This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D0118
Political and Security Committee Decision (CFSP) 2016/118 of 20 January 2016 concerning the implementation by EUNAVFOR MED operation SOPHIA of United Nations Security Council Resolution 2240 (2015) (EUNAVFOR MED operation SOPHIA/1/2016)
Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/118 tal-20 ta' Jannar 2016 dwar l-implimentazzjoni mill-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tar-Riżoluzzjoni 2240(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA/1/2016)
Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/118 tal-20 ta' Jannar 2016 dwar l-implimentazzjoni mill-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tar-Riżoluzzjoni 2240(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA/1/2016)
ĠU L 23, 29.1.2016, p. 63–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
29.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 23/63 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2016/118
tal-20 ta' Jannar 2016
dwar l-implimentazzjoni mill-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tar-Riżoluzzjoni 2240(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA/1/2016)
IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tipprevedi li l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (l-“operazzjoni”) għandha titwettaq f'fażijiet differenti. |
(2) |
Fl-14 ta' Settembru 2015, il-Kunsill ikkonkluda li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet kollha biex l-operazzjoni timxi għal parti li tinsab fit-tieni fażi tal-operazzjoni fl-ibħra miftuħa. — Fit-28 ta' Settembru 2015, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1772 (2) dwar it-transizzjoni tal-operazzjoni SOPHIA għat-tieni fażi mill-EUNAVFOR MED, kif previst fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 li approvat ukoll Regoli tal-Ingaġġ adattati għal dik il-fażi tal-operazzjoni. |
(3) |
Fid-9 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2240(2015). Dik ir-Riżoluzzjoni ssaħħaħ l-awtorità biex jittieħdu miżuri kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin mit-territorju tal-Libja u lil hinn mill-kosta tagħha. B'mod partikolari, fil-paragrafi 7, 8 u 10 tawtorizza lill-Istati Membri, waqt li jaġixxu fil-livell nazzjonali jew permezz ta' organizzazzjonijiet reġjonali li huma impenjati fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin, għal perijodu ta' sena, biex “jispezzjonaw fl-ibħra miftuħa lil hinn mill-kosta tal-Libja, bastimenti li b'mod raġonevoli huma suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti jew t-traffikar ta' bnedmin mil-Libja, dment li dawn l-Istati Membri u organizzazzjonijiet reġjonali jagħmlu sforzi b'rieda tajba biex jiksbu l-kunsens tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment qabel ma jużaw l-awtorità deskritta f'dan il-paragrafu”. Tawtorizza wkoll lill-Istati Membri 'biex jikkonfiskaw bastimenti spezzjonati skont l-awtorità tal-paragrafu 7 li jkunu kkonfermati bħala li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin mil-Libja, u tissottolinja li fir-rigward ta' dawn il-bastimenti spezzjonati skont l-awtorità tal-paragrafu 7, ser tittieħed azzjoni ulterjuri, inkluża l-konfiska, f'konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli b'konsiderazzjoni dovuta tal-interessi ta' kwalunkwe parti terza li aġixxiet b'rieda tajba' u “biex jużaw il-miżuri kollha adatti għaċ-ċirkostanzi speċifiċi meta jikkonfrontaw persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta' migranti jew traffikanti ta' bnedmin fit-twettiq tal-attivitajiet skont il-paragrafi 7 u 8 u f'konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif applikabbli”. |
(4) |
Fis-16 ta' Ottubru 2015 il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA indika li l-operazzjoni kienet lesta biex timplimenta ir-Riżoluzzjoni 2240 (2015) tal-KSNU. |
(5) |
Wara ftehim mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, il-Kunsill fit-18 ta' Jannar 2016 ikkonkluda li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet biex l-operazzjoni timplimenta l-awtorità mogħtija mir-Riżoluzzjoni 2240 (2015) tal-KSNU fuq l-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778. |
(6) |
L-operazzjoni għandha għalhekk tiġi awtorizzata biex twettaq imbark, tfittxija, sekwestru u devjazzjoni, fl-ibħra miftuħa, ta' bastimenti suspettati li jkunu qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2240(2015) tal-KSNU u għandhom jiġu approvati Regoli tal-Ingaġġ adattati għal dak l-għan. |
(7) |
It-transizzjoni għal fażijiet sussegwenti tal-operazzjoni, li jinkludu miżuri fl-ilmijiet territorjali u interni tal-Istat kostali skont il-punt (b)(ii) tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778, ser tkun soġġetta għal valutazzjoni ulterjuri mill-Kunsill dwar jekk ikunux ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet għal dik it-transizzjoni, b'kont meħud ta' kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-KSNU u l-kunsens mill-istati kostali kkonċernati, u d-deċiżjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà dwar meta għandha ssir it-transizzjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/972 (3), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) hija b'dan awtorizzata biex twettaq imbark, tfittxija, sekwestru u devjazzjoni, fl-ibħra miftuħa, ta' bastimenti suspettati li jkunu qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2240 (2015) tal-KSNU, f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778, għall-perijodu stabbilit f'dik ir-Riżoluzzjoni inkluż kwalunkwe estensjoni sussegwenti ta' dak il-perjodu mill-Kunsill tas-Sigurtà.
Artikolu 2
Ir-Regoli tal-Ingaġġ adattati biex l-awtorizzazzjoni fl-Artikolu 1 ssir effettiva huma b'dan approvati.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Jannar 2016.
Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà
Il-President
W. STEVENS
(1) ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31.
(2) ĠU L 258, 3.10.2015, p. 5.
(3) ĠU L 157, 23.6.2015, p. 51.