Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0786

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/786 tat-18 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment u t-tħaddim ta' bord konsultattiv indipendenti li jassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddeterminaw jekk il-prodotti tat-tabakk għandhomx aroma karatterizzanti (notifikata bid-dokument C(2016) 2921) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/2921

    ĠU L 131, 20.5.2016, p. 79–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/786/oj

    20.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 131/79


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/786

    tat-18 ta' Mejju 2016

    li tistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment u t-tħaddim ta' bord konsultattiv indipendenti li jassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddeterminaw jekk il-prodotti tat-tabakk għandhomx aroma karatterizzanti

    (notifikata bid-dokument C(2016) 2921)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40/UE jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tat-tabakk b'aroma karatterizzanti. Ir-regoli uniformi għall-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti huma stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/779 (2).

    (2)

    L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2014/40/UE jistipula li, meta jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jikkonsultaw bord konsultattiv indipendenti (“il-bord”). Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċedura għat-twaqqif u t-tħaddim ta' dak il-bord.

    (3)

    Il-bord għandu jkun magħmul minn esperti bi kwalifiki għolja, speċjalizzati u indipendenti, b'kompetenzi rilevanti fl-oqsma tal-analiżi sensorjali, statistika u kimika. Dawn għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod imparzjali u fl-interess pubbliku. Għandhom jintgħażlu abbażi ta' kriterji oġġettivi permezz ta' sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet u jinħatru f'kapaċità personali. Għandu jkollhom il-firxa ta' ħiliet u kompetenzi li l-bord għandu bżonn biex ikun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

    (4)

    Il-bord għandu jkun assistit minn grupp tekniku rreklutat permezz ta' proċedura ta' akkwist pubbliku. Il-grupp tekniku għandu jwettaq valutazzjonijiet sensorjali u kimiċi bbażati fuq paragun bejn il-proprjetajiet olfattivi tal-prodott tat-test u dawk tal-prodotti ta' referenza. L-analiżi sensorjali, inkluża dik tax-xamm, hija dixxiplina xjentifika stabbilita li tapplika l-prinċipji tal-analiżi statistika u tad-disinn sperimentali biex tivvaluta u tiddeskrivi l-perċezzjonijiet tas-sensi tal-bniedem, inkluż ix-xamm, bl-iskop li jiġu evalwati l-prodotti għall-konsumatur. Titqies bħala metodu xieraq biex jinkisbu riżultati validi, robusti, affidabbli u riproduċibbli meta jkun qed jiġi vvalutat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti. Analiżi bħal din għandha titwettaq abbażi ta' metodoloġija stabbilita u tipproduċi riżultati billi tuża għodod statistiċi. Fejn titqies xierqa, l-analiżi sensorjali għandha tiġi kkomplementata permezz ta' analiżi kimika tal-prodotti.

    (5)

    Fit-twettiq tal-funzjonijiet konsultattivi tiegħu, il-bord għandu jeżamina, kif applikabbli, id-dejta pprovduta mill-grupp tekniku, kif ukoll kull informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tiegħu li jista' jqis relevanti, inkluża l-informazzjoni li tinkiseb b'riżultat tal-obbligi ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/40/UE. Għandu jagħti pariri lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-ħin dwar jekk iqisx li l-prodotti ttestjati għandhomx aroma karatterizzanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE.

    (6)

    Billi t-tekniki u l-metodi xjentifiċi biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' aroma karatterizzanti jistgħu jevolvu maż-żmien u mal-esperjenza miksuba, jixraq li l-Kummissjoni timmonitorja l-iżviluppi f'dan il-qasam bl-għan li tivvaluta jekk il-metodoloġiji użati biex issir tali determinazzjoni għandhomx jiġu riveduti.

    (7)

    Il-bord u l-proċess li permezz tiegħu jivvaluta l-eżistenza ta' aroma karatterizzanti għandhom ikunu protetti kontra kull interferenza esterna minn kwalunkwe entità jew assoċjazzjoni b'interess fl-eżitu tal-valutazzjoni tiegħu. L-informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi protetta kontra l-iżvelar involontarju u intenzjonat. Il-membri tal-bord u l-grupp tekniku li ma jistgħux ikomplu jwettqu dmirijiethom jew li ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu sostitwiti.

    (8)

    Il-ħidma tal-bord għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' livell għoli ta' kompetenza, indipendenza u trasparenza. Għandha tiġi organizzata u mwettqa f'konformità mal-aħjar prassi u ma' standards xjentifiċi għoljin.

    (9)

    Il-bord għandu jikkontribwixxi b'mod effettiv biex itejjeb il-funzjonament tas-suq intern filwaqt li jiżgura livell għoli ta' saħħa pubblika, b'mod partikolari billi jgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jivvalutaw il-prodotti tat-tabakk li potenzjalment għandhom aroma karatterizzanti. L-attivitajiet tal-bord huma meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva u uniformi tad-Direttiva 2014/40/UE u l-parir ipprovdut mill-membri tal-bord huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika rilevanti tal-Unjoni. Għaldaqstant, jixraq li l-bord jingħata appoġġ finanzjarju adegwat fil-forma ta' allowance speċjali għall-membri tiegħu, apparti r-rimborż tal-ispejjeż tagħhom.

    (10)

    Id-dejta personali trid tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (11)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat kif hemm imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment u t-tħaddim ta' bord konsultattiv indipendenti (“il-bord”) li jassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddeterminaw jekk il-prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti

    Artikolu 2

    Definizzjoni

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “prodott tat-test” tfisser prodott riferut lill-bord minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni għal opinjoni dwar jekk dan għandux aroma karatterizzanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE.

    Artikolu 3

    Kompiti

    Il-bord għandu jagħti opinjonijiet dwar jekk prodotti tat-test għandhomx aroma karatterizzanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE.

    KAPITOLU II

    TWAQQIF TAL-BORD KONSULTATTIV INDIPENDENTI

    Artikolu 4

    Ħatra

    1.   Il-bord għandu jkun magħmul minn sitt membri.

    2.   Id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari li jaġixxi f'isem il-Kummissjoni (id-“Direttur Ġenerali”) għandu jaħtar il-membri tal-bord minn lista ta' kandidati eleġibbli stabbilita wara l-pubblikazzjoni ta' sejħa għall-applikazzjonijiet fuq is-sit web tal-Kummissjoni u fir-reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn (ir-“Reġistru tal-gruppi ta' esperti”). Il-membri għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kompetenzi u l-esperjenza tagħhom fl-oqsma tal-analiżi sensorjali, statistika u kimika, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-bżonn li tiġi żgurata l-indipendenza u n-nuqqas ta' kunflitti ta' interess.

    3.   Il-persuni inklużi fil-lista ta' kandidati xierqa li mhumiex maħtura fil-bord għandhom jiġu inklużi f'lista ta' riżerva ta' kandidati xierqa biex jissostitwixxu l-membri li s-sħubija tagħhom tkun waqfet f'konformità mal-Artikolu 5(3). Id-Direttur Ġenerali għandu jistaqsi lill-applikanti għall-kunsens tagħhom qabel ma jinkludi l-ismijiet tagħhom fil-lista ta' riżerva.

    4.   Il-lista tal-membri tal-bord għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti u tkun disponibbli fuq is-sit web rilevanti tal-Kummissjoni.

    Artikolu 5

    Mandati

    1.   Il-membri tal-bord għandhom jinħatru għal mandat ta' ħames snin li jista' jiġġedded.

    2.   Jekk, fi tmiem il-mandat, it-tiġdid jew is-sostituzzjoni tal-bord ma jkunux ġew ikkonfermati, il-membri eżistenti għandhom jibqgħu fil-kariga.

    3.   Individwu jieqaf milli jkun membru tal-bord jekk:

    (a)

    imut jew isir inabilitat sal-punt li ma jkunx jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont din id-Deċiżjoni;

    (b)

    jirriżenja;

    (c)

    id-Direttur Ġenerali jissospendi s-sħubija tiegħu skont il-paragrafu 5, f'liema każ għandu jieqaf milli jkun membru għat-tul tas-sospensjoni; jew

    (d)

    id-Direttur Ġenerali jtemm is-sħubija tiegħu skont il-paragrafu 5.

    4.   Membru li jixtieq jirriżenja għandu jgħarraf lid-Direttur Ġenerali bl-e-Mail jew bil-posta rreġistrata, billi javża mhux inqas minn sitt xhur qabel ir-riżenja tiegħu. Meta membru jkun f'pożizzjoni li jwettaq dmirijietu u jkun għaddej proċess ta' sostituzzjoni, dan jista', fuq talba tad-Direttur Ġenerali, jibqa' fil-kariga sakemm tiġi kkonfermata s-sostituzzjoni.

    5.   Id-Direttur Ġenerali jista' jissospendi temporanjament jew itemm permanentament is-sħubija ta' membru fejn ikun instab, jew ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex iqis, li:

    (a)

    il-membru ma għadux jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni jew fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew aġixxa bi ksur ta' dawn il-kundizzjonijiet;

    (b)

    il-membru ma għadux jikkonforma ma' waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet essenzjali stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, jew mal-prinċipji ta' indipendenza, imparzjalità u kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 16, jew meta l-kondotta jew il-pożizzjoni tal-membru ma tkunx kompatibbli mad-dikjarazzjonijiet magħmula skont l-Artikoli 16, 17 u 18;

    (c)

    il-membru ma jkunx kapaċi jwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Deċiżjoni;

    (d)

    fatturi sinifikanti oħra qed jitfgħu dubju fuq il-funzjonament tal-bord.

    6.   Meta s-sħubija ta' Membru tkun waqfet f'konformità mal-paragrafu 3, id-Direttur Ġenerali għandu jaħtar sostitut għall-bqija tat-terminu jew għall-perjodu tas-sospensjoni temporanja. Il-Kummissjoni għandha tniedi sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet ladarba tiġi eżawrita l-lista ta' riżerva.

    KAPITOLU III

    OPERAT TAL-BORD

    Artikolu 6

    Elezzjoni tal-President u tal-Viċi President

    1.   Fil-bidu ta' kull mandat, il-bord għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu. L-elezzjoni għandha sseħħ b'maġġoranza sempliċi tal-membri kollha tiegħu. F'każ ta' parità, id-Direttur Ġenerali għandu jagħżel il-President minn fost il-membri bl-aktar voti, abbażi ta' valutazzjoni tal-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom.

    2.   Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jikkoinċidi mal-mandat tal-bord u għandu jkun jista' jiġġedded. Kull sostitut tal-President jew tal-Viċi President għandu jkun għall-bqija tal-mandat tiegħu.

    Artikolu 7

    Regoli tal-votazzjoni

    1.   Għall-voti f'każijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 8(3)(a), il-bord għandu jieħu deċiżjonijiet biss meta tal-anqas erba' membri jkunu qed jipparteċipaw fil-votazzjoni, li wieħed minnhom irid ikun il-President jew il-Viċi President. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi.

    2.   F'każ ta' parità, il-persuna li tippresiedi l-votazzjoni għandu jkollha l-vot deċiżiv.

    3.   Persuni li waqfu milli jkunu membri jew li s-sħubija tagħha tiġi temporanjament sospiża skont l-Artikolu 5(5) ma għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tal-maġġoranza msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 8

    Regoli ta' proċedura

    1.   Il-bord għandu jadotta, u jaġġorna kif xieraq, ir-regoli ta' proċedura tiegħu fuq proposta tad-Direttur Ġenerali u bi ftehim miegħu.

    2.   Ir-regoli ta' proċedura għandhom jiżguraw li l-bord jaqdi l-kompiti tiegħu skont il-prinċipji ta' eċċellenza xjentifika, indipendenza u trasparenza.

    3.   B'mod partikolari, ir-regoli ta' proċedura għandhom jistipulaw:

    (a)

    il-proċedura għall-elezzjoni tal-President u tal-Viċi President tal-bord, skont l-Artikolu 6;

    (b)

    l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu IV;

    (c)

    il-proċeduri għall-adozzjoni ta' opinjoni;

    (d)

    relazzjonijiet ma' partijiet terzi, inklużi l-korpi xjentifiċi;

    (e)

    regoli dettaljati oħra dwar il-funzjonament tal-bord.

    Artikolu 9

    Metodoloġija

    1.   Il-bord għandu jispeċifika u, kif xieraq, jaġġorna l-metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti tat-test. Il-metodoloġija għall-analiżi sensorjali għandha tkun ibbażata fuq paragun bejn il-proprjetajiet olfattivi tal-prodott tat-test u dawk tal-prodotti ta' referenza. Fl-iżvilupp ta' din il-metodoloġija, il-bord għandu jqis, kif xieraq, l-input tal-gruppi tekniċi msemmija fl-Artikolu 12.

    2.   L-abbozz tal-metodoloġija, u kull abbozz ta' aġġornament sussegwenti, għandhom jiġu sottomessi lid-Direttur Ġenerali għall-approvazzjoni, u għandhom ikunu applikabbli biss wara li tingħata tali approvazzjoni.

    Artikolu 10

    Parir dwar il-prodotti tat-test

    1.   Meta l-bord jintalab jagħti opinjoni dwar il-prodott tat-test, il-President tal-bord għandu jinforma lill-membri kollha. Hu jista' jaħtar relatur minn fost il-membri biex jikkoordina l-eżami ta' prodott partikolari. Il-President għandu jissottometti rapport finali lill-Kummissjoni u, meta applikabbli, lill-Istat Membru li jkun għamel it-talba.

    2.   Meta l-bord iqis li huwa meħtieġ għall-finijiet ta' għoti ta' opinjoni, dan għandu jitlob il-kontribut tal-grupp tekniku stabbilit skont l-Artikolu 12. Meta jfassal l-opinjoni tiegħu, il-bord għandu jqis l-informazzjoni u d-dejta miksuba mill-grupp tekniku. Dan jista' wkoll iqis kull informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tiegħu li jqis awtorevoli u rilevanti, inkluża l-informazzjoni li tirriżulta mill-obbligi ta' rappurtar skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/40/UE.

    3.   Fir-rigward tad-dejta u l-informazzjoni pprovduta mill-grupp tekniku, il-bord għandu, b'mod partikolari:

    (a)

    jivverifika jekk il-grupp tekniku jirrispettax ir-regoli u l-istandards xjentifiċi applikabbli;

    (b)

    jivvaluta d-dejta u l-informazzjoni, b'mod partikolari biex jiddetermina jekk dawn humiex biżżejjed biex jilħaq konklużjoni jew jekk humiex meħtieġa dejta u informazzjoni addizzjonali;

    (c)

    jitlob kjarifiki bħal dawn mingħand il-grupp tekniku kif ikun meħtieġ biex jilħaq konklużjoni.

    4.   Jekk il-bord iqis li d-dejta jew l-informazzjoni mhijiex biżżejjed jew jiddubita jekk ġewx irrispettati r-regoli u l-istandards applikabbli, dan għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni u, meta applikabbli, lill-Istat Membru li jkun għamel it-talba. Fejn iqis neċessarju, il-bord jista' jitlob lill-grupp tekniku biex jirrepeti ċerti testijiet filwaqt li jqis il-kummenti tal-bord.

    5.   Fejn il-bord ikun sodisfatt li r-regoli u l-istandards applikabbli ġew irrispettati, inkluż, fejn applikabbli, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4, u li d-dejta u l-informazzjoni huma biżżejjed biex jilħaq konklużjoni, dan għandu jipproċedi billi jagħti opinjoni skont il-paragrafu 2.

    6.   Il-bord għandu jissottometti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lil kull Stat Membru rikjedenti fi żmien tliet xhur mid-data meta tasal it-talba jew sa data maqbula mal-Kummissjoni jew mal-Istat Membru li jkun għamel it-talba.

    Artikolu 11

    Konsultazzjoni dwar kwistjonijiet oħra

    1.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-bord dwar kwistjonijiet oħra marbuta mad-determinazzjoni ta' aroma karatterizzanti f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40/UE. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, b'konsultazzjoni mal-President, jekk għandhiex issejjaħ laqgħa jew tipproċedi permezz ta' proċedura bil-miktub.

    2.   Il-President jista' jaħtar relatur minn fost il-membri tal-bord biex jikkoordina l-ħidma u għandu jissottometti rapport finali lill-Kummissjoni.

    3.   Fid-deliberazzjonijiet tiegħu, il-bord għandu jqis, kif xieraq, id-dejta u l-informazzjoni mogħtija lilu mill-grupp tekniku u kull informazzjoni relevanti oħra li tkun għad-dispożizzjoni tiegħu.

    Artikolu 12

    Grupp tekniku ta' valutaturi sensorjali u kimiċi

    1.   Għandu jitwaqqaf grupp tekniku ta' valutaturi sensorjali u kimiċi (il-“grupp tekniku”) biex jipprovdi lill-bord b'valutazzjoni tal-proprjetajiet sensorjali u, fejn ikun xieraq, tal-proprjetajiet kimiċi tal-prodott tat-test bħala parti mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10. Il-grupp tekniku għandu jkun magħmul minn:

    (a)

    żewġ persuni kwalifikati magħżula abbażi tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-esperjenza tagħhom fl-analiżi sensorjali, li għandhom ikunu responsabbli għar-reklutaġġ, it-taħriġ u s-superviżjoni tal-valutaturi sensorjali;

    (b)

    il-valutaturi sensorjali rreklutati abbażi tal-abbiltà ta' diskriminazzjoni olfattiva tagħhom u tal-kapaċità tagħhom li jipperċepixxu, janalizzaw u jinterpretaw l-irwejjaħ, u li jkunu laħqu l-età maġġuri kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli; u

    (c)

    żewġ persuni magħżula abbażi tal-għarfien u l-ħiliet tagħhom fl-analiżi kimika u tal-laboratorju li jkunu responsabbli għall-analiżi kimika tal-prodotti tat-test.

    2.   Għandha tiġi stabbilita proċedura ta' akkwist pubbliku għall-għażla ta' kuntrattur inkarigat mit-twaqqif ta' grupp tekniku. Il-kuntrattur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-kompetenza teknika minima u t-tagħmir kif speċifikat fis-sejħa għall-offerti u jinkludi l-persuni msemmija fil-paragrafu 1(a) u (c).

    Is-sejħa għall-offerti u d-dokumentazzjoni kuntrattwali marbuta magħha għandhom jispeċifikaw li l-grupp tekniku għandu l-obbligu li jaġixxi b'mod indipendenti u jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali u d-dejta personali. Dan għandu jinkludi wkoll rekwiżit li kull membru tal-grupp jirritorna dikjarazzjoni ta' interess mimlija kif xieraq qabel ma jinvolvi ruħu f'xi ħidma għall-grupp tekniku. Barra minn hekk, is-sejħa għall-offerti u d-dokumentazzjoni kuntrattwali marbuta magħha għandhom jinkludu, mill-inqas, l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tal-funzjonijiet ewlenin tal-grupp tekniku;

    (b)

    l-ispeċifikazzjonijiet relatati mat-twaqqif, il-ġestjoni u t-tħaddim tal-grupp tekniku, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għat-twettiq ta' funzjonijiet tal-grupp;

    (c)

    l-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw il-kompetenza teknika u t-tagħmir li jridu jkunu għad-dispożizzjoni tal-kuntrattur;

    (d)

    l-ispeċifikazzjonijiet relatati mar-reklutaġġ tal-valutaturi sensorjali. Tali speċifikazzjonijiet għandhom jinkludu rekwiżit li l-valutaturi sensorjali jistgħu jiġu rreklutati biss wara li l-Kummissjoni tkun approvat il-kandidati proposti.

    3.   L-analiżi sensorjali tal-grupp tekniku għandha tkun ibbażata fuq il-metodoloġija stabbilita skont l-Artikolu 9.

    4.   L-analiżi sensorjali għandha tkun ikkomplementata, fejn xieraq, minn valutazzjoni kimika tal-kompożizzjoni tal-prodott permezz ta' analiżijiet kimiċi. Din il-valutazzjoni għandha ssir b'mod li tipproduċi riżultati preċiżi, konsistenti u riproduċibbli. Il-proċess u r-riżultati tal-valutazzjoni kimika għandhom jiġu ddokumentati.

    5.   Il-grupp tekniku għandu jagħti r-riżultati tal-ittestjar tal-prodotti lill-bord sa data miftiehma mill-bord.

    6.   Il-ħidma tal-grupp tekniku għandha tkun soġġetta għal-limiti tal-baġit annwali allokat għalih mill-Kummissjoni.

    Artikolu 13

    Segretarjat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi segretarjat għall-bord u għall-attivitajiet l-oħra kollha marbuta mal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   Is-segretarjat għandu jkun responsabbli li jipprovdi appoġġ amministrattiv sabiex jiffaċilita l-funzjonament effiċjenti tal-bord u jimmonitorja l-konformità mar-regoli ta' proċedura.

    Artikolu 14

    Allowance speċjali

    1.   Il-membri tal-bord għandhom ikunu intitolati għal allowance speċjali li tikkumpensahom għall-ħidma preparatorja u għall-parteċipazzjoni tagħhom, personalment jew b'mod remot b'mezzi elettroniċi, fil-laqgħat tal-bord u attivitajiet oħra marbuta mal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u organizzati mill-Kummissjoni, u għar-rwol tagħhom bħala relatur dwar kwistjoni speċifika.

    2.   L-allowance speċjali għandha tikkonsisti f'massimu ta' EUR 450 fil-forma ta' kost ta' unità ta' kuljum għal kull jum sħiħ ta' xogħol. Il-kumpens totali għandu jiġi kkalkulat u mqarreb 'il fuq lejn l-ammont li jikkorrispondi għall-eqreb nofs jum ta' xogħol.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirrimborża l-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, tas-sussistenza mħallsa mill-membri u mill-esperti esterni b'rabta mal-attivitajiet tal-bord f'konformità mad-dispożizzjonijiet interni tal-Kummissjoni.

    4.   L-allowances u r-rimborżi kollha għandhom ikunu soġġetti għall-baġit annwali li l-Kummissjoni allokat għall-bord.

    KAPITOLU IV

    INDIPENDENZA, KUNFIDENZJALITÀ U TRASPARENZA

    Artikolu 15

    Komunikazzjoni

    1.   Il-President tal-bord għandu jaġixxi bħala l-persuna ta' kuntatt għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.

    2.   Il-President għandu jirrapporta minnufih lill-Kummissjoni kull ċirkostanza li tista' tipperikola l-funzjonament tal-bord.

    Artikolu 16

    Indipendenza

    1.   Il-membri tal-bord għandhom jinħatru f'kapaċità personali. Dawn ma għandhomx jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil xi persuna oħra. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' indipendenza, imparzjalità u kunfidenzjalità u jaġixxu fl-interess pubbliku.

    2.   L-esperti li japplikaw biex jinħatru bħala membri tal-bord għandhom jintalbu jissottomettu dikjarazzjoni li tindika kull interess li jista' jikkomprometti jew li b'mod raġonevoli jitqies li jikkomprometti l-indipendenza tagħhom, inkluża kull ċirkostanza marbuta mal-partners jew mal-membri tal-familja qrib tagħhom. Is-sottomissjoni ta' dikjarazzjoni ta' interess mimlija kif xieraq għandha tkun meħtieġa sabiex espert ikun eliġibbli li jinħatar bħala membru tal-bord. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li ma jeżisti l-ebda kunflitt ta' interess, l-applikant għandu jkun eliġibbli għall-ħatra, b'kundizzjoni li jitqies li għandu l-kompetenza meħtieġa.

    3.   Il-membri tal-bord għandhom jinfurmaw fil-pront lill-Kummissjoni jekk ikun hemm xi tibdil fl-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni tagħhom, f'liema każ għandhom jissottomettu minnufih dikjarazzjoni ġdida li turi l-bidliet rilevanti.

    4.   F'kull laqgħa, il-membri tal-bord għandhom jiddikjaraw kull interess speċifiku li jista' jikkomprometti jew li b'mod raġonevoli jitqies li jikkomprometti l-indipendenza tagħhom b'rabta ma' kwalunkwe punt fuq l-aġenda. F'każijiet bħal dawn, il-President jista' jitlob li l-membru kkonċernat jirtira mil-laqgħa jew minn partijiet tal-laqgħa. Il-President għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar din id-dikjarazzjoni u l-azzjonijiet meħuda.

    5.   Il-membri tal-bord għandhom iżommu lura milli jkollhom kuntatt dirett jew indirett mal-industrija tat-tabakk jew mar-rappreżentanti tagħha.

    Artikolu 17

    Kunfidenzjalità u protezzjoni ta' dejta personali

    1.   Il-membri tal-bord ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni inkluża dejta personali jew kummerċjalment sensittiva, li tinkiseb b'riżultat tal-ħidma tal-bord jew ta' attivitajiet oħra marbuta mal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, anki wara li dawn ma jkunux baqgħu membri. Għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta' kunfidenzjalità f'dan is-sens.

    2.   Il-membri tal-bord għandhom iħarsu r-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata u informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (4) u (UE, Euratom) 2015/444 (5). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri xierqa kollha.

    Artikolu 18

    Impenn

    Il-membri tal-bord għandhom jintrabtu li jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tal-bord. Għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta' impenn f'dan is-sens.

    Artikolu 19

    Trasparenza

    1.   L-attivitajiet tal-bord għandhom jitwettqu b'livell għoli ta' trasparenza. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dokumenti kollha rilevanti fuq sit web iddedikat apposta u tipprovdi ħolqa għal dan is-sit web mir-reġistru tal-gruppi ta' esperti. B'mod partikolari, għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr dewmien żejjed:

    (a)

    l-ismijiet tal-membri;

    (b)

    id-dikjarazzjonijiet ta' interess, ta' kunfidenzjalità u ta' impenn tal-membri;

    (c)

    ir-regoli ta' proċedura tal-bord;

    (d)

    l-opinjonijiet adottati mill-bord skont l-Artikolu 10;

    (e)

    l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat tal-bord;

    (f)

    il-metodoloġija stabbilita skont l-Artikolu 9.

    2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-pubblikazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa meta l-iżvelar ta' dokument ikun jimmina l-protezzjoni tal-interess pubbliku jew privat kif jiddefinixxi l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 20

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/779 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti (ara l-paġna 48 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    Top