EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1638

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1638 tas-6 ta' Settembru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

C/2016/5774

ĠU L 244, 13.9.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1638/oj

13.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1638

tas-6 ta' Settembru 2016

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti, minn hawn 'il quddiem in-“Nomenklatura Magħquda” jew “NM”, li hija stabbilita fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

It-test tan-Nota Addizzjonali 2 tal-Kapitolu 15 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda jiddefinixxi l-karatteristiċi ta' żjut miksubin biss mit-trattament taż-żebbuġ, li għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestaturi 1509 u 1510. It-test ta' dik in-Nota Addizzjonali huwa bbażat fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (2), li jiddefinixxi l-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żejt mir-residwi taż-żebbuġ u jistabbilixxi l-metodi għall-valutazzjoni ta' dawk il-karatteristiċi. Dawk il-metodi u l-valuri ta' limitu għall-karatteristiċi taż-żjut għandhom jiġu aġġornati abbażi tal-opinjoni tal-esperti kimiċi u skont il-ħidma mwettqa fil-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (l-IOC).

(3)

Minħabba bosta emendi fir-Regolament (KEE) Nru 2568/91, it-test attwali tan-Nota Addizzjonali 2 tal-Kapitolu 15 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda ma għadux allinjat mal-verżjoni applikabbli attwalment tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 u jeħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(4)

Sabiex jiġu evitati emendi rikorrenti lill-parametri relevanti fin-Nota Addizzjonali 2 tal-Kapitolu 15 biex din tibqa' aġġornata mar-Regolament (KEE) Nru 2568/91, huwa xieraq li jiġi adottat test ġdid tan-Nota Addizzjonali li jkun jirreferi direttament għall-partijiet rilevanti ta' dak ir-Regolament.

(5)

Minħabba li mill-1 ta' Jannar 2017 se jiġu introdotti ċerti kodiċijiet ġodda tan-NM fil-Kapitolu 15, it-test il-ġdid tan-Nota Addizzjonali 2 ta' dak il-Kapitolu, li jirrifletti dawk il-kodiċijiet il-ġodda tan-NM għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017.

(6)

Għalhekk l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 15 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stipulat fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, in-Nota Addizzjonali 2 tinbidel b'dan li ġej:

“2.

A

L-intestaturi 1509 u 1510 ikopru biss iż-żjut miksubin biss mit-trattament taż-żebbuġ, li jkollu l-karatteristiċi, rigward il-kontenut ta' aċidi grassi u steroli, imsemmija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91  (*) . Il-preżenza tagħhom tista' tiġi determinata bl-użu ta' metodi stabbiliti fl-Annessi V u X ta' dak ir-Regolament.

L-instestaturi 1509 u 1510 ma jkoprux iż-żejt taż-żebbuġ mibdul kimikament (b'mod partikulari ż-żejt taż-żebbuġ riesterifikat) u t-taħlitiet taż-żejt taż-żebbuġ ma' żjut oħrajn. Il-preżenza taż-żejt taż-żebbuġ riesterifikat tkun żgurata bil-metodi stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

B.

Is-sottointestatura 1509 10 tkopri biss iż-żjut taż-żebbuġ definiti fil-punti 1, 2 u 3 hawn taħt, miksubin biss bl-użu ta' mezzi mekkaniċi jew mezzi fiżiċi oħrajn f'kundizzjonijiet li ma jwasslux biex iż-żejt jiġi modifikat, u li ma għaddew minn ebda trattament għajr il-ħasil, it-tferrigħ, iċ-ċentrifugazzjoni jew il-filtrazzjoni. Iż-żjut taż-żebbuġa miksubin bl-użu ta' solventi, reaġenti kimiċi jew bijokimiċi, jew bi proċessi ta' riestirifikazzjoni, kif ukoll kull taħlit bi żjut oħrajn, huma esklużi minn din is-sottointestatura.

1.

Għall-finijiet tas-sottointestatura 1509 10 10, “żejt taż-żebbuġ lampante” tfisser żejt taż-żebbuġa li għandu l-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa tal-kategorija 3 kif stipulat fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

2.

Għall-finijiet tas-sottointestatura 1509 10 20, “żejt taż-żebbuġa extraverġni” tfisser żejt taż-żebbuġa li għandu l-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa tal-kategorija 1 kif stipulat fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

3.

Is-sottointestatura 1509 10 80 tkopri żjut verġni oħrajn li għandhom il-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa tal-kategorija 2 kif stipulat fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

C.

Is-sottointestatura 1509 90 tkopri ż-żejt taż-żebbuġa miksub bit-trattament taż-żjut taż-żebbuġa tas-sottointestaturi 1509 10 10, 1509 10 20 u/jew 1509 10 80, kemm jekk imħalltin ma' żejt taż-żebbuġa verġni ukoll jekk le, u li għandu l-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa tal-kategoriji 4 u 5 kif stipulat fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

D.

Għall-finijiet tas-sottointestatura 1510 00 10, “żjut mhux ipproċessati” tfisser żjut bil-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa tal-kategorija 6 kif stipulat fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

E.

Is-sottointestatura 1510 00 90 tkopri ż-żjut miksubin bit-trattament taż-żjut tas-sottointestatura 1510 00 10, kemm jekk imħalltin ma' żejt taż-żebbuġa verġni ukoll jekk le, u żjut mingħajr il-karatteristiċi taż-żjut imsemmijin fil-punti B, C u D ta' din in-Nota Addizzjoinali.

Iż-żjut ta' din is-sottointestatura jrid ikollhom il-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa tal-kategoriji 7 u 8 kif stipulat fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta' Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).


Top