EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0815

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/815 tas-17 ta' Mejju 2016 rigward l-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni, li tfasslet fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u għall-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996, għall-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 u għat-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 tiegħu

ĠU L 133, 24.5.2016, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/815/oj

24.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/815

tas-17 ta' Mejju 2016

rigward l-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni, li tfasslet fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u għall-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996, għall-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 u għat-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikoli 3(4) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni, li tfasslet fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (2) (“il-Konvenzjoni”) ġiet iffirmata fis-26 ta' Lulju 1995 u daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Ottubru 2002.

(2)

Il-Konvenzjoni ġiet issupplimentata mill-Protokoll, imfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (3) (“il-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996”) u mill-Protokoll, imfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-interpretazzjoni permezz ta' deċiżjonijiet preliminari, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (4) (“il-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996”), li t-tnejn daħlu fis-seħħ fis-17 ta' Ottubru 2002.

(3)

Il-Konvenzjoni ġiet issupplimentata ulterjorment mit-Tieni Protokoll, imfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (5) (“it-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997”) li daħal fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2009.

(4)

L-Artikolu 3(4) tal-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja (“l-Att ta' Adeżjoni”) jipprevedi li l-Kroazja taċċedi għall-konvenzjonijiet u l-protokolli elenkati fl-Anness I tal-Att ta' Adeżjoni. Dawk il-konvenzjonijiet u protokolli jinkludu, inter alia, il-Konvenzjoni, il-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996, il-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 u t-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997. Il-Konvenzjoni u dawk il-Protokolli għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward tal-Kroazja fid-data stabbilita mill-Kunsill.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 3(5) tal-Att ta' Adeżjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi li jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa kollha minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja għall-konvenzjonijiet u l-protokolli elenkati fl-Anness I għall-Att ta' Adeżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni, il-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996, il-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 u t-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Kroazja fl-ewwel jum tal-ewwel xahar minn wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-verżjonijiet bil-lingwa Kroata tal-Konvenzjoni (6), tal-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996 (7), tal-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 (8) u tat-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 (9) għandhom ikunu awtentiċi taħt l-istess kondizzjonijiet tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-Konvenzjoni u ta' dawk il-Protokolli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data ta' wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M.H.P. VAN DAM


(1)  Opinjoni tal-25 ta' Frar 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

(3)  ĠU C 313, 23.10.1996, p. 2.

(4)  ĠU C 151, 20.5.1997, p. 2.

(5)  ĠU C 221, 19.7.1997, p. 12.

(6)  Il-verżjoni bil-lingwa Kroata ġiet ippubblikata f'edizzjoni speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali (Kapitolu 19, Volum 014, p. 50).

(7)  Il-verżjoni bil-lingwa Kroata ġiet ippubblikata f'edizzjoni speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali (Kapitolu 19, Volum 014, p. 73).

(8)  Il-verżjoni bil-lingwa Kroata ġiet ippubblikata f'edizzjoni speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali (Kapitolu 19, Volum 014, p. 92).

(9)  Il-verżjoni bil-lingwa Kroata ġiet ippubblikata f'edizzjoni speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali (Kapitolu 19, Volum 014, p. 141).


Top