This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D2394
Commission Decision (EU) 2016/2394 of 26 May 2014 on State aid granted by Hungary to ValDeal Innovációs Szolgáltató Zártkörűen Működő Részvénytársaság (case SA.33186 (2012/C) (ex 2011/NN)) (notified under document C(2014) 3193) (Text with EEA relevance )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2394 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ungerija lil ValDeal Innovációs Szolgáltató Zártkörűen Működő Részvénytársaság (Il-Każ SA. 33186 (2012/C) (ex 2011/NN)) (notifikata bid-dokument C(2014) 3193) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2394 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ungerija lil ValDeal Innovációs Szolgáltató Zártkörűen Működő Részvénytársaság (Il-Każ SA. 33186 (2012/C) (ex 2011/NN)) (notifikata bid-dokument C(2014) 3193) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )
ĠU L 359, 30.12.2016, p. 1–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 359/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2394
tas-26 ta' Mejju 2014
dwar l-Għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ungerija lil ValDeal Innovációs Szolgáltató Zártkörűen Működő Részvénytársaság (Il-Każ SA. 33186 (2012/C) (ex 2011/NN))
(notifikata bid-dokument C(2014) 3193)
(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
(1) |
Fit-12 ta' Awwissu 2008, il-Kummissjoni nediet il-monitoraġġ tal-iskema ta' għajnuna Ungeriza “L-użu u l-applikazzjoni tal-Fond għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Teknoloġika” HU 21/2004 (SA. 15588 (MX 23/2008)) (minn hawn 'il quddiem “l-Iskema”), li wara l-adeżjoni tal-Ungerija kienet ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat eżistenti (2). L-eżerċizzju ta' monitoraġġ kien jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat mogħtija abbażi tal-Iskema fil-perjodu ta' bejn l-2004 u l-2006. |
(2) |
Intgħażlu tliet benefiċjarji għal analiżi bir-reqqa (3), inklużi ValDeal Innovációs Szolgáltató Zártkörűen Működő Részvénytársaság (ValDeal Innovation Services Closed Limited Company) (minn issa 'l quddiem “ValDeal”). Fit-tliet każijiet kollha, ġew żvelati xi irregolaritajiet. |
(3) |
Waħda mill-kumpaniji mmonitorjati ħallset lura l-għajnuna bl-interessi b'mod volontarju waqt il-fażi ta' monitoraġġ. Konsegwentement, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' dak il-benefiċjarju kienet twaqqfet. |
(4) |
Fil-proċedura ta' monitoraġġ (SA. 15588), il-Kummissjoni talbet informazzjoni fir-rigward ta' ValDeal fit-12 ta' Ġunju 2009, fil-21 ta' Jannar 2010, fit-30 ta' Awwissu 2010, fit-22 ta' Diċembru 2010 u fis-17 ta' Frar 2011. L-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew informazzjoni fis-17 ta' Settembru 2009, fit-30 ta' Marzu 2010, fis-26 ta' Ottubru 2010, fis-6 ta' Diċembru 2010, fit-8 ta' Diċembru 2010, fit-2 ta' Frar 2011, fl-24 ta' Frar 2011 u fl-1 ta' April 2011. |
(5) |
Minħabba li t-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward taż-żewġ benefiċjarji li jifdal, inklużi ValDeal ma ġiex indirizzat kompletament mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-każ ġie trasferit għal fajl NN fis-16 ta' Ġunju 2011 u ġie rreġistrat bin-numru SA.33186 (2011/NN). |
(6) |
F'Ottubru 2011, il-benefiċjarju barra minn ValDeal b'mod volontarju ħallas lura l-għajnuna bl-interessi. Konsegwentement, l-investigazzjoni li tikkonċerna dan il-benefiċjarju kienet twaqqfet (4). |
(7) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-deċiżjoni preżenti tikkonċerna esklużivament il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil ValDeal (minn issa 'il quddiem “il-miżura”). |
(8) |
Il-Kummissjoni talbet informazzjoni fir-rigward ta' ValDeal fid-9 ta' Frar 2012 u fit-18 ta' April 2012. L-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew informazzjoni fl-1 ta' Settembru 2011, fid-19 ta' Ottubru 2011, fid-29 ta' Frar 2012, fit-12 ta' Marzu 2012, fit-18 ta' Ġunju 2012, fis-26 ta' Ġunju 2012, fl-4 ta' Lulju 2012 u fit-12 ta' Settembru 2012. |
(9) |
Saret laqgħa fis-6 ta' Settembru 2011 mal-awtoritajiet Ungeriżi u mar-rappreżentanti tal-benefiċjarju fil-bini tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fi Brussell. |
(10) |
Permezz ta' ittra tat-18 ta' April 2012, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lill-awtoritajiet Ungeriżi li fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f'dak iż-żmien, l-għajnuna lil ValDeal ma setgħetx titqies bħala għajnuna għal proġett tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Madankollu, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkunsidraw li fuq bażi preliminari, l-għajnuna lil ValDeal setgħet tkun kompatibbli skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 (5) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-SMEs”). Għalhekk, l-awtoritajiet Ungeriżi ġew mistiedna biex jivverifikaw jekk il-miżura ssodisfatx ir-rekwiżiti kollha ta' dak ir-Regolament u biex jissottomettu informazzjoni ta' sostenn. Fl-aħħar nett, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lill-awtoritajiet Ungeriżi li f'każ li l-ammont tal-għajnuna li jkunu rċevew ValDeal kien ogħla mill-ammont ta' għajnuna permissibbli skont ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-SMEs, id-differenza jkollha tiġi rkuprata, flimkien mal-interess applikabbli ikkalkulat skont ir-regoli dwar il-metodu għall-kalkolu tar-rata ta' referenza fil-proċeduri ta' rkupru (6). |
(11) |
Permezz ta' ittra tat-18 ta' Ġunju 2012, l-awtoritajiet Ungeriżi infurmaw lid-dipartimenti tal-Kummissjoni li l-għajnuna lil ValDeal ma għandhiex tiġi vvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-SMEs, mingħajr ma taw aktar spjegazzjoni. |
(12) |
Fid-19 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura formali ta' investigazzjoni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura (“id-deċiżjoni ta' ftuħ”) kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7). Il-Kummissjoni appellat lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-kummenti tagħhom. |
(13) |
Fit-22 ta' Frar 2013, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw kummenti wara d-deċiżjoni ta' ftuħ. Żewġ partijiet interessati, ValDeal u l-European Business & Innovation Centre Network (EBN) (8) ippreżentaw il-kummenti tagħhom fit-13 ta' Marzu 2013 u l-14 ta' Marzu 2013 rispettivament. |
(14) |
Fil-5 ta' April 2013, il-kummenti mill-partijiet interessati ntbagħtu lill-awtoritajiet Ungeriżi li, b'ittra tat-8 ta' Mejju 2013, ikkonfermaw li ma kellhomx aktar osservazzjonijiet x'jagħmlu. |
(15) |
Permezz ta' posta elettronika tat-18 ta' Ġunju 2013, l-awtoritajiet Ungeriżi ġew mistiedna jippreżentaw skeda taż-żmien dettaljata għall-ħlas lura tal-għajnuna, li għaliha wieġbu fl-istess jum. Fis-26 ta' Ġunju 2013, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw tabella bl-ispejjeż eliġibbli. Peress li din is-sottomissjoni kellha informazzjoni li ma kinitx ċara fid-dawl tas-sottomissjonijiet tagħhom fil-passat, intbagħtet talba għal informazzjoni fil-5 ta' Lulju 2013. Wara żewġ talbiet għal estensjoni tad-data tal-għeluq, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw it-tweġiba tagħhom fis-7 ta' Ottubru 2013. |
(16) |
Wara talbiet informali għal kjarifika mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi indikaw, permezz ta' posta elettronika tat-12 ta' Frar 2014, li din il-parti tal-għajnuna kienet ġiet mgħoddija minn ValDeal lil ċerti klijenti skont il-limiti de minimis u r-regoli ta' akkumulazzjoni. |
2. DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA U TA' VALDEAL
2.1. Deskrizzjoni tal-iskema
(17) |
Il-bażi ġuridika tal-iskema hija l-Att XC tal-2003 dwar il-Fond tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Teknoloġika (a Kutatási és Technológiai Innovációs Alapról) u d-Digriet tal-Gvern Nru 133/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar l-immaniġġar u l-applikazzjoni tal-Fond tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Teknoloġika. |
(18) |
Il-baġit tal-Iskema għall-2006 kien ta' HUF 7 909 784 000 (madwar EUR 31,25 miljun (9)). L-Iskema kienet iffinanzjata esklussivament mill-baġit tal-Istat (10). |
(19) |
L-għan tal-Iskema kien li tappoġġa, fost l-oħrajn, l-attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp fl-Ungerija mingħajr ma tiffoka fuq ċerti setturi jew tillimita d-daqs tal-benefiċjarji. Il-forom tal-għajnuna kienu għotjiet, self b'imgħax baxx u sussidji tal-imgħax. Skont il-bażi ġuridika tal-Iskema, minbarra l-għajnuna għar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-għajnuna tista' tkun ukoll disponibbli għal kapital ta' riskju, għat-taħriġ, għall-impjiegi, l-investiment (għajnuna reġjonali), u għall-miżuri de minimis. |
(20) |
Wieħed mill-benefiċjarji tal-għajnuna li wasal taħt l-Iskema kien ValDeal. Il-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp mill-baġit tal-2006 tal-Iskema għall-proġett tar-Riċerka u l-Iżvilupp “Żvilupp tal-mudell Ungeriż tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata” (minn hawn 'il quddiem “il-Proġett”). ValDeal apparentement wettqet 11 % tar-riċerka industrijali u 89 % tal-iżvilupp esperimentattiv. |
2.2. Deskrizzjoni ta' ValDeal u l-proġett implimentat
2.2.1. L-attivitajiet ta' ValDeal fil-qafas tal-Proġett li qed jirċievi l-għajnuna
(21) |
ValDeal, intrapriża żgħira stabbilita fl-2006 (11), irċeviet għotja mhux pagabbli lura ta' HUF 472 508 090 (madwar EUR 1,86 miljun) għall-Proġett. Il-kost totali tal-Proġett kien ta' HUF 1 001 134 111 (madwar EUR 3,95 miljun) u l-kontribuzzjoni proprja ta' ValDeal kienet ta' HUF 528 626 021 (madwar EUR 2,08 miljun) (12). Il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-Proġett kien mill-1 ta' Diċembru 2006 sat-30 ta' Novembru 2010 (13) u l-għajnuna tħallset f'diversi pagamenti. |
(22) |
L-objettiv tal-Proġett kien li jiżviluppa sistema ta' ġestjoni tal-innovazzjoni speċifika għall-Ungerija u r-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li “timmonitorja sistematikament il-proġetti xjentifiċi/teknoloġiċi, l-invenzjonijiet u l-kumpaniji li għadhom jibdew biex jiġu identifikati dawk li għandhom l-ogħla potenzjal għall-kummerċjalizzazzjoni u tgħinhom joħolqu każijiet tan-negozju u portafolji ta' liċenzji li huma attraenti għal investituri potenzjali, jew li tgħin dawn il-proġetti jżidu d-dħul tagħhom billi jattiraw swieq ġodda, jintroduċu linji ta' prodotti ġodda jew sempliċement idawwru ideat ġodda f'negozji” (14). |
(23) |
L-ewwel pass fil-Proġett kien ix-xiri ta' kompetenzi fil-ġestjoni ta' innovazzjoni liċenzjati mill-Istitut IC2 tal-Università ta' Texas u l-INNO AG Ġermaniż, li għandhom esperjenza twila ta' inkubazzjoni tan-negozju, ġestjoni ta' innovazzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-proprjetà intellettwali. ValDeal xtrat wkoll taħriġ fil-ġestjoni tal-innovazzjoni għall-persunal tiegħu mill-Università ta' Texas. |
(24) |
L-Iskema obbligat lil ValDeal tipprovdi diversi servizzi lill-klijenti tagħha mingħajr ħlas. Il-klawżola 1.1 tal-kuntratt tal-għotja taqra kif ġej: “Il-Benefiċjarju (ValDeal) jimpenja ruħu li (…) matul il-perjodu tal-Proġett, mingħajr ħlas u mingħajr ma jaċċetta l-ebda konto-valur, jipprospetta, jidentifika, u janalizza mill-inqas 100 teknoloġija innovattiva jew prodott, u jagħżel il-possibilitajiet xierqa għall-utilizzazzjoni.” |
(25) |
ValDeal sostniet li s-suġġett tar-Riċerka u l-Iżvilupp tagħha kien jikkonsisti fl-adattament tal-kompetenzi mixtrija għall-ambjent tan-negozju Ungeriż u tal-Ewropa tal-Lvant Ċentrali. Abbażi ta' dan il-mudell adattat, ValDeal ipprovdiet servizzi bla ħlas ta' ġestjoni ta' innovazzjoni lil 60 “ideat” (li minnhom 18 kienu intrapriżi, u l-oħrajn kienu ideat ta' riċerkaturi individwali) magħżula minn kampjun ta' 600 permezz ta' kompetizzjoni li ValDeal kienet organizzat. |
(26) |
ValDeal ġabret l-attivitajiet tagħha fil-qosor fil-Proġett, kif ġej: “il-kompiti jistgħu jitqassmu hekk:il-kontroll tal-kompetenzi ta' ġestjoni tal-innovazzjoni Amerikani u Ewropej; il-ġbir, l-iskrinjar, l-evalwazzjoni tar-riżultati tar-riċerka, l-ideat dwar prodotti, teknoloġija u servizzi, l-għażla ta' proġetti b'potenzjal għoli; l-iżvilupp tan-negozju, il-liċenzjar, il-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetenzi; l-iżvilupp ta' servizzi tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata; taħriġ; tixrid u komunikazzjoni tar-riżultati; is-sostenibbiltà tar-riżultati” (15). |
(27) |
Fir-rigward tas-servizzi pprovduti minn ValDeal lill-inventuri jew kumpaniji, normalment dawn kienu jikkonsistu f'dan li ġej: “l-iżvilupp tal-paġna ewlenija; l-iżvilupp tal-kreattività; il-ġenerazzjoni ta' ideat; l-innovazzjoni miftuħa; l-identifikazzjoni tal-prodott, teknoloġija u ideat ta' servizzi; il-monitoraġġ tar-riżultati tar-riċerka; l-identifikazzjoni ta' kumpaniji jew impriżi innovattivi b'potenzjal għall-innovazzjoni; l-applikazzjoni għall-għotjiet/offerti bil-miktub u l-ġestjoni; it-taħriġ; il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; il-medjazzjoni, it-tqabbil tal-kapaċitajiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp; il-ġestjoni interim; il-kummerċjalizzazzjoni u r-riċerka tas-suq; il-komunikazzjoni; l-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' negozju, l-istudji ta' fattibbiltà; in-netwerking domestiku u internazzjonali; in-netwerking ma' investituri informali (business angels) u investituri; it-tiftix għall-investituri; il-ġestjoni ta' proċessi ta' investiment; il-ġbir u d-distribuzzjoni tal-aħjar prattiki/prattiki tajbin” (16). |
(28) |
Skont ValDeal, l-adattament tal-mudell oriġinali kien meħtieġ biex jitqiesu d-differenzi bejn il-kundizzjonijiet fl-Ungerija u f'pajjiżi Ewropej aktar żviluppati jew fl-Istati Uniti. L-aktar differenzi tipiċi, skont ValDeal, huma dawn li ġejjin: fl-Ungerija “ma hemm l-ebda ambjent soċjali u ekonomiku li huwa tajjeb għall-innovazzjoni; ma hemm l-ebda kapital tal-bidu istituzzjonali; is-sistema nazzjonali tal-innovazzjoni mhijiex effettiva; ma hemm l-ebda istituzzjoni f'livell ta' politika responsabbli għall-organizzazzjoni strateġika u t-tħaddim effiċjenti ta' innovazzjoni; ma hemmx disponibbli ħaddiema mħarrġa għat-tmexxija tal-innovazzjoni; ma hemm l-ebda kapaċità/kompetenza ta' maniġers ikkwalifikati fit-trasferiment ta' teknoloġija u tal-ġestjoni ta' innovazzjoni fiċ-ċentri tal-għarfien; in-numru tal-kooperazzjonijiet ta' innovazzjoni internazzjonali huwa baxx ħafna” (17) ValDeal issemmi wkoll li l-kultura tal-innovazzjoni fl-Ungerija hija differenti ħafna. Pereżempju, “is-sidien tal-proġetti ma għandhomx l-informazzjoni xierqa dwar is-suq u l-kompetituri rilevanti”; “is-sidien tal-proġetti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, mhumiex adatti għall-ġestjoni tal-kumpanija […],dawn ħafna drabi ma jaċċettawx li l-ġestjoni xjentifika tal-proġett għandha tkun separata mill-ġestjoni ġenerali u kummerċjali”; il-ġestjoni tad-DPI mhijiex xierqa; jew f'ċerti każijiet, ikun hemm “nuqqas kważi totali ta' etika tan-negozju” (18). |
2.2.2. Il-protezzjoni tad-DPI mfittxija minn ValDeal
(29) |
Argument li ValDeal ressqet sabiex turi li l-kontenut ta' Riċerka u Żvilupp tal-Proġett huwa li hija fittxet id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (minn issa 'il quddiem: protezzjoni tad-“DPI”) għar-riżultati ta' riċerka tagħha (19). F'dan ir-rigward, ValDeal semmiet żewġ tipi ta' protezzjoni tad-DPI li kienet irċeviet:
|
2.2.3. Proġetti simili ffinanzjati mill-UE
(30) |
F'evidenza ulterjuri tal-kontenut dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Proġett, ValDeal ippreżentat xi eżempji ta' proġetti ffinanzjati mill-UE (ara hawn taħt) u argumentat li dawn kienu kollha simili għall-proġetti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp iffinanzjati permezz tal-Ħames Programm ta' Qafas (minn hawn 'il quddiem “il-PQ5”) jew tas-Sitt Programm ta' Qafas (minn hawn 'il quddiem “il-PQ6”) (22), u għalhekk il-proġett ta' ValDeal għandu jitqies bħala proġett ta' Riċerka u Żvilupp. ValDeal semmiet il-proġetti li ġejjin bħala eżempji:
|
3. ID-DEĊIŻJONI BIEX TINFETAĦ PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI
(31) |
Fid-19 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta' investigazzjoni formali. Fuq bażi preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE għar-raġunijiet li ġejjin: |
(32) |
L-ewwel nett, ValDeal irċeviet għotja mill-baġit tal-2006 tal-iskema tal-għajnuna mill-Istat l-HU 21/2004; għalhekk, il-miżura tqieset li qed tiġi ffinanzjata minn riżorsi tal-Istat. |
(33) |
It-tieni nett, ValDeal irċeviet għajnuna mill-Istat sabiex twettaq attivitajiet li l-ispejjeż tagħhom kellhom jiġġarrbu minn parteċipanti oħra fis-suq waħedhom. Dan minkejja li fil-qafas tal-miżura, ValDeal ipprovdiet is-servizzi tagħha bla ħlas. Għalhekk, din il-miżura thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tagħti vantaġġ selettiv lil ValDeal. |
(34) |
It-tielet, il-miżura taffettwa biċ-ċar il-kummerċ bejn l-Istati Membri. ValDeal xtrat il-kompetenzi dwar il-ġestjoni tal-innovazzjoni mill-Università tal-Istati Uniti ta' Texas u mingħand INNO AG l-Ġermaniża; għalhekk il-miżura kellha l-probabbiltà li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, ValDeal kellha l-intenzjoni wkoll li tipprovdi servizzi lil kumpaniji stabbiliti f'pajjiżi oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. |
(35) |
Il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern. B'mod partikolari, hija kellha dubji jekk l-għajnuna lil ValDeal tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern taħt il-Qafas R&Ż&I tal-1996, jew alternattivament, taħt strumenti oħrajn. |
3.1. Kompatibbiltà skont il-qafas R&Ż&I
3.1.1. Il-kontenut tar-R&Ż
(36) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda wieħed mis-servizzi pprovduti minn ValDeal msemmija hawn fuq ma jista' jitqies bħala innovazzjoni minħabba li diġà kienu qed jingħataw minn fornituri tas-servizzi tal-IT, minn avukati, prokuraturi tal-privattivi, konsulenti, investituri informali (“business angels”) eċċ. u kienu disponibbli f'forom differenti fis-suq. Jidher li dan il-proġett kien jikkonsisti mill-ittestjar tal-effikaċja tal-kompetenza/mudell tal-ġestjoni tal-innovazzjoni mogħti/ja minn partijiet terzi u sempliċement irregolat għall-ambjent tan-negozju Ungeriż (inkluża t-traduzzjoni għall-Ungeriż). |
(37) |
Barra minn hekk, ValDeal iddikkjarat li l-adattament ta' tal-kompetenza/mudell tal-ġestjoni tal-innovazzjoni mixtrija kien jikkonsisti f'li tingħata aktar importanza lil ċerti servizzi ta' ġestjoni, bħall-kowċing personali ta' inventuri, li fuqu hemm inqas enfasi fejn il-kultura tan-negozju hija aktar żviluppata. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li essenzjalment ValDeal ipprovdiet l-istess servizzi bħal dawk inklużi fil-mudell ta' ġestjoni tal-innovazzjoni mixtri. |
(38) |
Aktar milli wettqu R&Ż ġenwini u attwali, l-attivitajiet ta' ValDeal kienu prinċipalment immirati lejn l-istimolu tar-R&Ż u l-innovazzjoni minn entitajiet oħra, jiġifieri mill-klijenti ta' ValDeal. ValDeal stess tqis li “bejn 60-80 impjieġ intensiv fir-R&Ż inħolqu” (25) fil-kumpaniji li hi pprovditilhom is-servizzi tagħha. |
3.1.2. Ir-Reġistrazzjoni tal-IPR
(39) |
Skont ir-Regolament dwar it-Trejdmark Komunitarja, “Trejd mark Komunitarja tista' tikkonsisti f'sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b'mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta' prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriża oħra” (26). Fi kliem ieħor, l-għan prinċipali ta' trejdmark mhuwiex li tipproteġi r-riżultati tar-R&Ż ta' kumpanija iżda li din tiddistingwiha minn entitajiet oħra. Għalhekk, trejdmark waħidha ma tistax isservi bħala prova li kumpanija li tippossediha tkun wettqet attività tar-R&Ż skont it-tifsira tal-Qafas tad-Direttiva R&Ż&I tal-1996. |
(40) |
Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li l-fatt li ValDeal ma rreġistratx jew li ma setgħet tirreġistra l-ebda brevett jew dritt ieħor ta' proprjetà intellettwali minbarra trejdmark għar-riżultati tax-xogħol tagħha huwa indikazzjoni qawwija li l-proġett ma kisibx riżultati tar-riċerka li jilħqu l-kriterji għall-protezzjoni tal-privattivi. |
(41) |
Filwaqt li huwa minnu li kumpanija tista' tiddeċiedi li tipproteġi l-għarfien brevettabbli jew l-invenzjoni tagħha bħala kompetenza jew sigriet ta' negozju minflok ma tirreġistra formalment privattiva għal dan, id-dikjarazzjoni ġenerika ta' ValDeal li kienet se tiżviluppa l-kompetenza tagħha stess permezz tal-implimentazzjoni tal-proġett mhijiex biżżejjed biex tapprova li tali proġett kien jinvolvi R&Ż reali skont it-tifsira tal-Qafas R&Ż&I. |
3.1.3. Proġetti simili tal-UE
(42) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat il-proġetti inkwistjoni u sabet li, bl-eċċezzjoni ta' wieħed, l-ebda mill-proġetti ma kien iffinanzjat taħt PQ5 jew PQ6: kienu ffinanzjati minn programmi usa' għat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kompetittività li, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, ippreżentaw ċerti analoġiji mal-proġett ta' ValDeal. |
(43) |
It-tieni nett, il-proġett NIMCUBE, li seta involva r-R&Ż, kellu l-għan li jiżviluppa soluzzjonijiet ġodda tal-IT, u għalhekk ma kienx simili għall-proġett imwettaq minn ValDeal. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li kull xebh bejn il-proġetti msemmija hawn fuq u l-proġett ta' ValDeal ma pprovax li l-attivitajiet ta' ValDeal jikkwalifikaw bħala proġetti tar-R&Ż fis-sens tal-Qafas R&Ż&I. |
3.2. Kompatibilità taħt strumenti oħra
(44) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni stiednet kummenti dwar raġunijiet alternattivi possibbli għall-kompatibilità. |
3.2.1. Il-kompatibilità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 (27) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali”)
(45) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni fakkret li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali, għajnuna għal investiment inizjali hija eżentata mill-ħtieġa ta' notifika jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li ġejjin. |
(46) |
L-ewwel kundizzjoni ġenerali hija li l-għajnuna tingħata f'reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. It-territorju kollu tal-Ungerija kien u għadu reġjun assistit, eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. L-istabbiliment prinċipali tan-negozju ta' ValDeal jinsab f'Budaörs, belt fil-Kontea ta' Pest, li hija fir-reġjun tal-Ungerija Ċentrali (Közép-Magyarország). Sal-31 ta' Diċembru 2006, il-Kontea ta' Pest kienet żona assistita skont l-Artikolu 87(3)(a) TKE (28). Għaldaqstant, l-ewwel kundizzjoni ġenerali tidher li ġiet ssodisfata. |
(47) |
It-tieni kundizzjoni ġenerali hija li l-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-limitu tal-għajnuna reġjonali li jkun fis-seħħ fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna. ValDeal iddikjarat li rċeviet intensità ta' għajnuna ta' 47,03 %. Il-limitu massimu tal-għajnuna għall-Kontea ta' Pest fl-2006 kien ta' 40 %, li miegħu jista' jiżdied bonus ta' 20 % għal benefiċjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi żgħar (29), li jirriżulta f'intensità massima ta' għajnuna ta' 60 %. Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, ValDeal kienet mikrointrapriża fl-2006, jiġifieri s-sena ta' meta ġiet stabbilita, u intrapriża żgħira fl-2007 (30). Il-valutazzjoni ta' din il-kundizzjoni teħtieġ kalkolu ġdid tal-ispejjeż eliġibbli fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi msemmija hawn taħt. |
(48) |
Fir-rigward tal-kondizzjonijiet speċifiċi ta' kompatibilità tal-għajnuna għal investiment inizjali, l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali jipprovdi li, jekk jiġu kkunsidrati assi intanġibbli għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli, huma (i) għandhom jintużaw esklussivament fl-istabbiliment li qed jirċievi l-għajnuna reġjonali, (ii) għandhom jitqiesu bħala assi li jistgħu jiġu amortizzati, (iii) jinxtraw minn partijiet terzi fuq termini tas-suq u (iv) jiġu inklużi fl-assi tal-intrapriża u jibqgħu fl-istabbiliment li qed jirċievi l-għajnuna reġjonali għal mill-inqas ħames snin, jew tliet snin fil-każ ta' SMEs, bħal ValDeal. Filwaqt li kien hemm evidenza li ValDeal xtrat il-kompetenza f'termini tas-suq, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet (i), (iii) u (iv) ġewx issodisfati u għaldaqstant, stiednet il-partijiet interessati biex jipprovdu l-informazzjoni f'dan ir-rigward. |
(49) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali jipprovdi li l-investiment għandu jinżamm fir-reġjun riċeventi għal mill-inqas ħames snin (tlieta fil-każ tal-SMEs) wara li jitlesta l-investiment kollu. Il-Proġett tlesta fit-30 ta' Novembru 2010 u ValDeal kompliet twettaq l-attivitajiet tagħha fir-reġjun tal-Ungerija Ċentrali sat-30 ta' Novembru 2013. Għalhekk, din il-kundizzjoni speċifika jidher li ġiet issodisfata. |
(50) |
Finalment, skont l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali, fejn l-għajnuna tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' spejjeż tal-investimenti materjali jew immaterjali, il-benefiċjarju għandu jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' mill-inqas 25 %. ValDeal ikkontribwixxiet 52,97 % tal-ispejjeż totali tal-proġett. Għalhekk, din il-kundizzjoni speċifika jidher li ġiet issodisfata. |
(51) |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jipprovdu informazzjoni dwar (i) jekk l-għajnuna lil ValDeal tistax tiġi evalwata skont ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali u, b'mod partikolari, (ii) jekk l-intensità ta' tali għajnuna kinitx konformi mal-intensitajiet tal-għajnuna applikabbli filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż eliġibbli li huma rilevanti taħt ir-regolament imsemmi iktar 'il fuq. |
3.2.2. Il-kompatibilità tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija tal-SMEs”).
(52) |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-SMEs, l-għajnuna għall-investiment fl-assi tanġibbli u mhux tanġibbli hija kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta' notifika suġġett għall-kundizzjoni li l-investiment isir f'żona li tikkwalifika għall-għajnuna reġjonali fil-mument li l-għajnuna tingħata u l-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-limiti tal-għajnuna tal-investiment reġjonali determinati fil-mappa tal-għajnuna reġjonali approvata b'aktar minn 15-il punt perċentwali fiż-żoni koperti bl-Artikolu 107(3)(a) TKE, sakemm it-total nett tal-intensità tal-għajnuna ma jaqbiżx il-75 %. Il-limiti ogħla ta' għajnuna reġjonali japplikaw biss jekk l-għajnuna tingħata bil-kundizzjoni li l-investiment jinżamm fir-reġjun riċeventi għal mill-inqas ħames snin u l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-iffinanzjar tiegħu tkun mill-inqas ta' 25 %. |
(53) |
Kif imsemmi hawn fuq, it-territorju kollu tal-Ungerija huwa u kien żona assistita eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Il-Kontea ta' Pest, fejn l-istabbiliment prinċipali tan-negozju ta' ValDeal jinsab, kienet żona li taqa' taħt l-Artikolu 107(3)(a) sal-31 ta' Diċembru 2006, b'limitu ta' għajnuna ta' 40 %. Għalhekk, f'Diċembru 2006, ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-SMEs kien jippermetti għal massimu ta' 40 % + 15 % = 55 % tal-intensità tal-għajnuna fil-Kontea ta' Pest sakemm l-investiment inżamm fir-reġjun riċeventi għal mill-inqas ħames snin. |
(54) |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jipprovu l-informazzjoni dwar jekk (i) l-għajnuna mill-Istat lil ValDeal setgħetx titqies bħala kompatibbli skont ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-SMEs u jekk (ii) l-intensità ta' għajnuna mogħtija lil ValDeal kinitx taqbeż il-limiti massimi tal-għajnuna għall-għajnuna għall-investiment inizjali possibbli inkwistjoni, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli rilevanti. |
(55) |
Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li ValDeal ma għamlitx użu ħażin mill-għajnuna li rċeviet billi wettqet l-istess attivitajiet bħal dawk deskritti fid-dokumenti tal-offerta tagħha. |
4. IL-POŻIZZJONI TAL-AWTORITAJIET UNGERIŻI (31)
4.1. Il-kompatibilità mal-Qafas R&Ż&I
(56) |
Fit-tweġiba tagħhom għad-deċiżjoni ta' ftuħ, l-awtoritajiet Ungeriżi sostnew li l-attivitajiet ta' ValDeal kienu jikkwalifikaw bħala proġett tar-R&Ż, billi kienu jaqgħu fil-kategorija ta' żvilupp esperimentali, u l-għajnuna kienet legali peress li kienet tinvolvi l-kompiti allegati ta' R&Ż li ġejjin:
|
(57) |
L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li ValDeal għamlet impenn (1) biex tittestja l-metodoloġija żviluppata, (2) biex twettaq l-iżvilupp esperimentali tal-mudell tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata (jiġifieri l-ġbir, l-evalwazzjoni u l-iskrining ta' proġetti, fil-forma ta' riċerka esperimentali, fuq il-bażi tal-kompetenza miksuba) u (3) biex tikkonferma l-vijabbiltà tas-servizzi l-ġodda fl-applikazzjoni tat-test tal-proġetti magħżula. |
(58) |
L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw ukoll li n-natura R&Ż tal-proġett tiġi kkonfermata mill-fatt li l-proġett kien kompletament konformi mal-kriterji fit-Taqsima 149 tal-Manwal ta' Frascati (32). |
(59) |
Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li ValDeal ipprovdiet servizzi ta' innovazzjoni lil kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u lil individwi privati matul il-proġett. Skont ir-rekwiżiti tal-Programm, dawn is-servizzi kienu pprovduti mingħajr ħlas. Ibbażat fuq ir-rapport imħejji minn ValDeal, il-valur ta' dawn is-servizzi bil-prezzijiet prevalenti tas-suq kien jammonta għal HUF 323 797 000 (33). |
(60) |
Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi, il-vantaġġ trasferit fil-forma ta' servizzi pprovdut bla ħlas ma jfissirx vantaġġ ekonomiku għal ValDeal. Dan inaqqas l-ammont tal-għajnuna mill-Istat mogħti lil ValDeal għal HUF 148 711 090, jiġifieri d-differenza bejn il-parteċipazzjoni totali tal-gvern u l-għajnuna li bbenefikat il-klijenti tagħha. |
4.2. Il-kompatibilità mar-Regolament (KE) Nru 1628/2006 (Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali)
(61) |
Alternattivament, l-awtoritajiet Ungeriżi qablu mal-konklużjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ li l-għajnuna setgħet kienet għajnuna kumpatibbli għall-investiment skont ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorja għall-Għajnuna Reġjonali (KE) Nru 1628/2006. |
(62) |
Bir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali, l-intensitajiet tal-għajnuna jiġu kkalkulati jew bħala proporzjon ta' spejjeż tanġibbli u intanġibbli eliġibbli jew, jekk il-proġett ta' investiment joħloq l-impjiegi direttament, bħala proporzjon tal-ispejjeż tal-pagi tal-persuna impjegata vvalutati għal sentejn (2), jew permezz ta' applikazzjoni magħquda ta' dawn iż-żewġ metodi sakemm l-ammont tal-għotja ma jaqbiżx il-valur l-aktar favorevoli miksub fuq il-bażi ta' dawn iż-żewġ metodi. |
(63) |
L-awtoritajiet Ungeriżi ddikjaraw li l-ispejjeż totali tal-proġett kienu ta' HUF 842 027 000 u li l-għajnuna lil ValDeal kienet ta' HUF 148 711 090, li tikkorrispondi għal intensità ta' għajnuna ta' 17,66 % (34) (taħt il-limitu ta' 60 % previst fir-Regolament imsemmi hawn fuq). Madankollu, fl-ittra tas-7 ta' Ottubru 2013, l-awtoritajiet Ungeriżi infurmaw lill-Kummissjoni li l-ispejjeż tal-proġett kienu jammontaw għal HUF 823 320 683 (minflok HUF 842 028 250) (35). Għalhekk, il-Kummissjoni se tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-informazzjoni tal-aħħar. |
(64) |
L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li kemm il-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali kienu ssodisfati. |
4.3. Il-kompatibilità mar-Regolament (KE) Nru 70/2001 (Eżenzjoni ta' Kategorija għall-SMEs)
(65) |
L-awtoritajiet Ungeriżi ma fformulaw l-ebda spjegazzjoni ċara dwar kif ir-Regolament (KE) Nru 70/2001 jista' jiġi applikat f'dan il-każ. Il-Kummissjoni tifhem li, billi l-intensitajiet massimi ta' għajnuna huma aktar baxxi minn dawk permessi fir-Regolament (KE) Nru 1628/2006, l-awtoritajiet Ungeriżi ma qisux li huwa meħtieġ li jipprovdu evidenza supplimentari. |
4.4. Il-kompatibilità skont it-Trattat
(66) |
L-awtoritajiet Ungeriżi ddikjaraw ukoll li l-għajnuna mogħtija tista' tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, bl-argument li l-proġett ta' ValDeal kien immirat lejn l-għeluq ta' diskrepanza ovvja tas-suq, iżda ma setax jitwettaq b'fondi pprovduti bir-rati tas-suq. Minħabba dan, l-ammont tal-għajnuna kien limitat għal, u ma kienx jaqbeż il-livell meħtieġ għat-twettiq tal-għan. |
(67) |
Il-Qafas R&Ż&I tal-2006, li ġie adottat fit-22 ta' Novembru 2006 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007, kien fih kategorija ġdida ta' għajnuna għal servizzi ta' konsulenza fl-innovazzjoni u servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni f'konformità mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Peress li l-impenn tal-konċedent sar fid-19 ta' Diċembru 2006 u l-qafas il-ġdid kien maħsub biex jagħraf l-eliġibilità tas-servizzi ta' konsulenza fl-innovazzjoni, il-kompatibilità tal-għajnuna setgħet tiġi vvalutata, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, direttament taħt it-Trattat. |
(68) |
F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet Ungeriżi osservaw li l-iżvilupp ta' mudell ta' ġestjoni ta' innovazzjoni skont ir-regolamenti Ungeriżi u tal-UE u l-kuntest soċjokulturali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kien jeħtieġ l-iżvilupp ta' mudell ta' negozju xieraq u ta' prattika fejn l-innovazzjoni titmexxa mid-domanda tas-suq u r-relazzjonijiet mal-klijenti. Il-proġett ta' ValDeal żviluppa numru ta' metodi u għodod għall-ġbir, l-evalwazzjoni u l-iskrining ta' proġetti, sabiex ikunu jistgħu jintużaw b'mod konsistenti fil-futur. Dawn is-servizzi ma kinux għadhom disponibbli fil-ġabra ta' għodda tal-Ungerija fiż-żmien tal-għotja. |
5. IL-POŻIZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI
5.1. Il-pożizzjoni ta' ValDeal
(69) |
ValDeal sostniet l-opinjoni tagħha li l-Proġett kien jinvolvi attivitajiet ġenwini ta' R&Ż, eliġibbli skont il-Qafas tar-R&Ż&I tal-1996. ValDeal argumentat li l-attività kkwalifikat bħala żvilupp esperimentali li jindika li, filwaqt li l-kompiti individwali mwettqa taħt il-proġett ma kinux jikkwalifikaw bħala proġetti ta' R&Ż f'iżolament, huma setgħu, jekk meħuda flimkien, jikkontribwixxu għal għan tar-R&Ż. |
(70) |
B'mod partikolari, ValDeal enfasizzat li hija applikat metodoloġija eżistenti lil impriżi lokali u l-proġetti u wettqet żvilupp esperimentali fuq mudell ġdid tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata. Fuq bażi ta' test, ValDeal ġabret, ivvalutat u skrinjat firxa wiesgħa ta' proġetti Ungeriżi, filwaqt li vverifikat il-vijabbiltà tagħhom. Għalhekk ValDeal tiddikkjara li l-kumpanija wettqet attività unika fis-suq Ungeriż. Id-differenza ewlenija bejn is-servizzi ta' ValDeal u dawk ipprovduti mill-kompetituri tagħha kienet li dawn tal-aħħar kienu attivi f'segment wieħed biss tal-operazzjonijiet ta' ValDeal. |
(71) |
Ibbażat fuq il-kompetenza teknika akkwistata, ValDeal sostniet li hija kienet żviluppat mudell ġdid ta' ġestjoni tal-innovazzjoni u metodoloġija li jistgħu jiġu applikati b'mod konsistenti b'mod u manjiera li jaqblu mal-ambjent ġuridiku Ungeriż u mal-kundizzjonijiet soċjokulturali. B'mod partikolari, il-metodoloġija tal-ġbir tal-proġett kellha tiġi adattata għar-realtajiet Ungeriżi billi, minħabba l-karatteristiċi differenti tas-suq tal-Istati Uniti, il-proġetti li kienu għandhom kif bdew fl-Ungerija kienu inqas xierqa għall-għażla. Barra minn hekk, il-metodoloġiji ta' skrining tal-proġetti kienu meħtieġa li jittejbu aktar, billi l-mudell Amerikan kellu il-kummerċjabilità (l-użu tas-suq) bħala l-punt fokali tiegħu, filwaqt li l-kontroparti tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tagħha, minħabba kuntest soċjokulturali differenti, tat importanza ikbar lill-ispirtu intraprenditorjali u l-personalità tal-ospitanti tal-proġetti. Id-differenzi soċjokulturali u l-kuntest ekonomiku kienu wasslu wkoll għal reviżjoni bir-reqqa tal-taħriġ u tal-mudell tal-ippjanar tat-taħriġ. |
(72) |
Fir-rigward tal-impatt fuq il-kompetizzjoni, ValDeal enfasizzat li l-proġett ma kellux fil-mira tiegħu li jforni servizzi ta' ġestjoni ġenerali; minflok, dan ħabrek biex joħloq xi ħaġa verament unika, jiġifieri mudell Ungeriż integrat tal-ġestjoni tal-innovazzjoni flimkien ma' servizzi relatati ta' konsulenza tal-innovazzjoni. ValDeal iddikkjarat li ma kienx jeżisti suq għal tali servizzi fil-mument tal-għotja. Barra minn hekk, kmieni fl-2013, mudell simili, jiġifieri servizzi mmirati lejn l-inkubazzjoni tan-negozju relatata mal-innovazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, kienu għadhom ma jeżistux fl-Ungerija. |
(73) |
ValDeal argumentat ukoll li skont il-kuntratt mal-awtorità awtorizzanti ma kienx hemm l-ebda obbligu ġuridiku li kellu jiġi ppreżentat għall-protezzjoni tal-privattivi. Barra minn hekk, il-kumpanija ma setgħetx taffordja l-ispiża ta' rapport ta' privattiva, u lanqas ma kienet permessa tonfoq l-għajnuna għal dawn l-għanijiet. |
5.2. Il-pożizzjoni tan-Netwerk taċ-Ċentru Ewropew għan-Negozju & l-Innovazzjoni (EBN)
(74) |
L-EBN huwa netwerk Ewropew taċ-ċentri tan-negozju u tal-innovazzjoni (BICs) u ta' organizzazzjonijiet simili bħal pereżempju l-inkubaturi. ValDeal hija membru tal-EBN. |
(75) |
L-EBN argumenta (36) li ValDeal għamlet applikazzjoni esperimentali fl-Ungerija ta' mudell żviluppat fl-Istati Uniti, li kien jinvolvi l-ġbir, il-valutazzjoni u l-għażla ta' proġetti bbażati fuq il-kompetenza oriġinali. |
(76) |
Barra minn hekk, skont l-EBN, ValDeal wettqet analiżi metodika ta' prassi ta' ġestjoni tal-innovazzjoni Ewropea, inkluż eżami bir-reqqa ta' kif is-sidien ta' proġetti jistgħu jiġu motivati biex jikkooperaw. Hija wettqet ukoll kompiti ta' riċerka u edukazzjoni u żviluppat metodi effiċjenti u innovattivi u għodod għal ġbir, il-valutazzjoni u l-għażla tal-proġetti. Għodda tal-ġestjoni ta' innovazzjoni bħal din kienet għadha nieqsa mill-firxa ta' servizzi ta' innovazzjoni disponibbli fl-Ungerija. |
(77) |
L-EBN argumenta li kien ivvaluta l-prestazzjonijiet ta' ValDeal kull sena sa mill-2008, u li kien ukoll wettaq żewġ verifiki bir-reqqa fl-istabbiliment ta' ValDeal fl-2008 u l-2010. Dawn il-valutazzjonijiet u l-verifiki kienu kkonkludew li ValDeal kienet f'konformità sħiħa mal-kriterji taq-ċentri ta' innovazzjoni u tan-negozju. |
6. EVALWAZZJONI
6.1. L-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat
(78) |
Biex miżura tkun tista' titqies bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, hija trid tilħaq l-erba' kriterji kumulattivi li ġejjin:
|
6.1.1. L-għajnuna fil-livell ta' ValDeal
(79) |
L-ewwel nett, ValDeal irċeviet għotja mill-baġit tal-2006 tal-iskema ta' Għajnuna mill-Istat Nru HU 21/2004; għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kienet tinvolvi riżorsi tal-Istat u kienet imputabbli lill-Istat. |
(80) |
It-tieni, ValDeal irċeviet għajnuna mill-Istat biex twettaq attivitajiet li l-ispejjeż tagħhom kellhom jiġġarrbu minn parteċipanti oħra fis-suq waħedhom. ValDeal intgħażlet wara sejħa għal offerti organizzata mill-Fond ta' Riċerka u ta' Innovazzjoni Teknoloġika u ngħatat finanzjament biex tiżviluppa u tipprovdi sensiela ta' servizzi ta' konsulenza fl-innovazzjoni flimkien mas-servizzi kkomplimentati pprovduti minn konsulenti, aġenti tal-privattivi, investituri informali (“business angels”) u avukati. Għalhekk, il-miżura tat vantaġġ selettiv lil ValDeal. |
(81) |
It-tielet, il-miżura għandha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li s-suq li fih ValDeal topera huwa miftuħ għall-kompetizzjoni minn kumpaniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ValDeal xtrat il-kompetenza tal-ġestjoni tal-innovazzjoni mill-Università ta' Texas fl-Istati Uniti u mingħand l-INNO AG Ġermaniża, u kellha l-ħsieb ukoll li tipprovdi servizzi lil kumpaniji stabbiliti f'pajjiżi oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. |
6.1.2. Għajnuna fil-livell tal-klijenti ta' ValDeal
(82) |
Bħala riżultat tal-miżura, il-klijenti ta' ValDeal ibbenefikaw minn servizzi konsultattivi bla ħlas. Għalhekk, filwaqt li dawn il-klijenti ma kinux direttament jirċievu riżorsi tal-Istat, huma rċevew vantaġġ indirett, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-għan speċifku tal-miżura kien li jipprovdi servizzi konsultattivi b'xejn lill-inventuri u l-kumpaniji. |
(83) |
Il-miżura hija b'mod ċar imputabbli lill-Istat u tinvolvi r-riżorsi tal-Istat, li direttament ibbenifikaw lil ValDeal u l-klijenti tagħha. |
(84) |
It-tieni, ValDeal implimentat proċess li permezz tiegħu l-kumpaniji l-aktar promettenti u li jistħoqqilhom l-aktar kellhom jintgħażlu bħala benefiċjarji għal servizzi konsultattivi mingħajr ħlas. Bħala riżultat, il-proġett ta vantaġġ selettiv lil benefiċjarji magħżula u kellu wkoll il-potenzjal li jgħawweġ il-kompetizzjoni fuq is-swieq downstream li fihom kienu qed joperaw il-klijenti ta' ValDeal, billi tahom vantaġġ selettiv. |
(85) |
It-tielet, huwa probabbli li l-miżura taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq, ValDeal kellha l-ħsieb ukoll li tipprovdu s-servizzi lil kumpaniji stabbiliti f'pajjiżi oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Flimkien ma' dan, il-proġett kellu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tal-klijenti ta' ValDeal biex jikkompetu kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew. Għalhekk, il-miżura affettwat b'mod ċar il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
6.1.3. Konklużjoni
(86) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE lil ValDeal u l-klijenti tagħha. |
6.2. Valutazzjoni tal-kompatibbiltà
6.2.1. L-għajnuna lil ValDeal
— Kwalifika tal-attivitajiet ta' ValDeal bħala proġetti tar-R&Ż
(87) |
Il-Qafas R&Ż&I tal-1996 jistipula d-definizzjonijiet għat-tip ta' riċerka li jista' jitqies bħala kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat: “2.2. […] Biex tiddetermina l-prossimità tas-suq tar-R&Ż megħjuna, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn riċerka fundamentali, riċerka industrijali u attività ta' żvilupp prekompetittiv.” (37) |
(88) |
Il-Kummissjoni tifhem li l-għan tal-proġett ta' ValDeal kien “l-iżvilupp [ta'] proċess sħiħ, il-ħolqien tal-mudell”. Filwaqt li ValDeal għamlet użu minn interazzjoni mal-klijenti tagħha biex jifhmu s-suq Ungeriż u biex jadattaw il-mudell ta' konsulenza miksuba għall-ispeċifiċitajiet tagħha, l-eżitu ta' tali attività kien l-introduzzjoni f'dan is-suq ta' mudell konsultattiv eżistenti li integra diversi servizzi li sa dak iż-żmien kienu pprovduti separatament minn fornituri differenti. ValDeal kellha rwol ta' integratur tas-servizzi li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-klijenti tagħha. Għalhekk, l-aġġustamenti allegati għad-“differenzi soċjokulturali u l-impatti ekonomiċi” prevalenti fis-suq Ungeriż ma jidhrux li huma rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet ta' ValDeal ikkwalifikawx bħala proġetti tar-R&Ż. |
(89) |
Il-mudell implimentat kien maħsub biex joħloq u jistimola r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'entitajiet oħra, u mhux f'ValDeal innifisha. L-adattament tal-mudell li jqabbel ir-rekwiżiti ta' suq speċifiku mhuwiex xi ħaġa speċifika għal ValDeal, iżda l-imġiba ekonomika ordinarja min-naħa ta' kull attur ekonomiku li qed ifittex li jidħol f'suq. Il-mudell imsemmi hawn fuq jidher li huwa personalizzazzjoni sempliċi u normali li titwettaq minn kull attur ekonomiku li jkollu fil-mira tiegħu il-prestazzjoni f'suq speċifiku. L-allegata “stampa realistika tal-valur tas-suq tar-riżultati ta' proġetti innovattivi kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom” li ValDeal kienet kapaċi tipprovdi lill-benefiċjarji tagħha ma kinux fihom infushom differenti mis-servizzi mogħtija minn fornituri ta' servizzi ta' konsulenza simili, u jkun xi jkun il-każ, ma jistgħux jitqiesu bħala R&Ż. |
(90) |
Filwaqt li jista' jkun minnu li fil-ħin tal-għoti tal-għajnuna x-xenarju ekonomiku Ungeriż kien kemxejn differenti minn dak ta' kull pajjiż ieħor, dan l-argument mhuwiex biżżejjed biex jingħad li l-attivitajiet kellhom elementi ta' R&Ż. Kieku ValDeal kienet attiva f'pajjiż differenti hija kellha tadatta l-propożizzjoni tal-valur tagħha xorta waħda, bl-istess mod lil kull attur ekonomiku. Minn din il-perspettiva, ValDeal ma aġixxietx b'mod differenti minn kull fornitur ta' servizzi jew oġġetti. Il-partikolarità tagħha tinsab fil-kapaċità li tintegra u tikkoordina diversi servizzi li l-benefiċjarji kienu qed ifittxu, jew fl-assenza ta' dan il-Proġett, is-servizzi li ma kienx jirnexxielhom jikkuntrattaw b'xi mod ieħor. |
(91) |
Għalkemm ValDeal tirreferi għall-Manwal ta' Frascati, in-natura tal-attivitajiet tagħha ma kinitx dik ta' riċerka mmirata lejn l-identifikazzjoni ta' prodott innovattiv, iżda forma tal-personalizzazzjoni ta' prodott eżistenti, flimkien ma' xogħol analitiku sistematiku mwettaq fil-qafas tal-attivitajiet ta' forniment ta' servizzi tagħha. B'mod partikolari, ValDeal kisbet l-għarfien minn partijiet terzi u llimitat ruħha li tadattaha għas-suq Ungeriż. |
(92) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li, filwaqt li titrawwem l-innovazzjoni mill-utenti finali tas-servizzi ta' ValDeal, l-attivitajiet inkwistjoni ma setgħux jikkwalifikaw bħala proġetti ta' R&Ż skont it-tifsira tal-Qafas R&Ż&I tal-1996. Għalhekk, il-Kummissjoni se tevalwa jekk l-għajnuna mill-Istat tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern skont objettivi politiċi oħrajn f'konformità mal-Artikolu 107 TFUE. |
(93) |
Sabiex twettaq tali evalwazzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-argumenti invokati mill-awtoritajiet Ungeriżi li permezz tagħhom l-għajnuna inkwistjoni għandha tiġi analizzata f'żewġ livelli. L-ewwel nett, fil-livell ta' ValDeal, il-Kummissjoni se tanalizza l-għajnuna maħsuba biex tkopri l-ispejjeż tal-investimenti tagħha f'assi tanġibbli u intanġibbli, marbuta max-xiri u l-użu (soġġetti għal adattament) tal-mudell rilevanti għall-forniment ta' servizzi konsultattivi, ta' konsulenza, u ta' innovazzjoni lill-SMEs. It-tieni nett, fil-livell ta' klijenti ta' ValDeal, l-analiżi se tiffoka fuq l-għajnuna mogħtija lil dawk il-kumpaniji u l-individwi privati li bbenefikaw minn servizzi ta' konsulenza u konsultattivi dwar l-innovazzjoni pprovduti minn ValDeal mingħajr ħlas. |
— Il-kompatibbiltà skont strumenti differenti
(94) |
L-attivitajiet imwettqa minn ValDeal jissodisfaw il-ħtiġijiet materjali tal-Artikolu 4 (jiġifieri ġenerali u speċifiċi) tar-Regolament (KE) Nru 1628/2006 (Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali). L-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Għajnuna Reġjonali fih il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li ġejjin fir-rigward tal-kompatibilità ta' għajnuna mogħtija għal investimenti inizjali:
|
(95) |
B'mod partikolari, wara l-ftuħ tal-proċedura, l-informazzjoni miksuba ppermettiet lill-Kummissjoni tidentifika u tikkalkula l-ispejjeż eliġibbli rilevanti u tivverifika jekk l-intensità tal-għajnuna mogħtija lil ValDeal kinitx taqbeż l-intensitajiet tal-għajnuna allokata. |
(96) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-Ungerija kkalkulat mill-ġdid l-ispejjeż tal-proġett abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq (jiġifieri billi jitqiesu l-ispejjeż tal-investiment materjali u immaterjali) u kkonkludiet li l-ispejjeż totali tal-proġett kienu jammontaw għal HUF 823 320 683. Għalkemm l-assunzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi kienet li l-ispejjeż kollha ta' hawn fuq kienu eliġibbli, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li xi wħud minn dawn l-ispejjeż, jiġifieri dawk li jirrigwardaw “l-adattament tal-kompetenzi”, huma ta' natura operattiva, u għalhekk mhumiex eliġibbli. Konsegwentement, il-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż “tal-kompetenzi ta' adattament”, li jirrappreżentaw HUF 531 300 170, mill-ispejjeż totali. Bħala riżultat ta' dan it-tnaqqis, l-ispejjeż eliġibbli kif stabbiliti mill-Kummissjoni jammontaw għal HUF 292 020 513 fil-valur nominali, jiġifieri, HUF 267 015 826 fil-valur skontat. |
(97) |
It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna li minnha tibbenefika ValDeal tammonta għal HUF 148 711 090 fil-valur nominali, jiġifieri, HUF 118 431 978 fil-valur skontat. Bħala riżultat, l-intensità tal-għajnuna mogħtija direttament lil ValDeal tirrappreżenta 44 % tal-ispejjeż eliġibbli (f'valur skontat), li huwa konsiderevolment iktar baxx mill-intensità massima tal-għajnuna permessa skont ir-Regolament imsemmi hawn fuq, jiġifieri 60 % (38). |
(98) |
Għalhekk, wara li kkunsidrat l-argumenti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna fil-livell ta' ValDeal kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006. |
6.2.2. L-għajnuna lill-klijenti ta' ValDeal
(99) |
Il-Kummissjoni tinnota li, skont id-deċiżjoni tal-għotja tal-awtoritajiet Ungeriżi, il-klijenti ta' ValDeal ibbenefikaw minn servizzi li jistgħu jitqiesu li huma servizzi konsultattivi ta' innovazzjoni u li kienu pprovduti minn ValDeal mingħajr ħlas. L-awtoritajiet Ungeriżi stmaw il-valur ta' tali għajnuna fuq il-bażi ta' tariffa ta' HUF 15 000 għal kull jum, li tirrifletti l-kondizzjonijiet prevalenti tal-prezzijiet fis-suq Ungeriż, u, abbażi ta' dan, indikat li l-għajnuna inkwistjoni kienet tammonta għal HUF 323 797 000. |
(100) |
Għalkemm fil-mument tal-għotja l-għajnuna għal tali servizzi ma kinitx regolata mill-Qafas R&Ż applikabbli, dan it-tip ta' għajnuna kien madankollu kopert mill-Qafas il-ġdid għar-R&Ż&I tal-2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007, jiġifieri ftit jiem wara d-data tal-għotja (39). |
(101) |
Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni se tipproċedi biex tevalwa l-kompatibilità tal-għajnuna direttament skont it-Trattat, filwaqt li tqis il-kriterji speċifiċi stabbiliti fil-Qafas tar-R&Ż&I tal-2006. |
Objettiv tal-interess komuni
(103) |
Il-Kummissjoni tifhem li, fil-waqt tal-għotja, in-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi ta' konsulenza fl-innovazzjoni xekkel il-forniment ta' tali servizzi f'forma integrata u impedixxa l-iżvilupp tad-domanda. |
(104) |
Barra minn hekk, il-proġett kien immirat lejn l-iżvilupp ta' għadd ta' metodi u għodod għall-ġbir, għall-evalwazzjoni u għall-iskrining ta' proġetti li ma kinux għadhom disponibbli fil-ġabra ta' għodda tas-servizzi ta' innovazzjoni fl-Ungerija. Għalhekk, il-proġett li ValDeal implimentat ikkontribwixxa għat-trawwim ta' suq għas-servizzi ta' konsulenza integrata f'industrija frammentata u għat-titjib tal-kapaċitajiet tal-intrapriżi li jinnovaw fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul. |
(105) |
Barra minn hekk, il-proġett ippromwova t-trasferiment tal-għarfien fl-Ungerija, li huwa konformi mal-Inizjattiva Innovattiva ewlenija tal-Unjoni tal-programm kurrenti “Europa 2020” tal-Kummissjoni (40). |
(106) |
Barra minn hekk, għalkemm għadu ma ġiex stabbilit fil-leġiżlazzjoni fi żmien l-għotja, it-tip ta' għajnuna li l-klijenti ta' ValDeal ibbenefikaw minnu kien jikkorrispondi għall-kategorija ta' servizzi ta' konsulenza fl-innovazzjoni rikonoxxuti u speċifikament regolati fil-punt 5.6 tal-Qafas tarR&Ż&I tal-2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007, jiġifieri ftit jiem wara d-data tal-għotja inkwistjoni. |
(107) |
Għalhekk, peress li l-promozzjoni tal-innovazzjoni hija objettiv politiku ewlieni għat-trawwim tat-tkabbir sostenibbli fl-UE, l-għajnuna inkwistjoni kienet maħsuba biex tindirizza objettiv ta' interess komuni. |
Il-falliment tas-suq
(108) |
Wara t-tranżizzjoni ekonomika fis-snin 1990, in-netwerk tal-istituzzjonijiet ta' riċerka pubblika tal-Ungerija kien imfixkel u numru ta' istituti spiċċaw magħluqa. Barra minn hekk, fiż-żmien tal-privatizzazzjoni u r-ristrutturar tal-industrija Ungeriża, huma biss il-kumpaniji multinazzjonali li kienu kapaċi jiffinanzjaw l-akkwist ta' għarfien ġdid rilevanti minn riżorsi interni u jisfruttaw ir-riżultati tal-isforzi tagħhom ta' R&Ż fis-suq. |
(109) |
Fost il-kawżi għal-livell baxx ta' innovazzjoni minn intrapriżi lokali, speċjalment l-SMEs, l-awtoritajiet Ungeriżi semmew “l-ispejjeż għolja wisq tal-innovazzjoni” u “n-nuqqas ta' riżorsi proprji”. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jirreferu wkoll għal relazzjoni ta' xogħol insuffiċjenti u nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn is-sidien Ungeriżi ta' proġetti u investituri innovattivi. Il-problema tal-aħħar kienet relatata l-aktar ma' finanzjament insuffiċjenti ta' teknoloġiji fi stadju bikri, peress li f'dak iż-żmien il-mira prinċipali tal-investituri ta' kapital ta' riskju kienet il-kumpaniji fi stadju medju u fi stadju aħħari b'livell iktar baxx ta' riskju. Pereżempju, fil-perjodu bejn l-2000 u l-2005 kien hemm medja annwali ta' 35 investiment biss li kellhom fil-mira tagħhom il-kumpaniji innovattivi. |
(110) |
Ġiet implementata Sistema ta' Innovazzjoni Nazzjonali (NIS) biex tindirizza l-limitazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-komponenti tas-sistema kienu jeżistu u individwalment ħadmu ġeneralment tajjeb, il-prestazzjoni tas-sistema kollha kemm hi ma kinitx sodisfaċenti. Numru ta' komponenti ma ħadimx kif suppost u l-kooperazzjoni bejniethom kienet pjuttost baxxa. Billi l-prestazzjoni globali kienet qed tiddependi mill-kwalità ta' rabtiet u kooperazzjoni bejn dawk il-komponenti, ir-riżultat tas-sistema ma kienx adegwat. |
(111) |
Waħda mis-soluzzjonijiet biex jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-innovazzjoni fl-Ungerija dehret li kienet il-ħolqien ta' inkubaturi tan-negozju. L-ewwel inkubaturi nħolqu kmieni fid-disgħinijiet, u sal-2009, l-Ungerija kellha madwar 40 inkubatur. Il-maġġoranza ffinanzjat l-attività tagħhom mit-tariffi tal-kera tal-uffiċċji, mis-servizzi tal-uffiċċji, mis-servizzi ta' ġestjoni tal-faċilitajiet u mis-servizzi tal-IT. L-inkubaturi rċevew il-kumpaniji fl-istabbilimenti tagħhom bi skambju għall-kiri ta' spazju għall-uffiċċji u l-kumpaniji bbenefikaw mill-ekonomiji ta' skala tal-inkubaturi, li ppermettewlhom jirrazzjonalizzaw l-ispejjeż fissi tagħhom. Madankollu, l-inkubaturi eżistenti ma pprovdewx servizzi kummerċjali fl-oqsma ta' konsulenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-Proprjetà Intellettwali, mal-kummerċ internazzjonali, mal-ġestjoni tal-innovazzjoni u mal-konsulenza tat-teknoloġija. L-Ungerija ma kellha l-ebda netwerk ta' investituri informali (41), fondi inizjali (42) jew ditti ta' kapital ta' riskju fi stadju bikri li jieħdu r-riskju ta' investiment f'kumpaniji fi stadju bikri. Fl-aħħar nett, l-inkubaturi ma kinux jipprovdu servizzi għal kumpaniji bil-ħsieb li jniedu n-negozji tagħhom u/jew jespandu internazzjonalment (43). |
(112) |
Fl-2006, kien hemm 14-il kumpanija li pprovdew servizzi ta' ġestjoni dwar l-innovazzjoni fl-Ungerija. Is-servizzi li pprovdew kienu jkopru l-oqsma li ġejjin: l-iskrinjar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' invenzjonijiet, l-identifikazzjoni ta' proġetti innovattivi, servizzi biex jattiraw il-finanzjament tal-kapital ta' riskju, il-ġestjoni ta' għotjiet, it-twaqqif ta' pjanijiet ta' negozju, l-implimentazzjoni ta' kumpaniji “spin-off”, liċenzji u proprjetà intellettwali, il-konsultazzjoni tal-ġestjoni, il-ġestjoni tal-proġetti, il-medjazzjoni bejn l-imsieħba kummerċjali, it-taħriġ u l-edukazzjoni, l-organizzazzjoni ta' netwerks ta' innovazzjoni, il-forniment ta' spazju għall-uffiċċji, u l-prestazzjoni ta' riċerka u ta' studji. |
(113) |
Filwaqt li kull wieħed mill-kompetituri ta' ValDeal kien attiv f'mill-inqas wieħed mill-attivitajiet imsemmija hawn fuq, l-għan tal-proġett ta' ValDeal kien li jkoprihom kollha f'forma integrata. Għalhekk, jidher li l-isforzi u l-ispejjeż inerenti fl-iżvilupp ta' mudell tad-dispożizzjonijiet ta' servizzi integrati kienu għoljin wisq billi, minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni effettiva fost l-atturi eżistenti, il-mudell ma kienx kapaċi jimla l-vojt fis-suq. Pereżempju kien meħteiġ li jiġu implikati mill-inqas erba' kumpaniji ta' ValDeal fil-proġett biex ikunu koperti s-servizzi kollha pprovduti fuq bażi integrata minn ValDeal. |
(114) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tifhem li, minħabba problema ta' koordinazzjoni, ma kien hemm l-ebda kumpanija jew istituzzjoni tranżitorja fl-Ungerija li setgħu jevalwaw b'mod sistematiku l-potenzjal kummerċjali ta' prodotti innovattivi u/jew ta' teknoloġiji permezz ta' tip ta' punt uniku ta' servizz. Għalhekk jidher li kien hemm problema kbira ta' koordinazzjoni fis-suq għal servizzi ta' ġestjoni dwar l-innovazzjoni fl-Ungerija. |
(115) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna inkwistjoni kienet meħtieġa peress li, fi żmien l-għotja, kien hemm falliment fis-suq fil-forma ta' problema ta' koordinazzjoni li kienet qed taffettwa kemm il-provvista kif ukoll id-domanda għal servizzi integrati ta' konsulenza fl-innovazzjoni fl-Ungerija. |
L-adegwatezza tal-għajnuna
(116) |
L-awtoritajiet Ungeriżi ppruvaw jegħlbu l-limitazzjonijiet li kienu qed jipprevjenu lill-kumpaniji ġodda Ungeriżi milli jkollhom aċċess għas-servizzi integrati ta' konsulenza fl-innovazzjoni permezz tal-ħolqien tas-Sistema ta' Innovazzjoni Nazzjonali (NIS). Għalkemm is-sistema kienet intiża biex ittejjeb l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-kumpaniji b'mod aktar ġenerali, l-approċċ regolatorju ma wassalx għar-riżultat mistenni (ara l-premessa 110). Għalhekk, l-għajnuna mogħtija lill-klijenti ta' ValDeal fil-forma ta' servizzi integrati ta' konsulenza bla ħlas jista' jitqies bħala mezz xieraq biex jindirizza l-falliment tas-suq imsemmi hawn fuq. Għandu jiġi osservat ukoll li l-proċess tal-għażla tal-benefiċjarji finali implimentat minn ValDeal assigura li l-kumpaniji li kienu se jintgħażlu kienu dawk li l-aktar kien jistħoqqilhom u dawk li kienu l-aktar promettenti. |
Effett ta' inċentiv
(117) |
L-ewwel nett, il-proġett ValDeal implimentat kien sostnut kemm mill-gvern kif ukoll mir-riżorsi ta' ValDeal, b'dawn tal-aħħar jipparteċipaw b'HUF 528 626 021. |
(118) |
It-tieni, il-Kummissjoni tinnota wkoll li ValDeal ma għamilx użu ħażin mill-għajnuna, billi hija wettqet l-istess attivitajiet bħal dawk deskritti fid-dokumenti tal-offerti tagħha. |
(119) |
L-evidenza pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi turi li, mingħajr l-għajnuna, ValDeal ma kinetx tkun kapaċi tipprovdi servizzi ta' innovazzjoni mingħajr ħlas ibbażati fuq mudell integrat u tistimula d-domanda għal servizzi bħal dawn, minħabba li l-frammentazzjoni tas-suq Ungeriż impedixxa l-iżvilupp tan-naħa tad-domanda u ma kienx jippermetti l-ekonomiji ta' skala. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-involviment ta' riżorsi pubbliċi fil-proġett kien maħsub biex ibiddel l-imġiba ta' ValDeal, kif ukoll l-imġiba tal-klijenti tagħha. |
Proporzjonalità u l-impatt fuq il-kompetizzjoni
(120) |
Il-proġett ippermetta lil ValDeal timplimenta mudell aktar effiċjenti li jintegra diversi komponenti tas-servizzi ta' ġestjoni tal-innovazzjoni u għen lill-klijenti ta' ValDeal biex itejbu l-ħiliet kummerċjali u maniġerjali tagħhom. |
(121) |
L-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew provi li juru li f'ebda każ l-ammont tal-għajnuna li jikkorrispondi għas-servizzi pprovduti bla ħlas minn ValDeal ma kien jaqbeż il-EUR 200 000. Huma vverifikaw u kkonfermaw li r-regoli tal-kumulazzjoni fil-livell tal-kumpanija kienu rispettati. |
(122) |
Il-Kummissjoni ssib li l-vantaġġ lill-klijenti ta' ValDeal li rċevew l-għajnuna jikkorrispondi għall-ammonti massimi ta' għajnuna applikabbli għas-servizzi ta' konsulenza fl-innovazzjoni skont il-Qafas tar-R&Ż&I tal-2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007, jiġifieri għaxart ijiem biss wara l-bidu tal-proġett. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-evalwazzjoni tal-għajnuna msemmija hawn fuq direttament taħt it-Trattat twassal għall-konklużjoni li l-ammonti ta' għajnuna mogħtija lil klijenti ta' ValDeal kienu proporzjonati fid-dawl tal-kriterji li l-Kummissjoni stabbiliet fil-Qafas tar-R&Ż&I tal-2006. |
(123) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fil-mument tal-implimentazzjoni tal-proġett, il-kompetituri ta' ValDeal offrew biss komponenti speċifiċi tas-servizzi ta' konsulenza fl-innovazzjoni sostnuti mill-miżura. Il-frammentazzjoni mil-lat tal-provvista u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-atturi jfissru li ValDeal ipprovdiet is-servizzi integrati tagħha f'suq fejn l-ebda kompetitur ieħor ma kien kapaċi jipprovdi servizzi funġibbli bis-sħiħ. Għalhekk, il-proġett implimentat minn ValDeal kellu biss impatt limitat fuq il-kompetizzjoni. |
7. KONKLUŻJONI
(124) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-għajnuna lil ValDeal hija kompatibbli mas-suq intern skont ir-Regolament (KE) Nru 1628/2006 u l-għajnuna lill-klijenti ta' ValDeal hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat li l-Ungerija tat lil ValDeal Innovációs Szolgáltató Zártkörűen Működő Részvénytársaság u lill-klijenti tagħha matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-proġett li rċeva għajnuna “L-użu u l-applikazzjoni tal-Fond għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Teknoloġika” hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2014.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi President
(1) ĠU C 40, 12.2.2013, p. 53.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 3568/2 tal-20 ta' Settembru 2004, “Miżuri li se jitqiesu bħala għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE — Ir-Repubblika tal-Ungerija”.
(3) L-Ungerija ġiet infurmata dwar l-għażla tat-tliet impriżi għal analiżi bir-reqqa inkluża ValDeal, permezz ta' ittra tat-12 ta' Ġunju 2009.
(4) Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ungeriżi dwar it-twaqqif tal-investigazzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju kkonċernat permezz ta' ittra tad-19 ta' Diċembru 2011.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33).
(6) L-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).
(7) ĠU C 40, 12.2.2013, p. 53.
(8) In-netwerk taċ-Ċentru Ewropew għan-Negozju u l-Innovazzjoni huwa assoċjazzjoni Ewropea tan-negozju li tagħha ValDeal hija membru;
(9) Fil-mument tal-ħruġ ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni użat ir-rata tal-kambju ta' HUF/EUR 253,13 tad-19 ta' Diċembru 2006.
(10) L-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li l-ebda Fondi Strutturali ma ntuża għall-iskema ta' għajnuna.
(11) Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, ValDeal kienet mikrointrapriża fl-2006, jiġifieri s-sena meta ġiet stabbilita, u intrapriża żgħira fl-2007 (sottomissjoni tal-Ungerija tat-12 ta' Marzu 2012).
(12) Il-kuntratt ta' għoti oriġinali kien warrab għotja li ma titħallasx lura ta' HUF 550 miljun (madwar EUR 2,17 miljun) għall-kost totali tal-proġett ippjanat oriġinarjament ta' HUF 1 169 467 000 (madwar EUR 4,62 miljun). Għalhekk hemm differenza ta' HUF 168 332 889 bejn il-kostijiet totali ppjanati u t-total attwali tal-kostijiet tal-proġett.
(13) Il-perjodu ta' implimentazzjoni oriġinali ppjanat fil-kuntratt tal-għotja kien mill-1 ta' Diċembru 2006 sal-31 ta' Jannar 2009. Madankollu, l-għoti tal-kuntratt ġie mmodifikat bosta drabi sabiex jiġi estiż il-perjodu ta' implimentazzjoni sat-30 ta' Novembru 2010.
(14) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tal-4 ta' Lulju 2012, “L-Isfond tal-Programm ta' Ġestjoni ta' Innovazzjoni ta' Valdeal”, p. 1.
(15) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tal-24 ta' Frar 2011, “Żvilupp tal-mudell Ungeriż tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata — Ir-Rapport Finali”, p. 8.
(16) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tal-24 ta' Frar 2011, “L-Iżvilupp tal-mudell Ungeriż tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata — Ir-Rapport Finali”, p. 19.
(17) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tal-24 ta' Frar 2011, “L-Iżvilupp tal-mudell Ungeriż tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata — Ir-Rapport Finali”, p. 3.
(18) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tal-24 ta' Frar 2011, “L-Iżvilupp tal-mudell Ungeriż tal-ġestjoni tal-innovazzjoni integrata — Ir-Rapport Finali”, p. 20-21.
(19) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tal-4 ta' Lulju 2012, it-taqsima dwar “It-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni Ewropea — il-Proġett ValDeal”, p. 2.
(20) Ir-Reġistrazzjoni volontarja ta' xogħlijiet hija rregolata mir-Regolament Nru 26/2010 tat-28 ta' Diċembru 2010 tal-Ministru Ungeriż tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja.
(21) http://www.sztnh.gov.hu/kerdesek/gyik/onkentes.html
(22) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tad-19 ta' Ottubru 2011, pp. 17-18, u s-sottomissjoni tat-12 ta' Settembru 2012.
(23) http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-programme/doc78_en.htm
(24) http://ec.europa.eu/cip
(25) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tal-4 ta' Lulju 2012, it-taqsima dwar “l-Isfond — Il-Programm ta' Ġestjoni tal-Innovazzjoni ValDeal”, p. 2.
(26) L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trejd mark Komunitarja (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1).
(27) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna għall-investiment nazzjonali bi skop reġjonali (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29).
(28) Għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2004-31 sal-31 ta' Diċembru 2006, ara l-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2004, li tirrikonoxxi l-mappa tal-għajnuna reġjonali tal-Ungerija bħala għajnuna eżistenti: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/regional_aid/2004/hungary_en.pdf, and the attached regional aid map for that period: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/regional_aid/2004/hungary.gif. Għall-perjodu 2007-2013, ara l-Għajnuna mill-Istat N 487/06 — l-Ungerija — Mappa tal-għajnuna reġjonali 2007-2013, C(2006) 4009 finali tat-13 ta' Settembru 2006 (ĠU C 256, 24.10.2006, p. 7).
(29) L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-għajnuna reġjonali.
(30) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tat-12 ta' Marzu 2012.
(31) Is-sottomissjoni tal-Ungerija tat-13 ta' Marzu 2013.
(32) Il-Manwal ta' Frascati: Il-Prattika Standard proposta għall-Istħarriġiet dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Esperimentali FRASCATI MANUAL 2002, ISBN 92-64-19903-9, © OECD 2002. Dawn li ġejjin huma fost il-kriterji li jistgħu jgħinu biex tiġi identifikata l-preżenza ta' R&Ż f'attivitajiet ta' servizz:
(1) |
“rabtiet ma' laboratorji ta' riċerka pubblika”: Dan il-kriterju jista' jiġi ssodisfat bil-kooperazzjoni ta' ValDeal mal-Università tat-Teknoloġija u l-Ekonomija ta' Budapest u l-Università Corvinus ta' Budapest. |
(2) |
“l-involviment tal-persunal b'Dottorat jew tal-istudenti tad-Dottorat”: Dan il-kriterju jista' jiġi ssodisfat bil-parteċipazzjoni ta' diversi membri tal-persunal b'PhD fl-implimentazzjoni tal-proġett. |
(3) |
il-“pubblikazzjoni ta' riżultati ta' riċerka f'ġurnali xjentifiċi, l-organizzazzjoni ta' konferenzi xjentifiċi jew involviment f'reviżjonijiet xjentifiċi”: Dan il-kriterju jista' jiġi sodisfatt mill-20 sa 30 lekċer li ValDeal tat dwar it-tema tal-proġett f'diversi konferenzi. |
(4) |
“il-kostruzzjoni ta' prototipi jew impjanti pilota (…)”: L-ilħuq ta' dan il-kriterju jista' jiġi sostnut bil-fatt li bejn l-2007 u l-2010 ValDeal konsistentement żviluppat u ttestjat il-mudell fuq aktar minn 500 proġett. |
(33) Il-prezz tas-suq għas-servizzi provduti mingħajr ħlas minn ValDeal ġie kkalkulat bir-rata ta' HUF 15 000 fis-siegħa (madwar EUR 60 fis-siegħa).
(34) Is-suppożizzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi kienet li l-ispejjeż kollha tal-proġett kienu eliġibbli.
(35) Is-sottomissjoni inizjali kienet tinkludi oġġetti oħra li kienu jammontaw għal HUF 18 507 567 li, għalkemm mhux direttament relatati mal-proġett, jikkwalifikaw bħala żvilupp esperimentali.
(36) Is-sottomissjoni tan-Netwerk taċ-Ċentru Ewropew għan-Negozju u l-Innovazzjoni tal-14 ta' Marzu 2013.
(37) ĠU C 45, 17.2.1996, p. 5 (l-Anness I):
— |
Riċerka fundamentali […] hija attività maħsuba biex tkabbar l-għarfien tekniku u xjentifiku li mhuwiex marbut ma' objettivi industrijali jew kummerċjali. |
— |
Riċerka industrijali […] hija riċerka ppjanata ta' investigazzjoni kritika mmirata lejn l-akkwist ta' tagħrif ġdid, bl-għan li dan it-tagħrif jista' jkun utli fl-iżvilupp ta' prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew iġib miegħu titjib sinifikanti fi prodotti, proċessi jew servizzi eżistenti. |
— |
Attività ta' żvilupp prekompetittiv […] hija l-formulazzjoni tar-riżultati tar-riċerka industrijali fi pjan, skema ta' disinn għall-prodotti, proċessi jew servizzi ġodda, mibdulin jew imtejbin, kemm jekk ikunu intiżi għall-bejgħ kif ukoll jekk għall-użu, inkluż il-ħolqien ta' prototip inizjali li ma jkunx jista' jiġi użat kummerċjalment. Din tista' tinkludi wkoll il-formulazzjoni kunċettwali u d-disinn ta' prodotti, proċessi u servizzi oħra kif ukoll proġetti ta' dimostrazzjoni inizjali jew proġetti pilota, sakemm dawn il-proġetti ma jkunux jistgħu jinbidlu jew jintużaw għal applikazzjonijiet industrijali jew għal xi użu kummerċjali. Din ma tinkludix tibdiliet ta' rutina jew perjodiċi magħmula lil prodotti, linji ta' produzzjoni, proċessi ta' manifattura, servizzi eżistenti u operazzjonijiet oħra li jkunu għaddejjin, anki jekk dawn it-tibdiliet jistgħu jirrappreżentaw titjib. |
(38) Dawn l-argumenti sottomessi mill-awtoritajiet Ungeriżi dwar il-kompatibilità tal-proġett ta' ValDeal mal-kundizzjonijiet ta' kompatibilità tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 ma kinux sostanzjati biżżejjed biex jippermettu lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni bir-reqqa.
(39) It-Taqsima 5.6 tal-Qafas tar-R&Ż&I tal-2006 tgħid hekk: “L-għajnuna għal servizzi konsultattivi ta' innovazzjoni u għal servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE jekk tiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
il-benefiċjarju jkun SME; |
(2) |
l-għajnuna ma taqbiżx massimu ta' EUR 200 000 għal kull benefiċjarju fi kwalunkwe perjodu ta' tliet snin; |
(3) |
il-fornitur tas-servizz jibbenefika minn ċertifikazzjoni nazzjonali jew Ewropea. Jekk il-fornitur tas-servizz ma jibbenefikax minn ċertifikazzjoni nazzjonali jew Ewropea, l-għajnuna ma tistax tkopri aktar minn 75 % tal-ispejjeż eliġibbli; |
(4) |
il-benefiċjarju għandu juża l-għajnuna mill-Istat biex jixtri s-servizzi bil-prezz tas-suq (jew jekk il-fornitur tas-servizz ikun entità mhux spekulattiva, bi prezz li jirrifletti l-ispejjeż sħaħ tagħha flimkien ma' marġni raġonevoli)”. |
(40) http://ec.europa.eu/prelex/detail_dossier_real.cfm?CL=en&DosId=199719
(41) Linji ta' Gwida għal Kapital ta' Riskju 2006/C-194/02: “Investituri informali” (“business angels”) tfisser individwi privati għonja li jinvestu direttament f'negozju żgħir, ġdid u negozju mhux ikkwotat li qed jikber (finanzjament inizjali) u jipprovdu pariri, ġeneralment bi tpattija għal sehem fl-ekwità tan-negozju, iżda jistgħu wkoll jipprovdu finanzjament fit-tul ieħor;
(42) Linji ta' Gwida għal Kapital ta' Riskju 2006/C-194/02: “Kapital Inizjali” tfisser finanzjament provdut għall-istudju, il-valutazzjoni u l-iżvilupp ta' kunċett inizjali, qabel il-fażi tal-bidu;
(43) Sorsi: Bundik, 2008.