Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 32016R0824

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/824 tal-25 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-kontenut u l-format tad-deskrizzjoni tal-funzjonament ta' faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar u n-notifika lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/3019

    ĠU L 137, 26.5.2016, p. 10—16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumento teisinis statusas Galioja

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/824/oj

    26.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 137/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/824

    tal-25 ta' Mejju 2016

    li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-kontenut u l-format tad-deskrizzjoni tal-funzjonament ta' faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar u n-notifika lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta' Mejju 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(11) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Importanti li jiġi rikonoxxut il-bżonn li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni kompleta dwar l-għan, l-istruttura u l-organizzazzjoni ta' faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (multilateral trading facilities, MTFs) u l-faċilitajiet organizzati tan-negozjar (organised trading facilities, OTFs) li se jkunu meħtieġa jissorveljaw sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti u ordnat tas-swieq finanzjarji.

    (2)

    Din l-informazzjoni għandha tibni fuq l-informazzjoni li ditta ta' investiment jew operatur tas-suq ikun meħtieġ li jipprovdi bħala parti mir-rekwiżiti ġenerali għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE. Hija għandha tiffoka fuq il-funzjonalità speċifika tas-sistema ta' negozjar b'mod li tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw jekk is-sistema tissodisfax id-definizzjoni ta' MTF jew OTF u jivvalutaw il-konformità tagħha mar-rekwiżiti partikulari u orjentati lejn iċ-ċentru tad-Direttiva 2014/65/UE u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Ir-rekwiżit għal deskrizzjoni dettaljata ma għandux jaffettwa lil ditta ta' investiment jew operatur tas-suq mid-dmir tagħhom li jagħtu informazzjoni oħra lill-awtorità kompetenti kif meħtieġ skont id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, jew id-drittijiet tal-awtoritajiet kompetenti milli jitolbu informazzjoni oħra bħala parti mis-superviżjoni kontinwa tagħhom taċ-ċentri tan-negozjar.

    (3)

    L-informazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet kompetenti għandha tiżgura l-ġbir ta' deskrizzjonijiet dettaljati tal-funzjonament tal-MTF jew tal-OTF skont id-Direttiva 2014/65/UE b'mod uniformi, u jkun hemm proċessar effiċjenti ta' informazzjoni għal MTFs eżistenti li diġà joperaw f'konformità ma' awtorizzazzjoni nazzjonali fil-mument meta jidħol fis-seħħ ir-rekwiżit li tiġi ppreżentata deskrizzjoni dettaljata.

    (4)

    Billi s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs huma distinti minn MTFs oħrajnperess li huma soġġetti għal regoli addizzjonali skont id-Direttiva 2014/65/UE, jeħtieġ li s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

    (5)

    Billi l-OTFs huma distinti mill-MTFs peress li l-proċess tan-negozjar jaf jinvolvi l-użu ta' regoli diskrezzjonali mill-operatur u minħabba li l-operatur ta' OTF ikollu dmirijiet lejn l-utenti tas-sistema, l-OTFs għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat ipproċessar effiċjenti, l-informazzjoni meħtieġa għandha tiġi pprovduta f'format elettroniku.

    (7)

    Sabiex jiffaċilita l-pubblikazzjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) tal-lista tal-MTFs u tal-OTFs kollha fl-Unjoni akkumpanjati minn informazzjoni dwar is-servizzi li jipprovdu u l-kodiċi uniku li jidentifikahom, għandu jintuża mudell standard għal dik l-informazzjoni.

    (8)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

    (9)

    Kull dejta personali pprovduta skont dan ir-Regolament għandha tkun għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma tiġix ipproċessata ulterjorment b'mod li ma jkunx kompatibbli ma' dawk il-finijiet. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kull dejta personali ma għandhiex tinżamm iktar milli jkun meħtieġ għall-fini tal-eżerċizzju tal-funzjoni superviżorja, u għandu jiġi indikat perjodu ta' żamma massimu.

    (10)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

    (11)

    L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    (1)

    “operatur rilevanti” tfisser:

    (a)

    ditta ta' investiment li topera f'faċilità multilaterali tan-negozjar (multilateral trading facility, MTF);

    (b)

    ditta ta' investiment li topera f'faċilità organizzata tan-negozjar (organised trading facility, OTF);

    (c)

    operatur tas-suq li jopera MTF;

    (d)

    operatur tas-suq li jopera MTF;

    (2)

    “kategoriji ta' assi” tfisser il-kategoriji ta' strumenti finanzjarji kif stabbilit fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE.

    Artikolu 2

    Informazzjoni li għandha tingħata dwar MTFs u OTFs

    1.   Operatur rilevanti għandu jipprovdi din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti:

    (a)

    il-klassijiet ta' assi ta' strumenti finanzjarji nnegozjati fuq l-MTF jew l-OTF;

    (b)

    ir-regoli u l-proċeduri biex l-istrumenti finanzjarji jkunu disponibbli għan-negozjar, flimkien mad-dettalji tal-arranġamenti tal-pubblikazzjoni użati biex dik l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku;

    (c)

    ir-regoli u l-proċeduri li jiżguraw l-aċċess oġġettiv u mhux dikriminatorju għall-faċilitajiet tan-negozjar, flimkien mad-dettalji dwar l-arranġamenti tal-pubblikazzjoni użati biex dik l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku;

    (d)

    il-miżuri u l-proċeduri li jiżguraw li jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli pubblikament għall-utenti tal-MTF jew tal-OTF biex jiffurmaw ġudizzju dwar l-investiment, filwaqt li jqisu kemm in-natura tal-utenti kif ukoll il-klassijiet tal-istrumenti finanzjarji nnegozjati;

    (e)

    is-sistemi, proċeduri u arranġamenti li jiżguraw konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 48 u 49 tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (f)

    deskrizzjoni dettaljata ta' kwalunkwe arranġament li jiffaċilita l-forniment tal-likwidità tas-sistema bħall-iskemi ta' ġenerazzjoni tas-suq;

    (g)

    l-arranġamenti u l-proċeduri għall-monitoraġġ ta' tranżazzjonijiet kif meħtieġ mill-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (h)

    ir-regoli u proċeduri għal sospensjoni u tneħħija tal-istrumenti finanzjarji min-negozjar kif meħtieġ mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (i)

    l-arranġamenti għall-konformità ma' obbligi ta' trasparenza qabel in-negozjar u wara n-negozjar li japplikaw għal-istrumenti finanzjarji nnegozjati u l-funzjonalità ta' negozjar tal-MTF jew tal-OTF; dik l-informazzjoni tkun akkumpanjata minn informazzjoni dwar kwalunkwe intenzjoni li jintużaw eżenzjonijiet skont l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u pubblikazzjoni differita skont l-Artikoli 7 u 11 ta' dak ir-Regolament;

    (j)

    l-arranġamenti għas-saldu effiċjenti tat-tranżazzjonijiet imwettqa skont is-sistemi tiegħu u li jiżguraw li l-utenti jkunu konxji mir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom f'dan ir-rigward;

    (k)

    lista tal-membri jew tal-parteċipanti tal-MTF jew tal-OTF li topera.

    2.   Operatur rilevanti għandu jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonament tas-sistema tan-negozjar tiegħu lill-awtorità kompetenti li tispeċifika:

    (a)

    jekk is-sistema tirrappreżentax funzjonalità bil-fomm, funzjonalità elettronika jew ibrida;

    (b)

    f'każ ta' sistema elettronika jew ta' negozjar ibrida, in-natura ta' kull algoritmu jew programm użat biex jiddetermina t-tqabbil u l-eżekuzzjoni tal-interessi ta' negozjar;

    (c)

    f'każ ta' sistema ta' negozjar bil-fomm, ir-regoli u l-protokolli użati biex jiddeterminaw it-tqabbil u l-eżekuzzjoni tal-interessi ta' negozjar;

    (d)

    deskrizzjoni li tispjega kif is-sistema ta' negozjar tissodisfa kull element tad-definizzjoni ta' MTF jew ta' OTF.

    3.   Operatur rilevanti għandu jipprovdi informazzjoni lill-awtorità kompetenti dwar kif u f'liema każijiet l-operazzjoni tal-MTF jew tal-OTF jagħti lok għal kwalunkwe kunflitt potenzjali bejn l-interessi tal-MTF jew tal-OTF, l-operaturi jew is-sidien tagħha u l-funzjonament tajjeb tal-MTF jew tal-OTF. L-operatur rilevanti għandu jispeċifika l-proċeduri u l-arranġamenti biex ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    4.   Operatur rilevanti għandu jipprovdi lill-awtorita kompetenti din l-informazzjoni dwar l-arranġamenti ta' esternalizzazzjoni li jirrigwardaw il-ġestjoni, l-operat jew is-sorveljanza tal-MTF jew tal-OTF:

    (a)

    il-miżuri organizzattivi li jidentifikaw ir-riskji relatati ma' dawk l-attivitajiet esternalizzati u li jagħmlu monitoraġġ tal-attivitajiet esternalizzati;

    (b)

    il-ftehim kuntrattwali bejn l-operatur rilevanti u l-entità li tipprovdi servizzi esternalizzati li fihom deskrizzjoni tan-natura, tal-ambitu, tal-għanijiet u tal-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz.

    5.   Operatur rilevanti għandu jipprovdi informazzjoni lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe rabta ma' suq regolat jew parteċipazzjoni miegħu, MTF, OTF jew internalizzatur sistematiku proprjetà tal-istess operatur rilevanti.

    Artikolu 3

    Informazzjoni addizzjonali li għandha tingħata dwar MTFs

    Barra mill-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 2, l-operatur għandu jipprovdi din l-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2014/65/UE lill-awtorità kompetenti:

    (a)

    deskrizzjoni tal-arranġamenti u tas-sistemi implimentati li jimmaniġġaw ir-riskji li l-operatur huwa espost għalihom li jidentifikaw ir-riskji sinifikanti kollha għall-operat tiegħu u li jpoġġu fis-seħħ miżuri effettivi li jtaffu dawn ir-riskji;

    (b)

    deskrizzjoni tal-arranġamenti implimentati li jiffaċilitaw l-finalizzazzjoni effiċjenti u f'waqtha tat-tranżazzjonijiet imwettqa skont is-sistemi tal-operatur;

    (c)

    wara li jitqiesu n-natura u l-firxa tat-tranżazzjonijiet konklużi fis-suq u l-firxa u l-livell tar-riskji li l-operatur huwa espost għalihom, deskrizzjoni tar-riżorsi finanzjarji meqjusa biżżejjed biex jiffaċilitaw il-funzjonament ordnat tiegħu.

    Artikolu 4

    Informazzjoni li għandha tingħata dwar MTFs li diġà qegħdin joperaw

    Fil-każ ta' ditta ta' investiment jew operatur tas-suq awtorizzat biex jopera MTF skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li jkun jopera fid-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dik il-kumpanija jew l-operatur għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija taħt l-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament meta jkun meħtieġ:

    (a)

    li jikkoreġu, jaġġornaw jew jiċċaraw informazzjoni li kienet sottomessa mill-operatur rilevanti lill-awtorità kompetenti tiegħu;

    (b)

    li tintwera l-konformità mal-obbligi skont id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 li ma kinux japplikaw għall-MTF qabel l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Informazzjoni addizzjonali li għandha tingħata dwar MTFs għal reġistrazzjoni bħala suq tat-tkabbir tal-SMEs

    F'każ li operatur rilevanti japplika għar-reġistrazzjoni ta' MTF bħala suq tat-tkabbir tal-SMEs, dak l-operatur għandu jiżgura li l-informazzjoni pprovduta taħt l-Artikoli 2 u 3 tidentifika b'mod ċar liema funzjonalitajiet jew arranġamenti jkunu applikabbli għal suq ta' tkabbir tal-SMEs.

    Artikolu 6

    Informazzjoni addizzjonali li għandha tingħata dwar OTFs

    Apparti l-Artikolu 2, operatur rilevanti li opera OTF għandu jipprovdi din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tiegħu:

    (a)

    informazzjoni dwar jekk ditta ta' investiment oħra hijiex impenjata li twettaq ġenerazzjoni tas-suq fir-rigward tal-OTF tagħha fuq bażi indipendenti skont l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata ta' kif u taħt liema ċirkostanzi din teżegwixxi ordnijiet fuq l-OTF fuq bażi diskrezzjonali skont l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (c)

    ir-regoli, il-proċeduri u l-protokolli li jippermettu li l-operatur jidderieġi l-interess ta' negozjar ta' membru jew parteċipant barra mill-faċilitajiet tal-OTF;

    (d)

    deskrizzjoni tal-użu ta' negozjar matched principal li huwa konformi mal-Artikolu 20(7) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (e)

    ir-regoli u l-proċeduri li jiżguraw konformità mal-Artikoli 24, 25, 27 u 28 tad-Direttiva 2014/65/UE għat-tranżazzjonijiet konklużi f'OTF fejn dawk ir-regoli kunu applikabbli għall-operatur rilevanti fir-rigward ta' utent tal-OTF.

    Artikolu 7

    Informazzjoni speċifika dwar il-kategoriji ta' assi

    Meta operatur rilevanti ta' MTF jew ta' OTF japplika regoli differenti għal kategoriji differenti ta' assi, huwa għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta' assi b'mod separat.

    Artikolu 8

    Bidliet materjali

    1.   Operatur rilevanti għandu jagħti lill-awtorità kompetenti deskrizzjoni ta' kull bidla materjali fl-informazzjoni ppreżentata preċedentement skont dan ir-Regolament li tkun rilevanti għal valutazzjoni tal-konformità ta' dak l-operatur mad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014.

    2.   Meta operatur rilevanti jibgħat informazzjoni ġdida lill-awtorità kompetenti tiegħu biex jikkoreġi, jaġġorna jew jiċċara l-informazzjoni li jkun ippreżenta qabel f'konformità ma' dan ir-Regolament, huwa mhuwiex obbligat li jinkludi informazzjoni li hija ta' natura purament minuri jew teknika li ma tkunx rilevanti għal valutazzjoni tal-konformità tagħha mad-Direttiva 2014/65/UE jew mar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

    3.   Ditta ta' investiment jew operatur tas-suq awtorizzat li jopera MTF skont id-Direttiva 2004/39/KE li qed topera fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha, flimkien mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tipprovdi lill-awtorità kompetenti tagħha deskrizzjoni ta' kull tibdil materjali lill-informazzjoni ppreżentata qabel lill-awtorità kompetenti ta' dik l-MTF taħt dik id-Direttiva.

    Artikolu 9

    Format biex tingħata d-deskrizzjoni

    1.   Meta l-operatur rilevanti jipprovdi d-deskrizzjoni tal-funzjonament tal-MTF jew tal-OTF li jopera lill-awtorita kompetenti kif stabbilit skont dan ir-Regolament, l-operatur rilevanti għandu jinkludi referenzi ċari fil-preżentazzjoni tiegħu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-mudell stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness.

    2.   Meta jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament, operatur rilevanti għandu jinkludi referenzi għad-dispożizzjonijiet xierqa tar-regoli tal-MTF jew tal-OTF, ftehimiet jew kuntratti ma' parteċipanti jew partijiet terzi rilevanti u proċeduri u politiki interni.

    3.   Operatur rilevanti għandu jagħti l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament lill-awtorità kompetenti tiegħu f'format elettroniku.

    4.   Meta jagħti l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament, l-operatur rilevanti għandu:

    (a)

    jagħti numru ta' referenza uniku għal kull dokument li jippreżenta;

    (b)

    jiżgura li l-informazzjoni li jippreżenta tidentifika b'mod ċar liema rekwiżit speċifiku ta' dan ir-Regolament jirreferi għalih u f'liema dokument tingħata dik l-informazzjoni permezz ta' numru ta' referenza uniku li jidentifika d-dokument;

    (c)

    jiżgura li jekk rekwiżit ta' dan ir-Regolament ma japplikax għalih, dan il-fatt jiġi ddikjarat flimkien ma' spjegazzjoni;

    (d)

    jippreżenta din l-informazzjoni fil-format stipulat fit-Tabella 1 tal-Anness.

    5.   Meta d-deskrizzjoni tingħata fil-kuntest ta' talba ta' awtorizzazzjoni, entità li titlob awtorizzazzjoni biex tipprovdi aktar minn servizz wieħed fl-istess waqt għandha tippreżenta applikazzjoni waħda li tidentifika b'mod ċar is-servizzi li għalihom tapplika l-informazzjoni pprovduta. Meta l-istess dokument għandu jitqies bħala parti minn diversi talbiet ta' awtorizzazzjoni, għall-fini li l-informazzjoni tingħata fil-format stipulat fit-Tabella 1 tal-Anness, jintuża l-istess numru ta' referenza meta jiġi ppreżentat l-istess dokument għal diversi applikazzjonijiet.

    Artikolu 10

    Notifika lill-ESMA

    Awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-AETS dwar l-awtorizzazzjoni ta' operatur rilevanti bħala MTF jew OTF f'format elettroniku u fil-format stipulat fit-Tabella 2 tal-Anness.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Jibda japplika mid-data li tidher fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar swieq fi strumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)

    (5)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).


    ANNESS

    Formati

    Tabella 1

    Informazzjoni minn operaturi ta' MTFs u OTFs

    Operatur rilevanti li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għalih.

    Artikolu Rilevanti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/824

    Numru ta' referenza tad-dokument

    Titolu tad-dokument

    Kapitolu jew taqsima jew paġna tad-dokument fejn l-informazzjoni tkun ipprovduta jew fejn ir-raġunijiet għalfejn l-informazzjoni ma tkunx ġiet ipprovduta

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     


    Tabella 2

    Informazzjoni li għandha tintbagħat lill-ESMA

    Awtorità Kompetenti li qed tinnotifika

    Isem l-operatur rilevanti

    Isem tal-MTF jew tal-OTF operati

    Kodiċi MIC

    Servizzi pprovduti minn MTF jew OTF

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     


    Į viršų