Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0106

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/106 tad- 19 ta' Jannar 2015 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed

    ĠU L 19, 24.1.2015, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/106/oj

    24.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 19/8


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/106

    tad-19 ta' Jannar 2015

    li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni filwaqt li jittieħed kont tal-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inklużi, fejn ikunu rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u korpi konsultattivi oħra, kif ukoll fid-dawl ta' kwalunkwe parir li jasal għand il-Kunsilli Konsultattivi.

    (3)

    Il-Kunsill għandu d-dmir li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont is-sajd jew il-grupp tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. F'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandhom jiġu stabbiliti opportunitajiet tas-sajd skont l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament. F'konformità mal-Artikolu 16(1) ta' dak ir-Regolament, għandhom jiġu allokati opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri b'tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk ta' ħut jew żona tas-sajd.

    (4)

    Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għandhom jiġu għalhekk stabbiliti, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, b'kunsiderazzjoni ta' aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiżguraw trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

    (5)

    Għas-sajd tal-laċċa kaħla, l-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika mill-1 ta' Jannar 2015. L-Artikolu 16(2) ta' dak ir-Regolament jipprovdi li meta jiġi introdott obbligu ta' ħatt fir-rigward ta' stokk tal-ħut, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati billi jittieħed kont tal-bidla minn stabbiliment ta' opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-qabdiet għal opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-ħatt.

    (6)

    L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbiliti f'dan ir-Regolament tal-Kunsill għandu jkun suġġett għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (2) u b'mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 ta' dak ir-Regolament, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-qabdiet, u tan-notifika tad-dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (3), meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi għal liema stokkijiet ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokk.

    (8)

    Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “Il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika 29 kif definita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    (b)

    “bastiment tal-Unjoni” tfisser bastiment tas-sajd tal-Unjoni kif imfissra fl-Artikolu 4(1)(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (c)

    “stokk” tfisser l-istokk skont id-definizzjoni fl-Artikolu 4(1)(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (d)

    “qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:

    (i)

    fiż-żoni tas-sajd soġġetti għall-obbligu tal-ħatt imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità li tista' tinqabad minn kull stokk kull sena;

    (ii)

    fiż-żoni l-oħra tas-sajd kollha, il-kwantità li tista' tinħatt minn kull stokk kull sena;

    (e)

    “kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

    KAPITOLU II

    OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

    Artikolu 4

    TACs u allokazzjoni

    It-TACs għall-bastimenti tal-Unjoni, l-allokazzjoni ta' tali TACs fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

    L-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbiliti f'dan ir-Regolament għandha tkun bla preġudizzju għal:

    (a)

    skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)

    tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

    (c)

    ħatt l-art addizzjonali f'konformità mal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013;

    (d)

    kwantitajiet miżmuma f'konformità mal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (e)

    tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    Artikolu 6

    Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali mhux suġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art

    Il-qabdiet u l-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja' fil-pixkeriji li mhumiex soġġetti għall-obblilgu tal-ħatt għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk il-qabdiet isiru minn bastimenti tal-Unjoni li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru li għandu kwota, liema kwota ma tkunx eżawrita.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 7

    Trażmissjoni tad-dejta

    Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art ta' kwantitajiet ta' stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Jannar 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. RINKVIS


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

    (4)  Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).


    ANNESS

    TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAL-UNJONI F'ŻONI FEJN JEŻISTU T-TACs SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA

    It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f'tunnellati ta' piż ħaj, ħlief fejn huwa speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom b'mod funzjonali.

    L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej tal-ismijiet tal-ispeċijiet bil-Latin. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-tabella ta' ekwivalenza tal-ismijiet bil-Latin mal-ismijiet komuni tidher hawn taħt:

    Isem xjentifiku

    Kodiċi Alpha-3

    Isem komuni

    Psetta maxima

    TUR

    Barbun imperjali

    Sprattus sprattus

    SPR

    Laċċa kaħla


    Speċi:

    Barbun imperjali

    Psetta maxima

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

    TUR/F37.4.2.C.

    Il-Bulgarija

    43,2

     

     

    Ir-Rumanija

    43,2

     

     

    L-Unjoni

    86,4 (1)

     

     

    TAC

    Mhux rilevanti

     

    TAC Analitika

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


    Speċi:

    Laċċa kaħla

    Sprattus sprattus

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

    SPR/F37.4.2.C

    Il-Bulgarija

    8 032,5

     

     

    Ir-Rumanija

    3 442,5

     

     

    L-Unjoni

    11 475

     

     

    TAC

    Mhux rilevanti

     

    TAC Analitika

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


    (1)  L-ebda attività tas-sajd inkluż it-trażbord, it-teħid abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ ma għandu jkun permess mill-15 ta' April sal-15 ta' Ġunju 2015.


    Top