Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0239

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/239 tad-19 ta' Frar 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' alkalojdi tropaniċi f'ċertu ikel b'bażi ta' ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/0903

    ĠU L 45, 20.2.2016, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/239/oj

    20.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 45/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/239

    tad-19 ta' Frar 2016

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' alkalojdi tropaniċi f'ċertu ikel b'bażi ta' ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel.

    (2)

    Il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni dwar l-alkalojdi tropaniċi fl-ikel u fl-għalf (3).

    (3)

    L-alkalojdi tropaniċi huma metaboliti sekondarji li jokkorru b'mod naturali fil-pjanti ta' bosta familji, fosthom il-Brassicaceae, is-Solanaceae u l-Erythroxylaceae. S'issa ġew identifikati aktar minn 200 alkalojde tropaniku. L-aktar alkalojdi tropaniċi studjati huma (-)-joxjamina u (-)-skopolamina. L-atropina hija taħlita raċemika ta' (-)-joxjamina u (+)-joxjamina li minnha l-enantjomeru (-)-joxjamina biss juri attività antikolinerġika.

    (4)

    Il-preżenza tal-alkalojdi tropaniċi fil-ġenus Datura hija magħrufa sew. Id-Datura stramonium hija mxerrda sew f'reġjuni bi klima temperata u tropikali u għal din ir-raġuni ż-żrieragħ tad-Datura stramonium instabu bħala impuritajiet fiż-żerriegħa tal-kittien, fis-sojja, fis-sorgu, fil-millieġ, fil-ġirasol u fil-qamħ Saraċin u fil-prodotti tagħhom. Iż-żrieragħ tad-Datura stramonium ma jistgħux jitneħħew faċilment mis-sorgu, mill-millieġ u mill-qamħ Saraċin bl-issortjar u bit-tindif u, għalhekk, is-sorgu, il-millieġ u l-qamħ Saraċin u l-prodotti derivati tagħhom, kif ukoll ikel b'bażi taċ-ċereali li fih dawn iż-żrieragħ, jinstabu li jkunu kkontaminati bl-alkalojdi tropaniċi.

    (5)

    Il-Bord CONTAM stabbilixxa Doża Akuta ta' Referenza (“DAR”) tal-grupp ta' 0,016 μg/kg piż tal-ġisem (body weight — “b.w.”) espressa bħala s-somma ta' (-)-joxjamina u (-)-skopolamina, bil-preżunzjoni ta' potenza ekwivalenti. Il-Bord CONTAM ikkonkluda li, fuq il-bażi tal-informazzjoni limitata disponibbli, l-espożizzjoni fid-dieta tat-trabi li jkunu għadhom kemm telqu jimxu tista' tisboq b'mod sinifikanti d-DAR tal-grupp.

    (6)

    Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit livell massimu għal (-)-joxjamina u (-)-skopolamina f'ikel b'bażi taċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar li fih il-millieġ, is-sorgu, il-qamħ Saraċin jew il-prodotti derivati tagħhom. Madankollu, billi, minħabba raġunijiet analitiċi, mhux dejjem ikun possibbli li wieħed jiddistingwi bejn l-enantjomeri tal-joxjamina, huwa xieraq li jiġi stabbilit il-livell massimu għall-atropina u l-iskopolamina. Billi s-sinteżi tal-alkalojdi tropaniċi fil-pjanti twassal għal (-)-joxjamina u (-)-skopolamina u mhux għal (+)-joxjamina, ir-riżultati analitiċi tal-atropina f'ikel li joriġina mill-pjanti jirrifletti l-okkorrenza ta' (-)-joxjamina.

    (7)

    Huwa f'loku li jiġu stabbiliti r-regoli tal-kampjunar li jridu jiġu applikati biex tiġi vverifikata l-konformità mal-livelli massimi.

    (8)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    It-teħid ta' kampjuni għall-kontroll tal-konformità mal-livelli massimi għandhom jitwettqu skont ir-regoli stipulati fil-parti J tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 (4).

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

    (3)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2013. Scientific Opinion on Tropane alkaloids in food and feed. (Opinjoni xjentifika relatata mal-alkalojdi fl-ikel u fl-għalf.) EFSA Journal 2013;11(10):3386, 113 pp. doi:10.2903/j.efsa.2013.3386

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12).


    ANNESS

    Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 tiżdied l-entrata li ġejja:

    Oġġetti tal-Ikel (1)

    Livell massimu (μg/kg)

    “8.2

    Alkalojdi tropaniċi  (*)

     

     

    Atropina

    Skopolamina

    8.2.1

    Ikel ipproċessat b'bażi ta' ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u t-tfal żgħar, li fihom il-millieġ, is-sorgu, il-qamħ Saraċin jew il-prodotti derivati tagħhom (29)

    1,0 μg/kg

    1,0 μg/kg


    (*)  L-alkalojdi tropaniċi msemmija huma l-atropina u l-iskopolamina. L-atropina hija taħlita raċemika ta' (-)-joxjamina u (+)-joxjamina li minnha l-enantjomeru (-)-joxjamina biss juri attività antikolinerġika. Billi, minħabba raġunijiet analitiċi, mhux dejjem ikun possibbli li wieħed jiddistingwi bejn l-enantjomeri tal-joxjamina, il-livelli massimi huma stabbiliti għall-atropina u għall-iskopolamina.”


    Top