Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2439

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2439 tat-12 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd bit-tkarkir tal-qiegħ fl-ilmijiet tal-Lbiċ

    ĠU L 336, 23.12.2015, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016; Imħassar b' 32016R2374

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2439/oj

    23.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/36


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2439

    tat-12 ta' Ottubru 2015

    li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd bit-tkarkir tal-qiegħ fl-ilmijiet tal-Lbiċ

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-għan tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa li bil-mod il-mod jelimina l-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta' obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma suġġetti għal qbid limitat.

    (2)

    L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta pjanijiet għar-rimi/għall-iskartar tal-ħut permezz ta' att delegat għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

    (3)

    Il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands u l-Portugall għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fl-ilmijiet tal-Lbiċ. Dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Lbiċ. Inkiseb kontribut xjentifiku minn korpi xjentifiċi rilevanti li ġie eżaminat mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk, skont l-Artikolu 18(3) ta' dak ir-Regolament, dawn għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

    (4)

    Fir-rigward tal-ilmijiet tal-Lbiċ, skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika għal speċijiet li jiddefinixxu s-sajd sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2016. Skont ir-rakkomandazzjoni konġunta, il-pjan għall-iskartar tal-ħut għandu jkopri s-sajd tal-lingwata komuni, tal-merluzz u tal-iskampu (fiż-żoni tad-distribuzzjoni tal-istokkijiet imsemmija bħala “unitajiet funzjonali” biss) fid-Diviżjonijiet VIIIa, b, d, e tal-ICES; l-iskampu fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES (fl-unitajiet funzjonali biss); il-lingwata komuni u l-barbun tat-tbajja' fid-Diviżjoni IXa tal-ICES, u l-merluzz fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES.

    (5)

    Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li għandha tiġi applikata eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art għall-iskampu maqbud mix-xbieki tat-tkarkir fis-subżoni VIII u IX tal-ICES, u dan billi l-evidenza xjentifika eżistenti tindika rati possibbli ta' sopravivenza għolja, u dan filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-irkapti li jimmiraw għal din l-ispeċi, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd fl-evalwazzjoni tiegħu jikkonkludi li huma meħtieġa aktar studji biex jiġu korroborati r-riżultati eżistenti, u jinnota li dawn l-istudji jinsabu għaddejjin u ppjanati. Għalhekk, din l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża fir-Regolament għas-sena 2016, b'dispożizzjoni li titlob lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħtu aktar data lill-Kummissjoni biex il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikun jista' jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni.

    (6)

    Ir-rakkomandazzjoni konġunta fiha erba' eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu tal-ħatt għal ċertu sajd u sa ċerti livelli. L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri ġiet analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd jikkonkludi li r-rakkomandazzjoni konġunta fiha argumenti motivati b'rabta mad-diffikultà fiż-żieda tas-selettività kif ukoll fl-ispejjeż sproporzjonati ta' pproċessar tal-qabdiet mhux mixtieqa. Fid-dawl ta' dan kollu, huwa xieraq li jkunu stabbiliti eżenzjonijiet de minimis skont il-livell perċentwali propost fir-rakkomandazzjoni konġunta u f'livelli li ma jaqbżux dawk permessi skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (7)

    L-eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 5 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jistadu għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir bi travu u bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, huwa bbażat fuq il-fatt li ż-żidiet vijabbli fis-selettività jkunu diffiċli ħafna li jinkisbu. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni mitluba. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tkun inkluża f'dan ir-Regolament.

    (8)

    L-eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jistadu għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES bil-pariti u bl-għeżula, huwa bbażat fuq il-fatt li ż-żidiet vijabbli fis-selettività jkunu diffiċli ħafna li jinkisbu. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni mitluba. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tkun inkluża f'dan ir-Regolament.

    (9)

    L-eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 7 % fl-2016 u fl-2017 u 6 % fl-2018 tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jistadu għal din l-ispeċi fis-subżoni VIII u IX tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir, hija bbażata fuq il-fatt li ż-żidiet vijabbli fis-selettività jkun diffiċli ħafna li jinkisbu. L-informazzjoni ta' sostenn eżistenti ppreżentata turi li ż-żieda tas-selettività fis-sajd ikkonċernat ikun iwassal għal telf ta' ħut kummerċjabbli li jista' potenzjalment jagħmel lis-sajd ekonomikament mhux vijabbli. Barra minn hekk, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ġibed l-attenzjoni li dan għandu jiġi ssupplimentat b'aktar studji ta' selettività tas-sajd rilevanti. Għalhekk, din l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża fir-Regolament, b'dispożizzjoni li titlob lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħtu aktar data lill-Kummissjoni biex il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikun jista' jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni.

    (10)

    Billi l-miżuri mogħtija f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd u mal-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2016 biex ikun konformi mal-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Skont l-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika għal mhux iktar minn tliet snin,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art, mogħti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u japplika fl-ilmijiet tal-Lbiċ, kif definit fl-Artikolu 4(2)(c) ta' dak ir-Regolament, fis-sajd stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Eżenzjoni ta' sopravivenza

    1.   L-eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art stipulat fl- Artikolu 15(4)(b) tar- Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal speċijiet li fil-każ tagħhom l-evidenza xjentifika turi rati ta' sopravivenza għolja fl-2016 tapplika għall-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud fis-subżoni VIII u IX tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir (kodiċijiet tal-irkaptu (2): OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT u TX).

    2.   L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett fl-Ilmijiet tal-Lbiċ għandhom sal-1 ta' Mejju 2016 biex jippreżentaw l-informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Settembru 2016.

    Artikolu 3

    Eżenzjonijiet de minimis

    1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin:

    (a)

    għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 5 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu (kodiċi tal-irkaptu: TBB) u xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (kodiċi tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT u TX) li jimmiraw għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES;

    (b)

    għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw pariti u għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR u GEN) li jimmiraw għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES;

    (c)

    għall-merluzz (Merluccius merluccius), sa massimu ta' 7 % fl-2016 u fl-2017 u sa 6 % fl-2018 tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, SDN, SX u SV) li jimmiraw għal din l-ispeċi fis-subżoni VIII u IX tal-ICES.

    2.   Sal-1 ta' Mejju 2016, l-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett fl-Ilmijiet tal-Lbiċ għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni data addizzjonali dwar l-iskartar tal-ħut u kull informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 (c). Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Settembru 2016.

    Artikolu 4

    Bastimenti soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art:

    1.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw, skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-bastimenti soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art għal kull qasam tas-sajd partikolari.

    2.   Sal-31 ta' Diċembru 2015, l-Istati Membri konċernati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' sit elettroniku sigur tal-kontroll tal-Unjoni, il-listi ta' bastimenti determinati skont il-paragrafu 1 għal kull qasam tas-sajd partikolari stabbiliti fl-Anness. Huma għandhom iżommu dawn il-listi aġġornati.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2018.

    L-Artikolu 4 japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 28.1.2013, p. 22.

    (2)  Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'dan ir-Regolament huma definiti mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.


    ANNESS

    Is-sajd li huwa soġġett għall-obbligu ta' ħatt l-art

    (a)

    Is-sajd fid-diviżjonijiet VIIIa, b, d u e tal-ICES

    Sajd (speċi)

    Kodiċi tal-Irkaptu

    Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

    Daqs tal-malja tax-xbieki

    L-obbligu ta' ħatt l-art

    Lingwata komuni

    (Solea solea)

    OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX

    Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

    Malja tax-xbieki wiesgħa bejn 70 mm u 100 mm

    Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art.

    TBB

    Ix-xbieki tat-tkarkir bi travu kollha

    Malja tax-xbieki wiesgħa bejn 70 mm u 100 mm

    GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

    Il-pariti u l-għeżula kollha

    Malja tax-xbieki wiesgħa 100 mm jew iktar.

    Merluzz

    (Merluccius merluccius)

    OTB, OTT, PTB, SDN, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, SX, SV

    Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni kollha

    Malja tax-xbieki wiesgħa 100 mm jew iktar.

    Il-qabdiet kollha tal-merluzz huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art.

    LL, LLS

    Il-konzijiet kollha

    Kollha

    GNS, GN, GND, GNC, GTN, GEN

    L-għeżula kollha

    Malja tax-xbieki wiesgħa 100 mm jew iktar.

    Skampu (Nephrops norvegicus)

    ġewwa unitajiet funzjonali biss

    OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX

    Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

    Malja tax-xbieki ta' 70 mm jew akbar

    Il-qabdiet kollha tal-iskampu huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art.

    (b)

    Is-sajd fid-diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES

    Sajd (speċi)

    Kodiċi tal-Irkaptu

    Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

    Daqs tal-malja tax-xbieki

    L-obbligu ta' ħatt l-art

    Skampu

    (Nephrops norvegicus)

    ġewwa unitajiet funzjonali biss

    OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, OT, PT, TX TB

    Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

    Malja tax-xbieki ta' 70 mm jew akbar

    il-qabdiet kollha tal-iskampu huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art.

    Merluzz

    (Merluccius merluccius)

    OTB, OTT, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, SDN, SX, SV

    Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni kollha

    Bastimenti li jissodisfaw il-kriterji kumulattivi li ġejjin:

    1.

    Jużaw malja tax-xbieki ta' 70 mm jew akbar

    2.

    It-total ta' ħatt l-art tal-merluzz fil-perjodu 2013/2014 jikkonsisti: f'aktar minn 10 % ta' dawk l-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art u aktar minn 10 tunnellati metriċi.

    Il-qabdiet kollha tal- merluzz huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art.

    GNS, GN, GND, GNC, GTN, GEN

    L-għeżula kollha

    Bastimenti li jissodisfaw il-kriterji kumulattivi li ġejjin:

    1.

    Jużaw malji tax-xbieki wiesgħa bejn 80 u 99 mm

    2.

    It-total ta' ħatt l-art tal-merluzz fil-perjodu 2013/2014 jikkonsisti f'aktar minn 10 % ta' dawk l-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art u f'aktar minn 10 tunnellati metriċi.

    LL, LLS

    Il-konzijiet kollha

    Bastimenti li jissodisfaw il-kriterji kumulattivi li ġejjin:

    1.

    Ganċ itwal minn 3,85+/–1,15 tul u usa' minn 1,6+/–0,4

    2.

    It-total ta' ħatt l-art tal-merluzz fil-perjodu 2013/2014 jikkonsisti f'aktar minn 10 % ta' dawk l-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art u f'aktar minn 10 tunnellati metriċi.

    (c)

    Is-sajd fid-diviżjoni IXa tal-ICES

    Sajd (speċi)

    Kodiċi tal-Irkaptu

    Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

    Daqs tal-malja tax-xbieki

    L-obbligu ta' ħatt l-art

    Lingwata komuni (Solea solea) u l-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa)

    GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

    Il-pariti u l-għeżula kollha

    Malji tax-xbieki ta' 100 mm jew akbar

    Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuniu tal-barbun tat-tbajja' huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art.


    Top