Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1987

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1987 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea Bissau

    ĠU L 290, 6.11.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1987/oj

    Related international agreement

    6.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 290/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1987

    tal-5 ta' Ottubru 2015

    dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea Bissau

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta' Marzu 2008, il-Kunsill approva, permezz tar-Regolament (KE) Nru 241/2008 (1), il-konklużjoni tal-Ftehim ta'Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw (il-Ftehim).

    (2)

    L-Unjoni u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw nnegozjaw Protokoll ġdid (il-Protokoll) li joffri lill-bastimenti tal-Unjoni opportunitajiet ta' sajd fl-ibħra li fihom ir-Repubblika tal-Ginea Bissaw teżerċita s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tas-sajd.

    (3)

    Il-Protokoll ġie ffirmat fl-24 ta' Novembru 2014 f'konformità mad-Deċiżjoni 2014/782/UE (2), u ġie applikat b'mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu.

    (4)

    Il-Ftehim ta' Sħubija stabbilixxa Kumitat Konġunt li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, f'konformità mal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tkun iffaċilitata l-approvazzjoni ta' tali modifiki, huwa adatt li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa, soġġett għal kondizzjonijiet speċifiċi, biex tapprovahom skont proċedura ssimplifikata.

    (5)

    Il-Protokoll għandu jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (3).

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f'isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 19 tal-Protokoll (4).

    Artikolu 3

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tapprova, f'isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll fil-Kumitat Konġunt.

    Article 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. SCHMIT


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/2008 tas-17 ta' Marzu 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 49).

    (2)  ĠU L 328, 13.11.2014, p. 1.

    (3)  Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 328, 13.11.2014, p. 3 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

    (4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    ANNESS

    Ambitu tal-għoti tas-setgħa u l-proċedura għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt

    1.

    Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mar- Repubblika tal-Ginea Bissaw u, fejn adatt u sakemm tkun konformi mal-paragrafu 3 ta' dan l-Anness, taqbel mal-emendi tal-Protokoll fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd u tal-kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll;

    (b)

    deċiżjoni dwar ir-regoli dwar l-appoġġ settorjali skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll;

    (c)

    speċifikazzjonijiet u proċeduri tekniċi li jaqgħu fl-ambitu tal-Anness tal-Protokoll.

    2.

    Fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim, l-Unjoni għandha:

    (a)

    taġixxi skont l-għanijiet li hija ssegwi fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd;

    (b)

    issegwi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd;

    (c)

    tippromwovi pożizzjonijiet li huma kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

    3.

    Meta jkun previst li tiġi adottata deċiżjoni dwar il-modifiki tal-Protokoll kif imsemmi fil-punt 1 waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li tittieħed f'isem l-Unjoni tqis l-inforamzzjoni statistika, bijoloġika u dwar aspetti oħra l-iktar riċenti mibgħuta lill-Kummissjoni.

    Għal dan il-għan u abbażi ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu, biżżejjed żmien qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt rilevanti, dokument li jispjega fid-dettall l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni proposta tal-Unjoni, għall-analiżi u l-approvazzjoni tiegħu.

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 1(a), il-Kunsill għandu japprova l-pożizzjoni prevista tal-Unjoni b'maġġoranza kkwalifikata tal-voti. Fil-każijiet l-oħra, il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni mogħtija fid-dokument ta' tħejjija għandha titqies li jkun sar qbil dwarha, sakemm għadd ta' Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka ma joġġezzjonax għaliha waqt laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien 20 jum minn meta jasal id-dokument ta' tħejjija, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. F'każ li jkun hemm xi oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill.

    Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inkluż dawk fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

    4.

    Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, meta jkun xieraq, biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u s-sottomissjoni ta' kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni.


    Top