Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0475

    Regolament (UE) 2015/475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2015 dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda (kodifikazzjoni)

    ĠU L 83, 27.3.2015, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/475/oj

    27.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 83/1


    REGOLAMENT (UE) 2015/475 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta' Marzu 2015

    dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda

    (kodifikazzjoni)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 207(2) tiegħu;

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2843/72 (3), ġie emendat kemm-il darba (4) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

    (2)

    Fit-22 ta' Lulju 1972 ġie ffirmat fi Brussell Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda ('il-Ftehim').

    (3)

    Huwa meħtieġ li jkun hemm regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-klawżoli ta' salvagwardja u tal-miżuri kawtelatorji previsti fl-Artikoli 23 sa 28 tal-Ftehim.

    (4)

    Biex jiġu implimentati l-klawżoli ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew tu tal-Kunsill (5).

    (5)

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li għandhom japplikaw minnufih, f'każijiet debitament ġustifikati marbuta mas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 25, 25a u 27 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, jekk ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi lill-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda ('il-Ftehim') għall-iskop li jittieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 23, 25, 25a u 27 tal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta dawk il-miżuri f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri jekk tiddeċiedi li tirreferi kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 2

    1.   Fl-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 24 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, għandha tiddeċiedi jekk dik il-prattika hijiex kompatibbli mal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    2.   Fil-każ ta' prattika li tista' twassal biex jiġu applikati fil-konfront tal-Unjoni l-miżuri ta' salvagwardja fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, għandha tiddeċiedi jekk il-prattika hijiex kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim. Fejn ikun meħtieġ, għandha tifformula rakkomandazzjonijiet xierqa.

    Artikolu 3

    Fil-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika li l-Unjoni tapplika l-miżuri previsti fl-Artikolu 26 tal-Ftehim, għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (6) u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7).

    Artikolu 4

    1.   Fejn minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali ikun meħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 25, 25a u 27 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, il-miżuri kawtelatorji previsti fil-punt (e) tal-Artikolu 28(3) tal-Ftehim jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament, jew f'każijiet ta' urġenza, f'konformità mal-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament.

    2.   Fejn il-Kummissjoni tintalab tieħu azzjoni minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwar dik it-talba fi żmien massimu ta' ħamest ijiem ta' xogħol wara li tkun irċevietha.

    Artikolu 5

    Il-Kummissjoni hija responsabbli għan-notifika lill-Kumitat Konġunt mill-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 28(2) tal-Ftehim.

    Artikolu 6

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 (8). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

    Artikolu 7

    Il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    Artikolu 8

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2843/72 huwa mħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness II.

    Artikolu 9

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


    (1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2843/72 tad-19 ta' Diċembru 1972 fuq il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda (ĠU L 301, 31.12.1972, p. 162).

    (4)  Ara l-Anness I.

    (5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

    (7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

    (8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).


    ANNESS I

    Ir-Regolament imħassar bil-lista tal-emendi suċċessivi għalih

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2843/72

    (ĠU L 301, 31.12.1972, p. 162)

     

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 640/90

    (ĠU L 74, 20.3.1990, p. 4)

     

    Ir-Regolament (EU) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

    Il-punt 2 biss tal-Anness


    ANNESS II

    Tabella ta' Korrelazzjoni

    Regolament (KEE) Nru 2843/72

    Dan ir-Regolament

    Artikoli 1 sa 4

    Artikoli 1 sa 4

    Artikolu 6

    Artikolu 5

    Artikolu 7

    Artikolu 6

    Artikolu 8

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Anness I

    Anness II


    Top