tal-inqas għandu jinkludi:

    (a)

    għażla ta' settijiet ta' dejta storika dwar il-kapaċità transżonali tal-ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata minn perjodu uniku jew minn sett ta' perjodi u jirranġaw id-dejta f'kurva tal-ħin;

    (b)

    kalkolu tal-kapaċità li jikkorrispondi mal-livell tar-riskju għas-sett tad-dejta magħżul;

    (c)

    kalkolu tal-kapaċità transżonali fit-tul li ser tiġi offruta għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità filwaqt li jitqies marġni biex tiġi riflessa d-differenza bejn il-valuri storiċi tal-kapaċità transżonali u l-valuri previsti tal-kapaċità transżonali fit-tul;

    (d)

    regoli komuni biex jittieħed kont ta' informazzjoni disponibbli dwar perjodi pjanati ta' qtugħ, infrastruttura ġdida u mudell tal-ġenerazzjoni u tat-tagħbija għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul.

    2.   Meta t-TSOs japplikaw l-analiżi tas-sigurtà bbażata fuq diversi xenarji skont l-Artikolu 10, għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul f'reġjuni bil-kapaċità kkalkulata għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2015/1222, ħlief l-Artikolu 29(4) meta rilevanti.

    3.   Kull kalkolatur tal-kapaċità koordinata għandu jaqsam il-kalkolu tal-kapaċità transżonali fit-tul għal kull allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità billi japplika l-metodoloġija għall-qsim tal-kapaċità transżonali skont l-Artikolu 16.

    4.   Kull kalkolatur tal-kapaċità koordinata għandu jippreżenta l-kalkolu tal-kapaċità transżonali fit-tul u l-qsim tal-kapaċità transżonali fit-tul għal validazzjoni lil kull TSO fir-reġjun rilevanti bil-kapaċità kkalkulata skont l-Artikolu 24.

    Artikolu 24

    Il-validazzjoni u t-twassil tal-kapaċità transżonali fit-tul u l-qsim tal-kapaċità transżonali

    1.   Kull TSO għandu jivvalida r-riżultati tal-kalkolu tal-kapaċità transżonali fit-tul fil-konfini taż-żona tal-offerti tiegħu jew l-elementi kruċjali tan-netwerk għal kull perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul skont l-Artikolu 15.

    2.   Kull TSO għandu jivvalida r-riżultati tal-kalkolu għall-qsim tal-kapaċità transżonali fit-tul fil-konfini taż-żona tal-offerti tiegħu jew l-elementi kruċjali tan-netwerk skont l-Artikolu 16.

    3.   Kull TSO għandu jibgħat il-validazzjoni tal-kapaċità u l-qsim validat ta' din il-kapaċità għal kull allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità lill-kalkolaturi tal-kapaċità koordinata rilevanti u lit-TSOs l-oħra ta-reġjuni rilevanti bil-kapaċità kkalkulata.

    4.   Kull kalkolatur tal-kapaċità koordinata għandu jipprovdi l-qsim validat tal-kapaċità transżonali fit-tul għat-twettiq tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità skont l-Artikolu 29.

    5.   Fuq talba, it-TSOs għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet regolatorji tagħhom rapport bid-dettalji dwar kif kien inkiseb il-valur tal-kapaċità transżonali fit-tul għal perjodu ta' żmien speċifiku għall-kalkolu tal-kapaċità fit-tul.

    Artikolu 25

    Tnaqqis koordinat tal-kapaċità transżonali

    1.   It-TSOs għandhom jikkoordinaw it-tnaqqis tal-kapaċità transżonali fit-tul li tkun diġà ġiet allokata, jekk it-tnaqqis ikun jittratta perjodu itwal minn 48 siegħa qabel jibda jum it-twassil. Jekk jonqsu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, inkluż in-nomini fir-rigward ta' dawn id-drittijiet, sa 48 siegħa qabel jibda jum it-twassil, it-TSOs f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom japplikaw il-proċess ta' kalkolu tal-kapaċità ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata kif imsemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    2.   Jekk TSO jkun jeħtieġ inaqqas kapaċità transżonali fit-tul li tkun diġà ġiet allokata, għandu jibgħat talba lill-kalkulatur tal-kapaċità koordinata responsabbli biex iniedi l-kalkolu koordinat tat-tnaqqis meħtieġ tal-kapaċità transżonali fit-tul għar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata. It-TSO għandu jsostni t-talba tiegħu bl-informazzjoni kollha rilevanti.

    3.   Il-kalkulatur tal-kapaċità koordinata għandu jipprovdi l-kapaċità transżonali aġġornata lit-TSOs rilevanti għall-validazzjoni.

    4.   Kull TSO għandu jivvalida l-kapaċità transżonali aġġornata fil-konfini taż-żona tal-offerti tiegħu jew l-elementi kruċjali tan-netwerk skont l-Artikolu 24.

    5.   Il-kalkulatur tal-kapaċità koordinata għandu jipprovdi l-kapaċità transżonali aġġornata u validata lit-TSOs rilevanti u lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni biex isir it-tnaqqis skont l-Artikolu 53.

    It-Taqsima 5

    Rapport biennali dwar il-kalkolu tal-kapaċità

    Artikolu 26

    Rapport biennali dwar il-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità

    1.   Sa sentejn minn meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jħejji abbozz ta' rapport dwar il-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità fit-tul u jippreżentah lill-Aġenzija.

    2.   Jekk l-Aġenzija titlob dan, f'kull tieni sena sussegwenti, in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jħejji rapport dwar il-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità fit-tul. Jekk applikabbli, dan ir-rapport għandu jiġi preżentat lill-Aġenzija flimkien mar-rapport biennali dwar il-kalkolu tal-kapaċità u l-allokazzjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    3.   Għal kull żona tal-offerti, konfini taż-żona tal-offerti u reġjun tal-kalkolu tal-kapaċità, ir-rapport dwar il-kalkolu tal-kapaċità u l-allokazzjoni għandu ta' mill-anqas jinkludi:

    (a)

    l-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità użat;

    (b)

    l-indikaturi statistiċi dwar il-marġni ta' affidabbiltà;

    (c)

    l-indikaturi statistiċi dwar il-kapaċità transżonali, fejn xieraq għal kull perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità;

    (d)

    l-indikaturi tal-kwalità għall-informazzjoni użata fil-kalkolu tal-kapaċità;

    (e)

    meta jkun xieraq, miżuri proposti sabiex jitjieb il-kalkolu tal-kapaċità;

    (f)

    rakkomandazzjonijiet għal aktar żvilupp tal-kalkolu bil-quddiem tal-kapaċità, inkluż aktar armonizzazzjoni tal-metodoloġiji, tal-proċessi u tal-arranġamenti ta' governanza.

    4.   Wara konsultazzjoni mal-Aġenzija, it-TSOs kollha għandhom jiftiehmu b'mod konġunt dwar l-istatistika u l-indikaturi tal-kwalità għar-rapport. L-Aġenzija tista' titlob l-emenda ta' dawk l-indikaturi, qabel il-ftehim mit-TSOs u matul l-applikazzjoni tagħhom.

    5.   L-Aġenzija għandha tiddeċiedi jekk tippubblikax ir-rapport biennali kollu jew parti minnu.

    IL-KAPITOLU 2

    Iż-żoni tal-offerti

    Artikolu 27

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   Iż-żoni tal-offerti applikabbli għal negozjar ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata għandhom japplikaw għall-kalkolu u l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità.

    2.   Meta ma jkunx għadu jeżisti konfini taż-żona tal-offerti, id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul f'dak il-konfini taż-żona tal-offerti għandhom ikunu intitolati għal rimborż mingħand it-TSOs ikkonċernati li jkun bbażat fuq il-prezz inizjali mħallas għad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul.

    IL-KAPITOLU 3

    L-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità

    It-Taqsima 1

    Id-diżposizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 28

    Il-prinċipji ġenerali

    L-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità għandha ssir b'tali mod li:

    (a)

    tuża l-prinċipju tal-ipprezzar marġinali biex jinkisbu riżultati għal kull konfini taż-żona tal-offerti, direzzjoni tal-utilizzazzjoni u unità ta' żmien tas-suq;

    (b)

    talloka mhux aktar mill-kapaċità transżonali fit-tul offruta skont l-Artikolu 39;

    (c)

    tkun tista' tiġi ripetuta.

    Artikolu 29

    Inputs u riżultati

    1.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tuża l-inputs li ġejjin biex tiġi determinata l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità skont il-paragrafu 2:

    (a)

    qsim validat tal-kapaċità transżonali fit-tul ippreżentat minn kull kalkolatur tal-kapaċità koordinata u l-kapaċitajiet assoċjati ma' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li jkunu ġew ritornati lura skont l-Artikolu 43;

    (b)

    offerti preżentati minn parteċipanti fis-suq.

    2.   Għal kull allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha simultanjament tiddetermina tal-anqas ir-riżultati li ġejjin għal kull konfini taż-żona tal-offerti, direzzjoni tal-utilizzazzjoni u unità ta' żmien tas-suq:

    (a)

    il-volum tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul allokati espress f'MW;

    (b)

    il-prezz tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 40;

    (c)

    l-istatus ta' eżekuzzjoni tal-offerti.

    3.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tiżgura li r-riżultati tal-irkant ikunu preċiżi.

    4.   Kull TSO għandu jiżgura li r-riżultati tal-irkant ikunu konsistenti mal-inputs provduti lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni skont il-paragrafu 1.

    It-Taqsima 2

    L-alternattivi għall-iħħeġġjar kontra r-riskju transżonali tat-trażmissjoni

    Artikolu 30

    Id-deċiżjoni fuq l-opportunitajiet ta' iħħeġġjar kontra r-riskju transżonali

    1.   It-TSOs fil-konfini taż-żona tal-offerti għandhom joħorġu drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul sakemm l-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-konfini taż-żona tal-offerti ma jkunux adottaw deċiżjonijiet koordinati biex ma jinħarġux drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul fil-konfini taż-żona tal-offerti. Meta jiġu biex jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-konfini taż-żona tal-offerti għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun rilevanti bil-kapaċità kkalkulata u jqisu kif xieraq il-fehmiet tagħhom.

    2.   Jekk meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament ma jkunux jeżistu drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul f'konfini taż-żona tal-offerti, sa sitt xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament l-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-konfini taż-żona tal-offerti għandhom jadottaw deċiżjonijiet koordinati dwar l-introduzzjoni ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul.

    3.   Id-deċiżjonijet skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni, li għandha tidentifika jekk is-suq forward tal-elettriku jipprovdix biżżejjed opportunitajiet ta' ħħeġġjar fiż-żoni tal-offerti konċernati. Il-valutazzjoni għandha ssir b'mod koordinat mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-konfini taż-żona tal-offerti u tal-inqas agħandha tinkludi:

    (a)

    konsultazzjoni mal-parteċipanti fis-suq dwar il-ħtiġijiet tagħhom għal opportunitajiet ta' iħħeġġjar kontra riskju transżonali fil-konfini taż-żona tal-offerti konċernat(i);

    (b)

    evalwazzjoni.

    4.   L-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3(b) għandha tinvestiga l-funzjonament tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa u għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti li mill-anqas jinkludu:

    (a)

    analiżi dwar jekk il-prodotti jew il-kombinazzjoni ta' prodotti offruti fis-swieq forward jirrapreżentawx ħeġġ kontra l-volatilità tal-prezz ta' ġurnata bil-quddiem taż-żona tal-offerti konċernata. Dan il-prodott jew il-kombinazzjoni ta' prodotti għandhom jitqiesu bħala ħeġġ xieraq kontra r-riskju ta' tibdil fil-prezz ta' ġurnata bil-quddiem taż-żona tal-offerti konċernata meta jkun hemm korrelazzjoni suffiċjenti bejn il-prezz ta' ġurnata bil-quddiem taż-żona tal-offerti konċernata u l-prezz sottostanti li abbażi tiegħu l-prodott jew il-kombinazzjoni ta' prodotti jiġu saldati;

    (b)

    analiżi dwar jekk il-prodotti jew il-kombinazzjoni ta' prodotti offruti fi swieq forward humiex effiċjenti. Għal dan il-għan, tal-anqas għandhom jiġu eżaminati l-indikaturi li ġejjin:

    (i)

    l-orizzont tan-negozjar;

    (ii)

    il-firxa bejn it-talba u l-offerta;

    (iii)

    il-volumi negozjati fir-rigward tal-konsum fiżiku;

    (iv)

    l-interess miftuħ fir-rigward ta' konsum fiżiku.

    5.   Jekk il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 turi li ma hemmx biżżejjed opportunitajiet ta' ħħeġġjar f'żona waħda jew f'aktar żoni tal-offerti, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jitolbu lit-TSOs rilevanti:

    (a)

    biex joħorġu drittijiet ta' trażmissjoni fit-tul; jew jew

    (b)

    biex jiżguraw li jagħmlu disponibbli prodotti oħrajn tal-iħħeġġjar transżonali fit-tul biex jappoġġjaw il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa.

    6.   Jekk l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jagħżlu li jagħmlu talba kif jissemma fil-paragrafu 5(b), it-TSOs rilevanti għandhom jiżviluppaw l-arranġamenti meħtieġa u jippreżentawhom għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti sa sitt xhur wara t-talba mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Dawk l-arranġamenti meħtieġa għandhom jiġu implimentati sa sitt xhur wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Meta jitolbuhom it-TSOs rilevanti, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistgħu jżidu ż-żmien għall-implimentazzjoni sa b'mhux aktar minn 6 xhur.

    7.   Meta l-awtoritajiet regolatorji jiddeċiedu li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul ma għandhomx jinħarġu mit-TSOs rispettivi jew li t-TSOs rispettivi għandhom jagħmlu disponibbli l-prodotti transżonali l-oħra ta' ħħeġġjar fit-tul, l-Artikoli 16, 28, 29, 31 sa 57, 59 u 61 ma għandhomx japplikaw għat-TSOs tal-konfini taż-żona tal-offerti.

    8.   B'talba konġunta mit-TSOs tal-konfini taż-żona tal-offerti jew b'inizjattiva tagħhom stess, u tal-anqas kull 4 snin, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-konfini taż-żona tal-offerti f'kooperazzjoni mal-Aġenzija, għandhom iwettqu valutazzjoni skont il-paragrafi 3 sa 5.

    Artikolu 31

    It-tfassil reġjonali tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul

    1.   Il-pjattaforma ta' allokazzjoni għandha talloka kapaċità transżonali fit-tul lill-parteċipanti fis-suq fil-forma ta' drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni skont il-prinċipju UIOSI jew fil-forma ta' FTRs — opzjonijiet jew FTRs — obbligi.

    2.   It-TSOs kollha li joħorġu drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom joffru kapaċità transżonali fit-tul, permezz tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni, lill-parteċipanti fis-suq tal-anqas kull sena u kull xahar. It-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata jistgħu b'mod konġunt jipproponu li joffru kapaċità transżonali fit-tul fuq perjodi ta' żmien addizzjonali.

    3.   Sa sitt xhur minn meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, it-TSOs f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata fejn ikunu jeżistu drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jiżviluppaw proposta b'mod konġunt għat-tfassil reġjonali ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li għandha tinħareġ dwar kull konfini taż-żona tal-offerti fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata.

    Sa sitt xhur wara wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet koordinati tal-awtoritajiet regolatorji tal-konfini taż-żona tal-offerti biex jiddaħħlu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 30(2), it-TSOs tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata konċernat għandhom jiżviluppaw proposta b'mod konġunt għat-tfassil reġjonali tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li għandhom jinħarġu f'kull konfini taż-żona tal-offerti fir-reġjun konċernat bil-kapaċità kalkolata.

    L-awtoritajiet regolatorji fl-Istat Membri fejn it-tfassil reġjonali attwali tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul hu parti minn arranġament għar-ridispaċċ transkonfinali ta' TSO għall-fini biex ikun żgurat li l-operazzjoni tibqa' ssir fil-limiti tas-sigurtà operattiva, jistgħu jiddeċiedu li jżommu drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni fit-tul fil-konfini taż-żona tal-offerti tagħha.

    4.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 3 għandha tinkludi skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni u tal-anqas id-deskrizzjoni ta' dawn l-affarijiet speċifikati fir-regoli ta' allokazzjoni:

    (a)

    it-tip tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul;

    (b)

    il-perjodu ta' żmien għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità;

    (c)

    il-forma tal-prodott (tagħbija bażi, tagħbija fil-ħinijiet l-aktar intensivi, tagħbija fis-sigħat kwieti);

    (d)

    il-konfini taż-żona tal-offerti koperti.

    5.   Il-proposti għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 6. Biex jinħarġu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul proposti, kull TSO għandu jqis kif xieraq ir-riżultat tal-konsultazzjoni.

    6.   Mhijiex permessal-allokazzjoni ta' drittjiet fiżiċi ta' trażmissjoni u ta' FTRs — opzjonijiet b'mod parallel fl-istess konfini taż-żona tal-offerti. Mhijiex permessal-allokazzjoni ta' drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni u FTRs — obbligi b'mod parallel fl-istess konfini taż-żona tal-offerti.

    7.   Tista' ssir reviżjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul f'konfini ta' żona tal-offerti minn:

    (a)

    l-awtoritajiet regolatorji kollha tal-konfini taż-żona tal-offerti, b'inizjattiva tagħhom stess; jew

    (b)

    l-awtoritajiet regolatorji kollha ta' konfini taż-żona tal-offerti abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Aġenzija jew minn talba konġunta mit-TSOs kollha tal-konfini taż-żona tal-offerti konċernati.

    8.   It-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kalkolata għandhom ikunu responsabbli għat-twettiq tar-reviżjoni kif previst fil-paragrafu 9.

    9.   Kull TSO involut fir-reviżjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandu:

    (a)

    jivvaluta d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul offruti billi jqis il-karatteristiċi fil-paragrafu 4;

    (b)

    jekk dan jitqies neċessarju, jipproponi drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul alternattivi, billi jqis ir-riżultat tal-valutazzjoni fis-subparagrafu (a);

    (c)

    iwettaq konsultazzjoni skont l-Artikolu 6 dwar:

    (i)

    ir-riżultati tal-valutazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul offruti;

    (ii)

    jekk applikabbli, il-proposta għal drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul alternattivi.

    10.   Wara l-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 9(c) u fi żmien tliet xhur mill-ħruġ tad-deċiżjoni biex tinbeda reviżjoni, it-TSOs tar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata konċernat għandhom jippreżentaw proposta b'mod konġunt lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti biex jinżamm jew jiġi emendat it-tip ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul.

    Artikolu 32

    Id-drittijiet fiżiċi tat-trażmissjoni

    1.   Kull detentur ta' dritt fiżiku tat-trażmissjoni għandu jkun intitolat li jinnomina d-drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni kollha tiegħu jew parti minnhom skont l-Artikolu 36.

    2.   Meta d-detenturi ta' drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni ma jagħmlux nomina sal-iskadenza speċifikata fir-regoli dwar in-nomina, għandhom ikunu intitolati li jiksbu renumerazzjoni skont l-Artikolu 35.

    Artikolu 33

    Id-drittijiet tat-trażmissjoni finanzjarja — opzjonijiet

    1.   Id-detenturi ta' FTRs — opzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jingħataw rimunerazzjoni skont l-Artikolu 35.

    2.   L-implimentazzjoni ta' FTRs — opzjonijiet għandha tkun soġġetta għall-applikazzjoni tal-akkoppjament tal-prezz ta' ġurnata bil-quddiem skont Artikoli 38 sa 50 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 34

    Id-drittijiet tat-trażmissjoni finanzjarja — obbligi

    1.   Id-detenturi ta' FTRs — obbligi għandhom ikunu intitolati li jirċievu jew ikunu obbligati jħallsu r-rimunerazzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 35.

    2.   L-implimentazzjoni ta' FTRs — obbligi għandha tkun soġġetta għall-applikazzjoni tal-akkoppjament tal-prezz ta' ġurnata bil-quddiem skont l-Artikoli 38 sa 50 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 35

    Il-prinċipji għar-renumerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul

    1.   It-TSOs rilevanti li jwettqu l-allokazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fil-konfini taż-żona tal-offerti permezz tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandhom iħallsu lid-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul fil-każ li d-differenza fil-prezz tkun pożittiva fid-direzzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul.

    2.   Id-detenturi ta' FTRs — obbligi għandhom iħallsu lit-TSOs rilevanti permezz tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni allokazzjoni tad-drittijiet ta' trażmissjoni fil-konfini taż-żona tal-offerti fil-każ li d-differenza fil-prezz tkun negattiva fid-direzzjoni tal-FTRs — obbligi.

    3.   Ir-remunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun konformi mal-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    fejn il-kapaċità transżonali tiġi allokata permezz ta' allokazzjoni impliċita jew permezz ta' metodu ieħor li jirriżulta minn sitwazzjoni ta' riżerva fil-perjodu ta' żmien tal-ġurnata bil-quddiem, ir-rimunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandha tkun daqs il-firxa tas-suq;

    (b)

    fejn il-kapaċità transżonali tiġi allokata permezz ta' rkant espliċitu fil-perjodu ta' żmien tal-ġurnata bil-quddiem, ir-rimunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandha tkun daqs il-prezz tal-ikklerjar tal-irkant ta' kuljum.

    4.   Jekk fil-proċess ta' allokazzjoni tal-kapaċità ta' ġurnata bil-quddiem ikunu ddaħħlu limiti fl-allokazzjoni fuq interkonnessjonijiet bejn żoni tal-offerti f'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) 2015/1222, dawn għandhom jitqiesu għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont il-paragrafu 3.

    It-Taqsima 3

    Il-proċeduri tan-nomina għad-drittijiet fiżiċi tat-trażmissjoni

    Artikolu 36

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali għan-nomina tad-drittijiet fiżiċi tat-trażmissjoni

    1.   Meta TSOs joħorġu u japplikaw drittjiet fiżiċi ta' trażmissjoni fil-konfini taż-żona tal-offerti, għandhom jippermettu lid-detenturi ta' drittjiet fiżiċi ta' trażmissjoni u/jew il-kontropartijiet tagħhom li jinnominaw l-iskedi tagħhom għall-iskambju tal-elettriku. Id-detenturi ta' drittjiet fiżiċi ta' trażmissjoni jistgħu jawtorizzaw lil partijiet terzi eliġibbli biex jinnominaw l-iskedi tagħhom għall-iskambju tal-elettriku f'isimhom f'konformità mar-regoli dwar in-nomina skont paragrafu 3.

    2.   Mhux aktar tard minn tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha li joħorġu drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni fil-konfini taż-żona tal-offerti għandhom jissottomettu għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji rilevanti proposta għal regoli dwar in-nomina għall-iskedi għall-iskambju tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti. Il-proposta għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 6. Ir-regoli dwar in-nomina għandu jkun fihom tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-intitolament ta' detentur ta' drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni li jinnomina l-iskedi għall-iskambju tal-elettriku;

    (b)

    ir-rekwiżiti tekniċi minimi biex issir nomina;

    (c)

    deskrizzjoni tal-proċess ta' nomina;

    (d)

    iż-żmien tan-nomina;

    (e)

    il-format tan-nomina u l-komunikazzjoni.

    3.   It-TSOs kollha għandhom progressivament jarmonizzaw ir-regoli dwar in-nomina fil-konfini taż-żona tal-offerti kollha li fihom jiġu applikati d-drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni.

    4.   Id-detenturi ta' drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni, il-kontropartijiet tagħhom fejn applikabbli jew parti terza awtorizzata li tkun qed taġixxi f'isimhom għandha tinnomina d-drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni kollha jew parti minnhom bejn iż-żoni tal-offerti f'konformità mar-regoli dwar in-nomina.

    5.   Fil-każ ta' limitazzjonijiet ta' allokazzjoni fuq interkonnessjonijiet bejn żoni tal-offerti jkun ġie inkluż fil-proċess ta' allokazzjoni tal-kapaċità ta' ġurnata bil-quddiem f'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) 2015/1222, dawn għandhom jitqiesu fil-proposta għar-regoli dwar in-nomina msemmija fl-paragrafu 2.

    It-Taqsima 4

    Il-proċessi u l-operazzjoni

    Artikolu 37

    It-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fl-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità

    1.   Il-parteċipanti fis-suq għandhom ikunu reġistrati mal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni u jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta' eliġibbiltà skont ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni qabel ma jkunu intitolati li jipparteċipaw fl-irkanti jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul. Ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' trasparenza.

    2.   Meta parteċipant jitlob reġistrazzjoni, il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tinnotifika lill-parteċipant fis-suq jekk ikunx jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' eliġibbiltà u jekk hux intitolat li jipparteċipa fl-irkanti jew li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu tat-trażmissjoni fit-tul minn data speċifikata.

    3.   Il-parteċipanti fis-suq għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli armonizzati ta' allokazzjoni. Għandhom iżommu l-informazzjoni kollha relatata mal-parteċipazzjoni tagħhom aġġornata u jinnotifikaw lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni dwar kwalunkwe tibdil għal din l-informazzjoni mingħajr dewmien.

    4.   Meta parteċipant fis-suq jikser l-obbligi kuntrattwali tiegħu skont ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni, il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tkun tista' tissospendi jew tirtira d-dritt tiegħu li jieħu sehem fl-irkanti jew li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu tat-trażmissjoni fit-tul.

    5.   Is-sospensjoni jew l-irtirar tad-dritt tal-parteċipant fis-suq li jieħu sehem fl-irkanti jew li jittrasferixxi d-dritt tiegħu tat-trażmissjoni fit-tul skont ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni ma għandux jeżonera lill-parteċipant fis-suq jew lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni mill-obbligi li joħorġu mid-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li jkunu ġew allokati u mħallsin qabel is-sospensjoni jew l-irtirar.

    Artikolu 38

    Id-dejta tal-input ippreżentata fil-pjattaforma unika ta' allokazzjoni

    Kull TSO għandu jiżgura li l-qsim validat tal-kapaċità transżonali fit-tul jiġi preżentat lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-irkant skont l-Artikolu 39.

    Artikolu 39

    It-tħaddim tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità

    1.   Mhux aktar tard miż-żmien speċifikat fir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni għal kull allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, speċifikazzjoni ta' rkant li tal-anqas ikun fiha l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi definita u pubblikata fuq il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni:

    (a)

    id-data u l-ħin tal-ftuħ u l-għeluq tal-irkant;

    (b)

    il-qsim validat tal-kapaċità transżonali fit-tul u t-tip ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li se jiġu rkantati;

    (c)

    il-format tal-offerti;

    (d)

    id-data u l-ħin tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-irkant;

    (e)

    il-perjodu li matulu jistgħu jiġu kontestati r-riżultati tal-irkant.

    2.   Il-kapaċità transżonali fit-tul ippubblikata ma għandhiex tiġi modifikata f'perjodu qabel l-għeluq tal-irkant. Ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni għandhom jispeċifikaw dak il-perjodu.

    3.   Kull parteċipant fis-suq għandu jippreżenta l-offerti tiegħu lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni qabel il-ħin tal-għeluq u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-irkant.

    4.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tal-offerti preżentati.

    Artikolu 40

    L-ipprezzar tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul

    Il-prezz tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għal kull konfini taż-żona tal-offerti, direzzjoni ta' utilizzazzjoni u unità ta' żmien tas-suq għandu jiġi determinat abbażi tal-prinċipju tal-prezz marġinali u jiġi espress f'euro għal kull megawatt. Jekk id-domanda għall-kapaċità transżonali fit-tul għal konfini taż-żona tal-offerti, direzzjoni ta' utilizzazzjoni u unità ta' żmien tas-suq ikun aktar baxx jew ugwali għall-kapaċità transżonali fit-tul offruta, il-prezz għandu jkun żero.

    Artikolu 41

    Ir-rekwiżiti finanzjarji u l-fatturazzjoni

    1.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tipprovdi proċeduri ta' fatturazzjoni jew ta' awtofatturazzjoni għas-saldu ta' debiti jew ta' krediti li jirriżultaw mill-allokazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, mir-ritorn tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul u mir-remunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul. Ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni għandhom jispeċifikaw dawk il-proċeduri.

    2.   Sabiex jipparteċipa fl-irkanti, parteċipant fis-suq għandu jkollu biżżejjed kollaterali biex jassigura offerti u jkun alloka drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni.

    Artikolu 42

    Jiġi stabbiliti proċeduri ta' riżerva

    1.   Jekk l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità ma tkunx tista' tipproduċi riżultati, il-proċedura prestabbilita ta' riżerva għandha tkun il-posponiment tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità.

    2.   It-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom ikunu intitolati li jimplimentaw soluzzjonijiet alternattivi koordinati ta' riżerva. F'każijiet bħal dawn, it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw proposta koordinata għal proċeduri affidabbli ta' riżerva.

    Artikolu 43

    Ir-ritorn ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul

    1.   Id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jistgħu jirritornaw id-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul lit-TSOs rilevanti permezz tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għal allokazzjoni sussegwenti bil-quddiem tal-kapaċità.

    2.   Id-detenturi tad-drittijiat-trażmissjoni fit-tul li jkunu jixtiequ jirritornaw id-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul għal allokazzjoni sussegwenti bil-quddiem tal-kapaċità għandhom jinnotifikaw dan direttament jew indirettament permezz ta' parti terza, lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni kif stabbilit fir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni.

    3.   Id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li jirritornaw id-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jiġu remunerati direttament jew indirettament permezz ta' parti terza, mit-TSOs rilevanti permezz tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni. Din ir-remunerazzjoni għandha tkun daqs il-prezz li jirriżulta mill-irkant fejn id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul kienu ġew riallokati.

    Artikolu 44

    It-trasferiment tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul

    1.   Id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu d-drittijiet kollha tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul jew parti minnhom lil parteċipanti oħra fis-suq skont ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni.

    2.   Ir-regoli dwar l-ammissibbiltà u l-lista ta' parteċipanti fis-suq reġistrati mal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni u li jkunu eliġibbli li jittrasferixxu drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jiġu pubblikati fuq il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni.

    3.   Id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jinnotifikaw it-trasferiment tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, direttament jew indirettament, permezz ta' parti terza, lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni skont ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni.

    4.   Il-parteċipanti fis-suq li jakkwistaw dawk id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jikkonfermaw, skont ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni, direttament jew indirettament, permezz ta' parti terza, lill-pjattaforma unika ta' allokazzjoni n-notifika li jkun bagħat id-detentur preċedenti tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul.

    Artikolu 45

    Il-kisba tar-riżultati

    1.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tinnotifika lit-TSOs responsabbli għall-konfini taż-żona tal-offerti li magħha jkunu assoċjati d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, lill-parteċipanti fis-suq u lid-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul dwar ir-riżultati tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità fiż-żmien previst fl-ispeċifikazzjoni tal-irkant.

    2.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tinforma lill-parteċipanti fis-suq dwar l-istatus ta' eżekuzzjoni u l-prezzijiet tal-ikklerjar tal-offerti tagħhom.

    Artikolu 46

    Jinbdew proċeduri ta' riżerva

    1.   Jekk il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni ma tkunx tista' twassal l-ispeċifikazzjoni tal-irkant skont l-Artikolu 39 jew ir-riżultati kollha jew parti mir-riżultati tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità fiż-żmien speċifikat fir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni, it-TSOs responsabbli fil-konfini taż-żona tal-offerti għandhom jimplimentaw il-proċeduri ta' riżerva stabbiliti skont l-Artikolu 42.

    2.   Malli jiġi identifikat nuqqas ta' twassil tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1, il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tinnotifika lit-TSOs responsabbli fil-konfini taż-żona tal-offerti. Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tinnotifika lill-parteċipanti fis-suq li jistgħu jiġu applikati proċeduri ta' riżerva.

    Artikolu 47

    Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni tas-suq

    1.   Fuq il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tiġi pubblikata tal-anqas din l-informazzjoni għal kull konfini taż-żona tal-offerti u dwar id-direzzjoni tal-utilizzazzjoni:

    (a)

    l-ispeċifikazzjoni tal-irkant skont l-Artikolu 39;

    (b)

    kalendarju indikattiv tal-irkanti li jistabbilixxi t-tip ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li se jiġi offrut u d-dati meta dawk id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul ikunu se jiġu offruti lill-parteċipanti fis-suq;

    (c)

    riżultati dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità skont l-Artikolu 29;

    (d)

    l-għadd ta' parteċipanti fis-suq f'kull irkant;

    (e)

    lista ta' parteċipanti fis-suq eliġibbli għat-trasferiment tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul;

    (f)

    id-dettalji ta' kuntatt tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni.

    2.   Permezz tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni, it-TSOs rilevanti għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa msemmija fil-paragrafu 1 skont iż-żmien stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-irkant u fir-Regolament (UE) Nru 543/2013.

    3.   Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandha tiżgura d-disponibbiltà pubblika tad-dejta storika għal perjodu ta' mhux anqas minn ħames snin.

    IL-KAPITOLU 4

    Il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni

    Artikolu 48

    L-istabbiliment

    1.   It-TSOs kollha għandhom jiżguraw li l-pjattaforma unika ta' allokazzjoni hija operattiva u tikkonforma mar-rekwiżiti funzjonali speċifikati fl-Artikolu 49 fi żmien tnax-il xahar wara l-approvazzjoni tal-proposta għal sett komuni ta' rekwiżiti u għall-istabbiliment tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni. Meta jitolbuhom it-TSOs rilevanti, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistgħu jżidu dan iż-żmien minħabba xi dewmien marbut mal-proċeduri tal-akkwist pubbliku, sa b'mhux aktar minn 6 xhur.

    2.   L-allokazzjonijiet bil-quddiem tal-kapaċità fuq l-interkonnetturi tal-Kurrent Dirett għandhom isiru fil-pjattaforma unika ta' allokazzjoni sa mhux aktar tard minn erbgħa u għoxrin xahar wara l-approvazzjoni kif jissemma fil-paragrafu 1.

    Artikolu 49

    Ir-rekwiżiri funzjonali

    1.   Fi żmien sitt xhur minn meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, it-TSOs kollha għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet regolatorji kollha, proposta komuni għal sett ta' rekwiżiti u għall-istabbiliment tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni. Il-proposta għandha tidentifika opzjonijiet differenti għall-istabbiliment u l-governanza tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni, inkluż l-iżvilupp mit-TSOs jew minn partijiet terzi f'isimhom. Il-proposta mit-TSOs għandha tkopri l-kompiti ġenerali tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni prevista fl-Artikolu 50 u r-rekwiżiti għall-irkupru tal-ispejjeż skont l-Artikolu 59.

    2.   Ir-rekwiżiti funzjonali għall-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandhom tal-inqas jinkludu:

    (a)

    il-konfini taż-żona tal-offerti li hija mistennija li tkun koperta;

    (b)

    id-disponibbiltà teknika u l-affidabbiltà tas-servizzi pprovduti;

    (c)

    il-proċessi operattivi;

    (d)

    il-prodotti li sejrin jiġu offruti;

    (e)

    il-perjodi ta' żmien għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità;

    (f)

    il-metodi u l-algoritmi ta' allokazzjoni;

    (g)

    il-prinċipji ta' saldu finanzjarju u l-ġestjoni tar-riskji ta' prodotti allokati;

    (h)

    qafas kuntrattwali armonizzat mal-parteċipanti fis-suq;

    (i)

    l-interfaċċji tad-dejta.

    Artikolu 50

    Il-kompiti ġenerali

    It-TSOs rilevanti għandhom jużaw il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni, tal-inqas għall-finijiet li ġejjin:

    (a)

    ir-reġistrazzjoni tal-parteċipanti fis-suq;

    (b)

    il-forniment ta' punt uniku ta' kuntatt għall-parteċipanti fis-suq;

    (c)

    it-tħaddim tal-proċeduri tal-irkant;

    (d)

    is-saldu finanzjarju tad-drittijiet allokati tat-trażmissjoni fit-tul mal-parteċipanti fis-suq, inkluż il-ġestjoni tal kollaterali;

    (e)

    il-kooperazzjoni ma' kamra tal-ikklirjar, jekk din tkun meħtieġa skont ir-regoli komuni għall-implimentazzjoni ta' FTRs — obbligi skont l-Artikolu 34;

    (f)

    l-organizzazzjoni ta' proċedura ta' riżerva skont l-Artikolu 42 u 46;

    (g)

    l-iffaċilitar tar-ritorn tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 43;

    (h)

    l-iffaċilitar tat-trasferiment tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 44;

    (i)

    il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 47;

    (j)

    il-forniment u t-tħaddim ta' interfaċċji għall-iskambju ta' dejta ma' parteċipanti fis-suq.

    IL-KAPITOLU 5

    Regoli armonizzati ta' allokazzjoni

    Artikolu 51

    Introduzzjoni ta' regoli armonizzati ta' allokazzjoni

    1.   Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt proposta għal regoli armonizzati ta' allokazzjoni għad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 52(2). Il-proposta għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 6. Din il-proposta għandha tinkludi r-rekwiżiti speċifiċi reġjonali u tal-konfini taż-żona tal-offerti, li jkunu żviluppaw it-TSOs għal kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata skont l-Artikolu 52(3).

    2.   Ladarba r-rekwiżiti reġjonali jkunu daħlu fis-seħħ, dawn għandhom jieħdu preċedenza fuq ir-rekwiżiti ġenerali definiti fir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni. Fil-każ li jiġu emendati r-rekwiżiti ġenerali tar-regoli armonizzati ta' allokazzjoni u jiġu preżentati għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji kollha, ir-rekwiżiti reġjonali għandhom jiġu preżentati wkoll għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun konċernat bil-kapaċità kkalkulata.

    Artikolu 52

    Ir-rekwiżiti għal regoli armonizzati ta' allokazzjoni

    1.   Ir-rekwiżiti għal regoli armonizzati ta' allokazzjoni għal drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom ikopru d-drittijiet fiżiċi tat-trażmissjoni, l-FTRs — opzjonijiet u l-FTRs — obbligi. It-TSOs għandhom iqisu u jixtarru kif xieraq l-ispeċifitajiet relatati ma' tipi differenti ta' prodotti.

    2.   Ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni għal drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom isegwu l-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' trasparenza u tal-anqas ikun fihom ir-rekwiżiti ġenerali li ġejjin:

    (a)

    definizzjonijiet armonizzati u l-kamp ta' applikazzjoni tal-applikazzjonijiet;

    (b)

    qafas kuntrattwali bejn il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni u l-parteċipanti fis-suq inklużi dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli, il-lingwa applikabbli, il-kunfidenzjalità, ir-riżoluzzjoni ta' tilwim, ir-responsabbiltà u l-forza maġġuri;

    (c)

    dispożizzjonijiet armonizzati dwar l-UIOSI fil-każ ta' drittijiet fiżiċi ta' trażmissjoni skont l-Artikolu 32;

    (d)

    deskrizzjoni tat-tipi ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li qed jiġu offruti, inklużi l-prinċipji ta' rimunerazzjoni skont l-Artikolu 35;

    (e)

    deskrizzjoni tal-prinċipju tar-regoli applikabbli dwar in-nomina skont l-Artikolu 36;

    (f)

    dispożizzjonijiet armonizzati dwar l-eliġibbiltà u l-intitolament, is-sospensjoni u t-tiġdid u l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni skont l-Artikolu 37;

    (g)

    deskrizzjoni tal-proċess ta' allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità inkluż tal-anqas dispożizzjonijiet dwar l-ispeċifikazzjoni tal-irkant, il-preżentazzjoni ta' offerti, il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-irkant, il-perjodu ta' kontestazzjoni u l-proċeduri ta' riżerva skont l-Artikoli 37, 38, 39, 42, 43 u 44;

    (h)

    dispożizzjonijiet armonizzati dwar ir-rekwiżiti u s-saldu finanzjarju skont l-Artikolu 41;

    (i)

    dispożizzjonijiet armonizzati għar-ritorn ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 43;

    (j)

    dispożizzjonijiet armonizzati għan-notifika tat-trasferiment ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul skont l-Artikolu 44;

    (k)

    dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertezza u r-regoli ta' kumpens skont l-Artikolu 53 u l-Artikolu 55;

    (l)

    dispożizzjonijiet armonizzati dwar politiki ta' nettjar u kollaterali finanzjarji għal FTRs — obbligi, fejn applikabbli.

    3.   Ir-regoli armonizzati ta' allokazzjoni jista' jkun fihom ukoll rekwiżiti speċifiċi reġjonali jew tal-konfini taż-żona tal-offerti, b'mod partikolari iżda mhux limitati għal:

    (a)

    id-deskrizzjoni tat-tip ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li qed jiġu offruti f'kull konfini taż-żona tal-offerti fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata skont l-Artikolu 31;

    (b)

    it-tip ta' sistema ta' remunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li se tiġi applikata f'kull konfini taż-żona tal-offerti fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata skont l-allokazzjoni fil-perjodu ta' żmien tal-ġurnata bil-quddiem skont l-Artikolu 35;

    (ci)

    l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet alternattivi koordinati ta' riżerva reġjonali skont l-Artikolu 42;

    (d)

    ir-regoli reġjonali ta' kumpens li jiddefinixxu r-reġimi ta' ċertezza skont l-Artikolu 55.

    IL-KAPITOLU 6

    Iċ-ċertezza tal-kapaċità transżonali allokata

    Artikolu 53

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali taċ-ċertezza

    1.   It-TSOs kollha għandhom ikunu intitolati li jnaqqsu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul biex jiżguraw li l-operazzjoni tibqa ssir fil-limiti tas-sigurtà operattiva qabel l-iskadenza taċ-ċertezza tal-ġurnata bil-quddiem. Meta t-TSOs inaqqsu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, dawn għandhom jirrapportaw dwar dan lill-awtoritajiet regolatorji rispettivi u jippubblikaw ukoll ir-raġunijiet fattwali li jwasslu għat-tnaqqis.

    2.   It-TSOs konċernati fil-konfini taż-żona tal-offerti fejn ikunu tnaqqsu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jikkumpensaw lid-detenturi li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul tagħhom ikunu tnaqqsu bil-firxa tas-suq.

    Artikolu 54

    Id-definizzjoni ta' limitu massimu

    1.   Fil-każ tal-interkonnetturi tal-Kurrent Dirett, it-TSOs konċernati fil-konfini taż-żona tal-offerti jistgħu jipproponu limitu massimu għall-kumpens kollu li jrid jitħallas lid-detenturi kollha li tnaqqsulhom id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul fis-sena kalendarja rilevanti jew fix-xahar kalendarju rilevanti.

    2.   Il-limitu massimu ma għandux ikun inqas mill-ammont totali ta' introjtu mill-konġestjoni miġbur mit-TSOs konċernati fil-konfini taż-żona tal-offerti fis-sena kalendarja rilevanti. Fil-każ ta' interkonnetturi tal-Kurrent Dirett, it-TSOs jistgħu jipproponu limitu massimu li ma jkunx anqas mill-introjtu totali mill-konġestjoni miġbur mit-TSOs konċernati fil-konfini taż-żona tal-offerti fix-xahar kalendarju rilevanti.

    3.   Meta TSOs differenti fl-istess konfini taż-żona tal-offerti jkunu qed joperaw bosta interkonnetturi u jkunu soġġetti għal reġimi regolatorji differenti sorveljati mill-awtoritajiet regolatorji, l-introjtu totali mill-konġestjoni użat għall-kalkolu tal-kumpens limitat skont il-paragrafu 2 jista' jiġi diżassoċjat għal kull interkonnettur. Dan id-diżassoċjar għandhom jipproponuh it-TSOs konċernati u japprovawh l-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

    Artikolu 55

    Ir-regoli ta' kumpens

    Meta t-TSOs jipproponu l-applikazzjoni ta' limitu massimu msemmi fl-Artikolu 54, dawn għandhom jipproponu b'mod konġunt sett ta' regoli ta' kumpens fir-rigward tal-limitu massimu applikat.

    Artikolu 56

    Iċ-ċertezza fil-każ ta' forza maġġuri

    1.   Fil-każ ta' forza maġġuri, it-TSOs jistgħu jnaqqsu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul. Dan it-tnaqqis għandu jsir b'mod koordinat wara kollegament mat-TSOs kollha direttament milquta.

    2.   It-TSO li jinvoka l-forza maġġuri għandu jippubblika notifika li tiddeskrivi n-natura tal-forza maġġuri u t-tul probabbli tagħha.

    3.   Fil-każ ta' tnaqqis dovut għal forza maġġuri d-detenturi konċernati ta' drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jirċievu kumpens mit-TSO li jkun invoka l-forza maġġuri għall-perjodu ta' dik il-forza maġġuri. F'dan il-każ, il-kumpens għandu jkun daqs l-ammont inizjalment imħallas għad-dritt tat-trażmissjoni fit-tul konċernat matul il-proċess ta' allokazzjoni bil-quddiem.

    4.   It-TSO li jinvoka forza maġġuri għandu jagħmel kull sforz possibbli biex jiġu limitati l-konsegwenzi u t-tul tal-forza maġġuri.

    5.   Meta Stati Membru jipprovdi għal dan, jekk tintalab mit-TSO, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta jekk avveniment partikolari jkunx jikkwalifika bħala forza maġġuri.

    IL-KAPITOLU 7

    Il-qsim tal-introjtu mill-konġestjoni

    Artikolu 57

    Il-metodoloġija tal-qsim tal-introjtu mill-konġestjoni

    1.   Fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tal-metodoloġija għall-qsim tal-introjtu mill-konġestjoni msemmija fl-Artikolu 9(6) tar-Regolament (UE) 2015/1222, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt proposta għal metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-introjtu mill-konġestjoni mill-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità.

    2.   Meta jkunu qed jiżviluppaw il-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1, it-TSOs għandhom iqisu l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-introjtu mill-konġestjoni żviluppata skont l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    3.   Meta tkun qed tiġi żviluppata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-introjtu mill-konġestjoni mill-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    IL-KAPITOLU 8

    L-irkupru tal-ispejjeż

    Artikolu 58

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-irkupru tal-ispejjeż

    1.   L-ispejjeż imġarrba mit-TSOs li jirriżultaw mill-obbligi fir-Regolament għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet regolatorji kollha.

    2.   L-ispejjeż li jkunu ġew ivvalutati bħala raġonevoli, effiċjenti u proporzjonati għandhom jiġu rkuprati f'ħin propizju permezz ta' tariffi tan-netwerk jew permezz ta' mekkaniżmi xierqa oħra kif jiġi determinat mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

    3.   Jekk jintalab mill-awtoritajiet regolatorji, fi żmien tliet xhur mit-talba, it-TSOs rilevanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja biex tiġi faċilitata l-valutazzjoni tal-ispejjeż imġarrba.

    Artikolu 59

    L-ispiża biex tiġi stabbilita, żviluppata u mħaddma l-pjattaforma unika ta' allokazzjoni

    It-TSOs kollha li joħorġu drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul fuq il-pjattaforma unika ta' allokazzjoni għandhom flimkien iħallsu l-ispejjeż relatati mat-twaqqif u mat-tħaddim tal-pjattaforma unika ta' allokazzjoni. Fi żmien sitt xhur minn meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, it-TSOs kollha għandhom jipproponu metodoloġija għall-qsim tal-ispejjeż, li tkun raġonevoli, effiċjenti u proporzjonata, ngħidu aħna abbażi ta' prinċipji simili għal dawn previsti bl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    Artikolu 60

    L-ispiża biex jiġi stabbilit u mħaddem il-proċess tal-kalkulaturi tal-kapaċità koordinata

    1.   Kull TSO għandu individwalment iħallas l-ispejjeż relatati mal-provvista ta' inputs għall-kalkolu tal-kapaċità.

    2.   It-TSOs kollha għandhom iġarrbu flimkien l-ispejjeż relatati mat-twaqqif u mat-tħaddim tal-amalgamazzjoni tal-mudelli ta' grilja individwali.

    3.   It-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom iħallsu l-ispejjeż tat-twaqqif u tat-tħaddim tal-kalkolaturi tal-kapaċità koordinata.

    Artikolu 61

    L-ispiża biex ikunu żgurati ċ-ċertezza u r-remunerazzjoni għad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul

    1.   L-ispiża li tiżgura ċ-ċertezza għandha tinkludi l-ispejjeż li jiġġarrbu bil-mekkaniżmi ta' kumpens assoċjati mal-iżgurar taċ-ċertezza tal-kapaċitajet transżonali kif ukoll mal-ispiża għar-ridispaċċ, għall-iskambju kumpensatorju u għall-iżbilanċ assoċjati mal-parteċipanti fis-suq kumpensati u għandhom iġarrbuhom it-TSOs, sakemm possibbli f'konformità mal-Artikolu 16(6)(a) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

    2.   Meta jkunu qed jiffissaw jew japprovaw tariffi ta' trażmissjoni jew mekkaniżmu xieraq ieħor skont l-Artikolu 37(1)(a) tad-Direttiva 2009/72/KE, u wara li jkunu kkunsidraw l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, l-awtoritajiet regolatorji għandhom iqisu pagamenti kumpensatorji bħala spejjeż eliġibbli sakemm dawn ikunu raġonevoli, effiċjenti u proporzjonati.

    3.   Fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tal-metodoloġija għall-qsim tal-introjtu mill-konġestjoni msemmija fl-Artikolu 57, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw metodoloġija b'mod konġunt għall-qsim tal-ispejjeż imġarrba biex tiġi żgurata ċ-ċertezza u r-remunerazzjoni tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul. Din il-metodoloġija għandha tkun konsistenti mal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-introjtu mill-konġestjoni minn allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità kif imsemmi fl-Artikolu 57.

    TITOLU III

    ID-DELEGA TAL-KOMPITI U L-MONITORAĠĠ

    Artikolu 62

    Id-delega tal-kompiti

    1.   TSO jista' jiddelega kwalunkwe kompitu jew parti minnu assenjat lilu skont taħt dan ir-Regolament lil parti terza waħda jew aktar fil-każ li l-parti terza tista' twettaq il-funzjoni rispettiva tal-anqas b'mod effettiv bħat-TSO deleganti. It-TSO deleganti għandu jibqa' responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, inkluż l-iżgurar ta' aċċess għal informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ mill-awtorità regolatorja.

    2.   Qabel id-delega, il-parti terza konċernata għandha tkun uriet b'mod ċar lit-TSO deleganti l-kapaċità tagħha li tissodisfa l-obbligi kollha ta' dan ir-Regolament.

    3.   Fil-każ li xi kompitu jew parti minnu speċifikat f'dan ir-Regolament jiġi delegat lil parti terza, it-TSO deleganti għandu jiżgura li qabel id-delega jkunu ġew stabbiliti ftehimiet xierqa ta' kunfidenzjalità skont l-obbligi ta' kunfidenzjalità tat-TSO deleganti.

    Artikolu 63

    Il-monitoraġġ

    1.   In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jissorvelja l-implimentazzjoni ta' allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità u t-twaqqif ta' pjattaforma unika ta' allokazzjoni skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-monitoraġġ għandu jkopri b'mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-progress u l-problemi potenzjali bl-implimentazzjoni tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, inkluż l-aċċess ġust u trasparenti għall-parteċipanti fis-suq għad-drittijiet ta' trażmissjoni fit-tul;

    (b)

    l-effettività tal-metodoloġiji għall-qsim tal-kapaċità transżonali fit-tul skont l-Artikolu 16;

    (c)

    ir-rapport dwar il-kakolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità skont l-Artikolu 26;

    (d)

    l-effettività tal-operazzjoni tal-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità u l-pjattaforma unika ta' allokazzjoni.

    2.   In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jippreżenta pjan għall-monitoraġġ li jinkludi r-rapporti li għandhom jitħejjew u kwalunkwe aġġornament b'konformità mal-paragrafu 1, lill-Aġenzija għal opinjoni sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    3.   L-Aġenzija, f'kooperazzjoni min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku, għandhom ifasslu fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament lista tal-informazzjoni rilevanti li trid tiġi komunikata min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku lill-Aġenzija skont l-Artikoli 8(9) u 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-lista ta' informazzjoni rilevanti tista' tkun soġġetta għal aġġornamenti. In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jżomm format komprensiv standardizzat, arkivju tad-dejta diġitali tal-informazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija. It-TSOs kollha għandhom jippreżentaw lin-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku l-informazzjoni meħtieġa sabiex iwettqu l-kompiti skont il-paragrafi 1 u 3.

    4.   Il-parteċipanti fis-suq u l-organizzazzjonijiet rilevanti oħra dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità għandhom, fuq talba konġunta tal-Aġenzija u tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku, jippreżentaw lin-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ skont il-paragrafi 1 u 3, ħlief għal informazzjoni li tkun diġà nkisbet mill-awtoritajiet regolatorji, mill-Aġenzija jew min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku fil-kuntest tal-kompiti rispettivi tagħhom ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

    TITOLU IV

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 64

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Settembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal-14 ta' Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta' dejta fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).


    Top