Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L2060

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2060 tal-10 ta' Novembru 2015 li tħassar id-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax

    ĠU L 301, 18.11.2015, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2060/oj

    18.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 301/1


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2015/2060

    tal-10 ta' Novembru 2015

    li tħassar id-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 115 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Filwaqt li tibni fuq il-kunsens li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2000 li għandu jkun hemm skambju tal-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tat-taxxa fuq bażi wiesgħa kemm jista' jkun, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (1) ilha tiġi applikata fl-Istati Membri sa mill-1 ta' Lulju 2005 bil-għan li tippermetti li d-dħul mit-tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax li jsiru fi Stat Membru wieħed lil sidien benefiċjarji li huma individwi residenti fi Stat Membru ieħor ikun soġġett għal tassazzjoni effettiva skont il-liġijiet tal-Istat Membru tar-residenza, biex b'hekk jiġu eliminati d-distorsjonijiet fil-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri, li mhumiex kompatibbli mas-suq intern.

    (2)

    Id-dimensjoni mondjali tal-isfidi li jirriżultaw mill-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transkonfinali hija punt ta' tħassib ewlieni fuq livell globali u fl-Unjoni. Id-dħul li ma jiġix irrappurtat u ntaxxat inaqqas b'mod konsiderevoli d-dħul nazzjonali mit-taxxi. Fit-22 ta' Mejju 2013, il-Kunsill Ewropew laqa' b'mod pożittiv l-isforzi kontinwi li qed isiru fil-G8, fil-G20 u fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) biex jiġi żviluppat standard globali.

    (3)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (2) tipprevedi l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' ċerta informazzjoni bejn l-Istati Membri. Tipprevedi wkoll l-estensjoni progressiva tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal kategoriji ġodda ta' dħul u kapital sabiex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transkonfinali.

    (4)

    Fid-9 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2014/107/UE (3) li emendat id-Direttiva 2011/16/UE biex testendi l-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni għal firxa usa' ta' dħul f'konformità mal-Istandard Globali maħruġ mill-Kunsill tal-OECD f'Lulju tal-2014 u li żgurat li jkun hemm approċċ koerenti, konsistenti u komprensiv fl-Unjoni kollha għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji fis-suq intern.

    (5)

    B'mod ġenerali, id-Direttiva 2014/107/UE għandha kamp ta' applikazzjoni usa' minn dak tad-Direttiva 2003/48/KE, u tipprevedi li, f'każijiet ta' sovrappożizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni, id-Direttiva 2003/48/KE għandha tipprevali. Għad hemm każijiet residwi li għalihom tapplika biss id-Direttiva 2003/48/KE. Dawk il-każijiet residwi huma l-konsegwenza ta' differenzi żgħar fl-approċċ bejn iż-żewġ Direttivi u ta' eżenzjonijiet speċifiċi differenti. F'dawk il-każijiet limitati, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/48/KE twassal għal standards tar-rappurtar doppji fl-Unjoni. Il-benefiċċji minuri li jkun hemm jekk wieħed iżomm it-tali rappurtar doppju jingħelbu mill-ispejjeż li dan iġib miegħu.

    (6)

    Fil-21 ta' Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill biex jiżgura li l-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun allinjata għalkollox mal-Istandard Globali uniku l-ġdid għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni żviluppat mill-OECD. Barra minn hekk, meta adotta d-Direttiva 2014/107/UE, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għat-tħassir tad-Direttiva 2003/48/KE u biex tikkoordina t-tħassir ta' dik id-Direttiva mad-data tal-applikazzjoni stabbilita fid-Direttiva 2014/107/UE, b'kont meħud tad-deroga stipulata fiha fir-rigward tal-Awstrija. Għalhekk, id-Direttiva 2003/48/KE għandha tkompli tapplika għall-Awstrija għal perjodu addizzjonali ta' sena. Fid-dawl tal-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill, hemm bżonn li d-Direttiva 2003/48/KE titħassar sabiex jiġu evitati l-obbligi doppji tar-rappurtar u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż kemm għall-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi.

    (7)

    Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE (4), l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-1 ta' Jannar 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' dik id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2017. Minħabba t-tħassir tad-Direttiva 2003/48/KE, ma jibqax il-bżonn li d-Direttiva 2014/48/UE tiġi trasposta.

    (8)

    Sabiex ikun żgurat li r-rappurtar awtomatiku tal-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji jkompli jseħħ mingħajr xkiel, it-tħassir tad-Direttiva 2003/48/KE għandu japplika fl-istess jum bħad-data tal-applikazzjoni tal-miżuri stabbilita fid-Direttiva 2014/107/UE.

    (9)

    Minkejja t-tħassir tad-Direttiva 2003/48/KE, l-informazzjoni miġbura mill-aġenti tal-pagamenti, mill-operaturi ekonomiċi u mill-Istati Membri qabel id-data ta' tħassir għandha tiġi pproċessata u ttrasferita kif previst oriġinarjament, u l-obbligi li rriżultaw qabel dik id-data għandhom jiġu ssodisfati.

    (10)

    Fir-rigward tat-taxxa minn ras il-għajn imposta matul il-perjodu tranżitorju msemmi fid-Direttiva 2003/48/KE, sabiex jipproteġu d-drittijiet miksubin tas-sidien benefiċjarji, l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħtu l-kreditu jew ir-rifużjonijiet kif previst oriġinarjament u għandhom joħorġu, fuq talba, ċertifikati biex is-sidien benefiċjarji jkunu jistgħu jiżguraw li t-taxxa minn ras il-għajn ma tiġix imposta.

    (11)

    Għandu jitqies il-fatt li, fid-dawl tad-differenzi strutturali, l-Awstrija ngħatat deroga skont id-Direttiva 2014/107/UE li tippermettilha tipposponi l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva b'sena sal-1 ta' Jannar 2017. Madankollu, mal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/107/UE, l-Awstrija ħabbret li ma kinitx ser tuża d-deroga għalkollox. Minflok, l-Awstrija għandha tiskambja informazzjoni sa Settembru tal-2017, għalkemm biss fir-rigward ta' sett limitat ta' kontijiet, filwaqt li żżomm id-deroga f'każijiet l-oħra. Għalhekk, għandu jkun hemm dispożizzjoni speċifika li tiżgura li l-Awstrija, u l-aġenti tal-pagamenti u l-operaturi ekonomiċi stabbiliti hemm, ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/48/KE matul il-perjodu tad-deroga, bl-eċċezzjoni ta' dawk il-kontijiet li għalihom tapplika d-Direttiva 2014/107/UE.

    (12)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fosthom id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, u xejn f'din id-Direttiva ma għandu jnaqqas jew jelimina dawk id-drittijiet.

    (13)

    Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li titħassar id-Direttiva 2003/48/KE bl-eżenzjonijiet temporanji neċessarji għall-protezzjoni tad-drittijiet miksubin u biex jittieħed kont tad-deroga mogħtija lill-Awstrija skont id-Direttiva 2014/107/UE, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-livell ta' uniformità u effettività meħtieġ, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jinkiseb dak l-objettiv.

    (14)

    Għalhekk id-Direttiva 2003/48/KE għandha titħassar,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1.   Soġġett għal paragrafi 2 u 3, id-Direttiva 2003/48/KE titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-obbligi li ġejjin tad-Direttiva 2003/48/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE (5),għandhom ikomplu japplikaw:

    (a)

    l-obbligi tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fihom taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw sal-5 ta' Ottubru 2016 jew sa ma dawk l-obbligi jkunu ġew issodisfati;

    (b)

    l-obbligi tal-aġenti tal-pagamenti taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/48/KE u tal-Istati Membri tal-aġenti tal-pagamenti taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw sal-5 ta' Ottubru 2016 jew sa ma dawk l-obbligi jkunu ġew issodisfati;

    (c)

    l-obbligi tal-Istati Membri ta' residenza għall-finijiet tat-taxxa tas-sidien benefiċjarji taħt -Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2016; u

    (d)

    l-obbligi tal-Istati Membri ta' residenza għall-finijiet tat-taxxa tas-sidien benefiċjarji taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw, fir-rigward rat-taxxa minn ras il-għajn imposta fl-2016 u fis-snin ta' qabel, sa ma dawk l-obbligi jkunu ġew issodisfati.

    3.   Id-Direttiva 2003/48/KE, kif emendata bid-Direttiva 2006/98/KE, għandha tkompli tapplika fir-rigward tal-Awstrija sal-31 ta' Diċembru 2016, bl-eċċezzjoni tal-obbligi li ġejjin:

    (a)

    l-obbligi tal-Awstrija u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti hemm taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/48/KE, li għandhom ikomplu japplikaw sat-30 ta' Ġunju 2017 jew sa ma dawk l-obbligi jkunu ġew issodisfati;

    (b)

    l-obbligi tal-Awstrija u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti hemmtaħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/48/KE, li għandhom ikomplu japplikaw sat-30 ta' Ġunju 2017 jew sa ma dawk l-obbligi jkunu ġew issodisfati; u

    (c)

    l-obbligi tal-Awstrija u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti stabbiliti hemm li jirriżultaw direttament jew indirettament mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/48/KE, li għandhom ikomplu japplikaw sat-30 ta' Ġunju 2017 jew sa ma dawk l-obbligi jkunu ġew issodisfati.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, id-Direttiva 2003/48/KE, kif emendata bid-Direttiva 2006/98/KE, ma għandhiex tapplika wara l-1 ta' Ottubru 2016 għall-pagamenti ta' mgħax fir-rigward tal-kontijiet li għalihom l-obbligi ta' rappurtar u ta' diliġenza dovuta inklużi fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/16/UE jkunu ġew issodisfati u li għalihom l-Awstrija tkun ikkomunikat, permezz ta' skambju awtomatiku, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva 2011/16/UE fiż-żmien stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2011/16/UE.

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. GRAMEGNA


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38).

    (2)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

    (3)  Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).

    (4)  Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax (ĠU L 111, 15.4.2014, p. 50).

    (5)  Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tal-20 ta' Novembru 2006 li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tat-tassazzjoni, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: ĠU L 352 M, 31.12.2008, p. 757).


    Top