Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0544

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 tal-15 ta' Frar 2016 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411)

    ĠU L 91, 7.4.2016, p. 27–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/07/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/544/oj

    7.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 91/27


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/544

    tal-15 ta' Frar 2016

    li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411) (1)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 136(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja.

    (2)

    Mill-2010, il-Greċja ngħatat assistenza finanzjarja mill-Istati Membri u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”). Fit-2 ta' Mejju 2010, intlaħaq qbil dwar l-ewwel Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja: l-Istati Membri taż-żona tal-euro qablu li jipprovdu self bilaterali, miġbur mill-Kummissjoni Ewropea, għal ammont totali ta' EUR 80 000 miljun li kellu jiġi żborsat fil-perjodu bejn Mejju 2010 u Ġunju 2013, u l-FMI ipprovdiet ammont addizzjonali ta' EUR 30 000 miljun taħt arranġament ta' riserva. It-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja ġie approvat fl-14 ta' Marzu 2012. L-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-FMI kkommettew l-ammonti mhux żborsati tal-ewwel programm flimkien ma' ammont addizzjonali ta' EUR 130 000 miljun għas-snin 2012-2014. Filwaqt li l-finanzjament tal-ewwel programm kien ibbażat fuq self bilaterali, intlaħaq ftehim li, min-naħa tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, it-tieni programm ikun iffinanzjat mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), li kienet ilha topera b'mod sħiħ minn Awwissu 2010. B'kollox, it-tieni programm ippreveda assistenza finanzjarja ta' EUR 164 500 miljun sa tmiem l-2014 (il-perjodu ġie sussegwentement estiż sa tmiem Ġunju 2015). Minn dik iċ-ċifra, l-impenn taż-żona tal-euro jammonta għal EUR 144 700 miljun li għandu jingħata permezz tal-EFSF, filwaqt li l-FMI kkontribwixxa EUR 19 800 miljun, bħala parti minn arranġament fuq erba' snin ta' EUR 28 000 miljun taħt il-Faċilità ta' Fondi Estiża għall-Greċja li l-FMI approva f'Marzu 2012.

    (3)

    Fit-8 ta' Lulju 2015, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta' kriżi ekonomika u finanzjarja gravi, l-awtoritajiet Griegi talbu assistenza finanzjarja mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema bankarja Griegaxieraq, biex jissodisfaw l-obbligi tad-dejn tal-Greċja, biex isostnu r-ritorn tal-ekonomija Griega lejn tkabbir sostenibbli u jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri tagħha.

    (4)

    Bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) tat-Trattat tal-MES, u biex tifforma l-bażi għal deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES, skont l-Artikolu 13(2) tiegħu, dwar jekk għandhiex tingħata, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Greċja fil-forma ta' self, fit-8 ta' Lulju 2015 il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES inkariga lill-Kummissjoni Ewropea, b'kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew ('BĊE'), biex tivvaluta l-eżistenza ta' riskju lill-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro b'mod ġenerali jew lill-Istati Membri tagħha; biex tivvaluta, flimkien mal-FMI, jekk id-dejn pubbliku hux sostenibbli; u biex tagħmel stima tal-bżonnijiet finanzjarji effettivi jew potenzjali tal-Greċja.

    (5)

    B'mod konformi mal-Artikolu 13 tat-Trattat tal-MES, il-Kummissjoni Ewropea, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, u b'għajnuna mill-persunal tal-FMI, lestiet dawk il-valutazzjonijiet fl-10 ta' Lulju 2015, u kkonkludiet li l-kondizzjonijiet għas-sostenn finanzjarju għall-Greċja, li għandu jingħata fil-forma ta' self mill-MES, huma stabbiliti. Il-bżonnijiet finanzjarji ġew stmati li jammontaw sa EUR 86 000 miljun.

    (6)

    Fis-17 ta' Lulju 2015, il-Greċja ngħatat EUR 7 160 miljun bħala assistenza finanzjarja għal perjodu qasir taħt il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/542 (3), biex tissodisfa l-obbligi ta' rimborż ta' Lulju 2015 u biex tħallas l-arretrati dovuti lill-FMI. L-għajnuna ġiet żborsata f'rata waħda fl-20 ta' Lulju 2015, u kienet soġġetta għal kondizzjonijiet ta' politika ekonomika. L-għajnuna tal-MES ser tintuża, inter alia, biex jitħallas lura dak is-self tranżitorju għal perjodu qasir tal-EFSM.

    (7)

    Fis-16 ta' Lulju 2015, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES stieden lill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, il-MES, l-awtoritajiet Griegi, u, fejn xieraq, il-FMI, biex jaqblu dwar programm ta' aġġustament makroekonomiku għall-Greċja. Il-programm tħejja skont il-proċedura prevista taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Fil-11 ta' Awwissu 2015, dawk l-istituzzjonijiet laħqu ftehim fuq livell tekniku dwar programm ta' aġġustament makroekonomiku (il-“Programm”) mal-Gvern Grieg. Il-Programm imressaq mill-Greċja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għandu l-għan li jiżgura l-adozzjoni ta' sett ta' riformi meħtieġa biex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u biex jiġu promossi t-tkabbir, l-impjiegi, u l-ġustizzja soċjali.

    (8)

    B'segwitu għal dak il-ftehim, il-Greċja għandha tadotta pakkett komprensiv ta' politika, li għandu jiġi implimentat fl-ambitu ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku ta' tliet snin, fuq perjodu mit-tielet trimestru tal-2015 sat-tielet trimestru tal-2018.

    (9)

    Il-pakkett komprensiv ta' politika, li għandu jiġi stipulat f'Memorandum ta' Qbil tal-MES dwar Kondizzjonijiet Speċifiċi ta' Politika Ekonomika (il-“Memorandum ta' Qbil”), għandu jkollu l-għan li jġib lura l-kunfidenza fis-swieq finanzjarji, jerġa' jistabbilixxi bilanċi makroekonomiċi sodi u jippermetti li l-ekonomija terġa' lura għal tkabbir sostenibbli. Għandu jiġi strutturat fuq erba' pilastri. ir-restawr tas-sostenibbiltà fiskali, is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja, it-tisħiħ tal-kompetittività u tat-tkabbir, u l-immodernizzar tal-Istat u tal-Amministrazzjoni Pubblika.

    (10)

    Is-servizzi tal-Kummissjoni aġġornaw il-previżjoni tagħhom għal tkabbir nominali tal-PDG f'Awwissu 2015, bħala kontribut għan-negozjati għall-programm tal-MES. Skont din il-previżjoni, iċċentrata fuq rata tat-tkabbir nominali tal-PDG ta' – 3,2 % fl-2015, – 0,7 % fl-2016, 3,4 % fl-2017, 4,1 % fl-2018 u 4,2 % fl-2019, il-proporzjon tad-dejn għall-PGD ikun ta' 196,3 % fl-2015, 200,9 % fl-2016, 198,6 % fl-2017, 190,7 % fl-2018 u 182,3 % fl-2019. Għaldaqstant, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied sal-2016 u mbagħad jaqbad xejra 'l isfel, u huwa stmat li jinżel għal 174,5 % fl-2020, bid-dinamiċi tad-dejn affettwati minn diversi operazzjonijiet esklużi mit-total tal-kont. Skont il-previżjoni aġġornata tas-servizzi tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG, il-bilanċ primarju tal-amministrazzjoni pubblika għandu jilħaq defiċit ta' EUR 7 631 miljun (4,4 % tal-PDG) fl-2015, defiċit ta' EUR 6 166 miljun (3,6 % tal-PGD) fl-2016, defiċit ta' EUR 4 089 miljun (2,3 % tal-PGD) fl-2017 u defiċit ta' EUR 753 miljun (0,4 % tal-PGD) fl-2018.

    (11)

    L-awtoritajiet ser isegwu direzzjoni fiskali ġdida fuq il-bażi ta' miri ta' surplus primarju ta' – 0,25, 0,5, 1,75, u 3,5 % tal-PDG fl-2015, 2016, 2017 u 2018 u lil hinn, rispettivament. It-trajettorja tal-miri fiskali hija konsistenti mar-rati ta' tkabbir mistennija tal-ekonomija Griega hekk kif tirkupra mill-akbar reċessjoni tagħha qatt irreġistrata.

    (12)

    It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur bankarju Grieg fuq perjodu twil huwa kruċjali għar-restawr tal-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja u għal preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Sabiex tiġi ppreservata l-likwidità fis-settur bankarju Grieg, ġew imposti miżuri amministrattivi temporanji, inkluż kontrolli fuq il-kapital.

    (13)

    L-implimentazzjoni ta' riformi komprensivi u ambizzjużi fl-oqsma finanzjarji, fiskali u strutturali għandha tissalvagwardja s-sostenibbiltà, fuq terminu medju, tad-dejn pubbliku Grieg.

    (14)

    Il-Kummissjoni Ewropea, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn xieraq, mal-FMI, għandha tivverifika f'intervalli regolari l-implimentazzjoni rigoruża tal-Programm tal-Greċja permezz ta' missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Griegi, fuq bażi trimestrali.

    (15)

    Matul il-perijodu tal-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta' politika tal-Greċja, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f'oqsma speċifiċi.

    (16)

    L-awtoritajiet Griegi għandhom jinvolvu, skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm.

    (17)

    Kwalunkwe forma ta' assistenza finanzjarja riċevuta mill-Greċja sabiex tgħinha fl-implimentazzjoni tal-politiki taħt il-Programm tagħha għandha tkun konformi mar-rekwiżiti legali u mal-politiki tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-qafas ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Kwalunkwe interventb'appoġġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji għandu jitwettaq skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe miżura stipulata f'Memorandum ta' Qbil fil-kuntest ta' assistenza finanzjarja tal-MES mitluba tkun kompletament konsistenti ma' din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-ekonomija Griega lejn direzzjoni ta' tkabbir sostenibbli u lejn stabbiltà fiskali u finanzjarja, il-Greċja għandha timplimenta b'mod rigoruż il-Programm, li l-elementi prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni. Il-Programm għandu jindirizza r-riskji speċifiċi li joriġinaw mill-Greċja għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u għandu jkollu l-għan li terġa' tiġi stabbilita malajr sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika solida u sostenibbli fil-Greċja u li tiġi restawrata l-kapaċità tagħha li tiffinanzja ruħha kompletament fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-Programm għandu jqis debitament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Greċja taħt l-Artikoli 121, 126, 136 u 148 TFUE kif ukoll l-azzjonijiet tal-Greċja biex tikkonforma magħhom, filwaqt li jimmira biex jestendi, isaħħaħ u japprofondixxi l-miżuri ta' politika meħtieġa.

    2.   Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn xieraq, mal-FMI, għandha tagħmel monitoraġġ tal-progress tal-Greċja fl-implimentazzjoni tal-Programm tagħha. Il-Greċja għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE. B'mod partikolari għandha tipprovdilhom l-informazzjoni kollha li huma jqisu meħtieġa għall-monitoraġġ tal-Programm.

    3.   Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn xieraq, mal-FMI, għandha teżamina mal-awtoritajiet Griegi kull bidla u aġġornament għall-Programm li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jittieħed kont debitu, inter alia, ta' kwalunkwe diskrepanza sinifikanti bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi u fiskali u ċ-ċifri effettivi, ta' effetti konsekwenzjali negattivi, kif ukoll ta' xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji.

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-Programm, u bħala għajnuna biex l-iżbilanċi jiġu kkorreġuti b'mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, strutturali u tas-swieq finanzjarji.

    Il-Kummissjoni għandha f'intervalli regolari tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-Programm u għandha tirrakkomanda l-korrezzjonijiet neċessarji bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiżgura l-konsolidazzjoni fiskali neċessarja, u jiġu minimizzati impatti soċjali dannużi.

    Artikolu 2

    1.   L-objettivi fundamentali tal-Programm għandhom ikunu: ir-restawr tas-sostenibbiltà fiskali, is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja, it-tisħiħ tal-kompetittività u tat-tkabbir, u l-immodernizzar tal-Istat u tal-Amministrazzjoni Pubblika.

    2.   Il-Greċja għandha ssegwi konsolidazzjoni fiskali permezz ta' miżuri permanenti ta' kwalità għolja filwaqt li timminimizza l-impatt fuq min hu żvantaġġat. L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw ruħhom li jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli u li jiksbu surplus primarju mdaqqas u sostenibbli fuq terminu medju li b'mod kostanti jnaqqas l-proporzjon tad-dejn għall-PDG. Għaldaqstant l-awtoritajiet għandhom isegwu direzzjoni fiskali ġdida fuq il-bażi ta' miri ta' surplus primarju ta' – 0,25, 0,5, 1,75, u 3,5 % tal-PDG fl-2015, 2016, 2017 u 2018 u lil hinn, rispettivament. Il-Greċja għandha timmira għal surplus primarju, fuq terminu medju, ta' 3,5 % tal-PDG li għandu jinkiseb permezz ta' kombinazzjoni ta' riformi inizjali tal-parametri fiskali, inkluż tas-sistema tagħha tal-VAT u tal-pensjoni, sostnut minn programm ambizzjuż biex tissaħħaħ il-konformità fiskali u l-amministrazzjoni finanzjarja pubblika, u tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-gruppi vulnerabbli. Flimkien mal-miżuri ta' hawn fuq, l-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom biex, f'Ottubru 2015, jgħaddu liġijiet rigward miżuri strutturali kredibbli li jipproduċu mill-inqas 0,75 % tal-PDG li jidħlu fis-seħħ fl-2017 u 0,25 % tal-PDG li jidħlu fis-seħħ fl-2018 biex isostnu l-kisba tal-mira ta' bilanċ primarju, fuq perjodu medju, ta' 3,5 % tal-PDG. L-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom li jieħdu aktar miżuri strutturali f'Ottubru 2016, jekk ikun meħtieġ biex jiġu żgurati l-miri tal-2017 u tal-2018. Dawk jinkludu tnaqqis fin-nefqa għad-difiża, ir-riforma tat-taxxa ppjanata fuq d-dħul personali u l-iffriżar tal-infiq statutorju. Il-miżuri li jirrigwardaw il-parametri fiskali għandhom jiġu sostnuti minn firxa wiesgħa ta' azzjonijiet amministrattivi li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-ġbir u fl-infurzar tat-taxxa. Il-Gvern Grieg għandu jagħmel monitoraġġ tar-riskji fiskali, inklużi sentenzi tal-qorti, u għandu jieħu miżuri ta' kumpens, skont il-bżonn, biex jintlaħqu l-miri fiskali. L-awtoritajiet għandhom il-ħsieb li jittrasferixxu mill-inqas 30 % ta' kwalunkwe entrata aħjar mill-previżjonijiet għal kont issegregat mmarkat għal tnaqqis tad-dejn. Barra minn hekk, 30 % oħrajn tal-entrati aħjar mill-previżjonijiet għandhom jintużaw biex jitħallsu obbligi tal-Gvern mhux imħallsa fil-passat.

    3.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri speċifikati hawn taħt:

    (i)

    Tieħu miżuri fuq terminu qasir biex iżżid id-dħul u tiffoka u tikkontrolla l-infiq. Fost il-miżuri biex iżżid id-dħul, il-Greċja għandha tabolixxi b'mod gradwali r-rifużjoni tad-dazju tas-sisa fuq id-diżil lill-bdiewa u żżid it-taxxa fuq it-tunnellaġġ. L-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjonijiet biex jibdew l-eżerċizzju rigward it-taxxa fuq il-proprjetà tal-2015 (ENFIA) biex jinħarġu l-kontijiet f'Ottubru 2015 fejn l-aħħar rata tkun dovuta fi Frar 2016. Huma għandhom jikkoreġu wkoll kwistjonijiet identifikati marbuta mal-miżuri rigward id-dħul li ġew implimentati reċentement. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom ukoll li jiffukaw u jikkontrollaw l-infiq billi jnaqqsu l-kost tal-kura tas-saħħa u billi jibdew l-analiżi komprensiva tas-sistema soċjali. Il-pakkett jinkludi aktar miżuri b'impatt fuq il-baġit, bħal riformi tal-amministrazzjoni pubblika, riformi lijindirizzaw in-nuqqas fl-infurzar u fil-ġbir tat-taxxa, u miżuri parametriċi oħrajn.

    (ii)

    Biex turi l-impenn tagħha għal politiki fiskali kredibbli, iltadotta f'Ottubru 2015, baġit supplementari tal-2015 kif meħtieġ, l-abbozz ta' baġit tal-2016 u Strateġija Fiskali fuq Terminu Medju 2016–2019, sostnut minn pakkett imdaqqas u kredibbli ta' miżuri parametriċi u ta' riformi fiskali strutturali.

    (iii)

    Tirriforma t-tassazzjoni kemm diretta kif ukoll indiretta biex ittejjeb l-effiċjenza, il-kapaċità tal-ġbir u tistimola l-offerta tax-xogħol. Biex itemm il-prattiki tal-passat u jtejjeb il-kultura tal-ħlas tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, il-Gvern għandu jieħu azzjoni b'saħħitha biex itejjeb il-ġbir u biex la jintroduċi skemi ġodda ta' ħlas rateali, jew skemi oħra ta' amnestija jew ta' saldu u lanqas li jestendi l-iskemi attwali.

    (iv)

    Tkompli bir-riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-proċess tal-baġit u l-kontrolli fuq l-infiq, li jitħallsu l-arretrati, u li jsaħħu l-irrapportar tal-baġit u l-ġestjoni tal-likwidità. Il-Gvern Grieg huwa impenjat biex l-Kunsill Fiskali isir operattiv.

    (v)

    Tieħu aktar azzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku biex iżżid l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema Griega tal-akkwist pubbliku, tipprevjeni l-irregolarità, u tiżgura aktar responsabbiltà u kontroll. Għandu jinlaħaq qbil dwar il-politiki mal-Kummissjoni Ewropea, li għandha tassisti fl-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni.

    (vi)

    Timplimenta bis-sħiħ ir-riformi eżistenti u tipproċedi wkoll b'aktar riformi biex issaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul, u timmira għal tfaddil ta' madwar 0,25 % tal-PDG fl-2015 u madwar 1 % tal-PDG sal-2016. Il-pakkettgħandu l-għan, inter alia, li joħloq diżinċentivi qawwija rigward l-irtirar antiċipat billi jżid il-penalitajiet għal irtirar antiċipat u billi jelimina gradwalment l-anterjorità tad-drittijiet għal irtirar qabel l-età ta' rtirar statutorja.

    (vii)

    Tkompli tirriforma s-settur tal-kura tas-saħħa, billi tikkontrolla l-infiq pubbliku, tirregolamenta l-prezzijiet tal-farmaċewtiċi, ittejjeb l-amministrazzjoni tal-isptarijiet, iżżid l-akkwist ċentralizzat tal-provvisti tal-isptarijiet, li tiġġestixxi t-talba għal farmaċewtiċi u għall-kura tas-saħħa permezz ta' protokolli ta' preskrizzjonijiet elettroniċi bbażati fuq l-evidenza, tagħżel il-fornituri tal-kura tas-saħħa tas-settur privat b'mod kost effettiv, jimmodernizzaw is-sistemi tal-IT, tiżviluppa sistema ta' referenza elettronika ġdida għall-kura primarja u sekondarja li tippermetti l-formulazzjoni ta' metodi ta' kura għall-pazjenti.

    (viii)

    Tadotta sa Marzu 2016 serje ulterjuri ta' skemi garantiti b'appoġġ għall-impjiegi li jinkludu miżuri attivi individwalizzati għas-suq tax-xogħol favur il-parteċipanti, billi tuża sħubijiet lokali, tinvolvi s-setturi ekonomiċi privati u soċjali u tiżgura l-użu effiċjenti u effettiv tar-riżorsi disponibbli.

    Sabiex ikun hemm soċjetà aktar ġusta il-Greċja teħtieġ li ttejjeb il-mod kif is-sistema ta' benefiċċji soċjali tagħha hi strutturata, b'mod li jkun hemm xibka ta' sikurezza soċjali ġenwina li talloka riżorsi skarsi lejn dawk li l-aktar għandhom bżonn. L-awtoritajiet jippjanaw li jibbenefikaw minn għajnuna teknika disponibbli minn organizzazzjonijiet internazzjonali għall-analiżi tas-servizzi soċjali u għall-implimentazzjoni tal-introjtu minimu garantit.

    4.   Biex tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja, il-Greċja għandha minnufih tieħu passi biex taffronta l-kwistjoni tas-Self Improduttiv u tirrestawra l-likwidità u l-kapital fis-sistema bankarja. Proċess ta' kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-banek għandu jitlesta qabel tmiem l-2015, li miegħu għandu jkollu miżuri konkomitanti biex isaħħu l-governanza tal-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (HFSF) u tal-banek. Miżuri oħrajn jinvolvu r-riżoluzzjoni tas-Self Improduttiv u l-governanza tal-HFSF u tal-banek.

    5.   Għall-promozzjoni tat-tkabbir, tal-kompetittività u tal-investiment, il-Greċja għandha tfassal u timplimenta firxa wiesgħa ta' riformi fis-swieq tax-xogħol u fis-swieq tal-prodotti (inkluż tal-enerġija) li mhux biss jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea, imma jimmiraw ukoll li jadottaw l-aħjar prattika Ewropea. Swieq aktar miftuħin huma essenzjali biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi u biex tittejjeb il-ġustizzja soċjali, billi jiġi kumbattut aġir li jwassal għal renti parassitarji u aġir monopolistiku, li wasslu għal prezzijiet ogħla u standards tal-ħajja aktar baxxi. B'mod konformi mal-istrateġija tat-tkabbir tagħhom, l-awtoritajiet għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex idaħħlu fis-seħħ l-inizzjattivi ewlenin u l-proposti ta' riforma kif ukoll biex isaħħu l-aġenda b'aktar riformi ambizzjużi li għandhom isostnu r-ritorn tal-pajjiż għal tkabbir sostenibbli, li jattiraw l-investimenti u li joħloqu impjiegi.

    6.   Is-swieq tal-enerġija Griegi jeħtieġu riformi fuq firxa wiesgħa biex jiġu allinjati mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki tal-Unjoni, isiru aktar moderni u kompetittivi, inaqqsu r-renti monopolistiċi u l-ineffiċjenzi, jippromwovu l-innovazzjoni, jiffavorixxu l-adozzjoni aktar estensiva tal-enerġija rinnovabbli u tal-gass, u jiżguraw li l-benefiċċji ta' dawn il-bidliet kollha imorru għand il-konsumaturi. L-awtoritajiet għandhom jadottaw ir-riforma tas-suq tal-gass u tal-pjan direzzjonali speċifiku tagħha, li twassal, inter alia, għal sitwazzjoni fejn lil-klijenti kollha jkollhom il-possibbiltà sħiħa li jibdlu l-fornitur mill-2018, u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni rigward is-sistema riformata ta' pagamenti abbażi tal-kapaċità (inkluż mekkaniżmu temporanju u wieħed permanenti) u rigward l-organizzazzjoni ġdida tas-Swieq fil-prodotti Elettriċi. Fi kwalunkwe każ, sal-2020 l-ebda impriża ma għandha tkun tista' tipproduċi jew timporta, direttament jew indirettament, aktar minn 50 % tal-elettriku totali prodott u importat fil-Greċja.

    7.   Għandu jkun hemm programm ta' privatizzazzjoni ambizzjuż u politiki li jsostnu l-investiment. Il-Gvern jimpenja ruħu li jiffaċilita l-proċess ta' privatizzazzjoni u jikkompleta l-azzjonijiet governattivi kollha meħtieġa biex l-offerti jkunu jistgħu jiġu eżegwiti b'suċċess. F'dan ir-rigward il-Gvern għandu jikkompleta l-azzjonijiet kollha meħtieġa kif maqbul fuq bażi trimestrali bejn il-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi tar-Repubblika Ellenika (HRADF), l-istituzzjonijiet u l-Gvern. Il-Lista tal-Azzjonijiet Pendenti tal-Gvern ġiet approvata mill-Bord tad-Diretturi tal-HRADF. B'mod konformi mad-dikjarazzjoni tas-Summit dwar l-Euro tat-12 ta' Lulju 2015, għandu jiġi stabbilit fond indipendenti ġdid (il-“Fond”) u jkollu fih assi Griegi ta' valur. L-objettiv ġenerali tal-Fond huwa li jamministra assi Griegi ta' valur; u jipproteġi, joħloq u fl-aħħar jimmassimizza l-valur tagħhom li għandu jimmonetizza permezz ta' privatizzazzjonijiet u mezzi oħrajn.

    8.   Stat u amministrazzjoni pubblika moderni għandhom ikunu l-prijorità ewlenija tal-Programm. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiżdied l-effiċjenza tas-settur pubbliku fil-forniment ta' prodotti u servizzi pubbliċi essenzjali. Għandhom jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ir-riformi għandhom iservu biex isaħħu l-indipendenza istituzzjonali u operattiva tal-istituzzjonijiet ewlenin bħall-amministrazzjoni tad-dħul u l-istitut tal-istatistika (ELSTAT).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M.H.P. VAN DAM


    (1)  Dan l-att oriġinarjament ġie adottat bl-Ingliż biss u ppubblikat fil-ĠU L 219, 20.8.2015, p. 12.

    (2)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

    (3)  Ara l-paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top