This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D0436
Council Decision (EU) 2016/436 of 15 March 2016 on the position to be adopted, on behalf of the European Union, within the Customs Sub-Committee established by the Association Agreement between the European Union and the European Atomic Energy Community and their Member States, of the one part, and the Republic of Moldova, of the other part, as regards the replacement of Protocol II to that Agreement, concerning the definition of the concept of ‘originating products’ and methods of administrative cooperation
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/436 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-Sottokumitat Doganali stabbilit bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll II għal dak il-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/436 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-Sottokumitat Doganali stabbilit bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll II għal dak il-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva
ĠU L 76, 23.3.2016, pp. 35–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
23.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 76/35 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/436
tal-15 ta' Marzu 2016
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-Sottokumitat Doganali stabbilit bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll II għal dak il-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Protokoll II għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), (il-“Ftehim”), jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva (il-“Protokoll II”). |
|
(2) |
Il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet rigward il-kwistjonijiet tal-kummerċ u u dawk relatati mal-kummerċ fil-Ftehim, inkluż tal-Protokoll II, ġew applikati proviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014. |
|
(3) |
Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (il-“Konvenzjoni”) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti ta' dik il-Konvenzjoni. |
|
(4) |
L-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011. Il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni ddeċieda, bid-Deċizjoni Nru 2 tal-21 ta' Mejju 2014 (3) li r-Repubblika tal-Moldova għandha tiġi mistiedna biex taderixxi għall-Konvenzjoni. |
|
(5) |
L-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fil-31 ta' Lulju 2015, rispettivament. Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Settembru 2015, rispettivament. |
|
(6) |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri xierqa biex jiġi żgurat li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan, is-Sottokumitat Doganali stabbilit bil-Ftehim (is-“Sottokumitat Doganali”) għandu jadotta deċiżjoni li tissostittwixxi l-Protokoll II bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni. |
|
(7) |
Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-Sottokumitat Doganali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-Sottokumitat Doganali stabbilit bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll II għal dak il-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fis-Sottokumitat Doganali jistgħu jaqblu dwar emendi tekniċi żgħar fl-abbozz tad-deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali mingħajr ebda deċiżjoni oħra tal-Kunsill.
Artikolu 2
Id-deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
A.G. KOENDERS
ABBOZZ TA'
DEĊIŻJONI Nru …/2016 TAS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U TAR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA
ta'…
li tissostittiwxxi l-Protokoll II għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva
IS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U TAR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Protokoll II għal dak il-Ftehim li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 144(2) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, (il-“Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll II għall-Ftehim (il-“Protokoll II”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprevedi l-kumulazzjoni tal-oriġini bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova. |
|
(2) |
Il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet rigward il-kwistjonijiet tal-kummerċ u dawk relatati mal-kummerċ fil-Ftehim, inkluż il-Protokoll II, ġew applikati proviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014. |
|
(3) |
L-Artikolu 38 tal-Protokoll II jipprevedi li s-Sottokumitat Doganali previst fl-Artikolu 200 tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll. |
|
(4) |
Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (il-“Konvenzjoni”) għandha l-għan li tissostittwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini attwalment fis-seħħ fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja b'att legali wieħed. |
|
(5) |
L-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011. Bid-Deċiżjoni tiegħu Nru 2 tal-21 ta' Mejju 2014 (3) il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni ddeċieda li jistieden lir-Repubblika tal-Moldova biex taderixxi mal-Konvenzjoni. |
|
(6) |
L-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova ddepożitaw l-istrument tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fil-31 ta' Lulju 2015, rispettivament. Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-Unjoni u fir-Repubblika tal-Moldova fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Settembru 2015, rispettivament. |
|
(7) |
Għalhekk il-Protokoll II għandu jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll II għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, li jikkonċernza d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, għandu jiġi sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika minn …
Magħmul fi …,
Għas-Sottokumitat Doganali
Il-President
ANNESS
PROTOKOLL II
dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva
Artikolu 1
Regoli tal-oriġini applikabbli
1. Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (1) (il-“Konvenzjoni”).
2. Ir-referenzi kollha għall-'ftehim rilevanti' fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni għandhom jitqiesu li qed jirreferu għal dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Riżoluzzjoni tat-tilwim
1. Meta jinqala' xi tilwim rigward il-proċeduri ta' verifika tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni, li ma jkunx jista' jiġi riżolut bejn l-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali responsabbli biex iwettqu dik il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem is-Sottokumitat Doganali. Id-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-Kapitolu 14 (Riżoluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu V (Kwistjonijiet tal-Kummerċ u relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim ma għandhomx japplikaw.
2. Fil-każijiet kollha, ir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandha timxi skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.
Artikolu 3
Emendi fil-Protokoll
Is-Sottokumitat Doganali jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.
Artikolu 4
Irtirar mill-Konvenzjoni
1. Jekk l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Moldova tavża bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni bl-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni f'konformità mal-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova għandhom jibdew negozjati minnufih dwar ir-regoli tal-oriġini għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.
2. Sakemm jidħlu fis-seħħ tali regoli tal-oriġini negozjati mill-ġdid, u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tall-irtirar, għandhom ikomplu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova biss.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni — kumulazzjoni
Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni, fejn il-kumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija, il-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u r-Repubblika tal-Moldova, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.