Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1584

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1584 tal-1 ta' Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell'Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero (notifikata bid-dokument C(2014) 6838) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 250, 25.9.2015, p. 38–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1584/oj

    25.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 250/38


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1584

    tal-1 ta' Ottubru 2014

    dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell'Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero

    (notifikata bid-dokument C(2014) 6838)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   IL-PROĊEDURA

    (1)

    Fit-22 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand it-trasportatur tal-ajru Taljan Air One S.p.A. (“Air One”), fejn dan allega li l-maniġers ta' bosta ajruporti Taljani kienu taw għajnuna illegali lil Ryanair Ltd. (“Ryanair”) permezz ta' bosta ftehimiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet operattivi fl-ajruporti. L-ajruporti kkonċernati kienu Alghero, Pescara u Ruma, ġestiti rispettivament minn Società di Gestione dell'Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. (“So.Ge.A.AL”), SAGA S.p.A. u Aeroporti di Roma S.p.A., kif ukoll l-ajruporti ta' Pisa, Treviso u Bergamo (“Orio al Serio”).

    (2)

    Permezz ta' ittra tal-11 ta' Ġunju 2004, Air One talab lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ilment tiegħu b'konformità mal-Artikolu 265 tat-Trattat u introduċa applikazzjoni għal nuqqas ta' azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti ma laqgħetx ir-rikors (2).

    (3)

    Permezz ta' ittra tad-9 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-Italja. Wara li l-Kummissjoni qablet ma' estensjoni tad-data ta' skadenza, il-kummenti tal-Italja dwar l-ilment intbagħtu permezz ta' ittri datati l-5 ta' Ottubru 2004 u l-5 ta' Novembru 2004.

    (4)

    Il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittra tal-14 ta' Marzu 2005. Wara li l-Kummissjoni qablet ma' estensjoni tad-data ta' skadenza, l-Italja bagħtet l-informazzjoni mitluba permezz ta' ittra datata s-17 ta' Ġunju 2005. L-Italja bagħtet informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni permezz ta' ittra datata t-30 ta' Ġunju 2005.

    (5)

    Permezz ta' ittra tal-21 ta' Novembru 2005, Air One talab lill-Kummissjoni sabiex testendi l-investigazzjoni tagħha għall-ajruporti ta' Bari u Brindisi. Permezz ta' ittra tat-18 ta' Mejju 2006, Air One talab b'mod formali lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 265 tat-Trattat. Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta' ittra tal-14 ta' Lulju 2006.

    (6)

    Permezz tal-ittri tas-26 ta' Ottubru 2006 u tal-10 ta' Jannar 2007, Air One llimitata l-għanijiet tiegħu għall-għajnuna preżunta mogħtija skont il-ftehimiet iffirmati bejn il-maniġer tal-ajruport ta' Alghero, So.Ge.A.AL, u Ryanair. Fit-12 ta' Frar 2007, Air One talab lill-Kummissjoni sabiex tikkonforma mal-Artikolu 265 tat-Trattat.

    (7)

    Permezz tal-ittri tas-27 ta' Ġunju 2006 u tat-30 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand l-Italja. Dik it-talba kienet parzjalment indirizzata permezz tal-ittra tal-Italja tas-17 ta' Jannar 2007. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-Italja permezz ta' ittra datata d-19 ta' Frar 2007. L-Italja wieġbet għal dik it-talba permezz ta' ittri datati s-16 ta' Marzu 2007 u s-26 ta' Marzu 2007.

    (8)

    Wara li eżaminat l-informazzjoni fornuta mill-Italja, fit-12 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat (“id-Deċiżjoni tal-2007”). Id-Deċiżjoni tal-2007 ġiet ippubblikata f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

    (9)

    Permezz ta' ittri datati l-15 ta' Ottubru 2007 u t-22 ta' Ottubru 2007, l-Italja talbet lill-Kummissjoni sabiex testendi d-data ta' skadenza sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni fid-Deċiżjoni tal-2007. Il-Kummissjoni tat estensjoni tad-data ta' skadenza permezz ta' ittra tat-23 ta' Ottubru 2007. L-Italja ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2007 fl-14 ta' Novembru 2007.

    (10)

    Fit-12 ta' Frar 2008, il-Kummissjoni ppubblikat rettifika għad-Deċiżjoni tal-2007 (4).

    (11)

    Fit-18 ta' Frar 2008, Ryanair bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2007. So.Ge.A.AL bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha fl-istess data. So.Ge.A.AL bagħtet informazzjoni ulterjuri permezz ta' ittra datata s-16 ta' Ġunju 2008. Fl-20 ta' Frar 2008, l-Italja bagħtet l-osservazzjonijiet tar-Reġjun ta' Sardinja (“RAS”) lill-Kummissjoni.

    (12)

    L-osservazzjonijiet ta' Ryanair u So.Ge.A.AL intbagħtu lill-Italja permezz ta' ittra datata t-28 ta' Frar 2008.

    (13)

    Permezz ta' ittra datata l-20 ta' Ġunju 2008, Air One ssupplimenta l-ilment oriġinali tiegħu. Fl-10 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet dik is-sottomissjoni lill-Italja għall-kummenti tagħha. Permezz ta' ittra datata l-15 ta' Jannar 2009, l-awtoritajiet Taljani talbu għal estensjoni tad-data ta' skadenza sabiex ikunu jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar is-sottomissjoni ta' Air One. Il-Kummissjoni qablet li testendi d-data ta' skadenza permezz ta' ittra datata l-20 ta' Jannar 2009. Fit-13 ta' Frar 2009, l-Italja bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni.

    (14)

    Fl-1 ta' Settembru 2008, il-Kummissjoni kkuntattjat lil Ecorys Netherlands BV (“Ecorys”) sabiex twettaq valutazzjoni ekonomika fir-rigward ta' bosta investigazzjonijiet li għaddejjin dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluża dik li tikkonċerna lill-ajruport ta' Alghero. L-analiżi indirizzat, fost l-oħrajn, l-imġiba tal-maniġer tal-ajruport So.Ge.A.AL u tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn So.Ge.A.AL u t-trasportaturi tal-ajru u l-punt safejn l-arranġamenti mat-trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero kienu konformi mal-Prinċipju ta' Operatur fl-Ekonomija tas-Suq (“MEOP”). Ecorys bagħtet ir-rapport finali tagħha fit-30 ta' Marzu 2011 (“ir-Rapport ta' Ecorys”).

    (15)

    Permezz ta' ittra tal-5 ta' Marzu 2010, Ryanair issottomettiet informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin dwar l-għajnuna mill-Istat li jinvolvu lil Ryanair, li fosthom hemm dik relatata mal-ajruport ta' Alghero.

    (16)

    Fit-30 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni addizzjonali lill-Italja. Permezz tal-istess ittra, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni bl-Ingliż tar-Rapport ta' Ecorys lill-Italja.

    (17)

    Il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lil Ryanair fit-8 ta' April 2011. Ryanair wieġbet għal dik it-talba permezz ta' ittra datata t-22 ta' Lulju 2011.

    (18)

    Permezz ta' ittri datati t-23 ta' Mejju 2011 u t-30 ta' Mejju 2011, l-Italja talbet għal estensjoni tad-data ta' skadenza sabiex tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni fit-30 ta' Marzu 2011. Permezz tal-istess ittra, l-Italja talbet għat-traduzzjoni fit-Taljan tal-verżjoni bl-Ingliż tar-Rapport ta' Ecorys. Fl-1 ta' Ġunju 2011, l-Italja kkonfermat it-talba għat-traduzzjoni. Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni bagħtet it-traduzzjoni fit-Taljan tar-Rapport ta' Ecorys lill-Kummissjoni.

    (19)

    Permezz ta' ittri datati l-31 ta' Awwissu 2011 u d-9 ta' Settembru 2011, l-Italja (kemm l-RAS kif ukoll il-Ministeru tat-Trasport Taljan) wieġbet għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tat-30 ta' Marzu 2011.

    (20)

    Permezz ta' ittra datata d-19 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet it-tweġiba ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011 lill-Italja. Permezz ta' ittra datata s-16 ta' Novembru 2011, l-Italja talbet għal estensjoni tad-data ta' skadenza għall-kummenti. Permezz tal-istess ittra, l-Italja talbet għat-traduzzjoni fit-Taljan tar-Rapport ta' Valutazzjoni tal-Prinċipju ta' Investitur fl-Ekonomija tas-Suq (ir-“Rapport tal-MEOP tal-2011”) mehmuż mat-tweġiba ta' Ryanair. Permezz ta' ittra tas-17 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni qablet li testendi d-data ta' skadenza. Fit-23 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni bit-Taljan tar-Rapport tal-MEOP tal-2011 lill-Italja. Fil-15 ta' Frar 2012, l-Italja bagħtet il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet ta' Ryanair, b'mod partikolari dwar ir-Rapport tal-MEOP tal-2011.

    (21)

    Fis-17 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lil Ryanair dwar serje ta' investigazzjonijiet li għaddejjin dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluża dik dwar l-ajruport ta' Alghero. Ryanair wieġbet għal din it-talba permezz ta' ittra tas-16 ta' April 2012.

    (22)

    Fis-27 ta' Ġunju 2012, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali sabiex tinkludi l-miżuri addizzjonali meħuda mill-Italja, li ma kinux soġġetti għall-ilment ta' Air One (“id-Deċiżjoni tal-2012”) (5). Id-Deċiżjoni tal-2012 ġiet ippubblikata f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

    (23)

    L-Italja ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012 fil-31 ta' Awwissu 2012, fit-3 ta' Ottubru 2012, fid-19 ta' Ottubru 2012, fit-22 ta' Ottubru 2012 u fl-20 ta' Frar 2013. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand erba' partijiet interessati: So.Ge.A.AL, Ryanair, Airport Marketing Services Ltd. (“AMS”) u Unioncamere. Is-sottomissjoni ta' Ryanair kienet tinkludi rapport aġġornat tal-MEOP (“ir-rapport tal-MEOP tal-2013”). Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti mill-partijiet interessati lill-Italja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. L-osservazzjonijiet tal-Italja dwar il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati waslu fis-6 ta' Settembru 2013 u fit-13 ta' Novembru 2013.

    (24)

    Waslu bosta sottomissjonijiet mingħand Ryanair fl-20 ta' Diċembru 2013 u fis-17, fl-24 u fil-31 ta' Jannar 2014. Il-Kummissjoni bagħtet is-sottomissjonijiet kollha rilevanti għall-ajruport ta' Alghero lill-Italja fid-9 ta' Jannar 2014 u fil-5 ta' Frar 2014. Fl-24 ta' Frar 2014, l-Italja talbet għat-traduzzjoni fit-Taljan tas-sottomissjonijiet mibgħuta lilha minn Ryanair permezz ta' ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2014. Permezz ta' ittra tat-8 ta' April 2014, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni bit-Taljan tas-sottomissjonijiet ta' Ryanair lill-Italja, kif mitlub.

    (25)

    Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni talbet għal tagħrif addizzjonali mill-Italja dwar il-miżuri soġġetti għall-investigazzjoni. Wara estensjoni tad-data ta' skadenza inizjali stabbilita, l-Italja pprovdiet tweġiba parzjali għat-talba tal-Kummissjoni fit-18 ta' Frar 2014. Fl-4 ta' Marzu 2014, l-Italja ġiet imfakkra dwar l-obbligu tagħha li tipprovdi tweġiba komprensiva għall-mistoqsijiet kollha indirizzati lilha fl-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta' Diċembru 2013. L-Italja pprovdiet it-tagħrif mitlub permezz ta' ittra tal-25 ta' Marzu 2014.

    (26)

    Fl-14 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja u lill-partijiet interessati fil-proċedura li l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru (“il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014”) (6) ġew adottati fl-20 ta' Frar 2014 u stiednet lill-Italja sabiex tissottometti l-kummenti tagħha fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014. L-Italja ma weġbitx għall-ittra tal-Kummissjoni datata l-14 ta' Marzu 2014.

    (27)

    Il-Kummissjoni talbet aktar tagħrif mingħand l-Italja permezz ta' ittra tal-21 ta' Marzu 2014. Wara estensjoni tad-data ta' skadenza inizjali stabbilita, l-Italja pprovdiet it-tagħrif mitlub fil-25 ta' April 2014 u fit-8 ta' Mejju 2014.

    (28)

    Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 ġew ippubblikati f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta' April 2014. Huma ħadu post il-linji gwida tal-2005 dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (“il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005”) (7).

    (29)

    Fil-15 ta' April 2014 ġie ppubblikat avviż f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li stieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, f'dan il-każ fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni. So.Ge.A.AL bagħtet il-kummenti tagħha fit-8 ta' Mejju 2014. Il-kummenti ta' So.Ge.A.AL intbagħtu lill-Italja fit-22 ta' Mejju 2014.

    (30)

    Il-Kummissjoni talbet għal aktar tagħrif mingħand l-Italja permezz ta' ittra tas-26 ta' Mejju 2014. L-Italja pprovdiet it-tagħrif mitlub fl-10 ta' Ġunju 2014, fit-28 ta' Lulju 2014, fl-20 u fis-27 ta' Awwissu 2014 u fl-1 u fid-19 ta' Settembru 2014.

    (31)

    Permezz ta' ittra tal-11 ta' Settembru 2014, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li hija taċċetta b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata bl-Ingliż biss.

    2.   TAGĦRIF ĠENERALI DWAR L-AJRUPORT TA' ALGHERO

    (32)

    L-ajruport ta' Alghero jinsab fil-Majjistral tal-gżira Taljana ta' Sardinja. Fil-bidu, l-ajruport ta' Alghero twaqqaf bħala ajruport militari u nfetaħ għat-traffiku ċivili fl-1974. L-infrastrutturi u l-faċilitajiet tal-ajruport huma proprjetà tal-Istat permezz tal-Ente Nazionale Aviazione Civile (“ENAC”), li hija l-Awtorità Nazzjonali Taljana għall-Avjazzjoni Ċivili.

    (33)

    Fir-rigward tad-distanza bejn l-ajruport ta' Alghero u l-ajruporti l-oħrajn f'Sardinja, l-ajruport ta' Alghero jinsab 128 km bogħod mill-ajruport ta' Olbia, 133 km bogħod mill-ajruport ta' Oristano, 225 km bogħod mill-ajruport ta' Tortolì — Arbatax u 235 km bogħod mill-ajruport ta' Cagliari (8). Skont l-Italja, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu u l-karatteristiċi speċifiċi tan-netwerk tat-trasport (il-modalitajiet ferrovjarji u tat-toroq), l-ajruport ta' Alghero ma huwa sostitwibbli ma' ebda wieħed minn dawk l-ajruporti fil-qrib.

    (34)

    It-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport żdied minn 663 570 fis-sena 2000 għal aktar minn miljun fl-2005 u kważi 1,6 miljun fl-2013.

    Tabella 1

    It-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport ta' Alghero

    Sena

    Passiġġieri

    2000

    663 570

    2001

    680 854

    2002

    803 763

    2003

    887 127

    2004

    997 674

    2005

    1 078 671

    2006

    1 069 595

    2007

    1 299 047

    2008

    1 379 791

    2009

    1 506 080

    2010

    1 387 287

    2011

    1 513 245

    2012

    1 512 954

    2013

    1 563 020

    (35)

    Ryanair ilha l-linja tal-ajru ewlenija li tuża l-ajruport mis-sena 2000. Madankollu, hemm ukoll linji tal-ajru oħrajn, inklużi trasportaturi low-cost oħrajn, li ilhom joperaw fl-ajruport mis-sena 2000 (Germanwings, Air Italy, Air Dolomiti, Air Vallée, Meridiana, Alpi Eagles, bmibaby, easyJet, Air One, Volare, Alitalia) (9).

    (36)

    It-tariffi imposti fuq il-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero ġeneralment jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' skeda ppubblikata ta' tariffi tal-ajruport, li tinkludi dawn li ġejjin: tariffa fuq it-tlugħ u l-inżul, tariffa tal-passiġġieri, tariffa tas-sigurtà, tariffa fuq l-iskrinjar tal-bagalji u tariffa għas-servizz tal-groundhandling.

    3.   IL-ĠESTJONI TAL-AJRUPORT TA' ALGHERO

    3.1.   So.Ge.A.AL

    (37)

    So.Ge.A.AL ġiet stabbilita fl-1994 bħala l-maniġer tal-ajruport ta' Alghero. Il-kumpanija kellha kapital inizjali ta' ITL 200 miljun (EUR 103 291,4), sottoskritt kollu kemm hu minn korpi pubbliċi lokali. Il-maġġoranza tal-kapital inżamm (direttament jew indirettament permezz tas-Società Finanziaria Industriale Regione Sardegna — SFIRS S.p.A (“SFIRS”) mill-RAS. SFIRS twaqqfet bħala kumpanija ta' investiment tal-RAS (10).

    (38)

    Għalkemm il-kompożizzjoni tal-kapital ta' So.Ge.A.AL varjat matul is-snin, sa mill-1994, il-kumpanija dejjem kienet kollha kemm hi l-proprjetà ta' korpi pubbliċi: il-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari, il-Provinċja ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Alghero, l-RAS u SFIRS S.p.A.

    (39)

    Fl-2010, l-ishma ta' So.Ge.A.AL inżammu 80,20 % mill-RAS u 19,80 % minn SFIRS.

    3.2.   IL-KONĊESSJONI TAL-ĠESTJONI

    (40)

    Fit-28 ta' Mejju 2007, So.Ge.A.AL iffirmat Konvenzjoni ma' ENAC għall-konċessjoni tal-ġestjoni “komprensiva” ta' erbgħin sena (11) tal-ajruport ta' Alghero (“il-Konvenzjoni”) (12). Qabel l-2007, l-ajruport ta' Alghero kien ġestit minn So.Ge.A.AL fuq il-bażi ta' konċessjoni tal-ġestjoni “temporanja” mogħtija lilha fil-11 ta' Frar 1999.

    (41)

    Fl-Italja, il-konċessjoni għall-ġestjoni ta' ajruport tingħata minn ENAC abbażi tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà ta' pjan tan-negozju, li jinkludi pjan ta' azzjoni, pjan ta' investiment u pjan ekonomiku-finanzjarju. Fil-pjan ta' azzjoni, il-maniġer tal-ajruport jiddeskrivi l-istrateġiji tal-programmazzjoni ekonomika tiegħu, kif ukoll l-istruttura organizzazzjonali. Il-pjan ta' investiment jikkonsisti f'rapport fil-qosor dwar l-azzjonijiet ippjanati u l-fattibbiltà teknika, ekonomika u amministrattiva tagħhom. Il-pjan ekonomiku-finanzjarju jispjega l-bilanċ finanzjarju tal-maniġment tal-ajruport.

    (42)

    Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, ir-rikavati ta' So.Ge.A.AL jikkonsistu minn:

    (a)

    tariffi tal-utenti tal-ajruporti skont il-Liġi Taljana Nru 324 tal-5 ta' Mejju 1976 u l-modifiki sussegwenti;

    (b)

    tariffi tat-tagħbija u tal-ħatt għall-merkanzija ttrasportata bl-ajru skont il-Liġi Taljana Nru 117 tas-16 ta' April 1974;

    (c)

    tariffi ta' konċessjoni għas-servizzi ta' sigurtà stabbiliti skont il-Liġi Taljana Nru 248/2005 u l-modifiki sussegwenti;

    (d)

    id-dħul li jirriżulta direttament jew indirettament mit-tmexxija tal-ajruport, kif ukoll mill-użu taż-żoni u tal-faċilitajiet tal-ajruport minn partijiet terzi, kif previst fid-Digriet Leġiżlattiv Taljan Nru 18/1999.

    (43)

    Il-maniġers tal-ajruport għandhom iħallsu tariffa ta' konċessjoni annwali lil ENAC għad-dritt li jiġġestixxu l-ajruport, fl-ammont u skont il-proċeduri definiti mil-liġijiet rilevanti fis-seħħ (għad-dettalji dwar l-iffissar tat-tariffi tal-konċessjoni ara l-premessi 155 sa 157).

    (44)

    Abbażi tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, kull sena li tibda bis-sena tal-għoti tal-konċessjoni, il-maniġer tal-ajruport għandu jissottometti lil ENAC rapport dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. Barra minn hekk, il-maniġer tal-ajruport għandu jissottometti lil ENAC, sabiex tkun tista' tagħti l-approvazzjoni tagħha, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza ta' kull perjodu ta' erba' snin tal-konċessjoni, il-pjan tan-negozju (inkluż il-pjan ta' investiment u l-pjan ta' azzjoni) għall-perjodu sussegwenti ta' erba' snin. Intant, japplikaw xi penali f'każ ta' nuqqas ta' konformità mill-maniġer tal-ajruport ma' dawk l-obbligi.

    (45)

    Skont l-Artikolu 14bis tal-Konvenzjoni, il-konċessjoni tiġi rrevokata u l-Konvenzjoni tiġi tterminata legalment f'każ ta': (i) nuqqas ta' implimentazzjoni sad-dati ta' skadenza stabbiliti tal-miżuri deskritti fil-premessa 44; (ii) dewmien ta' aktar minn tnax-il xahar sabiex titħallas it-tariffa tal-konċessjoni dovuta mill-maniġer tal-ajruport; (iii) falliment jew (iv) nuqqas ta' kisba ta' bilanċ ekonomiku-finanzjarju sal-aħħar tal-ewwel perjodu ta' erba' snin.

    3.3.   IL-MANDAT TAL-POLITIKA PUBBLIKA

    (46)

    Permezz ta' ittra tat-18 ta' Frar 2014, l-Italja sostniet li So.Ge.A.AL ma twettaqx attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tal-politika pubblika (13).

    (47)

    Madankollu, So.Ge.A.AL tagħmel il-bini tal-ajruport disponibbli għall-fini tal-provvista ta' ċerti servizzi mill-Istat fl-eżerċitar tas-setgħat pubbliċi tagħha u ġġorr l-ispejjeż għall-manutenzjoni u l-amministrazzjoni taż-żoni inkwistjoni.

    (48)

    Permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014 (14), l-Italja reġgħet ikkunsidrat il-pożizzjoni tagħha u sostniet li l-ispejjeż imġarrba fl-amministrazzjoni tal-bini tal-ajruport jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika. Fir-rigward tal-qafas legali, l-Italja sostniet li jeżistu regoli legali li jimponu strettament dawk l-ispejjeż fuq il-maniġers tal-ajruporti. B'mod partikolari, il-maniġer tal-ajruport huwa marbut li jagħmel ċerti żoni tal-ajruport disponibbli għall-ENAC u għal entitajiet pubbliċi oħrajn (il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Ajru, l-Aġenzija Doganali, il-Gwardja tal-Finanzi, l-Uffiċċju tas-Saħħa Marittima, fl-Ajru u fil-Fruntieri, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fl-Italja, is-servizz tat-Tifi tan-Nar, il-Pulizija) u jġorr l-ispejjeż ta' amministrazzjoni u manutenzjoni korrispondenti (15). L-obbligu fuq il-maniġers tal-ajruporti li jagħmlu l-bini tal-ajruport disponibbli għall-entitajiet pubbliċi u li jġorru l-ispejjeż rispettivi kien stipulat mill-Konvenzjoni Qafas għall-għoti tal-ġestjoni tal-ajruporti Taljani msemmija mid-Dispożizzjoni Taljana Nru 12479 tal-20 ta' Ottubru 1999 tal-Ministeru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni, li ġiet adottata fl-applikazzjoni tad-Digriet Ministerjali Nru 521 tal-1997. Id-dispożizzjonijiet rilevanti kienu trasposti fil-Konvenzjoni, li tistipula fl-Artikolu 4(1)(ċ) tagħha l-obbligu fuq il-maniġer tal-ajruport “li jwettaq l-attivitajiet meħtieġa sabiex jappoġġa l-attivitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat, tas-servizzi tal-emerġenza u tas-saħħa, fil-bini tal-ajruport”. Skont l-Italja, l-ispejjeż operattivi totali mġarrba minn So.Ge.A.AL fil-manutenzjoni ta' dawk iż-żoni fil-perjodu 2000-2010 kienu jammontaw għal EUR 2 776 073 (16).

    (49)

    Barra minn hekk, l-Italja sostniet li EUR 1 284 133 tal-ispejjeż totali tal-investiment fit-terminal il-ġdid jirrappreżentaw l-ispejjeż tal-kostruzzjoni taż-żoni li So.Ge.A.AL hija marbuta li tagħmel disponibbli għall-entitajiet pubbliċi u, għalhekk, jikkwalifikaw ukoll bħala spejjeż imġarrba fil-provvediment tal-attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika (ara wkoll il-premessa 86).

    3.4.   IT-TARIFFI TA' KONĊESSJONI MĦALLSIN MINN So.Ge.A.AL

    (50)

    It-tariffi ta' konċessjoni (ġestjoni u sigurtà) mħallsin minn So.Ge.A.AL bejn is-sena 2000 u l-2010 huma murija fit-Tabella 2 (17).

    Tabella 2

    It-tariffi ta' konċessjoni mħallsin minn So.Ge.A.AL matul il-perjodu 1998–2010 (EUR)

    Deskrizzjoni

    1998

    1999

    2000

    2001

    2002

    2003

    2004

    Tariffa ta' konċessjoni għall-ġestjoni dovuta lill-Ministeru

    139 572

    166 505

    243 880

    266 205

    312 950

    371 912

    418 358

    Tariffa ta' konċessjoni għas-sigurtà

    Total

    139 572

    166 505

    243 880

    266 205

    312 950

    371 912

    418 358

    Deskrizzjoni

    2005

    2006

    2007

    2008

    2009

    2010

    Total

    Tariffa ta' konċessjoni għall-ġestjoni

    473 836

    119 197

    171 019

    232 130

    267 009

    171 005

    2 643 514

    Tariffa ta' konċessjoni għas-sigurtà

    7 092

    37 324

    45 439

    48 205

    52 618

    48 571

    239 249

    Total

    480 928

    156 539

    216 458

    280 335

    319 627

    219 575

    2 882 763

    3.5.   IS-SITWAZZJONI FINANZJARJA TA' So.Ge.A.AL

    (51)

    Ir-riżultati finanzjarji ta' So.Ge.A.AL kienu negattivi matul il-perjodu 2000–2010. Skont l-Italja, il-prestazzjoni ħażina tal-kumpanija kienet ir-riżultat tad-dewmien fl-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport. Wara l-għoti tal-konċessjoni, il-kriżi ekonomika rriżultat fi tnaqqis qawwi fl-għadd ta' passiġġieri, li affettwa l-attività tal-ajruport b'mod negattiv.

    (52)

    F'Awwissu 2011, l-Italja ssottomettiet lill-Kummissjoni rapport li jivvaluta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-ajruport ta' Alghero matul il-perjodu 2000–2010 (“ir-Rapport ta' Accuracy”) (18). Abbażi tar-Rapport ta' Accuracy, ir-riżultati finanzjarji annwali ta' So.Ge.A.AL kienu kif ġej:

    Tabella 3

    Ir-riżultati finanzjarji ta' So.Ge.A.AL matul il-perjodu 2000–2010 (f'eluf ta' EUR)

    Sena

    Riżultat

    2000

    (32,2)

    2001

    (790,7)

    2002

    (47,3)

    2003

    (951,0)

    2004

    (2 981,7 )

    2005

    (2 064,7 )

    2006

    (1 108,2 )

    2007

    (1 800,8 )

    2008

    (4 577,3 )

    2009

    (12 404,1 )

    2010

    (1 847,2 )

    (53)

    Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja ssottomettiet lill-Kummissjoni r-rapporti annwali ta' So.Ge.A.AL (“Relazione sulla gestione del bilancio”) għall-perjodu 2000–2010 (19).

    (54)

    So.Ge.A.AL irrapportat telf ta' ITL 1 530 960 048 fl-2001. So.Ge.A.AL irrapportat ukoll figuri negattivi fl-2002 u fl-2003.

    (55)

    So.Ge.A.AL għalqet is-sena 2004 b'telf ta' EUR 2 981 688. Hija kompliet iżżid it-telf fl-2005 u fl-2006. Fl-2007, hija rreġistrat ukoll telf ta' EUR 1 801 000, minkejja li ngħatat il-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport fit-3 ta' Awwissu 2007. Abbażi tar-rapport annwali tal-2007, kien hemm ċerti avvenimenti mhux previsti li dgħajfu l-prestazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL matul l-2007.

    (56)

    So.Ge.A.AL irrapportat telf b'valur ta' EUR 4 577 000 fl-2008 u ta' EUR 12 404 126 fl-2009.

    (57)

    Fir-rapport annwali tagħha għall-2009, So.Ge.A.AL ħadet nota li, abbażi tal-Konvenzjoni tal-2007, hija kellha tilħaq ekwilibriju fi żmien erba' snin mill-għoti tal-konċessjoni. Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tagħha fl-2009, So.Ge.A.AL ipproponiet it-tħejjija u l-adozzjoni ta' pjan ta' negozju aġġornat li hija ddeskriviet bħala neċessarju sabiex il-previżjonijiet isiru aktar konformi mal-iżviluppi tas-suq. F'dak is-sens, il-pjan tan-negozju mħejji minn Roland Berger (ara l-premessi 64–70) kien meqjus bħala li mhuwiex affidabbli biżżejjed.

    (58)

    Għall-2010 kien irrapportat ukoll telf ta' EUR 1 847 165. Allegatament, il-figuri tat-traffiku komplew jiżviluppaw b'mod pożittiv, anki f'dak li kien ambjent ekonomiku diffiċli b'impatt mill-kriżi tal-irmied vulkaniku, li wasslet għall-għeluq temporanju tal-ispazju tal-ajru Ewropew.

    4.   IL-PJANIJIET TAN-NEGOZJU

    (59)

    Sa mill-1999, So.Ge.A.AL ħejjiet bosta pjanijiet ta' negozju, li huma miġburin fil-qosor fil-premessi 60 sa 75.

    4.1.   IL-PJAN TAN-NEGOZJU TAL-1999

    (60)

    Il-pjan tan-negozju tal-1999 ikopri l-perjodu bejn l-1999 u l-2007 f'żewġ fażijiet konsekuttivi:

    (a)

    1999–2001: matul dak il-perjodu, So.Ge.A.AL ippjanat, b'mod partikolari, żieda fil-kapital, it-tnedija tal-privatizzazzjoni tagħha, l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”, investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport, il-bidu ta' titjiriet skedati ġodda minn żewġ linji tal-ajru u d-definizzjoni ta' pjan ta' kummerċjalizzazzjoni u żvilupp kummerċjali;

    (b)

    2002–2007: din il-fażi kienet mistennija li tkun iddedikata għall-iżvilupp tan-negozju abbażi tal-infrastruttura tal-ajruport imtejba.

    (61)

    Il-pjan tan-negozju assuma l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” fl-1999, wara żieda fil-kapital ta' So.Ge.A.AL għal ITL 6 biljun.

    (62)

    Il-pjan tan-negozju assuma diversifikazzjoni tal-konnessjonijiet tal-linji tal-ajru billi attira żewġ linji tal-ajru low-cost, li bdew jikbru b'pass mgħaġġel, bħala xprunatur ewlieni tat-tkabbir. Trasportatur tal-ajru wieħed kellu jibda jopera mill-ajruport ta' Alghero fuq ir-rotta bejn Alghero u Milan fl-1999 u t-tieni wieħed kellu jibda jopera fuq ir-rotta bejn Alghero u Londra fis-sena 2000, bi tliet titjiriet fil-ġimgħa operati b'tariffi promozzjonali skontati għall-ewwel sena.

    (63)

    Il-previżjonijiet tat-traffiku wrew li l-ajruport ta' Alghero laħaq minn 1 miljun passiġġier fl-2004 sa 1,1 miljun fl-2007 bħala riżultat tar-rotot ġodda li bdew jiġu operati miż-żewġ trasportaturi tal-ajru msemmija fil-premessa 62 li, fiż-żmien li tħejja l-pjan tan-negozju, kienu qegħdin jinnegozjaw ftehimiet ta' servizzi fl-ajruport ma' So.Ge.A.AL.

    4.2.   IL-PJAN TA' ROLAND BERGER

    (64)

    Il-pjan tal-2004 imħejji għal So.Ge.A.AL mill-kumpanija tal-konsulenza Roland Berger (“il-Pjan ta' Roland Berger”) ippreveda previżjoni ddettaljata għall-perjodu 2004–2008. L-elementi ewlenin tal-pjan tan-negozju kienu:

    (a)

    Żieda fit-traffiku tat-trasportaturi low-cost minn 20 % għal 44 % tat-traffiku globali fl-ajruport, jiġifieri għal 620 000 passiġġier fl-2008;

    (b)

    Tkabbir fid-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi minn 2,2 EUR/pax għal 5 EUR/pax (20);

    (c)

    Tkabbir fid-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi minn 6,8 EUR/pax fl-2003 għal 7,47/7,75 EUR/pax fl-2008;

    (d)

    EUR 42,6 miljun ta' investimenti f'infrastruttura u tagħmir, li EUR 41,3 minnhom jiġu koperti minn finanzjament pubbliku.

    (65)

    Sabiex wieħed jifhem il-prestazzjoni tal-ajruport ta' Alghero fl-isfond tas-suq, il-prestazzjoni tiegħu ġiet imqabbla ma' dik ta' ajruporti komparabbli:

    (a)

    id-dħul mill-immaniġġjar u d-dħul minn sorsi mhux ajrunawtiċi, bħall-parkeġġ, il-karozzi tal-kiri, il-fluss tal-karburanti u l-konċessjonijiet għall-ikel u l-bejgħ bl-imnut kienu allegatament taħt il-medja tas-settur; in-nefqa għal kull passiġġier kienet tvarja minn nofs għal terz ta' dik irreġistrata minn ajruporti żgħar, u inqas minn 20 % ta' dik irreġistrata minn ajruporti akbar;

    (b)

    il-prestazzjoni ħażina mid-dħul kienet ikkonfermata min-nefqa għal kull passiġġier b'konformità ma' dik tal-ajruport ta' Puglia, li rreġistra riżultat operattiv nett negattiv;

    (c)

    madankollu, l-ispejjeż operattivi kienu allinjati mal-ajruporti Taljani bl-aqwa prestazzjoni.

    (66)

    Il-projezzjonijiet żviluppati fil-Pjan ta' Roland Berger urew id-dħul u l-ispejjeż operattivi futuri tal-maniġer tal-ajruport abbażi ta' żewġ xenarji: l-iżvilupp tal-ajruport taħt xenarju ta' konċessjoni “temporanja” kontra xenarju ta' konċessjoni “komprensiva”. Taħt l-ewwel xenarju, l-ajruport kien mistenni li jkompli jżid it-telf sal-2008, filwaqt li taħt it-tieni, l-ajruport ikun diġà laħaq ekwilibriju fl-2005 abbażi ta' dħul annwali ogħla minn 7 %, bħala medja, f'xenarju ta' konċessjoni “komprensiva”, meta mqabbel max-xenarju ta' konċessjoni “temporanja” (l-aktar minħabba dħul ogħla minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi — negozju ta' reklamar aktar effikaċi, l-operat tal-parkeġġi għall-karozzi u l-bejgħ tal-karburanti kienu mistennija jagħtu spinta 'l fuq lid-dħul minn attivitajiet kummerċjali). Ir-riżultati finanzjarji għall-attivitajiet ajrunawtiċi kienu mistennija li jkunu negattivi anki f'xenarju ta' konċessjoni “komprensiva”.

    (67)

    Il-Pjan ta' Roland Berger wera dħul minn immaniġġjar ta' prestazzjoni dgħajfa, primarjament akkont tat-traffiku tat-trasportaturi low-cost. L-immaniġġjar kien mistenni li jkompli jiġġenera t-telf fuq perjodu ta' żmien medju, anki f'approċċ ottimistiku. Kien stmat li d-dħul mitluf li jirriżulta mill-immaniġġjar tat-traffiku tat-trasportaturi low-cost ikun ugwali għal EUR 3,2 miljun fl-2008.

    (68)

    Abbażi tal-Pjan ta' Roland Berger, l-enfasi primarja tal-ajruport sabiex jitreġġa' lura t-tnaqqis preċedenti u jintlaħaq punt ta' ekwilibriju kienet fuq l-ixprunar ta' dħul kummerċjali, sal-punt meta n-nefqa għal kull passiġġier tinġieb f'konformità ma' dik tal-ajruporti komparabbli (minn EUR 2,2 għal EUR 5 kull passiġġier). It-traffiku tat-trasportaturi low-cost kien mistenni li jkun il-fattur ewlieni li jiġġenera dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għall-perjodu 2004–2008 u li jnaqqas it-telf fin-negozju ajrunawtiku. Il-projezzjonijiet urew li kien hemm 620 000 passiġġier low-cost fl-2008.

    (69)

    Il-Pjan ta' Roland Berger innota wkoll li l-kontinwazzjoni tal-ġestjoni tal-ajruport taħt “konċessjoni temporanja” tista' tirrikjedi r-rikapitalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL sabiex jiġi kopert it-telf operattiv.

    (70)

    Il-Pjan ta' Roland Berger kien aġġornat darbtejn, fl-2007 u fl-2008, sabiex jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-iżviluppi fis-settur. L-aġġornamenti pproponew azzjonijiet konkreti għall-iżvilupp tal-ajruport matul il-perjodu 2008–2011, permezz ta' żieda kemm tad-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi — b'mod partikolari min-negozju tal-immaniġġjar, kif ukoll tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi.

    4.3.   IL-PJAN TAN-NEGOZJU GĦALL-GĦOTI TAL-KONĊESSJONI

    (71)

    Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL, li tħejja fid-dawl tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva, kien approvat f'Settembru 2005 u ppreveda previżjoni tad-dħul u tal-ispejjeż għall-perjodu ta' erbgħin sena tal-konċessjoni għall-ġestjoni tal-ajruport, fuq is-suppożizzjoni li l-konċessjoni tingħata lil So.Ge.A.AL fl-2006.

    (72)

    Il-previżjonijiet tat-traffiku annwali wrew żieda stabbli minn sena għal sena ta' 4,5 % sal-2010, 2,6 % mill-2011 sal-2025 u 3,78 % matul il-perjodu 2006–2025, għal madwar 2,8 miljun passiġġier sakemm toqrob is-sena 2045. Id-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien ibbaġitjat li jiżdied mill-ammont annwali ta' EUR 2 929 000 fl-2006 għal EUR 8 814 000 fl-2045. Bl-istess mod, id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi kien mistenni li jiżdied minn EUR 9 288 000 fl-2006 għal EUR 29 587 000 fl-aħħar tal-perjodu ta' erbgħin sena. Il-previżjonijiet assumew tnaqqis ta' 20 % fid-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi sakemm l-ajruport jilħaq il-limitu ta' 2 miljun passiġġieri u d-dħul konsegwenti fis-suq ta' fornitur addizzjonali ta' servizzi tal-groundhandling b'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-groundhandling fl-ajruporti Ewropej (21).

    (73)

    Bejn l-2006 u l-2045 kienet prevista nefqa kapitali ta' EUR 143,3 miljun. Il-pjan kien jinkludi programm iddettaljat ta' investmenti kapitali fis-sena matul il-perjodu 2006–2045 u elenka s-sorsi ta' finanzjament (privat jew pubbliku) għal dawn l-investimenti.

    4.4.   IL-PJAN TA' RIORGANIZZAZZJONI U RISTRUTTURAR TAL-2010

    (74)

    Il-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010 kien approvat mill-RAS f'Settembru 2010. Il-pjan ippreveda analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni ekonomika ta' So.Ge.A.AL għall-perjodu 2000–2010 u pproġetta li l-kumpanija kellha terġa' lura għal vijabbiltà fl-2012, wara li kkunsidra wkoll rikapitalizzazzjoni tal-kumpanija prevista għall-2010.

    (75)

    Skont il-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010, il-prestazzjoni ħażina ta' So.Ge.A.AL sal-2010 kienet ir-riżultat ta' ġestjoni inadegwata, attività ta' groundhandling ineffikaċi, nuqqasijiet fl-infrastruttura u dħul insuffiċjenti minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi.

    5.   MIŻURI SOĠĠETTI GĦAL INVESTIGAZZJONI

    (76)

    Il-miżuri li ġejjin huma soġġetti għall-investigazzjoni miftuħa u estiża mid-Deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2012, rispettivament:

    (a)

    Miżuri favur il-maniġer tal-ajruport So.Ge.A.AL:

    Injezzjonijiet ta' kapital mill-RAS u minn azzjonisti pubbliċi oħrajn;

    Kontribuzzjonijiet għal 'fittings u xogħlijiet' mill-RAS;

    Iffinanzjar tal-infrastruttura u tat-tagħmir tal-ajruport mill-Istat.

    (b)

    Għajnuna potenzjali f'diversi ftehimiet konklużi mal-linji tal-ajru li bdew jużaw l-ajruport mis-sena 2000.

    5.1.   MIŻURI FAVUR So.Ge.A.AL

    5.1.1.   Miżura 1 — Injezzjonijiet ta' kapital

    (77)

    Il-liġi Taljana titlob li l-maniġers tal-ajruporti jżommu livell minimu ta' kapital skont il-volumi tat-traffiku (22): għal ajruporti bi traffiku ta' bejn 300 000 u miljun passiġġier, il-kapital minimu meħtieġ kien iffissat bħala EUR 3 miljun, filwaqt li għal traffiku ta' bejn miljun u żewġ miljuni, il-livell limitu kien iffissat bħala EUR 7,5 miljun. Matul l-investigazzjoni, l-Italja sostniet li l-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL kienu mmirati primarjament sabiex jiksbu lura l-kapital tal-kumpanija li kien naqas minħabba t-telf għal-livell impost mil-liġi nazzjonali.

    (78)

    Abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Italja, l-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL injettaw kapital ġdid fl-ekonomija f'diversi okkażjonijiet, kif ġej (23):

    Tabella 4

    Operazzjonijiet fuq il-kapital ta' So.Ge.A.AL

    Sena

    Deskrizzjoni

    Laqgħa tal-Assemblea tal-Azzjonisti ta' So.Ge.A.AL

    Injezzjoni ta' kapital

    (EUR)

    2003

    Injezzjoni sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf u sabiex il-kapital jiżdied għal EUR 7 754 000

    fid-9 ta' Mejju 2003.

    5 198 000

    2005

    Injezzjoni ta' EUR 3 933 372,17 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

    fid-29 ta' April 2005.

    3 933 372,17

    2007

    Injezzjoni ta' EUR 3 797 185 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

    fil-31 ta' Ottubru 2007.

    3 797 185

    2009

    Injezzjoni ta' EUR 5 649 535 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

    fis-26 ta' Jannar 2009.

    5 649 535

    2010

    Injezzjoni ta' EUR 12 508 306 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

    fil-21 ta' Mejju 2010.

    12 508 306

    5.1.2.   Miżura 2 — Iffinanzjar ta' “fittings u xogħlijiet”

    (79)

    Skont it-tagħrif ipprovdut mill-Italja, mill-1998 sal-2009, So.Ge.A.AL irċeviet kontribuzzjonijiet mingħand l-RAS għal “fittings u xogħlijiet” għal ammont totali ta' EUR 6 540 269.

    (80)

    Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012, l-Italja ċċarat li l-għan ewlieni tal-miżuri li jikkonċernaw 'il-fittings u x-xogħlijiet' kien li tiġi ammeljorata l-infrastruttura tal-ajruport. L-Italja rreferiet għad-definizzjoni ġenerali ta' xogħlijiet pubbliċi (“lavoro pubblico”) pprovduta fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 tal-Liġi Taljana Nru 109 tal-11 ta' Frar 1994 (“Legge quadro in materia di lavori pubblici”) (24), jiġifieri l-“attivitajiet ta' kostruzzjoni, twaqqigħ, restawr, rinnovazzjoni u manutenzjoni tax-xogħlijiet u tal-installazzjonijiet, inklużi d-difiża tal-ambjent u l-bijoinġinerija” (25). L-Italja ċċarat li l-finanzjament inkwistjoni eventwalment intuża għall-iffinanzjar tax-xogħlijiet fuq it-terminal tal-passiġġieri, l-ammeljorament tal-konnessjonijiet tat-toroq esterni, l-ammeljorament taż-żoni għall-parkeġġ tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll l-apparat neċessarju għall-operat tal-ajruport.

    (81)

    Abbażi ta' dawk il-kjarifiki, fil-valutazzjoni mwettqa f'din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni analizzat l-iffinanzjar ta' “fittings u xogħlijiet” (il-Miżura 2) u s-sussidji għall-investimenti infrastrutturali (il-Miżura 3) flimkien, bħala serje ta' miżuri li jiffinanzjaw il-ħolqien u l-ammeljorament tal-infrastruttura u l-apparat.

    5.1.3.   Miżura 3 — Iffinanzjar tal-infrastruttura u tat-tagħmir tal-ajruport

    (82)

    It-tabella 5 tispjega fid-dettall l-investimenti infrastrutturali mwettqa matul il-perjodu 2000–2010, li kienu parzjalment iffinanzjati minn fondi pubbliċi (26).

    Tabella 5

    Investimenti infrastrutturali matul il-perjodu 2000–2010

    Investiment

    Data tal-impenn vinkolanti għall-finanzjament pubbliku

    Spejjeż tal-investiment

    (EUR)

    Finanzjament pubbliku

    (EUR)

    Sors tal-finanzjament pubbliku

    Żona ġdida għat-tluq tal-passiġġieri

    1994

    109 773,59

    109 774

    RAS

    Ristrutturar taż-żona għall-wasla tal-passiġġieri (“Ristrutturazione zona arrivi”)

    1996

    1 442 990,23

    1 350 812

    RAS

    Terminal ġdid

    1997

    17 325 483,05

    15 012 344,72

    ENAC

    Ammeljorament tal-bankina tat-taxiway

    1997

    4 175 608,09

    3 861 392

    ENAC

    Żoni ta' sikurezza laterali

    1998

    429 894,54

    417 102

    RAS

    TOTAL

    mhux disponibbli

    23 483 749,5

    20 751 424,72

    ENAC

    Sistema ta' kontroll tal-bagalji bir-raġġi X

    2003

    208 782,99

    191 082,99

    ENAC

    Ristrutturar tat-terminal l-antik tal-passiġġieri (“Ristrutturazione vecchia aerostazione passeggeri”)

    2003

    2 406 862,57

    1 623 967

    ENAC

    Ammeljorament tar-rampa tal-ajruport

    2003

    7 499 177,02

    6 905 599

    ENAC

    Ammeljorament tat-taxiway

    2003

    7 287 065,75

    6 755 162

    ENAC

    Ammeljorament tar-runway

    2003

    6 702 055,64

    6 323 883

    ENAC

    Sistema ta' kontroll tal-perimetru

    2003

    6 073 054,61

    5 951 919

    ENAC

    Apparat kontra l-isplussivi (“Carrello antideflagrante”)

    2004

    76 001,29

    76 000

    ENAC

    TOTAL

    mhux disponibbli

    53 736 749,37

    48 579 036,23

    mhux disponibbli

    (83)

    Barra minn hekk, fil-perjodu 2000–2010, l-RAS ta għotjiet diretti lil So.Ge.A.AL għall-akkwist ta' apparat (mezzi ta' komunikazzjoni interna, softwer, vetturi, eċċ.) għal ammont totali ta' EUR 4 680 281,44.

    (84)

    Skont l-Italja (27), kien impenjat legalment ammont ta' EUR 25 431 706,16 tal-finanzjament pubbliku qabel is-sena 2000, jiġifieri d-data meta ngħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris  (28). B'mod partikolari:

    (a)

    Il-finanzjament mill-Istat stipulat mid-Deċiżjoni tas-CIPE (29) tad-29 ta' Awwissu 1997: il-finanzjament intuża għall-kostruzzjoni tat-terminal tal-passiġġieri l-ġdid u għall-ammeljorament tat-taxiway;

    (b)

    Il-finanzjament reġjonali mogħti lil So.Ge.A.AL abbażi tal-Ftehim Qafas bejn l-RAS u l-Ministeru tat-Trasport tal-5 ta' Awwissu 1996, il-Liġijiet Reġjonali Taljani Nru 2 tad-29 ta' Jannar 1994 u Nru 9 tal-15 ta' Frar 1996: il-finanzjament kien indirizzat lejn ir-ristrutturar tat-terminal l-antik u l-kostruzzjoni ta' żoni ta' sikurezza laterali. Barra minn hekk, skont dawk il-Liġijiet Reġjonali, ingħata finanzjament reġjonali lil So.Ge.A.AL għall-iffinanzjar tal-apparat.

    (85)

    Skont l-Italja, qabel l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” fl-2007, l-Istat żamm ir-responsabbiltà għall-investmenti infrastrutturali, filwaqt li l-maniġer tal-ajruport kien sempliċi eżekutur tax-xogħlijiet infrastrutturali approvati mill-Istat.

    (86)

    Permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014 (30), l-Italja sostniet ukoll li, mill-ispejjeż totali tal-investiment fit-terminal il-ġdid, EUR 1 284 133 jikkwalifikaw bħala spejjeż imġarrba fil-provvediment tal-attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika u bħala li jikkorrespondu għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni taż-żoni tat-terminal, li So.Ge.A.AL hija marbuta li tagħmel disponibbli għall-entitajiet pubbliċi (ara wkoll il-premessa 49).

    5.2.   MIŻURI FAVUR IL-LINJI TAL-AJRU LI JUŻAW L-AJRUPORT

    (87)

    L-investigazzjoni tkopri bosta ftehimiet li daħlet fihom So.Ge.A.AL ma' diversi linji tal-ajru li jtiru mill-ajruport ta' Alghero, li, fid-Deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2012, kienu meqjusa mill-Kummissjoni bħala li possibbilment jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru kkonċernati.

    (88)

    Skont l-Italja, il-ftehimiet mat-trasportaturi tal-ajru kienu nnegozjati mid-Direttur Ġenerali ta' So.Ge.A.AL, li rrapporta lill-Bord tad-Diretturi dwar l-istatus tan-negozjati u l-kontenut tal-ftehimiet. Il-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL approva t-termini tal-ftehimiet qabel l-iffirmar tagħhom (31).

    5.2.1.   Miżura 4 — Ftehimiet iffirmati minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair/AMS

    (89)

    Ryanair ilha sa mis-sena 2000 il-linja tal-ajru ewlenija li topera fl-ajruport ta' Alghero. Ġew iffirmati żewġ tipi ta' ftehimiet bejn Ryanair u s-sussidjarja tagħha AMS, fuq naħa waħda, u So.Ge.A.AL, fuq in-naħa l-oħra.

    i.   Ftehimiet dwar is-Servizzi fl-Ajruport (Airport Services Agreements — “ASAs”)

    (90)

    Il-Ftehimiet dwar is-Servizzi fl-Ajruport (“ASAs”) iffirmati mis-sena 2000 'il quddiem bejn Ryanair u So.Ge.A.A stipulaw il-kundizzjonijiet operattivi ta' Ryanair fl-ajruport ta' Alghero u l-livell tat-tariffi tal-ajruport dovuti mil-linja tal-ajru. Ryanair impenjat ruħha li tilħaq il-miri definiti minn qabel ta' titjiriet/passiġġieri bi ħlas għal eżitu pożittiv li jrid jitħallas minn So.Ge.A.AL. Ġew stipulati penali f'każ li dawn il-miri ma jintlaħqux għal kollox.

    ii.   Ftehimiet dwar is-Servizzi ta' Kummerċjalizzazzjoni

    (91)

    Il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni huma relatati mar-reklamar tad-destinazzjoni ta' Alghero fuq is-sit elettroniku uffiċjali ta' Ryanair. Sa mill-2006, dawn kienu ffirmati ma' AMS, kumpanija sussidjarja 100 % ta' Ryanair, u konklużi fl-istess dati li fihom ġew iffirmati l-ASAs ma' Ryanair.

    (92)

    Fil-premessi 93 sa 109, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-ftehimiet (l-ASAs u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni) iffirmati minn So.Ge.A.AL u Ryanair/AMS.

    5.2.1.1.   L-ASA tas-sena 2000 ma' Ryanair

    (93)

    L-ewwel ASA bejn Ryanair u So.Ge.A.AL kien maqbul fit-22 ta' Ġunju 2000 għal perjodu ta' għaxar snin.

    (94)

    Abbażi tal-ASA tas-sena 2000, Ryanair kellha topera mill-inqas titjira waħda ta' ritorn kuljum bejn Londra u Alghero u tħallas lil So.Ge.A.AL l-ammont ta' ITL […] (*) għal kull tlugħ u nżul. Kull sena, Ryanair kellha tissottometti wkoll pjan tal-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni u tindika r-riżultati miksuba fl-operat tar-rotta, kif ukoll il-prospetti ta' żvilupp.

    (95)

    So.Ge.A.AL impenjat ruħha li tipprovdi servizzi relatati mat-terminal u l-immaniġġjar lil Ryanair. Il-maniġer tal-ajruport kellu “jħallas jew jikkredita” ammont fix-xahar li jkun ekwivalenti għall-ammont pagabbli minn Ryanair għat-tariffi tal-immaniġġjar, b'limitu massimu għall-ewwel sena tal-ftehim. So.Ge.A.AL impenjat ruħha wkoll li tħallas ammont fiss annwali lil Ryanair, kif ukoll ammont addizzjonali f'każ li tiżdied titjira addizzjonali mal-iskeda tagħha.

    5.2.1.2.   L-ASA tal-2002 u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair

    (96)

    Ryanair iffirmat it-tieni ASA ma' So.Ge.A.AL fil-25 ta' Jannar 2002, li ħa post l-ASA tas-sena 2000 u kopra l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2002 u l-31 ta' Diċembru 2012. Abbażi ta' dak il-ftehim, Ryanair kellha tħallas lil So.Ge.A.AL l-ammont ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar. Ryanair kellha tħallas tariffi tal-ajruport u tariffi tas-sigurtà skont l-iskeda ppubblikata ta' tariffi.

    (97)

    Fl-istess data ġie ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni bejn So.Ge.A.AL u Ryanair, li kien ikopri l-istess perjodu bħall-ASA tal-2002. Ryanair impenjat ruħha li twettaq attivitajiet promozzjonali u ta' reklamar fuq il-paġna elettronika tagħha u fuq mezzi oħrajn fid-diskrezzjoni tagħha li tippromwovi l-konnessjoni bejn Alghero u Londra b'konsultazzjoni ma' So.Ge.A.AL. Abbażi ta' dan il-ftehim, So.Ge.A.AL kellha tħallas kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' EUR […] għall-ewwel rotazzjoni ta' kuljum matul is-sena kollha fuq kull rotta u EUR […] għat-tieni rotazzjoni ta' kuljum matul is-sajf biss fuq kull rotta.

    5.2.1.3.   L-ASA tal-2003 u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair

    (98)

    Fl-1 ta' Settembru 2003, So.Ge.A.AL iffirmat ASA ġdid ma' Ryanair għal perjodu ta' ħdax-il sena (bil-possibbiltà ta' estensjoni għal perjodu addizzjonali ta' għaxar snin), bil-ħsieb li jieħu post l-ASA tal-2002.

    (99)

    Abbażi tal-ASA tal-2003, Ryanair kellha tkompli ttir lejn Londra u, skont is-suċċess tal-ftehimiet preċedenti f'termini tal-flussi tat-traffiku, Ryanair kellha tibda topera titjira ġdida ta' kuljum lejn Frankfurt-Hahn jew lejn kwalunkwe punt ieħor fuq in-netwerk ta' Ryanair. Ryanair kellha tħallas lil So.Ge.A.AL is-somma ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar. Il-linja tal-ajru kellha tħallas it-tariffi tal-ajruport u t-tariffi tas-sigurtà skont l-iskeda ppubblikata ta' tariffi.

    (100)

    Fl-1 ta' Settembru 2003 ġie ffirmat ukoll ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, li kien ikopri l-istess perjodu bħall-ASA tal-2003. Abbażi ta' dak il-ftehim, So.Ge.A.AL kellha tħallas kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' (i) EUR […] fis-sena għall-ewwel rotazzjoni ta' kuljum matul is-sena kollha fuq kull rotta internazzjonali, (ii) EUR […] għat-tieni rotazzjoni ta' kuljum matul is-sajf biss fuq kull rotta u (iii) kontribuzzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni introduttorja ta' darba ta' EUR […] fir-rigward tal-ewwel sena tal-operat ta' kull rotta internazzjonali minbarra r-rotta ta' Londra, kif ukoll EUR […] oħra għal kull waħda mit-tieni u mit-tielet sena tal-operat ta' tali rotta ġdida.

    (101)

    Ryanair kellha tissokta bis-servizzi skedati ta' kuljum tagħha tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru bejn Alghero u Londra u tinawgura servizzi addizzjonali ta' trasport ta' kuljum tal-passiġġieri bl-ajru bejn Alghero u Frankfurt Hahn u/jew kwalunkwe punt ieħor fuq in-netwerk ta' Ryanair (“is-Servizzi”). Ryanair kellha twettaq ukoll, b'konsultazzjoni ma' So.Ge.A.AL, kwalunkwe servizz u attività normalment offruti minn kumpaniji tar-reklamar, tal-promozzjoni tal-bejgħ u tar-relazzjonijiet pubbliċi, li jaġixxu fl-istess qasam, bħal (iżda mhux limitati għal):

    id-disinn, l-arranġament, il-produzzjoni, l-iżvilupp, l-ittestjar, l-implimentazzjoni, iż-żamma u l-aġġornar ta' web links u tas-sit elettroniku ta' Ryanair u t-teħid ta' kwalunkwe miżuri oħrajn meqjusa bħala xierqa minn Ryanair bħala li kapaċi jiġġeneraw, iżommu u/jew jippromwovu l-isforzi tar-reklamar fir-rigward tal-prenotazzjonijiet mill-klijenti minn fuq l-Internet lejn jew mill-ajruport ta' Alghero;

    id-disinn ta' reklamar bl-Ingliż jew b'lingwa oħra (jekk dan ikun xieraq) adattat għal fuq l-Internet u t-twettiq ta' promozzjoni tal-bejgħ u relazzjonijiet pubbliċi meqjusa bħala li kapaċi jiġġeneraw, iżommu u/jew jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tas-Servizzi mill-klijenti permezz tal-Internet;

    id-disinn, l-arranġament u l-produzzjoni ta' materjal ta' reklamar jew kwalunkwe metodu rilevanti ieħor għall-promozzjoni tas-Servizzi;

    id-disinn, l-arranġament u l-produzzjoni ta' materjal ta' reklamar jew kwalunkwe metodu rilevanti ieħor għall-promozzjoni tal-ajruport ta' Alghero fir-Renju Unit u fi kwalunkwe pajjiż ieħor fejn Ryanair tinawgura rotta tas-Servizzi;

    l-edukazzjoni tal-istampa dwar is-Servizzi u, b'hekk, l-influwenzar tal-pubbliku ġenerali, sabiex dawn isiru aktar familjari mar-reġjun li jdawwar l-ajruport ta' Alghero u jiġu mħeġġa jivvjaġġaw fuq ir-rotot inkwistjoni;

    l-arranġament sabiex sit elettroniku propost minn So.Ge.A.AL u maqbul ma' Ryanair jiġi magħqud mas-sit elettroniku ta' Ryanair, soġġett għall-kundizzjoni li tali sit elettroniku ma jkun fih ebda funzjoni diretta ta' prenotazzjoni ta' lukanda jew kiri ta' karozza online.

    5.2.1.4.   L-ASA tal-2006 ma' Ryanair u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS

    (102)

    Fit-3 ta' April 2006 ġie ffirmat ASA ġdid bejn So.Ge.A.AL u Ryanair, li ħa post l-ASA tal-2003 u kien effettiv mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010, bil-possibbiltà ta' estensjoni ta' ħames snin.

    (103)

    Assoċjat ma' dak il-ftehim kien hemm ftehim supplimentari li ġie ffirmat fit-3 ta' April 2006 għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2006 u l-31 ta' Diċembru 2010, li stabbilixxa l-miri tal-passiġġieri globali li kellhom jintlaħqu minn Ryanair u l-ħlas għal eżitu pożittiv pagabbli minn So.Ge.A.AL. Dan il-ftehim ippreveda wkoll il-penali li kellhom jitħallsu minn Ryanair f'każ li ma jintlaħqux il-miri tal-passiġġieri.

    (104)

    Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2006 ġie ffirmat ma' AMS (minflok ma' Ryanair) fit-3 ta' April 2006 u kien ikopri l-istess perjodu bħall-ASA. Il-ftehim kien imsejjes fuq l-impenn ta' Ryanair li topera ċerti rotot tal-UE u li tilħaq ċerti miri fir-rigward tal-livell ta' passiġġieri. AMS offriet servizzi ta' reklamar online lil So.Ge.A.AL inkambju għal EUR […] fis-sena.

    5.2.1.5.   L-ASA tal-2010 ma' Ryanair u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS

    (105)

    Fil-bidu tal-2010, So.Ge.A.AL u Ryanair esprimew l-intenzjoni tagħhom li jġeddu t-termini tar-relazzjoni eżistenti tagħhom billi nnegozjaw ftehim ġdid u ffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ) fl-10 ta' Marzu 2010. Il-MtQ jgħid li “minn Marzu 2010, Ryanair u So.Ge.A.AL għandhom jinnegozjaw in bona fede sabiex jiddefinixxu mill-ġdid it-termini u d-dispożizzjonijiet tas-sħubija tagħhom”.

    (106)

    Abbażi ta' dan, sussegwentement ġie ffirmat ASA ġdid bejn So.Ge.A.AL u Ryanair fl-20 ta' Ottubru 2010, li ħa post l-ASA tal-2006. Dan il-ftehim stabbilixxa tariffi ġodda u struttura ta' inċentivi għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2013, bil-possibbiltà ta' estensjoni ta' ħames snin mal-iskadenza tat-terminu inizjali tal-ftehim.

    (107)

    So.Ge.A.AL impenjat ruħha li tħallas ħlasijiet għal eżitu pożittiv għal għadd immirat ta' titjiriet u ċerti livelli ta' traffiku tal-passiġġieri, filwaqt li Ryanair impenjat ruħha li tħallas it-tariffi tal-immaniġġjar u t-tariffi tal-ajruport, kif ukoll li twettaq attivitajiet ta' promozzjoni tal-bejgħ u relazzjonijiet pubbliċi.

    (108)

    Fl-istess jum ġie ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni għal tul ta' erba' snin b'possibbiltà li dan jiġi estiż għal erba' snin oħra. AMS offriet pakkett ta' servizzi ta' reklamar online lil So.Ge.A.AL inkambju għar-rati annwali li ġejjin: EUR […] għall-2010; EUR […] għall-2011; EUR […] għall-2012 u EUR […] għall-2013. Bħal fl-2006, il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni kien imsejjes fuq l-impenn ta' Ryanair li topera ċerti rotot tal-UE u li tilħaq ċerti miri tal-passiġġieri.

    (109)

    Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Italja reġgħet bniet l-analiżi tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali li b'mod raġonevoli setgħu jkunu mistennija minn operatur fl-ekonomija tas-suq li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fil-ħin tal-konklużjoni ta' kull wieħed minn dawn il-ftehimiet matul il-perjodu taħt investigazzjoni, jiġifieri bejn l-2000 u l-2010 (“ir-Rapport tal-MEOP tal-2014”) (32). Skont l-Italja, So.Ge.A.AL stenniet li l-ftehimiet ma' Ryanair ikunu profittabbli għall-ajruport f'dak iż-żmien li ġew konklużi.

    5.2.2.   Miżura 5 — Ftehimiet ma' trasportaturi oħrajn

    (110)

    Fiż-żmien li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni nnotat li kien jidher ukoll li So.Ge.A.AL tat skontijiet fuq it-tariffi tal-ajruport lil trasportaturi oħrajn għajr Ryanair. Għalkemm il-Kummissjoni kienet konxja li So.Ge.A.AL kienet ikkonkludiet ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' trasportaturi oħrajn ukoll, f'dak l-istadju ma kinitx ipprovduta biżżejjed informazzjoni dwar dawk il-ftehimiet lill-Kummissjoni.

    (111)

    Permezz ta' ittra datata t-18 ta' Frar 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni b'analiżi tal-profittabbiltà bbażata fuq dejta ex post tal-arranġamenti ma' Alitalia, Meridiana u Volare sabiex turi li l-konklużjoni tal-ftehimiet ma' dawn il-linji tal-ajru kienet ekonomikament ġustifikata mill-perspettiva tal-ajruport. Sa dik id-data ma ġiet ipprovduta ebda analiżi tal-ftehim ma' Germanwings.

    (112)

    Sussegwentement, permezz ta' ittra datata l-25 ta' Marzu 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Air One/Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings, li fittxet li turi li dawn il-ftehimiet kienu mistennija jkunu profittabbli għal So.Ge.A.AL fuq bażi ex ante.

    (113)

    Fl-aħħarnett, fl-10 ta' Ġunju 2014, l-Italja ssottomettiet lill-Kummissjoni analiżi tal-profittabbiltà mistennija tal-ftehimiet tal-immaniġġjar li ġew konklużi minn So.Ge.A.AL ma' bmibaby, Air Vallée u Air Italy.

    (114)

    Il-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' trasportaturi oħrajn għajr Ryanair soġġetti għall-investigazzjoni f'dan il-każ huma ppreżentati fil-premessi 115 sa 132.

    5.2.2.1.   Ftehimiet ma' Germanwings, Volare, Meridiana u Alitalia

    (115)

    So.Ge.A.AL ikkonkludiet ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u mmaniġġjar ma' Germanwings, Volare, Meridiana u Alitalia.

    i.   Germanwings

    (116)

    Il-ftehim tal-immaniġġjar bejn Germanwings u So.Ge.A.AL kien iffirmat fid-19 ta' Marzu 2007 u kellu jibda japplika mill-25 ta' Marzu 2007. Abbażi ta' dan il-ftehim, Germanwings kellha tħallas lil So.Ge.A.AL is-somma ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar.

    (117)

    Fil-25 ta' Marzu 2007 ġie ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni bejn Germanwings u So.Ge.A.AL, li permezz tiegħu it-trasportatur impenja ruħu li jopera ċerti rotot tal-UE u li jilħaq ċerti miri ta' frekwenza u passiġġieri. Il-ftehim kellu japplika mill-25 ta' Marzu 2007 sal-31 ta' Ottubru 2009. Madankollu, Germanwings bdiet topera mill-ajruport ta' Alghero fl-2007. Skont l-Italja, it-trasportatur iddeċieda li jwaqqaf l-operazzjonijiet mill-ajruport ta' Alghero minħabba li ma setax jiġġenera biżżejjed traffiku sabiex jilħaq ekwilibriju minn perspettiva finanzjarja.

    (118)

    Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni stabbilixxa kontribuzzjoni ta' “għajnuna tal-bidu” li kienet tammonta għal EUR […] u li kellha titħallas minn So.Ge.A.AL lil Germanwings “sabiex tippromwovi l-ajruport ta' Alghero bil-għan li jiżdied il-volum ta' passiġġieri li jitilqu permezz tal-ftuħ ta' rotta ġdida”.

    (119)

    Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni stabbilixxa wkoll il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv li kellhom jitħallsu minn So.Ge.A.AL lil Germanwings li kieku l-linja tal-ajru kellha tilħaq il-miri tat-traffiku stipulati. Il-ftehim speċifika wkoll il-penali li kellhom jitħallsu minn Germanwings lil So.Ge.A.AL f'każ li l-linja tal-ajru kellha tikkanċella 10 % tat-titjiriet tagħha jew li kieku ma ssodisfatx il-miri tat-traffiku stipulati.

    ii.   Volare

    (120)

    Fid-29 ta' Novembru 2007, Volare ffirmat ftehim ta' mmaniġġjar u kummerċjalizzazzjoni ma' So.Ge.A.AL.

    (121)

    Il-ftehim ta' mmaniġġjar stabbilixxa l-miri li kellhom jintlaħqu mit-trasportatur f'termini tal-għadd ta' passiġġieri u titjiriet fis-sena, kif ukoll il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv korrispondenti li kellhom jitħallsu minn So.Ge.A.AL.

    (122)

    Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni stabbilixxa ħlas għal eżitu pożittiv annwali ta' EUR […] li kellu jitħallas mill-maniġer tal-ajruport bħala “appoġġ għar-reklamar għall-ewwel sena ta' attività”. Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni applika mit-28 ta' Ottubru 2007 sal-31 ta' Ottubru 2010.

    iii.   Meridiana

    (123)

    Meridiana operat mill-ajruport ta' Alghero fis-snin 2000, 2001 u 2010.

    (124)

    Fis-snin 2000 u 2001, Meridiana ma operatx servizzi skedati mill-ajruport ta' Alghero u pprovdiet biss servizzi ta' titjiriet ibbażati fuq domandi għal titjiriet charter. Bħala tali, ma ġie ffirmat ebda ftehim ta' mmaniġġjar formali bejn So.Ge.A.AL u Meridiana. It-trasportatur ħallas lil So.Ge.A.AL it-tariffi tal-ajruport ippubblikati għas-servizzi kollha offruti fl-ajruport.

    (125)

    Meridiana ma operatx mill-ajruport bejn l-2002 u l-2010. Fl-2010, Meridiana reġgħet bdiet topera mill-ajruport u ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni kif ukoll ftehim ta' mmaniġġjar ma' So.Ge.A.AL.

    (126)

    Il-ftehim ta' mmaniġġjar ġie ffirmat fit-28 ta' April 2010 u kien ikopri l-perjodu bejn April 2010 u April 2011. Abbażi ta' dan il-ftehim, Meridiana kellha tħallas lil So.Ge.A.AL is-somma ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar.

    (127)

    Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ġie ffirmat fl-20 ta' Ottubru 2010 u kien ikopri l-perjodu bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010. Il-ftehim speċifika ħlas ta' darba ta' EUR […] (minbarra l-VAT) li kellu jitħallas minn So.Ge.A.AL lil Meridiana b'rabta mat-tnedija tar-rotot lejn/minn Milan, Verona u Bari fis-sajf tal-2010. Il-ħlas kien kundizzjonali fuq jekk Meridiana tilħaqx ċerti miri ta' traffiku. Skont l-Italja, matul iż-żmien li fih il-ftehim ma' Meridiana applika b'mod retrospettiv, So.Ge.A.AL kienet qiegħda tinnegozja termini simili mat-trasportatur, li eventwalment ġew inklużi fil-ftehim iffirmat. F'dan is-sens, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni abbozz ta' ftehim li kien qiegħed jiġi nnegozjat f'dak iż-żmien minn Meridiana u So.Ge.A.AL datat is-7 ta' Ġunju 2010.

    iv.   Air One/Alitalia

    (128)

    Sal-2010, Air One/Alitalia ma kienet iffirmat ebda ftehim formali ma' So.Ge.A.AL jew ħallset lil So.Ge.A.AL it-tariffi tal-ajruport ippubblikati għas-servizzi kollha offruti fl-ajruport. Sal-2010, So.Ge.A.AL ma kienet ipprovdiet ebda servizz ta' groundhandling lil Air One/Alitalia.

    (129)

    Fl-2010, So.Ge.A.AL bdiet tipprovdi servizzi ta' groundhandling lil Air One/Alitalia. Dan wassal sabiex Air One/Alitalia tiffirma ftehim ta' mmaniġġjar ma' So.Ge.A.AL. Iż-żewġ partijiet daħlu wkoll fi ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni relatat mal-bidu tal-operat ta' rotot internazzjonali minn Air One/Alitalia mill-ajruport ta' Alghero.

    (130)

    Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ġie ffirmat fl-20 ta' Ottubru 2010 u kien ikopri l-perjodu mis-7 ta' Ġunju 2010 sat-30 ta' Settembru 2010. L-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni l-abbozz ta' ftehim li kien ġie nnegozjat minn Alitalia u So.Ge.A.AL f'Mejju 2010. Il-ftehim iffirmat speċifika ħlas ta' kummerċjalizzazzjoni ta' darba ta' EUR […] li kellu jiġi riċevut minn Air One/Alitalia talli pprovdiet servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni lil So.Ge.A.AL f'dak il-perjodu, bil-possibbiltà li l-ftehim jiġi estiż sal-2011 u l-2012.

    (131)

    Il-ftehim ta' mmaniġġjar ġie ffirmat bejn Air One/Alitalia u So.Ge.A.AL fit-30 ta' Novembru 2010 għal perjodu ta' sitt snin u speċifika t-tariffi tal-immaniġġjar li kellhom jitħallsu minn Air One/Alitalia lil So.Ge.A.AL għar-rotot domestiċi u internazzjonali.

    5.2.2.2.   Ftehimiet ta' mmaniġġjar ma' trasportaturi oħrajn

    (132)

    Il-Kummissjoni investigat ukoll il-ftehimiet ta' groundhandling li ġew konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Air Italy, Bmibaby u Air Vallée. Il-ftehimiet ġew konklużi għal tul ta' żmien ta' bejn xahar (Air Vallée) u aktar minn sentejn (Air Italy) u speċifikaw it-tariffi tal-immaniġġjar li kellhom jitħallsu mit-trasportaturi.

    Tabella 6

    Il-ftehimiet ta' mmaniġġjar ma' Air Italy, Bmibaby u Air Vallée

    Data tal-konklużjoni

    Trasportatur

    Tul ta' żmien

    28.5.2008

    Air Italy

    1.6.2008–31.12.2010

    29.7.2010

    Bmibaby

    29.5.2010–30.9.2010

    2010

    Air Vallée

    9.8.2010–30.8.2010

    6.   IR-RAPPORT TA' ECORYS

    (133)

    Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni talbet lil Ecorys sabiex tipproduċi rapport dwar il-prestazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL u sabiex tistabbilixxi jekk il-maniġer tal-ajruport aġixxiex bħal operatur fl-ekonomija tas-suq meta kkonkluda ftehimiet mat-trasportaturi tal-ajru. Ir-Rapport ta' Ecorys ġie ppreżentat fit-30 ta' Marzu 2011.

    (134)

    Ir-Rapport ta' Ecorys ikkonkluda li l-imġiba ta' So.Ge.A.AL kienet konformi mal-MEOP. Ecorys kienet tal-fehma li l-istrateġija tan-negozju segwita So.Ge.A.AL ħalliet il-frott. Tali strateġija implikat li l-maniġer tal-ajruport issottometta applikazzjoni għall-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport, li l-kapaċità tat-terminal ġiet estiża u li ġew iffirmati ftehimiet ma' trasportaturi low-cost, li kienu mmirati biex jinċentivaw il-flussi tat-traffiku internazzjonali. Ecorys ikkonkludiet li mill-perspettiva ta' MEO, il-konklużjoni tal-ftehimiet ma' Ryanair kienet deċiżjoni razzjonali fis-sens li dawk il-ftehimiet żguraw żieda konsiderevoli fit-traffiku, li kienet mistennija li twassal għal dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi. Skont Ecorys, So.Ge.A.AL setgħet tistenna b'mod raġonevoli li, fuq perjodu ta' żmien twil, il-benefiċċji derivati minn tali ftehimiet jissuperaw l-ispejjeż inkrementali.

    7.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

    7.1.   L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA LIL SO.GE.A.AL

    (135)

    Fir-rigward tal-għajnuna potenzjali lill-maniġer tal-ajruport, il-Kummissjoni nnotat li, qabel ingħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris, l-iżvilupp u l-operat tal-infrastruttura tal-ajruport ma kinux jikkwalifikaw bħala attività ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (33). Minħabba li wħud mill-miżuri taħt valutazzjoni kienu deċiżi qabel l-2001, il-Kummissjoni nnotat li kien ser ikollha tivvaluta jekk dawn irriżultawx minn impenji vinkolanti meħuda qabel inħarġet id-deċiżjoni fil-kawża Aéroports the Paris, jiġifieri t-12 ta' Diċembru 2000 (34) u b'hekk allura jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (136)

    Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, sakemm il-finanzjament tal-attivitajiet li normalment kienu jaqgħu fi ħdan ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċitar tas-setgħat pubbliċi kien limitat sabiex ikopri l-ispejjeż u ma ntużax sabiex jiffinanzja attivitajiet ekonomiċi oħrajn (35), tali finanzjament ma kienx soġġett għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fiż-żmien meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dwar in-natura (ekonomika jew le) tal-attivitajiet imwettqa minn So.Ge.A.AL u dwar l-ispejjeż relatati mal-infrastruttura ffinanzjati mill-miżuri soġġetti għall-investigazzjoni, lanqas dwar jekk ċerti spejjeż kinux inerentement marbuta ma' attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika. Il-Kummissjoni stiednet lill-Italja sabiex tikkjarifika liema attivitajiet għandhom jitqiesu bħala ta' natura mhux ekonomika u liema spejjeż marbuta ma' dawn l-attivitajiet, jekk kien hemm, kienu ffinanzjati mill-miżuri koperti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    7.1.1.   Miżura 1 — Injezzjonijiet ta' kapital

    (137)

    Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm l-injezzjonijiet ta' kapital kienu ser ikunu konformi mal-MEOP. Hija rrimarkat li So.Ge.A.AL kienet ilha topera b'mod kostanti f'telf sa mis-sena 2000 u li l-prestazzjoni finanzjarja tagħha kienet tidher li marret għall-agħar wara l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”. Dan deher li kien jikkontradixxi l-affermazzjoni tal-Italja li r-riżultati ħżiena tal-kumpanija kienu primarjament ġustifikati min-nuqqas ta' possibbiltà li l-attivitajiet relatati mal-ajruport jiġu sfruttati b'mod sħiħ abbażi tal-konċessjoni parzjali/temporanja.

    (138)

    Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li, f'dak iż-żmien, l-Italja kienet ipprovdiet biss kunsiderazzjonijiet ex post biex tappoġġa l-affermazzjonijiet tagħha li l-miżuri kienu ggwidati minn prospetti ta' profittabbiltà. Barra minn hekk, kien jidher li tali analiżi kienet relatata mal-benefiċċju globali derivat mill-RAS minn żieda fil-livelli tat-traffiku tal-ajru u, għalhekk, mad-dħul li investitur privat ma jikkunsidrax fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-investiment tiegħu. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari li l-injezzjonijiet ta' kapital taw vantaġġ lill-maniġer tal-ajruport u kienu jikkostitwixxu għajnuna operattiva lil dan tal-aħħar.

    (139)

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni nnotat li, anki jekk So.Ge.A.AL issodisfat il-kundizzjonijiet sabiex tikkwalifika bħala impriża f'diffikultà skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà (36), ma ġie sottomess ebda element lill-Kummissjoni mill-Italja sabiex jappoġġa l-konklużjoni li tali għajnuna tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà ta' dawk il-linji gwida.

    7.1.2.   Miżura 2 — Kontribuzzjonijiet għall-fittings u x-xogħlijiet

    (140)

    Il-Kummissjoni ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet għall-fittings u x-xogħlijiet b'valur ta' EUR 6 540 269 mogħtija lil So.Ge.A.AL mill-RAS bejn l-1998 u l-2009. L-Italja ġiet mistiedna sabiex tispeċifika n-natura eżatta tal-ispejjeż issussidjati mill-RAS.

    7.1.3.   Miżura 3 — Investimenti fl-infrastruttura u l-apparat tal-ajruport

    (141)

    Il-Kummissjoni nnotat li bejn l-2001 u l-2010 So.Ge.A.AL ħallset is-somma ta' EUR 3 042 887 lill-Istat f'tariffi għall-użu tal-infrastruttura tal-ajruport, filwaqt li l-Istat iffinanzja l-investimenti infrastrutturali għal EUR 46 940 534 u l-apparat għal EUR 284 782 matul il-perjodu mill-2004 sal-2010.

    (142)

    Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-għoti tal-konċessjoni komprensiva lil So.Ge.A.AL fl-2007 ma kienx jidher li wassal għal żieda fil-livell tat-tariffi tal-konċessjoni. Abbażi ta' dak, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari li t-tariffa ta' konċessjoni kienet evidentement sproporzjonata mal-finanzjament pubbliku disponibbli mill-Istat fir-rigward tal-investimenti infrastrutturali. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li So.Ge.A.AL setgħet ingħatat vantaġġ billi ħallset tariffa ta' konċessjoni taħt il-prezz tas-suq.

    (143)

    L-Italja ġiet mistiedna tipprovdi kwalunkwe pjan ta' negozju ex ante li juri l-prospetti tal-profittabbiltà tal-investimenti infrastrutturali mwettqa mill-entitajiet pubbliċi fl-ajruport ta' Alghero u li jista' jappoġġa l-affermazzjoni li tali investimenti kienu konformi mal-MEIP.

    7.2.   OPINJONIJIET PRELIMINARI DWAR IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL So.Ge.A.AL

    (144)

    Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà, skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, tal-għajnuna mogħtija lil So.Ge.A.AL skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

    (145)

    Għalkemm il-miżuri kienu jidhru li jissodisfaw għan ta' interess ġenerali li kien definit b'mod ċar, il-Kummissjoni ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' tivvaluta jekk l-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kinitx neċessarja u proporzjonali għall-għan stabbilit. Il-Kummissjoni lanqas ma kellha biżżejjed elementi biex tivvaluta l-perspettivi għall-użu ta' tali infrastruttura fuq perjodu ta' żmien medju. Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk l-infrastruttura tal-ajruport tpoġġietx disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru fuq termini mhux diskriminatorji.

    (146)

    Fl-aħħarnett, minħabba li f'dak l-istadju kien jidher li ċerti investimenti infrastrutturali kienu jidhru li jirriżultaw mill-obbligi kuntrattwali ta' So.Ge.A.AL lejn Ryanair, il-Kummissjoni kellha dubji dwar in-neċessità ta' kwalunkwe għajnuna maħsuba biex tiffinanzja investimenti bħal dawn.

    7.3.   GĦAJNUNA POTENZJALI LIL-LINJI TAL-AJRU

    (147)

    Il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet operattivi tal-linji tal-ajru fl-ajruport ta' Alghero x'aktarx li kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat u jkunu imputabbli lill-Istat.

    7.3.1.   Miżura 4 — Ftehimiet iffirmati minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair/AMS

    (148)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li AMS hija kumpanija sussidjarja bi proprjetà sħiħa ta' Ryanair, li twaqqfet bl-għan speċifiku li tforni servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni permezz tas-sit elettroniku ta' Ryanair u li ma tipprovdix servizzi oħrajn. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li sabiex tivvaluta l-preżenza ta' vantaġġ selettiv, Ryanair u AMS kellhom jitqiesu bħala entità waħda. Il-Kummissjoni kienet ukoll tal-fehma li, meta tiġi biex tivvaluta jekk il-miżuri fir-rigward ta' Ryanair/AMS kinux konformi mas-suq, l-imġiba ta' So.Ge.A.AL kellha tiġi vvalutata flimkien mal-imġiba tal-RAS u/jew ta' azzjonisti pubbliċi oħrajn ta' So.Ge.A.AL matul il-perjodu taħt investigazzjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, għall-fini tal-valutazzjoni tal-MEOP, l-ASAs u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-konsegwenzi finanzjarji tagħhom ma setgħux jitneħħew u, għalhekk, għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni konġunta.

    (149)

    Il-Kummissjoni fakkret li l-kunsiderazzjonijiet tal-iżvilupp reġjonali ma setgħux jittieħdu f'kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-MEOP. Hija osservat ukoll li, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha f'dak l-istadju, ma kinux tħejjew pjan ta' negozju jew analiżi ex ante tal-ftehimiet iffirmati ma' Ryanair/AMS bħala l-bażi għad-deċiżjoni ta' So.Ge.A.AL li tidħol f'arranġamenti bħal dawn.

    (150)

    Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni esprimiet dubji li So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew bħala investitur fl-ekonomija tas-suq fir-relazzjoni tagħhom ma' Ryanair/AMS.

    7.3.2.   Miżura 5 — Ftehimiet ma' trasportaturi oħrajn għajr Ryanair

    (151)

    Il-Kummissjoni nnotat li ġew applikati skontijiet sostanzjali fuq it-tariffi tal-ajruport minn So.Ge.A.AL għal trasportaturi tal-ajru oħrajn għajr Ryanair, pereżempju skont il-bidu ta' rotot ġodda u ż-żieda fil-livelli tat-traffiku. Il-Kummissjoni stiednet lill-Italja biex tipprovdi kwalunkwe pjanijiet ta' negozju, studji jew dokumenti ex ante li jivvalutaw il-profittabbiltà għall-maniġer tal-ajruport ta' kull wieħed mill-ftehimiet mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport jew, jekk dawn id-dokumenti ma jkunux disponibbli, l-aħħar previżjonijiet baġitarji ta' So.Ge.A.AL imħejjija qabel il-konklużjoni ta' dawk il-ftehimiet. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew bħala investituri fl-ekonomija tas-suq fir-relazzjoni tagħhom mat-trasportaturi li joperaw fl-ajruport.

    8.   KUMMENTI MILL-ITALJA

    (152)

    Il-Kummissjoni tinnota li, minbarra t-tweġibiet għat-talbiet għall-informazzjoni mill-Kummissjoni, l-Italja għamlet diversi sottomissjonijiet matul l-investigazzjoni. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni aċċettat li tagħti estensjoni ta' xahar mad-data tal-għeluq stipulata mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Proċedurali (37) sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom wara deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali mill-Kummissjoni, waħda biss mis-sottomissjonijiet tal-Italja saret fi ħdan din l-iskadenza estiża, jiġifieri l-ittra tal-Italja tal-31 ta' Awwissu 2012. Is-sottomissjonijiet tal-Italja tat-3 ta' Ottubru 2012, tad-19 ta' Ottubru 2012, tat-22 ta' Ottubru 2012 u tal-20 ta' Frar 2013 ġew sottomessi wara l-iskadenza tad-data tal-għeluq.

    (153)

    Għalhekk, din it-taqsima tittratta biss l-osservazzjonijiet ipprovduti mill-Italja fl-ittra tagħha tal-31 ta' Awwissu 2012. L-argumenti mressqa fl-ittri sussegwenti tal-Italja, li huma ta' rilevanza għall-valutazzjoni f'dan il-każ, ġew ippreżentati fit-Taqsimiet 3–5.

    8.1.   GĦAJNUNA POTENZJALI LILL-AJRUPORT

    i.   Dwar ir-ripagament tat-telf u tal-injezzjonijiet ta' kapital

    (154)

    L-Italja fakkret li l-maniġers tal-ajruport huma mitluba bil-liġi li josservaw ċerti limiti ta' kapital. Skont l-Italja, f'dan il-każ, l-injezzjonijiet ta' kapital taħt valutazzjoni kellhom l-għan li jreġġgħu lura l-kapital ta' So.Ge.A.AL għall-istandards meħtieġa.

    ii.   Dwar il-finanzjament pubbliku għall-fittings u x-xogħlijiet

    (155)

    L-Italja spjegat li, qabel l-2003, it-tariffi tal-konċessjoni li kellhom jitħallsu mill-maniġers tal-ajruporti li kisbu l-konċessjoni “komprensiva” kienu stabbiliti bħala 10 % tat-tariffi tal-utenti skont il-Liġi Taljana Nru 324 tal-5 ta' Mejju 1976, kif emendata sussegwentement, u t-tariffa għat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija ttrasportata bl-ajru skont il-Liġi Taljana Nru 117 tas-16 ta' April 1974.

    (156)

    Mill-2003 'il hawn, it-tariffi tal-konċessjoni annwali bdew jiġu stabbiliti b'referenza għall-Unitajiet tat-Tagħbija tax-Xogħol tal-ajruport (WLU, jew unitajiet ta' tagħbija li jikkorrespondu għal passiġġier wieħed jew mitt kilogramma ta' merkanzija jew posta), li min-naħa tagħhom kienu stabbiliti fuq il-bażi tad-dejta dwar it-traffiku ppubblikata kull sena mill-Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport-ENAC.

    (157)

    Permezz tal-Liġi Taljana 296 tas-27 ta' Diċembru 2006, it-tariffa tal-konċessjoni annwali għall-maniġers tal-ajruporti żdiedet sabiex tiggarantixxi dħul ta' EUR 3 miljun fl-2007, EUR 9,5 miljun fl-2008 u EUR 10 miljun fl-2009, rispettivament, għat-Teżor Taljan.

    8.2.   GĦAJNUNA POTENZJALI LIL-LINJI TAL-AJRU

    (158)

    L-Italja ma kkummentatx dwar l-għajnuna potenzjali lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero fi ħdan l-iskadenza stipulata mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Proċedurali sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom wara deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali mill-Kummissjoni.

    9.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

    (159)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-kummenti tal-partijiet interessati jkopru firxa wiesgħa ta' argumenti. Pereżempju, fl-għadd numeruż ta' sottomissjonijiet tagħha lill-Kummissjoni, Ryanair spjegat fid-dettall il-prinċipji u s-suppożizzjonijiet sottostanti li hija tqis li għandhom iservu bħala l-bażi għall-analiżi tal-MEOP tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru. So.Ge.A.AL sostniet li jeżistu bosta raġunijiet li abbażi tagħhom il-miżuri soġġetti għall-valutazzjoni favur tagħha jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern.

    9.1.   KUMMENTI MINN SO.GE.A.AL

    9.1.1.   Għajnuna potenzjali lill-maniġer tal-ajruport

    i.   Dwar l-attività ekonomika

    (160)

    So.Ge.A.AL tenfasizza li l-finanzjament pubbliku mogħti lilha sabiex tkopri l-ispejjeż imġarrba fil-provvista tas-servizzi li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat. So.Ge.A.AL ma tatx dettalji dwar in-natura jew l-ammont ta' dawn l-ispejjeż.

    (161)

    So.Ge.A.AL hija tal-fehma li, f'dan il-każ, il-miżuri kollha taħt valutazzjoni li jikkonċernaw l-iffinanzjar tal-infrastruttura, tal-apparat u tal-“fittings u x-xogħlijiet” kienu impenjati legalment qabel ingħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris u, għalhekk, għandhom jiġu esklużi mill-iskrutinju tal-għajnuna mill-Istat. F'dak li għandu x'jaqsam mal-perjodu wara t-12 ta' Diċembru 2000, So.Ge.A.AL tfakkar li l-Italja kienet diġà ssottomettiet evidenza tal-karattru mhux ekonomiku ta' ċerti attivitajiet imwettqa mill-maniġer tal-ajruport. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni għandha tattribwixxi parti mill-finanzjament pubbliku inkwistjoni għall-ispejjeż imġarrba fil-provvediment ta' attivitajiet mhux ekonomiċi.

    (162)

    So.Ge.A.AL tinnota wkoll li d-Deċiżjoni tal-2012 mhijiex ċara dwar in-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna preżunta lill-maniġer tal-ajruport. B'mod partikolari, mhuwiex ċar jekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni kinitx li tikkwalifika t-totalità tal-finanzjament għax-xogħlijiet infrastrutturali bħala għajnuna mill-Istat jew, b'mod alternattiv, li tikkunsidra li hija biss id-differenza li teżisti bejn it-tariffa tal-konċessjoni bbażata fuq is-suq, li So.Ge.A.AL ikollha tħallas lill-Istat għall-infrastruttura mtejba, u t-tariffa tal-konċessjoni effettivament imħallsa mill-maniġer tal-ajruport illi tikkwalifika bħala għajnuna. Hija sostniet li l-ewwel għażla ma setgħetx tiġi rrikonċiljata mal-fatt li l-Istat żamm is-sjieda tal-infrastruttura tal-ajruport matul il-ħin materjali kollu. Għalhekk, So.Ge.A.AL ma tistax titqies bħala benefiċjarja tal-għajnuna għall-investiment. Fi kwalunkwe rata, So.Ge.A.AL issostni li hija ma kienet tibbenifika minn ebda vantaġġ ekonomiku mhux dovut li kieku ġiet ippreferuta t-tieni għażla.

    ii.   Dwar in-nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni

    (163)

    So.Ge.A.AL tenfasizza li ma tista' tinħoloq ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni bħala riżultat tal-finanzjament pubbliku mogħti lilha. Minħabba l-lokazzjoni remota tal-ajruport ta' Alghero, iż-żona ta' lħuq tiegħu (38) ma tikkoinċidix ma' dik ta' ajruporti oħrajn fl-Italja jew fi Stati Membri oħrajn. L-ajruport lanqas ma qiegħed jikkompeti ma' ajruporti oħrajn fuq il-gżira, minħabba d-distanza li teżisti bejniethom u n-nuqqas ta' konnessjonijiet affidabbli fuq l-art. So.Ge.A.AL iżżid li t-tliet ajruporti f'Sardinja jittrattaw tipi differenti ta' traffiku. Barra minn hekk, it-trasport bl-ajru ma jikkompetix ma' mezzi ta' trasport oħrajn għat-traffiku lejn u mill-gżira.

    (164)

    So.Ge.A.AL ma taċċettax l-argument imressaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-2012, jiġifieri li bosta maniġers tal-ajruporti jikkompetu għall-ġestjoni tal-infrastruttura tal-ajruport. So.Ge.A.AL ingħatat l-ewwel konċessjoni “parzjali” (39) għall-ġestjoni tal-ajruport fl-1995 u, għalhekk, ħafna qabel ingħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris. Mill-1995 'il quddiem, So.Ge.A.AL bdiet taġixxi biss bħala maniġer tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero u, għalhekk, l-attività tagħha mhijiex f'kompetizzjoni ma' dik ta' kwalunkwe maniġer ta' ajruport ieħor.

    iii.   Dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe vantaġġ ekonomiku lil So.Ge.A.AL

    (165)

    So.Ge.A.AL issostni li l-injezzjonijiet ta' kapital għandhom ikunu konformi mal-MEIP. Skont So.Ge.A.AL, il-motiv ekonomiku tal-miżuri għandu jiġi vvalutat separatament u distintivament għal żewġ perjodi: qabel u wara l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” lil So.Ge.A.AL fl-2007.

    (166)

    So.Ge.A.AL issostni li r-rikapitalizzazzjonijiet imwettqa qabel l-2007 kienu ggwidati mill-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat in-negozju tagħha, b'mod partikolari fid-dawl tal-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” li diġà kellha fit-18 ta' Jannar 1999. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien meta ttieħdu d-deċiżjonijiet li jiġi injettat kapital fil-kumpanija, il-perspettiva li tingħata l-konċessjoni “komprensiva” kellha importanza kruċjali għall-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL, sal-punt li din setgħet tippermetti lill-maniġer tal-ajruport jikkapitalizza b'mod sħiħ fuq l-attivitajiet tal-ajruport u, għalhekk, iżid id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi. L-azzjonisti pubbliċi ma kien jifdallhom ebda alternattiva ħlief li jirrikapitalizzaw il-kumpanija u, fil-fatt, kienu ġustifikati li jagħmlu dan meta wieħed iqis li d-dewmien fl-għoti tal-konċessjoni kien ikkawżat minn avvenimenti esterni li ma setgħux jiġu attribwiti lill-kumpanija. So.Ge.A.AL issostni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan fil-valutazzjoni tal-MEOP tagħha. So.Ge.A.AL iżżid li l-miżuri għandhom jiġu ġustifikati wkoll abbażi taż-żieda mbassra fil-volumi tal-passiġġieri bħala riżultat tal-istrateġija ta' spejjeż baxxi li bdiet tiġi segwita mill-1999.

    (167)

    L-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa fl-2009 u fl-2010 kienu xprunati mill-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-operabbiltà tal-maniġer tal-ajruport, b'mod partikolari fid-dawl tal-perspettivi tal-vijabbiltà mtejba li jirriżultaw mill-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”. Il-fatt li So.Ge.A.AL ma rkupratx il-profittabbiltà tagħha wara l-għoti tal-konċessjoni kien dovut għal xenarju fis-suq li kien differenti b'mod sinifikanti minn kif kien imbassar, li affettwa b'mod konsiderevoli l-iżvilupp tat-traffiku tal-ajru f'dak il-perjodu, jiġifieri t-tnaqqis fl-attività ekonomika u l-isfidi ekonomiċi konsegwenti ffaċċjati mil-linji tal-ajru internazzjonali. F'dak is-sens, So.Ge.A.AL sofriet tnaqqis ta' 1,8 % fil-livelli tat-traffiku. Barra minn hekk, So.Ge.A.AL issostni li t-traffiku ma setax jiżviluppa kif kien ipproġettat minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet infrastrutturali (li suppost kienu nbdew diġà fl-2004, iżda kienu għadhom ma bdewx fl-2009). Fl-aħħarnett, in-nuqqas tal-ENAC milli tirrevedi t-tariffi tal-ajruport 'il fuq, irrispettivament mit-talba formali introdotta f'dak is-sens minn So.Ge.A.AL, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni.

    (168)

    Kien f'dan il-kuntest li So.Ge.A.AL żviluppat azzjonijiet korrettivi bil-għan li jintlaħaq bilanċ ekonomiku, bħal permezz tar-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, it-tnaqqis fl-ispejjeż operattivi u l-miżuri ta' investiment fl-infrastruttura. Dawk l-azzjonijiet huma vvalutati fid-dettall fil-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010.

    (169)

    So.Ge.A.AL tirrifjuta l-argument tal-Kummissjoni li ma twettqet ebda analiżi ex ante qabel iddaħħlu fis-seħħ il-miżuri. Preżumibbilment, l-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL wettqu l-miżuri inkwistjoni abbażi ta' pjanijiet tan-negozju żviluppati ex ante. L-evidenza f'dan is-sens tkun id-dokumenti sottomessi lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, b'mod partikolari:

    (a)

    Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL tal-15 ta' Marzu 1999;

    (b)

    il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tat-8 ta' April 2000;

    (c)

    il-pjan tan-negozju għall-għoti tal-konċessjoni ta' erbgħin sena ta' Settembru 2005;

    (d)

    il-Pjan ta' Roland Berger, kif ġie aġġornat fl-2007 u fl-2009;

    (e)

    il-programm ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar għall-perjodu 2010–2012;

    (f)

    ir-rapport ta' Accuracy.

    (170)

    So.Ge.A.AL tfakkar ukoll li l-konformità tal-injezzjonijiet ta' kapital mal-prinċipju tal-MEOP kienet diġà stabbilita mir-Rapport ta' Ecorys, mir-Rapport ta' Accuracy u mir-Rapport ta' Roland Berger.

    (171)

    Il-Kummissjoni setgħet tonqos milli tagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-karattru speċifiku tas-settur tat-traffiku tal-ajru fl-Italja fid-dawl tar-regolamenti Taljani applikabbli. Fil-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni qabel u wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva lil So.Ge.A.AL, il-Kummissjoni kellha tieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikapitalizzazzjonijiet irriżultaw minn obbligu legali, li n-nuqqas ta' osservanza tiegħu seta' jwassal għar-revoka tal-konċessjoni. B'hekk, l-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL iffavorixxew l-aktar għażla kost-effiċjenti meta ddeċidew li jirrikapitalizzaw il-kumpanija.

    (172)

    So.Ge.A.AL hija tal-fehma li, meta wettqu l-injezzjonijiet tal-kapital, l-azzjonisti pubbliċi tagħha aġixxew bl-istess mod kif kien jaġixxi MEO f'ċirkostanzi simili, fis-sens li l-injezzjonijiet taw garanzija ta' redditu pożittiv lill-investituri pubbliċi fuq perjodu ta' żmien medju sa twil. Skont So.Ge.A.AL, l-attivitajiet tal-ajruport iġġeneraw introjtu mit-taxxa f'ammont superjuri għal dak tal-finanzjament pubbliku mogħti lilha.

    (173)

    So.Ge.A.AL issostni wkoll li l-injezzjonijiet ta' kapital ma jagħtu ebda vantaġġ ekonomiku lill-maniġer tal-ajruport skont it-tifsira tal-ġurisprudenza ta' Altmark (40). Il-ġestjoni globali tal-ajruport tikkwalifika bħala servizz ta' interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”) minħabba l-ħtieġa li tiġi garantita l-aċċessibbiltà tal-gżira u, għalhekk, l-injezzjonijiet ta' kapital inkwistjoni jammontaw għal kumpens għall-forniment ta' SGEI mill-ajruport.

    (174)

    So.Ge.A.AL kellha tiġi fdata bil-forniment tal-SGEI mill-Konvenzjoni. Il-konċessjonijiet parzjali mogħtija lil So.Ge.A.AL qabel l-2007 jistgħu ugwalment jitqiesu bħala atti ta' inkarigu. So.Ge.A.AL tinnota wkoll li, minn perspettiva purament legali, il-maniġers tal-ajruporti huma kostretti li josservaw ċerti obbligi fir-rigward tal-ġestjoni tal-ajruporti, li inevitabbilment jieħdu f'kunsiderazzjoni l-interess pubbliku. Tali obbligi jirreferu għall-garanzija ta' kwalità suffiċjenti tas-servizzi, l-osservanza ta' standards tas-sigurtà, il-kontinwità u r-regolarità tas-servizzi.

    (175)

    It-tieni u t-tielet kundizzjonijiet li joħorġu mis-sentenza ta' Altmark ser jiġu osservati minħabba li So.Ge.A.AL kienet ikkumpensata biss sal-livell meħtieġ għat-tpaċija tat-telf, b'mod aktar speċifiku sal-livell meħtieġ sabiex il-kapital jinġieb lura f'konformità mar-rekwiżiti legali wara li jkun ġie kopert dan it-telf. So.Ge.A.AL iżżid ukoll li l-maniġers tal-ajruporti huma mitluba bil-liġi sabiex iżommu kontabbiltà separata bejn l-attivitajiet ewlenin u dawk mhux ewlenin.

    (176)

    Fl-aħħarnett, So.Ge.A.AL issostni li r-raba' kriterju ta' Altmark kellu jiġi rrispettat ukoll, madankollu, mingħajr ma pprovdiet ebda evidenza materjali f'dan ir-rigward.

    iv.   Dwar il-kompatibbiltà

    (177)

    Skont So.Ge.A.AL, il-kompatibbiltà tal-għajnuna potenzjali lill-ajruport għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni skont:

    (a)

    il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali;

    (b)

    il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar;

    (c)

    l-Artikolu 106(2) tat-Trattat;

    (d)

    il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (178)

    L-ewwel nett, So.Ge.A.AL issostni li l-miżuri inkwistjoni ngħataw lill-ajruport ta' Alghero sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġ li jirriżulta mill-insularità tar-reġjun ta' Sardinja. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat.

    (179)

    It-tieni, So.Ge.A.AL issostni li l-miżuri kollha taħt valutazzjoni ngħataw sabiex jippermettu lil So.Ge.A.AL tgħaddi minn ristrutturar, sabiex b'hekk tkun tista' tiżgura r-ritorn tagħha għall-vijabbiltà. F'dak is-sens, So.Ge.A.AL sostniet li, f'dak li għandu x'jaqsam mal-injezzjonijiet ta' kapital tal-2009 u tal-2010, So.Ge.A.AL ħejjiet pjan ta' ristrutturar, jiġifieri l-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010, li identifika l-fatturi li kellhom impatt negattiv fuq il-kumpanija u li ppropona azzjonijiet korrettivi mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż u biex jirrevedu l-politika tan-negozju. Dak il-pjan ippreveda kontribuzzjoni proprja sinifikanti minn So.Ge.A.AL għar-ristrutturar.

    (180)

    It-tielet, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat, So.Ge.A.AL issostni li l-kumpens mogħti lilha għall-forniment tal-SGEIs kien kostantament taħt il-limitu massimu stipulat mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 (41), jiġifieri EUR 30 miljun fis-sena, kif ukoll li l-fatturat tagħha kien taħt il-EUR 100 miljun. So.Ge.A.AL iżżid li, qabel l-2004, il-limitu massimu ta' 1 miljun passiġġier stipulat fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 kien osservat ukoll. Id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 ser jiġu osservati wkoll fid-dawl tal-fatt li l-kumpens ingħata lill-kumpanija b'konnessjoni mal-SGEIs definiti b'mod korrett u fdati lil So.Ge.A.AL permezz ta' wieħed jew aktar mill-atti ta' inkarigu, kif ukoll li tali kumpens ma qabiżx dak li kien neċessarju għall-forniment tal-SGEIs.

    (181)

    Ir-raba', So.Ge.A.AL issostni li l-għajnuna lill-ajruport għall-investimenti infrastrutturali, għall-apparat u għall-fittings u x-xogħlijiet għandha titqies bħala kompatibbli abbażi tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. L-infrastruttura inkwistjoni ser tkun proporzjonali għall-għan segwit u jkollha prospetti li tintuża għal perjodu ta' żmien medju skont it-tifsira tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2004. L-infrastruttura tpoġġiet ukoll għad-dispożizzjoni tal-linji tal-ajru fuq termini mhux diskriminatorji. Barra minn hekk, il-kummerċ ma kienx affettwat sal-punt li jmur kontra l-interess komuni u l-finanzjament pubbliku kien neċessarju u proporzjonat.

    9.1.2.   Miżuri favur il-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport

    (182)

    Il-Kummissjoni tkun korretta jekk tikkunsidra lil So.Ge.A.AL u RAS flimkien għall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-MEOP. Meta adottaw il-miżuri inkwistjoni, l-RAS u So.Ge.A.AL aġixxew bl-istess mod kif kien jaġixxi MEO f'ċirkostanzi simili. So.Ge.A.AL ma setgħet tikseb ebda vantaġġ ekonomiku mill-kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni mogħtija mill-RAS favur il-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta' Alghero. Il-kontribuzzjonijiet inkwistjoni għaddew biss għand il-maniġer tal-ajruport sabiex eventwalment setgħu jingħataw lil-linji tal-ajru.

    (183)

    So.Ge.A.AL issostni li kwalunkwe għajnuna mogħtija lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero fil-forma ta' tariffi tal-ajruport jew kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni aktar baxxi għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) jew (c) tat-Trattat u l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

    (184)

    Sabiex tappoġġa dik il-konklużjoni, So.Ge.A.AL issostni li l-għajnuna potenzjali ngħatat lil kumpaniji li għandhom liċenzja biex jipprovdu servizzi ta' trasport bl-ajru minn Stat Membru, għal rotot li jgħaqqdu ajruport reġjonali li jaqa' fi ħdan il-kategorija Ċ jew D, kif definit mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, ma' ajruport ieħor tal-Unjoni. Il-finanzjament ma kienx jikkonċerna rotot li huma soġġetti għal obbligi ta' servizz pubbliku (“OSP”) skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42) u l-ftehimiet li ġew konklużi mal-linji tal-ajru stipulaw penali li kellhom jiġu applikati f'każ ta' nuqqas ta' osservanza tal-impenji tagħhom mil-linji tal-ajru.

    (185)

    Filwaqt li tammetti li l-għotjiet inkwistjoni kienu ngħataw lil-linji tal-ajru għal perjodu itwal u b'intensità ogħla milli permess skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, So.Ge.A.AL tenfasizza li l-ftehimiet mal-linji tal-ajru ma kellhomx durata itwal minn tliet snin u li l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 jippermettu derogi li jikkonċernaw il-livelli ta' intensità fil-każ tar-reġjuni żvantaġġjati.

    9.1.3.   L-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014

    (186)

    Fil-kummenti tagħha dwar l-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, So.Ge.A.AL tfakkar li ebda waħda mill-miżuri taħt valutazzjoni favur l-ajruport ma tammonta għal għajnuna mill-Istat. Madankollu, f'każ li l-Kummissjoni tikkonkludi li xi waħda minn dawk il-miżuri tikkostitwixxi għajnuna operattiva lil So.Ge.A.AL, hija ssostni li l-kundizzjonijiet kollha tal-kompatibbiltà stipulati mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 huma osservati.

    10.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI OĦRAJN

    (187)

    Ryanair, AMS u Unioncamere pprovdew l-osservazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni.

    10.1.   KUMMENTI MINN RYANAIR

    (188)

    Ryanair issottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012 fit-12 ta' Marzu 2013. Ryanair irreferiet għas-sottomissjonijiet preċedenti tagħha fir-rigward ta' dan il-każ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2012, kif ukoll għal bosta sottomissjonijiet oħrajn li jikkonċernaw għadd ta' investigazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna potenzjali lil Ryanair.

    (189)

    Il-kummenti ewlenin ta' Ryanair kif jirriżultaw minn dawk is-sottomissjonijiet huma miġbura fil-qosor fil-premessi 190 sa 226.

    i.   Dwar l-AMS

    (190)

    Ryanair tirrifjuta l-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li Ryanair u AMS għandhom jitqiesu bħala entità waħda, kif ukoll li l-ASAs u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni flimkien mal-konsegwenzi finanzjarji tagħhom għandhom jiġu vvalutati b'mod konġunt għall-fini ta' valutazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku.

    (191)

    La l-istruttura tas-sjieda tal-AMS u lanqas l-iskop tagħha ma jappoġġaw dan l-approċċ. L-ASAs konklużi ma' Ryanair u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi ma' AMS għandhom ikunu separati u indipendenti, ikunu relatati ma' servizzi differenti u ma jkunu soġġetti għal ebda rabta kuntrattwali jew rabta oħra bejniethom li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni tagħhom bħala sett wieħed ta' miżuri.

    (192)

    Mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bbenifikat So.Ge.A.AL bħala xerrejja ta' servizzi ta' reklamar. Dawk il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu investiment sabiex tittejjeb l-immaġini kummerċjali tal-ajruport u setgħu wasslu għal żieda fl-għadd ta' passiġġieri li jaslu u, konsegwentement, fl-introjtu minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi. Huma ma kinux intiżi biex itejbu l-fattur tat-tagħbija jew ir-rendiment fuq ir-rotot ta' Ryanair u lanqas ma kienu kontinġenti fuq kwalunkwe benefiċċju preżunt li tali reklamar tal-ajruport fuq Ryanair.com jipprovdi lil Ryanair.

    (193)

    Barra minn hekk, il-konklużjoni ta' ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS mhijiex kundizzjoni għall-operat tar-rotot minn Ryanair lejn u minn ajruport. Tabilħaqq, ħafna ajruporti servuti minn Ryanair ma jikkonkludux ftehimiet ma' AMS. B'mod ġenerali, il-ħtieġa għal kummerċjalizzazzjoni speċifika kellha l-għan li tibni l-immaġini kummerċjali ta' ajruport u li tinfluwenza ż-żieda tal-proporzjon tal-passiġġieri li jaslu f'ajruporti inqas magħrufa, fejn l-immaġini kummerċjali tal-ajruport ma tkunx viżibbli u fejn ikun meħtieġ li jingħata stimolu lit-traffiku li jidħol.

    (194)

    B'hekk, ikun perfettament razzjonali għal tali ajruport li jonfoq il-fondi tiegħu għal skop bħal dan, u l-fatt li Ryanair tista' tibbenifika u tista' ma tibbenifikax minn dak ir-reklamar ikun kummerċjalment irrilevanti għall-ajruport. Investitur privat ma joqgħodx lura milli jinvesti sempliċiment minħabba li jista' jkun hemm partijiet oħrajn li jgawdu huma wkoll minn tkabbir tan-negozju tiegħu.

    (195)

    Il-ftehimiet ta' Ryanair ma' So.Ge.A.AL kienu ftehimiet kummerċjali normali konformi mal-MEOP, u l-istess japplika fir-rigward tal-ftehimiet ta' AMS ma' So.Ge.A.AL, minħabba li AMS tikkonkludi l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni bl-istess rati u b'volumi komparabbli ma' ajruporti pubbliċi u privati, korpi tat-turiżmu, gruppi tal-kiri tal-karozzi, siti elettroniċi għall-prenotazzjoni tal-lukandi, kumpaniji tal-assigurazzjoni u fornituri ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni (43).

    (196)

    Dak l-approċċ huwa konsistenti mal-linja meħuda minn Ryanair f'sottomissjonijiet oħrajn li ntbagħtu lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. F'dawk is-sottomissjonijiet l-oħrajn, Ryanair ma taqbilx mal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pagamenti lil AMS bħala spejjeż għall-ajruport. Skont Ryanair, dak l-approċċ jinjora l-valur tas-servizzi ta' AMS għall-ajruport (44). Billi jixtru l-ispazju tar-reklamar, l-ajruporti jistgħu jżidu l-proporzjon tal-passiġġieri li jaslu fuq titjiriet ta' Ryanair, li għandhom it-tendenza li jonfqu aktar mill-passiġġieri li jitilqu fuq prodotti u servizzi mhux ajrunawtiċi. It-twettiq ta' dan jagħmel sens kummerċjali għall-ajruporti (45). Ryanair temmen li x-xiri ta' servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bir-rati tas-suq għandu jitħalla barra minn kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor bejn l-ajruport u l-linja tal-ajru għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-MEOP. F'każ li l-Kummissjoni tinsisti li tinkludi l-arranġamenti ma' AMS u l-arranġamenti ma' Ryanair dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport f'test konġunt tal-MEO, il-valur tas-servizzi pprovduti minn AMS għall-ajruport ma għandux jiġi injorat.

    ii.   Dwar l-imputabbiltà/ir-riżorsi tal-Istat

    (197)

    Ryanair tqis li l-fehma tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti fl-adozzjoni tal-miżuri taħt rieżami li jinvolvu lil Ryanair u AMS mhijiex appoġġata minn evidenza. Ma jistax jiġi preżunt — u għad irid jintwera — li l-awtoritajiet pubbliċi kienu fil-fatt involuti fl-adozzjoni tal-miżuri.

    (198)

    L-argument li 'So.Ge.A.AL hija kollha kemm hi proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi li “interferew fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' So.Ge.A.AL” mhuwiex issostanzjat biżżejjed bl-evidenza, minħabba li huwa bbażat biss fuq il-kriterju organiku waħdieni tal-ħatra tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL mill-azzjonisti pubbliċi tagħha. Lanqas il-ftehim tal-2002, fejn Sardinja impenjat ruħha li tikkoopera ma' Ryanair bil-għan li tiżviluppa t-turiżmu u żżid ir-rata tal-impjiegi fir-reġjun, ma jagħti prova li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti, b'xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni tal-miżuri meħuda minn So.Ge.A.AL lejn Ryanair jew AMS wara l-iffirmar ta' dak il-ftehim. Barra minn hekk, iċ-ċirkostanza li So.Ge.A.AL u Sardinja ffirmaw ftehimiet sussegwenti fl-2004, fl-2005, fl-2006 u fl-2007 għall-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni tappoġġa biss il-pożizzjoni li Sardinja kienet qiegħda tiffinanzja lil So.Ge.A.AL, iżda mhux li kienet qiegħda tidderieġi l-azzjoni ta' So.Ge.A.AL lejn Ryanair jew AMS.

    (199)

    Ryanair mhijiex konxja ta' jew responsabbli għall-ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u l-RAS, ma nkoraġġietx u ma talbitx li jsiru dawn il-ftehimiet u, għalhekk, l-arranġamenti li Ryanair u AMS għandhom ma' So.Ge.A.AL ma għandhomx jiġu affettwati mill-arranġamenti bejn So.Ge.A.AL u l-RAS.

    (200)

    Ryanair lanqas ma tikkwalifika bħala benefiċjarja indiretta tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ma tistax sempliċiment tippreżumi li l-għajnuna mill-Istat ingħatat lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport mingħajr evidenza li tistabbilixxi l-eżistenza effettiva ta' vantaġġ permezz tal-għajnuna mill-Istat. Sakemm it-termini tar-relazzjoni kummerċali bejn Ryanair u ajruport ikunu jistgħu jiġu ġustifikati skont l-MEOP, kwalunkwe obbligu ta' rkupru ma jistax jiġi estiż għal Ryanair. Ryanair tikkritika l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li kwalunkwe inċentiv mogħti minn ajruport pubbliku lil linja tal-ajru jikkwalifika awtomatikament bħala għajnuna mill-Istat, anki jekk parti biss minnu tkun ġiet iffinanzjata permezz ta' riżorsi pubbliċi. Ryanair issostni li r-riluttanza tal-Kummissjoni milli tinvestiga l-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat ma tirriflettix il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, li jimplikaw li d-deċiżjoni li r-riżorsi pubbliċi jitqassmu mill-ġdid lil linja tal-ajru għandha tkun imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi biex tikkostitwixxi għajnuna (46).

    iii.   Dwar l-analiżi tal-komparatur

    (201)

    Ryanair issostni li, skont il-każistika (47), analiżi tal-komparatur għandha tkun it-test primarju li jintuża sabiex tiġi vverifikata l-preżenza tal-għajnuna lil-linji tal-ajru, filwaqt li t-test ibbażat fuq l-ispejjeż għandu jintuża biss jekk ikun impossibbli li s-sitwazzjoni tal-allegat konċedent tal-għajnuna titqabbel ma' dik ta' grupp privat ta' intrapriżi. Ryanair tgħid ukoll li meta jiġu vvalutati l-ftehimiet konklużi mill-maniġers tal-ajruporti mal-linji tal-ajru, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-esternalitajiet tan-netwerk li jirriżultaw mill-ftehimiet. F'sottomissjoni differenti, Ryanair qablet li kemm l-analiżi tal-komparatur kif ukoll il-metodi ta' analiżi bbażati fuq l-ispejjeż huma prattika kummerċjali standard (48).

    iv.   Dwar il-profittabbiltà ex ante

    (202)

    Ryanair essenzjalment issostni li r-raġunament kollu tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-2012 kien ivvizzjat minn applikazzjoni żbaljata tat-test tal-MEO, li setgħet oriġinat minn preżunzjoni mhux eżatta li pjan ta' negozju ex ante kien mitlub li jikkonkludi li l-MEOP kien irrispettat. Il-pjanijiet tan-negozju mhumiex sine qua non għall-azzjonijiet kummerċjali tal-investituri privati (49). Filwaqt li tali pjanijiet jistgħu juru mingħajr ebda dubju li korp pubbliku kien qiegħed jaġixxi bħala investitur privat, in-nuqqas ta' pjan bħal dan mhuwiex biżżejjed biex ikun jista' jiġi konkluż li korp pubbliku ma kienx qiegħed jaġixxi bħala investitur privat.

    (203)

    Fi kwalunkwe eventwalità, f'dan il-każ il-Kummissjoni kienet diġà ammettiet fid-Deċiżjoni tal-2012 li l-ajruport ta' Alghero ipprovda analiżi ex ante bażika, li għandha titqies bħala suffiċjenti. Il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li tivvaluta x'jikkostitwixxi pjan ta' negozju “aċċettabbli” u ma għandhiex tipprova tagħmel dan.

    (204)

    Ryanair tinnota wkoll li l-Kummissjoni kisbet analiżi tal-MEOP minn Ecorys, li kkonkludiet li l-ftehimiet ta' Ryanair kienu konformi mal-MEOP u li t-telf ta' So.Ge.A.AL kien dovut għad-dewmien sinifikanti u imprevedibbli tal-Istat fl-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”. Id-dewmien u l-ineffiċjenzi imprevedibbli għandhom jiġu newtralizzati f'analiżi tal-MEOP, minħabba li jistgħu jiġu ffaċċjati wkoll minn ajruporti privati matul il-kors normali tan-negozju, kemm jekk minħabba nuqqasijiet tal-Istat jew inkella minħabba l-atti ta' intrapriżi privati oħrajn li fuqhom jiddependi l-ajruport.

    (205)

    Barra minn hekk, Ryanair ippreżentat serje ta' noti mħejjija minn Oxera, flimkien ma' analiżi mħejjija mill-Professur Damien P. McLoughlin.

    Nota 1 ta' Oxera — L-identifikazzjoni tal-benchmark tas-suq f'analiżi tal-komparatur għat-testijiet tal-MEO. Każijiet ta' għajnuna mill-Istat għal Ryanair, imħejjija għal Ryanair minn Oxera, id-9 ta' April 2013

    (206)

    Oxera kienet temmen li l-approċċ imħaddan mill-Kummissjoni, jiġifieri li taċċetta biss ajruporti komparaturi fl-istess żona ta' lħuq bħall-ajruport li qiegħed jiġi investigat, kien wieħed difettuż.

    (207)

    Oxera sostniet li l-prezzijiet ta' referenza fis-suq miksuba mill-ajruporti komparaturi mhumiex ikkontaminati mill-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-ajruporti tal-madwar. Għalhekk, huwa possibbli li ssir stima robusta ta' referenza tas-suq għat-testijiet tal-MEO.

    (208)

    Dan minħabba li:

    (a)

    l-analiżijiet komparaturi jintużaw b'mod wiesa' għat-testijiet tal-MEO barra l-qasam tal-għajnuna mill-Istat;

    (b)

    il-kumpaniji jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-ipprezzar ta' xulxin biss sakemm il-prodotti tagħhom ikunu sostituti jew kumplimentarji;

    (c)

    l-ajruporti fl-istess żona ta' lħuq mhux bilfors jikkompetu ma' xulxin u l-ajruporti komparaturi użati fir-rapporti sottomessi jiffaċċjaw kompetizzjoni limitata mill-ajruporti tal-Istat fiż-żona ta' lħuq tagħhom (< 1/3 tal-ajruporti kummerċjali fiż-żona ta' lħuq tal-ajruporti komparaturi huma kompletament proprjetà tal-Istat u ebda wieħed mill-ajruporti fl-istess żona ta' lħuq li jaqgħu fiha l-ajruporti komparaturi ma kien soġġett għal tħassib kontinwu dwar l-għajnuna mill-Istat (minn April 2013);

    (d)

    anki meta l-ajruporti komparaturi jiffaċċjaw kompetizzjoni minn ajruporti tal-Istat fl-istess żona ta' lħuq, jeżistu raġunijiet għaliex wieħed għandu jemmen li l-imġiba tagħhom hija konformi mal-prinċipju tal-MEO (pereżempju, fejn ikun hemm sehem kbir ta' sjieda privata jew meta l-ajruport ikun immexxi mill-privat);

    (e)

    L-ajruporti tal-MEO ma jiffissawx prezzijiet taħt l-ispiża inkrementali.

    Nota 2 ta' Oxera — Il-prinċipji li huma l-bażi tal-analiżi tal-profittabbiltà għat-testijiet tal-MEO. Każijiet ta' għajnuna mill-Istat għal Ryanair, imħejjija għal Ryanair minn Oxera, id-9 ta' April 2013

    (209)

    Oxera sostniet li l-analiżi tal-profittabbiltà mwettqa minn Oxera fir-rapporti tagħha sottomessi lill-Kummissjoni ssegwi l-prinċipji li għandhom jiġu adottati minn investitur razzjonali fis-settur privat u tkun tirrifletti l-approċċ li jirriżulta mill-preċedenti tal-Kummissjoni.

    (210)

    Il-prinċipji li jsejsu l-analiżi tal-profittabbiltà huma:

    (a)

    il-valutazzjoni titwettaq fuq bażi inkrementali;

    (b)

    mhux bilfors ikun meħtieġ pjan ta' negozju ex ante;

    (c)

    għal ajruport mhux konġestjonat, l-approċċ ta' ħlas wieħed (“single till”) huwa l-metodoloġija xierqa tal-ipprezzar;

    (d)

    għandu jiġi kkunsidrat biss id-dħul assoċjat mal-attività ekonomika tal-ajruport operattiv;

    (e)

    għandu jiġi kkunsidrat it-tul ta' żmien kollu tal-ftehim, inklużi kwalunkwe estensjonijiet;

    (f)

    il-flussi finanzjarji futuri għandhom jiġu skontati sabiex tkun tista' tiġi vvalutata l-profittabbiltà tal-ftehimiet;

    (g)

    il-profittabbiltà inkrementali tal-ftehimiet ta' Ryanair għall-ajruporti għandha tiġi vvalutata abbażi tal-estimi tar-rata ta' redditu interna jew tal-valur preżenti nett (VPN).

    Analiżi tal-Professur Damien P. McLoughlin — Il-bini tal-marki kummerċjali: għaliex u kif marki kummerċjali żgħar għandhom jinvestu fil-kummerċjalizzazzjoni, imħejjija għal Ryanair, l-10 ta' April 2013

    (211)

    Id-dokument kellu l-għan li jistabbilixxi l-loġika kummerċjali wara d-deċiżjonijiet tal-ajruporti reġjonali li jixtru reklamar fuq Ryanair.com mingħand AMS.

    (212)

    Id-dokument sostna li jeżistu għadd kbir ta' ajruporti b'saħħithom ħafna, magħrufa sewwa u abitwalment użati. Il-kompetituri aktar dgħajfa għandhom jegħlbu l-imġiba tax-xiri statiku tal-konsumaturi biex ikunu jistgħu jkabbru n-negozju tagħhom. Jeħtieġ li ajruporti reġjonali iżgħar isibu mod kif jikkomunikaw il-messaġġ dwar il-marka kummerċjali tagħhom b'mod konsistenti lill-akbar udjenza possibbli. Il-forom tradizzjonali ta' komunikazzjoni kummerċjali jirrikjedu nfiq li jisboq ir-riżorsi tagħhom.

    Noti 3 u 4 ta' Oxera — Kif għandhom jiġu ttrattati l-Ftehimiet ta' AMS fi ħdan l-analiżi tal-profittabbiltà bħala parti mit-test tal-operatur fl-ekonomija tas-suq? Is-17 u l-31 ta' Jannar 2014

    (213)

    Ryanair ippreżentat rapporti oħrajn imħejjija mill-konsulenta tagħha Oxera. F'dawk ir-rapporti, Oxera ddiskutiet il-prinċipji li, skont il-linja tal-ajru, għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-analiżi tal-profittabbiltà ta', minn naħa waħda, l-ASAs bejn Ryanair u l-ajruporti u, min-naħa l-oħra, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni bejn AMS u l-istess ajruporti bħala parti mit-test tal-MEO (50). Ryanair enfasizzat li dawk ir-rapporti b'ebda mod ma jbiddlu l-pożizzjoni tagħha, li ġiet ippreżentata aktar kmieni, jiġifieri li l-ASAs u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jiġu analizzati taħt testijiet separati tal-MEO.

    (214)

    Ir-rapporti indikaw li l-profitti ġġenerati minn AMS għandhom jiġu inklużi bħala dħul f'analiżi konġunta rigward il-profittabbiltà, filwaqt li l-infiq ta' AMS għandu jiġi inkorporat fl-ispejjeż. Sabiex ikun jista' jsir dan, ir-rapporti ssuġġerew l-applikazzjoni ta' metodoloġija bbażata fuq il-fluss tal-flus għall-analiżi tal-profittabbiltà konġunta, li jfisser li l-infiq mill-ajruporti fuq AMS jista' jiġi ttrattat bħala spejjeż operattivi inkrementali.

    (215)

    Ir-rapporti enfasizzaw li l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni jikkontribwixxu għall-ħolqien u l-appoġġ tal-valur tal-marka kummerċjali, li tista' tiġġenera effetti u benefiċċji, mhux biss għat-tul ta' żmien tal-ftehimiet ma' linja tal-ajru, iżda wkoll wara t-terminazzjoni tagħhom. Dan ikun partikolarment il-każ jekk, minħabba l-fatt li Ryanair ikkonkludiet ftehim ma' ajruport, ikun hemm linji tal-ajru oħrajn li jistabbilixxu lilhom infushom fl-ajruport, li min-naħa tagħhom jattiraw aktar ħwienet biex jiftħu hemmhekk u b'hekk iġibu aktar dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għall-ajruport. Skont Ryanair, jekk il-Kummissjoni tgħaddi biex twettaq analiżi konġunta tal-profittabbiltà, dawk il-benefiċċji għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni billi l-ispejjeż ta' AMS jiġu ttrattati bħala spejjeż operattivi inkrementali, netti mill-ħlasijiet ta' AMS.

    (216)

    Barra minn hekk, Ryanair kienet tal-opinjoni li għandu jiġi inkluż valur terminali fil-profitti inkrementali pproġettati fi tmiem il-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti sabiex jittieħed f'kunsiderazzjoni l-valur iġġenerat wara t-terminazzjoni tal-ftehim. Il-valur terminali jista' jiġi adattat fuq il-bażi tal-probabbiltà ta' “tiġdid”, il-kejl tal-aspettattiva li l-profitti ser jippersistu wara t-terminazzjoni tal-ftehim ma' Ryanair jew jekk jiġu maqbula kundizzjonijiet simili ma' linji tal-ajru oħrajn. Ryanair kienet tal-fehma li mbagħad ikun possibbli li jiġi kkalkulat limitu aktar baxx għall-benefiċċji ġġenerati b'mod konġunt mill-ftehim ma' AMS u mill-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti, li jirriflettu l-inċertezzi tal-profitti inkrementali wara t-terminazzjoni tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti.

    (217)

    Insostenn ta' dak l-approċċ, ir-rapporti ppreżentaw sinteżi tar-riżultati tal-istudji dwar l-effetti tal-kummerċjalizzazzjoni fuq il-valur ta' marka kummerċjali. Dawk l-istudji jirrikonoxxu li l-kummerċjalizzazzjoni tista' tappoġġa l-valur ta' marka kummerċjali u tista' tgħin sabiex tinbena bażi ta' klijenti. Skont ir-rapporti, il-kummerċjalizzazzjoni ta' ajruport fuq is-sit Ryanair.com iżżid b'mod partikolari l-viżibbiltà tal-marka kummerċjali ta' dak l-ajruport. Barra minn hekk, ir-rapporti ddikjaraw li partikolarment l-ajruporti reġjonali iżgħar li jkunu jixtiequ jżidu t-traffiku tal-ajru tagħhom jistgħu għalhekk iżidu l-valur tal-marka kummerċjali tagħhom billi jikkonkludu ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS.

    (218)

    Fl-aħħarnett, ir-rapporti indikaw li approċċ ibbażat fuq il-fluss tal-flus kellu jiġi ppreferut fuq l-approċċ ta' kapitalizzazzjoni, fejn l-ispejjeż ta' AMS jiġu ttrattati bħala nfiq kapitali ta' assi intanġibbli (jiġifieri, il-valur tal-marka kummerċjali) (51). L-approċċ ta' kapitalizzazzjoni jieħu f'kunsiderazzjoni biss il-proporzjon tal-infiq fuq il-kummerċjalizzazzjoni, li huwa attribwibbli għall-assi intanġibbli ta' ajruport. L-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni jiġu ttrattati bħala assi intanġibbli u mbagħad jiġu deprezzati għat-tul ta' żmien tal-ftehim, billi jittieħed f'kunsiderazzjoni l-valur residwali fit-terminazzjoni prevista tal-ASA. Dak l-approċċ ma jikkunsidrax il-profitti inkrementali li ġġib magħha l-konklużjoni ta' ASA ma' Ryanair. Barra minn hekk, huwa wkoll diffiċli li jiġi kkalkulat il-valur tal-assi immaterjali minħabba l-ispejjeż tal-marka kummerċjali u l-perjodu ta' żmien tal-użu tal-assi. Il-metodu tal-fluss tal-flus huwa aktar xieraq minn approċċ ta' kapitalizzazzjoni, minħabba li dan tal-aħħar ma jaqbadx il-benefiċċji pożittivi li mistennija jiżviluppaw għall-ajruport bħala riżultat tal-iffirmar ta' ASA ma' Ryanair.

    v.   Ir-rapporti tal-MEOP tal-2011 u tal-2013

    (219)

    Oxera ntalbet minn Ryanair sabiex twettaq test ibbażat fuq l-MEOP, li kien ippreżentat lill-Kummissjoni f'isem Ryanair f'lulju 2011 (ir-“Rapport tal-MEOP tal-2011”) (52). Ir-rapport tal-MEOP tal-2011 ippreżenta r-riżultati ta' analiżi tal-profittabbiltà tal-ASAs tas-snin 2000 u 2010 bejn So.Ge.A.AL u Ryanair, abbażi ta' informazzjoni li, skont Ryanair, kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġew konklużi dawn il-ftehimiet. Ir-Rapport tal-MEOP tal-2011 ma kienx jinkludi analiżi tal-profittabbiltà mistennija tal-ASAs tas-snin 2002, 2003 u 2006.

    (220)

    Abbażi tar-Rapport tal-MEOP tal-2011, f'Marzu 2013 ġie ppreżentat rapport aġġornat lill-Kummissjoni (ir-“Rapport tal-MEOP tal-2013”) (53), li jistma l-profittabbiltà mistennija tal-ASAs li ma ġewx ikkunsidrati fir-Rapport tal-MEOP tal-2011 (jiġifieri, l-ASAs tas-snin 2002, 2003 u 2006).

    (221)

    Skont Ryanair, il-valutazzjoni ex ante tal-profittabbiltà tal-ASAs tas-snin 2000, 2002, 2003, 2006 u 2010 tissuġġerixxi li dawn il-ftehimiet kollha kienu mistennija li jkunu profittabbli għall-ajruport fiż-żmien meta ġew iffirmati. Il-profittabbiltà mistennija ta' kull ftehim bejn So.Ge.A.AL u Ryanair ġiet ivvalutata wara li ttieħdu f'kunsiderazzjoni l-ispiża inkrementali mistennija u l-previżjonijiet tad-dħul inkrementali, inkluż id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi u l-ispejjeż tal-inċentivi finanzjarji offruti lil Ryanair. Il-fatt li l-NPVs li rriżultaw huma kollha pożittivi preżumibbilment jikkonferma li kien razzjonali li jiġu konklużi l-ftehimiet ma' Ryanair.

    (222)

    Meta jiġi applikat it-test tal-MEO fir-rigward tal-ASAs, ir-Rapporti tal-MEOP tal-2011 u tal-2013 ma jikkunsidrawx il-ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u AMS għall-forniment tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Skont Ryanair, il-ftehimiet ma' AMS huma separati mill-ASAs ta' Ryanair mal-ajruport, fis-sens li tal-ewwel jikkonċernaw il-forniment tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni lill-ajruporti (aktar milli t-titjiriet/il-passiġġieri) bi prezz tas-suq u, għalhekk, ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

    vi.   Dwar in-nonselettività tat-tariffi tal-ajruport lil Ryanair

    (223)

    Ryanair tirrifjuta l-fehma tal-Kummissjoni li kwalunkwe skont mogħti mill-ajruport ta' Alghero għandu jiġi ttrattat bħala għajnuna mill-Istat, anki meta l-linji tal-ajru kollha jkunu jistgħu jibbenifikaw mill-iskontijiet. L-ewwel nett, skont Ryanair, jekk il-linji tal-ajru kollha jieħdu skontijiet, mela allura mbagħad il-prezz kontrofattwali xieraq jista' jkun l-aktar livell baxx tal-iskont, aktar milli t-tariffi ppubblikati. It-tieni, dak l-approċċ jonqos milli jieħu f'kunsiderazzjoni kwalunkwe element tal-ispejjeż u l-benefiċċji differenzjali involuti sabiex jiġu servuti l-linji tal-ajru differenti. Valutazzjoni tal-kost-riflettività hija pass meħtieġ sabiex jiġi vvalutat jekk skont mogħti lil linja tal-ajru partikolari għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Minnhom infushom, it-tariffi relattivament baxxi mhux bilfors jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u, b'mod konsistenti mas-sejbiet ta' Ecorys, it-tariffi aktar baxxi jirriflettu livelli aktar baxxi tas-servizz mitlub minn Ryanair.

    (224)

    F'dan il-każ, l-iskontijiet li rċeviet Ryanair kienu offruti b'rikonoxximent tar-riskju kummerċjali sinifikanti li ħadet Ryanair meta stabbilixxiet operazzjonijiet skedati matul is-sena kollha f'ajruport li f'dak iż-żmien kien għadu mhux magħruf (54).

    vii.   Dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni

    (225)

    Jidher li l-Kummissjoni mhijiex teskludi li jkun hemm kompetizzjoni bejn l-ajruport ta' Alghero u l-ajruporti ta' Cagliari jew Olbia, minkejja li hemm 235 u 128 kilometri, rispettivament, ta' muntanji li jisseparaw dawn l-ajruporti, kif ukoll minkejja n-nuqqas ta' awtostradi f'Sardinja. Skont Ryanair, mhuwiex ċert jekk kwalunkwe għajnuna mill-Istat fl-ajruport ta' Alghero tistax tirriżulta f'distorsjoni tal-kompetizzjoni u x'temmen il-Kummissjoni li huwa l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali distorsjoni.

    viii.   Dwar il-kompatibbiltà

    (226)

    Ryanair hija tal-fehma li l-arranġamenti bejn Ryanair u l-ajruport ma kienu jinvolvu ebda għajnuna mill-Istat. F'dak is-sens, Ryanair tqis l-applikabbiltà potenzjali tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 f'dan il-każ bħala irrilevanti.

    10.2.   KUMMENTI MINN AMS

    i.   Dwar AMS u s-sit elettroniku ta' Ryanair

    (227)

    AMS tappoġġa l-kummenti sottomessi minn Ryanair fir-rigward tagħha. Is-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li t-tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni mħallsa lil AMS bi ħlas għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jikkostitwixxu għajnuna (lil Ryanair) u li AMS u Ryanair jiġu ttrattati bħala benefiċjarju wieħed tal-għajnuna mill-Istat titqies bħala difettuża. AMS toffri servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li huma ġustifikati mill-iskop separat tagħhom u l-prezzijiet tagħhom huma bbażati fuq il-valur tagħhom fis-suq.

    (228)

    Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta' Ryanair li tinvolvi intermedjarju biex ibigħ spazju ta' reklamar fuq is-sit elettroniku tagħha mhijiex xi ħaġa mhux tas-soltu. AMS irnexxielha tippromwovi u tbigħ spazju ta' reklamar lil għadd numeruż ta' kumpaniji pubbliċi u privati madwar l-Ewropa kollha.

    (229)

    Is-sit elettroniku ta' Ryanair jippreżenta karatteristiċi partikolarment mixtieqa għall-kummerċjalizzazzjoni: huwa wieħed mill-aktar siti elettroniċi tal-ivvjaġġar popolari fid-dinja; il-ħin medju ta' kull żjara fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair huwa twil ħafna; ir-reklamar għal ajruport fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair jimmira b'mod uniku għal passiġġieri potenzjali lejn dak l-ajruport, sabiex b'hekk jiġi żgurat li ma tinħela kważi ebda euro minfuqa fuq ir-reklamar, kuntrarju għar-reklamar fil-gazzetti, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni u fuq mezzi oħrajn inqas iffokati li huma mmirati għall-pubbliku ġenerali.

    ii.   Dwar in-nuqqas ta' vantaġġi għal AMS jew Ryanair

    (230)

    AMS tikkonkludi ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' ajruporti pubbliċi u privati, korpi tat-turiżmu, gruppi tal-kiri tal-karozzi, siti elettroniċi għall-prenotazzjoni tal-lukandi, kumpaniji tal-assigurazzjoni u fornituri ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni.

    (231)

    Ir-rati li bihom jiġi pprovdut l-ispazju ta' reklamar minn AMS, kif ukoll il-volumi li fihom jinkiseb, ma jiddiskriminawx bejn l-entitajiet pubbliċi u privati li jirreklamaw. Ryanair u AMS ma jisforzawx lill-ajruporti sabiex jixtru s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, u ħafna ajruporti fil-fatt jagħżlu li ma jirreklamawx fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair. Ma tista' tirriżulta ebda għajnuna mill-Istat mill-arranġamenti ta' AMS mal-ajruporti pubbliċi jew mal-maniġers tagħhom, bħalma hija So.Ge.A.AL, meta AMS tista' b'mod daqstant faċli tbigħ l-ispazju fuq is-sit elettroniku lil kumpanija privata bi prezz komparabbli.

    (232)

    AMS ippreżentat bosta raġunijiet li jiġġustifikaw ix-xiri tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni minn SO.GE.A.AL mingħand AMS sabiex tirreklama fuq Ryanair.com, li huma miġbura fil-qosor fil-paragrafi li ġejjin.

    (233)

    L-ewwel nett, ir-reklamar fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair huwa investiment fir-rikonoxximent tal-marka kummerċjali. Il-maniġers ta' ajruporti periferali jiffaċċjaw sfidi sinifikanti sabiex ikollhom il-“marka kummerċjali” tagħhom rikonoxxuta mill-passiġġieri, mil-linji tal-ajru u minn maniġers kummerċjali mhux fis-settur tal-avjazzjoni, li lkoll jikkostitwixxu sorsi potenzjali ta' dħul għall-ajruporti. L-ajruporti jistgħu jibbenifikaw miż-żieda fir-rikonoxximent tal-marka kummerċjali b'għadd ta' modi inklużivi u kumplimentarji b'mod reċiproku, fejn b'mod partikolari din tista' tattira (i) passiġġieri li jaslu mil-linja tal-ajru li fuq is-sit tagħha jiġi rreklamat l-ajruport; (ii) klijenti potenzjali li jużaw is-sit elettroniku tal-linja tal-ajru li fuqu jiġi rreklamat l-ajruport sabiex jivvjaġġaw lejn dak l-ajruport fuq linja tal-ajru oħra li għandha rotot lejn l-ajruport; (iii) linja tal-ajru oħra sabiex tivvjaġġa lejn dak l-ajruport, u (iv) maniġers kummerċjali (bħal katina ta' ħwienet ta' bejgħ bl-imnut fl-ajruport).

    (234)

    It-tieni, ir-reklamar fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair iżid il-proporzjon ta' passiġġieri li jaslu. Hemm xejra fost l-ajruporti lejn il-ġenerazzjoni ta' kważi nofs id-dħul tagħhom minn operazzjonijiet mhux ajrunawtiċi. Mill-perspettiva ta' ajruport reġjonali, il-passiġġieri li jaslu fl-ajruport u li mbagħad jitilqu minnu għandhom probabbiltà akbar li jiġġeneraw dħul minn operazzjonijiet mhux ajrunawtiċi għall-ajruport mill-passiġġieri lokali li jużaw l-ajruport sabiex jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet barranin.

    (235)

    It-tielet, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar fuq is-sit elettroniku tal-linji tal-ajru kollha saru prassi mainstream. Is-sit elettroniku ta' Ryanair għandu valur eċċezzjonali bħala post ta' kummerċjalizzazzjoni għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi relatati mal-ivvjaġġar. Saret prattika ġenerali għall-ajruporti li jwettqu parti mill-promozzjoni tal-marka kummerċjali tagħhom fuq is-siti elettroniċi tal-linji tal-ajru. F'dan il-każ, l-ajruport ta' Alghero jidher li xtara servizzi ta' reklamar mhux biss mingħand AMS, iżda wkoll mingħand Meridiana u Alitalia.

    (236)

    Ir-raba', il-prezzijiet tas-servizzi ta' AMS huma bbażati fuq il-valur tagħhom fis-suq. Għadd ta' klijenti privati mhux tal-ajruport minn firxa ta' industriji jixtru servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni mingħand AMS. Ir-rotot ta' Ryanair mhumiex offruti lil dawk il-klijenti, għad illi huma kuntenti li jipprovdu korrispettiv bħala ħlas għas-servizzi ta' AMS. Dawk il-klijenti privati, li jaġixxu bħala investituri fl-ekonomija tas-suq, jagħtu valur kummerċjali ċar lis-servizzi ta' AMS fuq bażi awtonoma, l-istess kif jagħmlu l-ajruporti pubbliċi u privati madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Dawk l-elementi komparaturi privati minnhom infushom huma biżżejjed biex juru li l-prezzijiet ta' AMS huma prezzijiet reali tas-suq.

    iii.   Dwar l-iffinanzjar ta' So.Ge.A.AL minn Sardinja

    (237)

    Il-Kummissjoni tqis lil So.Ge.A.AL bħala sempliċi mezz li permezz tiegħu l-finanzjament reġjonali jiġi indirizzat lil Ryanair/AMS sabiex evidentement ikun jista' jintuża għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, skont AMS, il-Kummissjoni naqset milli tippreżenta evidenza li turi li So.Ge.A.AL ma kellha ebda awtonomija fir-rigward tal-użu tal-fondi magħmula disponibbli mill-RAS u, għalhekk, ma setgħetx tużahom għal skopijiet oħrajn.

    (238)

    Jidher li So.Ge.A.AL kienet qiegħda tħallas tariffa ta' konċessjoni fissa lill-Istat u ma kinitx qiegħda taqsam id-dħul tagħha mal-Istat. Il-proprjetarju ta' So.Ge.A.AL, l-RAS, kellu interess dirett li jżid il-profittabbiltà fit-tul ta' So.Ge.A.AL, pereżempju, billi jappoġġa finanzjarjament l-isforzi tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha bil-għan li hija tkun tista' ttejjeb l-immaġini kummerċjali tagħha. Tali mġiba tkun konformi mat-test tal-MEO u minnha jibbenifika l-RAS.

    (239)

    AMS iżżid li jkun possibbli li parti mill-finanzjament lil So.Ge.A.AL tkun tista' titqies bħala kumpens għall-forniment tal-SGEIs. L-ajruport ta' Alghero jiffaċilita l-forniment tas-servizzi tal-ajru f'reġjun li huwa iżolat u li altrimenti diffiċli jintlaħaq.

    iv.   Konklużjoni

    (240)

    AMS ikkonkludiet li hija ma kinitx il-benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat u li So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew b'konformità mal-MEOP fil-konfront tagħha.

    10.3.   KUMMENTI MINN UNIONCAMERE

    (241)

    Unioncamere tenfasizza li, mingħajr ma tikkontesta l-kunċett ta' attività ekonomika fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, attività li hija per se ekonomika ma tistax dejjem titqies bħala li ġiet ipprovduta f'suq, fis-sens li tali attività hija pprovduta (jew realistikament tista' tiġi pprovduta) f'kompetizzjoni ma' operaturi oħrajn.

    (242)

    Unioncamere tammetti li, f'ċirkostanzi simili, investitur privat x'aktarx li ma jkunx wettaq il-miżuri taħt skrutinju favur l-ajruport. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li investiment pubbliku f'ajruport ta' spiss jiġi xprunat minn kunsiderazzjonijiet li ma jkunux simili għal dawk ta' investitur privat. Investitur pubbliku ikollu aspettattivi differenti minn dawk relatati mal-profittabbiltà tal-investiment u, fl-istess ħin, isegwi għanijiet ta' natura aktar ġenerali, bħas-salvagwardja tal-ekonomija u l-iżvilupp reġjonali. Filwaqt li tammetti li, abbażi tal-każistika tal-Qorti, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu f'kunsiderazzjoni għall-fini ta' analiżi tal-MEOP, Unioncamere ssostni li l-finanzjament pubbliku lill-ajruport ta' Alghero ma kellux l-għan li jżomm fil-wiċċ intrapriża li altrimenti ma kinitx ser tkun kompetittiva, iżda minflok li jappoġġa l-iżvilupp reġjonali. Minħabba l-ġeografija speċifika ta' Sardinja, il-preżenza ta' ajruport iddedikat hija prijorità għall-awtoritajiet pubbliċi.

    (243)

    Unioncamere tikkonkludi li l-Kummissjoni għandha tapplika l-MEOP wara li tikkunsidra l-għan tal-miżura, jiġifieri li tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u reġjonali, “fi kliem ieħor, għandha tikkunsidra l-miżuri bħala li twettqu fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi”.

    (244)

    Unioncamere hija tal-fehma li l-kompatibbiltà tal-miżuri taħt valutazzjoni favur So.Ge.A.AL għandha tiġi vvalutata skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

    11.   KUMMENTI MILL-ITALJA DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    (245)

    L-Italja kkummentat biss dwar l-osservazzjonijiet ta' Ryanair u Unioncamere.

    11.1.   DWAR IL-KUMMENTI LI SARU MINN RYANAIR

    (246)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri favur l-ajruport ta' Alghero, l-Italja sostniet li l-ajruport jopera f'reġjun remot u, għalhekk, 'ma tistax tiġi eskluża' missjoni globali ta' SGEI fl-ajruport.

    (247)

    L-Italja tappoġġa l-affermazzjoni ta' Ryanair li l-ajruporti iżgħar ma għandhom ebda għażla ħlief li jinvestu fl-immaġini tagħhom sabiex b'hekk jiżguraw il-prospetti tal-vijabbiltà. F'dak is-sens, ir-reklamar fuq is-siti elettroniċi tal-kumpaniji low-cost huwa prattika komuni. L-Italja tenfasizza wkoll li l-ajruport akkwista servizzi simili minn linji tal-ajru oħrajn bħal Germanwings, Volare, Meridiana u Alitalia.

    (248)

    L-Italja tikkonferma li l-prezzijiet tas-servizzi ta' AMS huma bbażati fuq ir-rati tas-suq. Il-prezzijiet huma disponibbli fuq is-sit elettroniku ta' AMS u r-rati applikabbli għal So.Ge.A.AL kienu konformi ma' dawk li ġew ippubblikati.

    (249)

    L-Italja tikkonkludi li AMS ma bbenifikatx mill-għajnuna mill-Istat u li So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew b'konformità mal-MEOP.

    11.2.   DWAR IL-KUMMENTI LI SARU MINN UNIONCAMERE

    (250)

    L-Italja taqbel li l-investiment pubbliku f'ajruport ta' spiss jiġi ġustifikat minn kunsiderazzjonijiet li mhumiex simili għal dawk ta' investitur privat, minħabba li l-investituri pubbliċi jsegwu wkoll għanijiet ta' natura aktar ġenerali, bħall-iżvilupp ekonomiku u reġjonali.

    12.   VALUTAZZJONI

    12.1.   MIŻURI FAVUR SO.GE.A.AL

    12.1.1.   L-eżistenza tal-għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

    (251)

    Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

    (252)

    Il-kriterji stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri li qegħdin jiġu investigati jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1), jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-premessa 251. Dan ifisser li l-appoġġ finanzjarju għandu:

    (a)

    jingħata minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat,

    (b)

    jiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti,

    (c)

    iwassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni,

    (d)

    jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    12.1.1.1.   L-attività ekonomika u l-kunċett ta' intrapriża

    (253)

    Skont każistika stabbilita, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk So.Ge.A.AL hijiex intrapriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-kunċett ta' intrapriża jkopri kwalunkwe entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata (55). Kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti jew servizzi f'suq partikolari titqies bħala attività ekonomika.

    (254)

    Fis-sentenza tagħha fil-kawża Leipzig/Halle Airport, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-operat ta' ajruport għal finijiet kummerċjali u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport jikkostitwixxu attività ekonomika (56). Ladarba maniġer ta' ajruport jinvolvi ruħu f'attivitajiet ekonomiċi billi joffri servizzi fl-ajruport bi ħlas, irrispettivament mill-istatus legali tiegħu jew mill-mod kif jiġi ffinanzjat, dan jikkostitwixxi intrapriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, għalhekk, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu applikati għall-vantaġġi mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat lil dak il-maniġer tal-ajruport (57).

    (255)

    Rigward il-mument li minnu l-kostruzzjoni u l-operat ta' ajruport ikunu saru attività ekonomika, il-Kummissjoni tfakkar li l-iżvilupp gradwali tal-forzi tas-suq fis-settur tal-ajruporti ma jippermettix li tiġi stabbilita data preċiża. Madankollu, il-Qrati Ewropej irrikonoxxew l-evoluzzjoni fin-natura tal-attivitajiet tal-ajruport u, fil-kawża Leipzig/Halle Airport, il-Qorti Ġenerali sostniet li, mid-data meta ngħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris (it-12 ta' Diċembru 2000), l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-iffinanzjar tal-infrastruttura tal-ajruport ma setgħetx tibqa' tiġi eskluża. Konsegwentement, mit-12 ta' Diċembru 2000 'il quddiem, l-operat u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport għandhom jitqiesu bħala attività li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni issa ma tistax tqajjem dubji, abbażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, dwar il-miżuri ta' finanzjament mogħtija lill-maniġers tal-ajruporti qabel it-12 ta' Diċembru 2000 (58).

    (256)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li mit-12 ta' Diċembru 2000 'il quddiem, So.Ge.A.AL kienet involuta f'attività ekonomika u li hija tikkostitwixxi intrapriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Konsegwentement, f'dak li jsegwi, il-Kummissjoni tivvaluta l-kwalifika tal-għajnuna mill-Istat u, għal dawk il-miżuri li jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat, il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri mogħtija mit-12 ta' Diċembru 2000. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-miżuri li ġew deċiżi qabel it-12 ta' Diċembru 2000 u, b'hekk, ma għandhiex bżonn tivvaluta dawk il-miżuri f'din id-Deċiżjoni.

    (257)

    L-Italja pprovdiet dejta dwar in-nefqa kapitali (inkluż l-iffinanzjar tal-infrastruttura, tal-apparat u tal-“fittings u x-xogħlijiet”) li saret qabel it-12 ta' Diċembru 2000 (ara l-premessa 84). Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhijiex intitolata li teżamina u tikkontesta l-ammont ta' EUR 25 431 706,16 li kien deċiż qabel dik id-data.

    12.1.1.2.   Il-mandat tal-politika pubblika

    (258)

    Filwaqt li So.Ge.A.AL għandha titqies bħala li tikkostitwixxi intrapriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għall-inqas mit-12 ta' Diċembru 2000, għandu jiġi mfakkar li mhux l-attivitajiet kollha ta' maniġer ta' ajruport huma bilfors ta' natura ekonomika (59).

    (259)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tas-setgħat uffiċjali tagħha bħala awtorità pubblika mhumiex ta' natura ekonomika u ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (260)

    Għalhekk, l-iffinanzjar tal-attivitajiet li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika jew tal-infrastruttura direttament relatata ma' dawk l-attivitajiet b'mod ġenerali ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat (60). F'ajruport, attivitajiet bħall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-pulizija, id-dwana, it-tifi tan-nar, l-attivitajiet neċessarji sabiex tiġi ssalvagwardjata l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali u l-investimenti relatati mal-infrastruttura u l-apparat meħtieġa għat-twettiq ta' dawn l-attivitajiet ġeneralment jitqiesu bħala li huma ta' natura mhux ekonomika (61).

    (261)

    Madankollu, il-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ma għandux iwassal għal diskriminazzjoni bla bżonn bejn il-linji tal-ajru u l-maniġers tal-ajruporti. Tabilħaqq, hija każistika stabbilita li jiżviluppa vantaġġ meta l-awtoritajiet pubbliċi jeħilsu lill-intrapriżi mill-ispejjeż inerenti għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (62). Għalhekk, jekk f'sistema legali partikolari tkun prassi normali li l-linji tal-ajru jew il-maniġers tal-ajruporti jġorru l-ispejjeż ta' ċerti servizzi, filwaqt li xi linji tal-ajru jew maniġers tal-ajruporti li jipprovdu l-istess servizzi f'isem l-istess awtoritajiet pubbliċi ma jkollhomx bżonn iġorru dawk l-ispejjeż, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu qegħdin igawdu minn vantaġġ, anki jekk dawk is-servizzi minnhom infushom jitqiesu bħala mhux ekonomiċi (63).

    (262)

    Kif issemma fil-premessa 49, permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014, l-Italja sostniet li So.Ge.A.AL wettqet ċerti attivitajiet li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika. B'mod partikolari, l-Italja sostniet li l-ispejjeż (l-ispejjeż tal-investiment jew l-ispejjeż operattivi) li jirriżultaw mill-obbligu fuq l-ajruporti li jagħmlu l-bini tagħhom disponibbli għall-ENAC u għal entitajiet pubbliċi lokali oħrajn (il-Pulizija responsabbli mill-Fruntieri tal-Ajru, l-Aġenzija Doganali, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, il-Brigata tat-Tifi tan-Nar, il-Pulizija) u li jġorru l-ispejjeż tal-amministrazzjoni/manutenzjoni ta' dak il-bini għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika. Tali obbligu huwa stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u japplika għall-maniġers tal-ajruporti kollha fl-Italja. Skont l-Italja, l-ispejjeż totali mġarrba minn So.Ge.A.AL fil-manutenzjoni ta' dawk iż-żoni matul il-perjodu 2000–2010 kienu jammontaw għal EUR 2 776 073 (64).

    (263)

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, b'mod ġenerali, tali spejjeż jistgħu jitqiesu bħala li huma relatati ma' attivitajiet li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika. Madankollu, f'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistabbilixxi ebda intitolament ta' kumpens lill-maniġers tal-ajruporti għall-ispejjeż li jkollhom iħallsu għal attivitajiet bħal dawn. Għalhekk, taħt is-sistema legali applikabbli, l-ajruporti Taljani normalment ikollhom iħallsu l-ispejjeż rilevanti huma stess. Konsegwentement, l-ispejjeż relatati mal-forniment u l-manutenzjoni tal-ispazji u l-bini meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet elenkati fil-premessa 262 għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu spejjeż operattivi normali tal-maniġers tal-ajruporti (65). Għalhekk, l-ispejjeż operattivi (imsemmija fil-premessa 48) u l-ispejjeż tal-investiment (imsemmija fil-premessa 49) relatati mal-forniment u l-manutenzjoni tal-bini riservat għall-attivitajiet imsemmija fil-premessa 262 ma jikkwalifikawx bħala spejjeż li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika u l-iffinanzjar ta' dawk l-ispejjeż mill-awtoritajiet pubbliċi jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil So.Ge.A.AL.

    12.1.1.3.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

    (264)

    Kif ġie stabbilit mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-kawża Stardust Marine, il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat japplika għal kwalunkwe vantaġġ mogħti permezz ta' riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn kwalunkwe korp intermedjarju li jaġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilu (66). Ir-riżorsi tal-entitajiet intra-Statali (deċentralizzati, federati, reġjonali, lokali jew oħrajn) tal-Istati Membri huma, għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107 tat-Trattat, riżorsi tal-Istat (67). Barra minn hekk, il-miżuri adottati minn entitajiet bħal dawn, irrispettivament mill-istatus legali u d-deskrizzjoni tagħhom, jaqgħu, bl-istess mod bħall-miżuri meħuda mill-awtorità ċentrali, fl-ambitu tal-Artikolu 107 (68).

    (265)

    F'dan il-każ, is-sussidji mill-RAS għall-“fittings u x-xogħlijiet” (il-Miżura 2) ingħataw lil So.Ge.A.AL direttament mill-baġit reġjonali u, għalhekk, jammontaw għal riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat. Bl-istess mod, il-kofinanzjament mill-Istat tal-infrastruttura tal-ajruport u mill-RAS tal-apparat fl-ajruport ta' Alghero (il-Miżura 3) kien iffinanzjat direttament permezz ta' riżorsi tal-Istat.

    (266)

    Fir-rigward tal-ħames injezzjonijiet ta' kapital li saru fil-perjodu 2000–2010, għal ammont totali ta' EUR 31 086 398 (il-Miżura 1), billi dawn twettqu u b'hekk ġew iffinanzjati mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL, jiġifieri l-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari, il-Provinċja ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Alghero, l-RAS u SFIRS, huma kellhom jitqiesu bħala li ġew iffinanzjati permezz ta' riżorsi tal-Istat.

    (267)

    Kwistjoni separata li għandha tiġi esplorata hija dwar jekk dawk it-trasferimenti ta' riżorsi tal-Istat humiex imputabbli wkoll lill-Istat. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari, mill-Provinċja ta' Sassari, mill-Muniċipalità ta' Sassari, mill-Muniċipalità ta' Alghero u mill-RAS — bħala awtoritajiet pubbliċi jew korpi pubbliċi awtonomi lokali rregolati mil-liġi pubblika li tqishom bħala parti mill-amministrazzjoni pubblika u li huma inkarigati b'kompiti li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika (bħall-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari) — huma imputabbli lill-Istat.

    (268)

    Fir-rigward ta' SFIRS, hija każistika stabbilita li l-imputabbiltà lill-Istat ta' miżura meħuda minn intrapriża pubblika tista' tiġi stabbilita permezz ta' indikaturi “organiċi” jew “strutturali” jew permezz ta' indikazzjonijiet li l-Istat kien involut, jew ma kienx probabbli li jkun assenti, mid-deċiżjoni li twassal għall-miżura konkreta. Il-Qorti stabbilixxiet sett mhux eżawrjenti ta' indikaturi possibbli li huma rilevanti għall-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat, bħal (69):

    (a)

    il-fatt li l-intrapriża, permezz tal-intermedjarju li kkontribwixxa sabiex tingħata l-għajnuna, kellha tieħu f'kunsiderazzjoni d-direttivi maħruġa minn korpi governattivi;

    (b)

    l-integrazzjoni tal-intrapriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika;

    (c)

    in-natura tal-attivitajiet tal-intrapriża u t-twettiq tagħhom fis-suq f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni ma' operaturi privati;

    (d)

    l-istatus legali tal-intrapriża (il-liġi pubblika jew il-liġi ordinarja tal-kumpaniji);

    (e)

    l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-intrapriża; u

    (f)

    kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta' nuqqas ta' involviment fl-adozzjoni ta' miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi.

    (269)

    L-investigazzjoni f'dan il-każ ikkonfermat il-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni li l-injezzjonijiet ta' kapital għandhom jitqiesu bħala r-riżultat ta' mġiba imputabbli lill-Istat u li SFIRS ma kinitx involuta fl-injezzjonijiet ta' kapital taħt investigazzjoni minħabba kunsiderazzjonijiet ta' massimizzazzjoni tal-profitti.

    (270)

    SFIRS twaqqfet bħala kumpanija ta' investiment tal-RAS, bil-kompitu li tħejji pjanijiet u abbozz ta' linji gwida li jimmiraw għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun. B'hekk, l-għan prinċipali ta' SFIRS mhuwiex li timmassimizza l-profitt, iżda pjuttost li taġixxi bħala strument tal-RAS bil-għan li trawwem l-iżvilupp ekonomiku ta' Sardinja. Barra minn hekk, f'laqgħa tal-Assemblea tal-Azzjonisti ta' So.Ge.A.AL tat-30 ta' April 2004, ir-rappreżentant tal-RAS warrab it-telf operattiv li ġie rreġistrat mill-maniġer tal-ajruport fl-2003 fid-dawl tal-“irwol strateġiku preżunt mill-ajruport fil-livell reġjonali” (70). Dan jindika li l-RAS ta importanza partikolari lill-iżvilupp tal-ajruport, għan li huwa segwa permezz tal-istrument tal-investiment tiegħu SFIRS flimkien mal-azzjonisti pubbliċi l-oħrajn ta' So.Ge.A.AL. Barra minn hekk, l-intervent ta' SFIRS kien konkomitanti ma' dak tal-azzjonisti pubbliċi l-oħrajn.

    (271)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjonijiet ta' kapital jinvolvu riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Italja ma kkontestatx din is-sejba fl-investigazzjoni.

    12.1.1.4.   Vantaġġ ekonomiku

    (272)

    Skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, vantaġġ huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li intrapriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (71). F'dan ir-rigward, l-iffinanzjar tal-ispejjeż imġarrba fil-forniment tal-SGEI ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet preskritti mill-Qorti fil-kawża ta' Altmark (72) (ara l-premessi 273–278). Huwa biss l-effett tal-miżura fuq l-intrapriża li huwa rilevanti, la l-kawża u lanqas l-għan tal-intervent mill-Istat (73). F'dak li jsegwi, il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta jekk il-miżuri inkwistjoni (il-Miżuri 1, 2 u 3) humiex konformi mal-kundizzjonijiet ta' Altmark u, it-tieni, tanalizza jekk dawn ingħatawx f'kundizzjonijiet tas-suq normali b'konformità mal-MEOP.

    12.1.1.4.1.   Nuqqas ta' osservanza tal-kriterji ta' Altmark

    (273)

    Matul l-investigazzjoni, So.Ge.A.AL sostniet li hija kienet ġiet inkarigata bil-forniment ta' SGEI. So.Ge.A.AL tafferma li hija wettqet l-OSP li huma minquxa fil-Konvenzjoni (ara l-premessi 173–176).

    (274)

    Għall-kuntrarju, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012, l-Italja ma sostnietx li l-ġestjoni globali tal-ajruport, jew ta' parti mill-attivitajiet tiegħu, tikkwalifika bħala SGEI u, għalhekk, li l-miżuri taħt skrutinju jikkostitwixxu kumpens għat-twettiq tal-OSP. B'reazzjoni għall-osservazzjonijiet ippreżentati matul l-investigazzjoni minn Ryanair, l-Italja sempliċiment ikkonfermat li 'ma jistax jiġi eskluż li l-maniġer tal-ajruport ipprovda servizz pubbliku' (ara l-premessa 246). Lejn l-aħħar tal-proċedura tal-investigazzjoni, b'reazzjoni għal talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni, l-Italja — f'isem l-RAS — iddikjarat li So.Ge.A.AL fil-fatt tipprovdi SGEIs li kellhom jiġu fdati lilha:

    (a)

    f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni tal-ajruport, permezz tal-Konvenzjonijiet differenti li ġew iffirmati minn So.Ge.A.AL mal-Istat;

    (b)

    f'dak li għandu x'jaqsam mal-infrastruttura tal-ajruport, permezz tal-atti differenti li jistipulaw l-iffinanzjar tagħha permezz ta' fondi pubbliċi.

    (275)

    Fil-każ tal-intrapriżi inkarigati bil-forniment ta' SGEI, sabiex tkun tista' tikkonkludi jekk il-miżuri taħt valutazzjoni jikkostitwixxux vantaġġ jew le skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha teżamina l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-kawża ta' Altmark. Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    (a)

    l-intrapriża benefiċjarja effettivament għandu jkollha obbligi ta' servizz pubbliku xi twettaq u dawn l-obbligi għandhom jiġu definiti b'mod ċar (“Altmark 1”);

    (b)

    il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti (“Altmark 2”);

    (c)

    il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku, billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi (“Altmark 3”);

    (d)

    meta missjoni ta' SGEI ma tiġix fdata lil intrapriża skont proċedura ta' akkwist pubbliku, il-livell ta' kumpens meħtieġ għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż li intrapriża tipika, immexxija sewwa u pprovduta b'mezzi adegwati sabiex tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji ta' servizz pubbliku, tkun ġarrbet fit-twettiq ta' dawk l-obbligi, billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi (“Altmark 4”).

    (276)

    Il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta l-osservanza tal-kriterju 2 ta' Altmark. Billi l-kriterji ta' Altmark għandhom jiġu rrispettati b'mod kumulattiv, in-nuqqas ta' osservanza ta' waħda minn dawk il-kundizzjonijiet iwassal għall-konklużjoni li l-preżenza ta' vantaġġ ma tistax tiġi eskluża abbażi ta' dan it-test, anki jekk is-servizzi pprovduti minn So.Ge.A.AL jikkwalifikaw bħala SGEIs.

    (277)

    F'dan il-każ, il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens lill-maniġer tal-ajruport għall-forniment tal-SGEIs ma ġewx stabbiliti minn qabel. Fil-fatt, fil-Konvenzjoni ma ssir ebda referenza espliċita għal kwalunkwe kumpens li jrid jingħata mill-Istat lill-maniġer tal-ajruport għall-forniment tas-servizzi pprovduti fl-ajruport. Dan waħdu huwa biżżejjed sabiex ikun jista' jiġi konkluż li l-kriterju 2 ta' Altmark ma ġiex issodisfat f'dan il-każ.

    (278)

    Minħabba li l-erba' kundizzjonijiet ta' Altmark mhumiex issodisfati b'mod kumulattiv f'dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-preżenza ta' vantaġġ ma tistax tiġi eskluża abbażi ta' dan it-test, anki jekk is-servizzi pprovduti minn So.Ge.A.AL jikkwalifikaw bħala SGEIs.

    12.1.1.4.2.   Il-konformità mal-MEOP

    (279)

    Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li “l-kapital imqiegħed direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni ta' intrapriża mill-Istat f'ċirkostanzi li jikkorrespondu għal kundizzjonijiet tas-suq normali ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat” (74).

    (280)

    F'dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit jekk il-finanzjament pubbliku tal-ajruport ta' Alghero tax vantaġġ lil So.Ge.A.AL li hija ma setgħetx tirċievi taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, il-Kummissjoni għandha tqabbel l-imġiba tal-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu l-finanzjament inkwistjoni ma' dik ta' investitur fl-ekonomija tas-suq li huwa ggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà (75).

    (281)

    Il-valutazzjoni għandha tħalli fil-ġenb kwalunkwe riperkussjonijiet pożittivi fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport, 'lil hinn minn dawk li jaffettwaw il-profitti mistennija mill-entitajiet pubbliċi li jagħtu l-miżuri. Tabilħaqq, il-Qorti kkjarifikat li l-kwistjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-MEOP hija dwar jekk “f'ċirkostanzi simili, azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra l-prevedibbiltà tal-kisba ta' redditu u wara li jkun warrab kull kunsiderazzjoni ta' natura soċjali, ta' politika reġjonali u settorjali, ikun lest li jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni” (76).

    (282)

    Fil-kawża Stardust Marine, il-Qorti qalet li, “[…] sabiex jiġi eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-aġir ta' investitur prudenti fl-ekonomija tas-suq, jeħtieġ li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest taż-żmien li matulu kienu ttieħdu l-miżuri ta' sostenn finanzjarju sabiex b'hekk ikun jista' jivvaluta r-razzjonalità ekonomika tal-imġiba tal-Istat u, b'hekk, tiġi evitata kull evalwazzjoni li tkun ibbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti” (77).

    (283)

    Barra minn hekk, fil-kawża ta' EDF, il-Qorti ddikjarat li, “[…] għall-finijiet li jintwera li, qabel jew fl-istess ħin li jagħti l-vantaġġ, l-Istat Membru ħa dik id-deċiżjoni bħala azzjonista, mhuwiex biżżejjed li wieħed jistrieħ fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata l-vantaġġ, fuq sejba retrospettiva li l-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat kien tabilħaqq profittabbli, jew fuq ġustifikazzjonijiet sussegwenti tal-kors ta' azzjoni tabilħaqq magħżul” (78).

    (284)

    Għalhekk, sabiex tkun tista' tapplika l-MEOP, il-Kummissjoni trid tpoġġi lilha nnifisha fil-kuntest taż-żmien meta ttieħdet kull deċiżjoni li jiġu pprovduti fondi pubbliċi lil So.Ge.A.AL. Barra minn hekk, fil-prinċipju, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-karattru mmexxi mill-profitt tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet li kienu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fiż-żmien meta ttieħdu d-deċiżjonijiet li jingħata finanzjament lil So.Ge.A.AL. Il-punt 63 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni jistabbilixxi li l-arranġamenti konklużi bejn il-linji tal-ajru u ajruport jistgħu jitqiesu bħala li jissodisfaw it-test tal-MEO meta huma jikkontribwixxu b'mod inkrementali, minn perspettiva ex ante, għall-profittabbiltà tal-ajruport. Filwaqt li dan il-kriterju jirrifletti l-loġika tat-test tal-MEO, huwa ġie spjegat biss riċentament u jirreferi għal arranġamenti individwali minflok għall-kummerċ globali, kif ikun aktar ta' spiss il-każ meta jiġi applikat it-test tal-MEO. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jista' jkun diffiċli għall-Istat Membru rilevanti u għall-operaturi kkonċernati li jipprovdu evidenza kontemporanja sħiħa fir-rigward tal-arranġamenti konklużi ħafna snin ilu u ser tieħu kunsiderazzjoni ta' dan kollu meta tiġi biex tapplika l-kriterju inkwistjoni fil-każ preżenti.

    i.   L-iffinanzjar tal-infrastruttura tal-ajruport (inklużi l-'fittings u x-xogħlijiet') u tal-apparat

    (285)

    Kif issemma fil-premessa 81, fil-valutazzjoni mwettqa f'din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni analizzat is-sussidji għall-infrastruttura u l-apparat (il-Miżura 3) u l-iffinanzjar tal-“fittings u x-xogħlijiet” (il-Miżura 2) flimkien, bħala serje ta' miżuri li jiffinanzjaw il-ħolqien u l-ammeljorament tal-infrastruttura u tal-apparat.

    (286)

    L-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni u l-operat ta' ajruport, inklużi l-ispejjeż tal-investiment, normalment jitħallsu mill-operatur tal-ajruport, għalhekk, il-kopertura ta' parti minn dawk l-ispejjeż teħilsu minn piż li normalment ikollu jġorr.

    (287)

    Għandu jiġi stabbilit jekk, meta jiġu pprovduti l-għotjiet ta' investiment sabiex jiġu ffinanzjati l-infrastrutturi, l-apparat, il-fittings u x-xogħlijiet fl-ajruport ta' Alghero, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħux raġonevolment jistennew redditu fuq l-investiment fi kwalunkwe forma u li, sa ċertu punt, jagħmel l-investimenti tagħhom profittabbli għalihom.

    (288)

    L-Italja ma sostnietx b'mod espliċitu li l-għotjiet ta' investiment kienu konformi mal-MEOP. Hija lanqas ma ppreżentat pjan ta' negozju b'kalkoli rigward il-profittabbiltà mistennija tal-għotjiet ta' investiment, magħmul ex ante jew rikostruwit abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f'dak iż-żmien.

    (289)

    Fir-rigward tal-għotjiet ipprovduti mill-Istat, ta' min jinnota li bi skambju għad-dritt li timmaniġġja l-infrastruttura tal-ajruport, So.Ge.A.AL tħallas tariffa ta' konċessjoni lill-Istat. L-Italja sostniet li t-tariffi ta' konċessjoni dovuti mill-maniġers tal-ajruporti jiġu stabbiliti b'referenza għall-volumi tat-traffiku u, għalhekk, ma għandhomx l-għan li jirrimuneraw l-investimenti tal-Istat fl-infrastruttura tal-ajruport. Ma hemm ebda indikazzjoni li, meta jiffinanzja ċerti investimenti fl-ajruport ta' Alghero, l-Istat jista' jistenna żieda fit-traffiku u żieda relatata fit-tariffi ta' konċessjoni li jkunu kbar biżżejjed li jagħmlu l-infiq tiegħu profittabbli.

    (290)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minħabba l-inċertezzi inerenti u sinifikanti relatati mal-proġetti ta' infrastruttura, l-għotjiet ta' investiment tal-Istat mhumiex konformi mat-tip ta' analiżi li jkun wettaq investitur prudenti għal proġetti bħal dawn. Minħabba li ma hemm ebda indikazzjoni li l-finanzjament inkwistjoni kien mistenni jrendi redditu normali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-finanzjament mogħti mill-Istat wara t-12 ta' Diċembru 2000 ma kienx konformi mal-MEOP u ta vantaġġ lill-maniġer tal-ajruport.

    (291)

    Il-finanzjament pubbliku għall-apparat mhuwiex konformi mal-MEOP billi la kien hemm pjan ta' negozju ex ante u lanqas analiżi tas-sensittività ta' kwalunkwe suppożizzjoni tal-profittabbiltà sottostanti li turi x'redditu finanzjarju seta' jistenna b'mod raġonevoli li jieħu l-RAS mis-sussidji tal-investiment li kien ta lil So.Ge.A.AL. Mhuwiex ċar lanqas jekk l-RAS setax tabilħaqq jistenna xi tip ta' redditu, minħabba li, kuntrarju għall-Istat, huwa ma jirċievi ebda tariffa ta' konċessjoni mingħand So.Ge.A.AL.

    (292)

    Barra minn hekk, anki li kieku wieħed kellu jassumi li d-dividendi li jista' jirċievi u ż-żieda potenzjali fil-valur tal-ishma li għandu f'So.Ge.A.AL, bħala l-azzjonista prinċipali tiegħu, jistgħu jitqiesu bħala sors possibbli ta' redditi finanzjarji li jistgħu jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-MEOP f'dan il-kuntest (79), huwa biżżejjed li wieħed jinnota li So.Ge.A.AL iġġenerat telf sinifikanti f'kull sena matul il-perjodu soġġett għal investigazzjoni (li jibda fis-sena 2000). B'hekk, la l-Istat u lanqas l-RAS ma jista' jistenna b'mod raġonevoli li l-finanzjament tiegħu tal-infrastruttura jew tal-apparat fl-ajruport ta' Alghero matul dan il-perjodu ser itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL b'tali mod li din tal-aħħar ikollha tħallas dividendi suffiċjenti, jew li l-valur tal-ishma ta' So.Ge.A.AL ser jiżdied bħala riżultat ta' din is-sejba b'tali mod li l-finanzjament pubbliku jkun “profittabbli”. La l-Italja u lanqas il-partijiet terzi ma pprovdew elementi li jissuġġerixxu li dan huwa l-każ.

    (293)

    Għalhekk, il-Miżura 2 u l-Miżura 3 mhumiex konformi mal-MEOP u taw vantaġġ ekonomiku lil So.Ge.A.AL.

    ii.   Injezzjonijiet ta' kapital bejn l-2000 u l-2010

    (294)

    Kemm l-Italja kif ukoll So.Ge.A.AL sostnew li l-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL fil-perjodu 2000–2010 jikkonformaw mal-MEOP. Anki jekk il-maniġer tal-ajruport irreġistra telf b'mod konsistenti sa mis-sena 2000, huwa leġittimu li wieħed jassumi li l-attività ser trendi profitt, notevolment minħabba l-għoti imminenti tal-konċessjoni 'kompensiva' lil So.Ge.A.AL. Meta adottaw kull waħda mill-miżuri inkwistjoni, l-azzjonisti pubbliċi kellhom jaġixxu bħala investituri prudenti fl-ekonomija tas-suq.

    (295)

    Minħabba li f'dak iż-żmien li ġew deċiżi l-injezzjonijiet tal-kapital So.Ge.A.AL kienet tinsab f'sitwazzjoni finanzjarja prekarja, il-fehma preliminari tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-2012 kienet li investitur fl-ekonomija tas-suq kien jeħtieġ l-implimentazzjoni ta' pjan sabiex ikun jista' jreġġa' lura l-vijabbiltà tal-kumpanija. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li investitur privat kellu jinjetta biss kapital ġdid f'kumpanija li l-kapital tagħha jkun waqa' taħt il-livell li huwa legalment meħtieġ, kif kien il-każ għal So.Ge.A.AL, jekk kien qed jistenna li l-kumpanija terġa' lura għal vijabbiltà fi żmien raġonevoli. F'dak iż-żmien ma ġie pprovdut ebda pjan bħal dan lill-Kummissjoni u, kif ġie spjegat fil-premessi 301 sa 311, id-diversi pjanijiet ta' negozju mħejjija minn jew għal So.Ge.A.AL fil-perjodu li matulu twettqu l-injezzjonijiet ta' kapital ma kinux jifformaw bażi soda li l-azzjonisti ggwidati minn prospetti ta' profittabbiltà kienu jsibu bħala suffiċjenti sabiex jistennew redditu raġonevoli.

    (296)

    Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni b'bosta dokumenti li hija sostniet li għandhom jitqiesu bħala l-pjanijiet ta' negozju li fuqhom kellhom jiġu bbażati d-deċiżjonijiet għar-rikapitalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL. L-Italja sostniet ukoll li, mill-perspettiva ta' investitur privat, il-kumpens għat-telf ta' So.Ge.A.AL jista' jiġi ġustifikat b'mod validu mhux biss mill-preżenza ta' programm ta' ristrutturar strateġiku bi prospetti ta' profitti fit-tul, iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet oħrajn għajr sempliċi profittabbiltà finanzjarja, b'mod partikolari għanijiet ta' interess pubbliku aktar ġenerali bħall-iżvilupp reġjonali. Il-pjanijiet ta' negozju sottomessi mill-Italja huma spjegati fid-dettall fil-premessi 59–75.

    (297)

    F'dak ir-rigward, il-miżuri implimentati mill-Istat, mill-RAS u minn SFIRS mhumiex konformi mal-imġiba ta' investitur fl-ekonomija tas-suq iggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà. Matul il-perjodu 2000–2010, l-Istat, l-RAS u SFIRS ipprovdew b'mod kostanti l-appoġġ finanzjarju meħtieġ sabiex So.Ge.A.AL setgħet tibqa' għaddejja. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL kienet tali li ebda operatur privat ma seta' jkopri t-telf tiegħu fuq medda ta' żmien daqstant twila, mingħajr valutazzjoni kredibbli u realistika minn qabel li turi li jkun aktar kosteffiċjenti jekk ikompli jiġi kopert it-telf minflok tiġi ristrutturata l-kumpanija.

    (298)

    Il-Kummissjoni lanqas ma tista' taċċetta l-argument tal-Italja li għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-għanijiet ta' interess pubbliku meta tiġi vvalutata l-bażi kummerċjali ta' investitur pubbliku. Abbażi tal-każistika stabbilita, jekk l-azzjonisti pubbliċi jkunu qegħdin jaġixxu bħala investituri privati fl-ekonomija tas-suq, huma ma jkunux iggwidati minn għanijiet ta' interess pubbliku u l-investiment ikollu jkun profittabbli minnu nnifsu.

    (299)

    Minħabba li matul l-investigazzjoni, So.Ge.A.AL sostniet li l-bażi ekonomika tal-miżuri għandha tiġi vvalutata separatament qabel u wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva fl-2007, min-naħa tagħha l-Kummissjoni tivvaluta l-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa matul il-perjodi 2000–2007 u 2008–2010.

    Injezzjonijiet ta' kapital fil-perjodu 2000–2007

    (300)

    So.Ge.A.AL qalet li r-rikapitalizzazzjonijiet imwettqa qabel l-2007 kienu ggwidati mill-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat in-negozju tal-kumpanija, b'mod partikolari fid-dawl tal-għoti imminenti tal-konċessjoni komprensiva. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien li ttieħdu d-deċiżjonijiet li jiġi injettat il-kapital fil-kumpanija, il-perspettiva tal-konċessjoni komprensiva mogħtija kienet ta' importanza kruċjali għall-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL.

    (301)

    F'dak is-sens, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjanijiet ta' negozju ta' So.Ge.A.AL ma jistgħux jitqiesu bħala bażi realistika għat-tbassir tal-prestazzjoni futura tal-kumpanija fil-perjodu 2000–2010. Dawk il-pjanijiet għamlu referenza iżolata għall-injezzjonijiet ta' kapital li jkunu meħtieġa sabiex il-kapital jinġieb lura f'konformità mar-rekwiżiti legali. Barra minn hekk, huma ma jinkludu ebda indikazzjoni li, f'dak iż-żmien li ġew deċiżi l-injezzjonijiet ta' kapital li qegħdin jiġu investigati, l-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL kienu qegħdin jistennew li l-kumpanija terġa' lura għal vijabbiltà jew li kienu qegħdin jistennew redditu fuq l-investiment tagħhom (f'termini tad-dividendi mħallsa jew żieda fil-valur tal-ishma tal-kumpanija) li jissupera l-ammont tal-kapital investit fil-kumpanija. Il-pjanijiet lanqas ma fihom analiżi tax-xenarji alternattivi li jeħtieġ li jkollu investitur privat diliġenti qabel ikun jista' jagħmel tali injezzjonijiet ta' kapital sostanzjali fil-kumpanija.

    (302)

    Il-Kummissjoni tinnota li wieħed biss mid-dokumenti msemmija mill-Italja bħala pjanijiet ta' negozju jippreċedi d-data tal-ewwel deċiżjoni dwar l-injezzjonijiet ta' kapital. Għalkemm il-pjan ta' negozju tal-1999 isemmi li jeħtieġ li So.Ge.A.AL tiġi rikapitalizzata, huwa ma jipprevedi ebda valutazzjoni li turi li jkun aktar kosteffiċjenti għall-azzjonisti tal-kumpanija li jkopru t-telf tal-maniġer tal-ajruport minflok jadottaw miżuri ta' ristrutturar li jkunu mmirati biex iżidu l-effikaċja tal-maniġer tal-ajruport f'perjodu ta' żmien aċċettabbli għal investitur privat. Barra minn hekk, il-pjan ta' negozju tal-1999 ma jindikax li So.Ge.A.AL ser issir profittabbli wara l-injezzjonijiet tal-kapital.

    (303)

    Barra minn hekk, il-pjan ta' negozju tal-1999 kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li So.Ge.A.AL kienet ser tingħata l-konċessjoni komprensiva f'dik l-istess sena. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur privat prudenti għandu jivvaluta l-istrateġija mill-ġdid u jikkunsidra l-għażliet ta' ristrutturar meta jsir evidenti li l-konċessjoni tkun ser iddum biex tingħata u li l-għan ta' ritorn għall-profittabbiltà ma jkunx ser jintlaħaq.

    (304)

    Ma kienet proposta ebda miżura għar-ristrutturar ta' So.Ge.A.AL fil-pjan ta' Roland Berger, l-uniku pjan ta' negozju li jivvaluta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL taħt żewġ xenarji — konċessjoni “komprensiva” versus “temporanja”. Il-pjan ta' Roland Berger ikkonkluda li So.Ge.A.AL ser tkompli tirreġistra telf f'xenarju ta' konċessjoni temporanja, madankollu, ma ppropona ebda miżura ta' rimedju. Dan in-nuqqas ta' tagħrif qata' qalb kwalunkwe investitur privat milli jsegwi l-istrateġija inkwistjoni, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' ċertezza fir-rigward tad-data effettiva tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva lil So.Ge.A.AL. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' Roland Berger kien meqjus bħala li mhuwiex affidabbli biżżejjed minn So.Ge.A.AL innifisha (ara l-premessa 57).

    (305)

    Il-pjan ta' negozju tal-2005 tfassal fid-dawl tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva. Filwaqt li pprovda previżjoni tad-dħul u tal-ispejjeż għall-erbgħin sena tal-konċessjoni għall-ġestjoni tal-ajruport, fuq is-suppożizzjoni li l-konċessjoni tingħata lil So.Ge.A.AL fl-2006, il-pjan ma ppropona ebda miżura li tindirizza n-nuqqasijiet tan-negozju tal-immaniġġjar bi prestazzjoni ħażina, li kien meqjus fil-pjan ta' Roland Berger tal-2004 bħala taħt il-medja tas-settur u li kien mistenni jkompli jiġġenera t-telf fuq perjodu ta' żmien medju.

    (306)

    Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ebda wieħed mill-pjanijiet imsemmija hawn fuq ma jifforma dik li operatur prudenti fl-ekonomija tas-suq seta' jqis bħala bażi affidabbli sabiex iwettaq l-investimenti inkwistjoni.

    Injezzjonijiet ta' kapital fil-perjodu 2008–2010

    (307)

    Fi kwalunkwe każ, investitur privat għandu jkun ivvaluta mill-ġdid l-istrateġija fil-pjan ta' negozju tal-2010, b'mod partikolari minħabba li, permezz tal-Artikolu 14bis tal-Konvenzjoni, il-konċessjoni kellha tiġi rrevokata li kieku So.Ge.A.AL ma laħqitx vijabbiltà fi żmien erba' snin mid-data li fiha daħlet fis-seħħ tali konċessjoni, jiġifieri sal-2011. Madankollu, il-pjan tal-2010 ipproġetta li l-kumpanija kienet ser terġa' lura għal vijabbiltà sena biss aktar tard mill-2011, jiġifieri fl-2012, wara li kkunsidra wkoll li r-rikapitalizzazzjoni tal-kumpanija kienet prevista għall-2010.

    (308)

    Id-deċiżjoni tal-azzjonisti li jkomplu jkopru t-telf ta' So.Ge.A.AL mingħajr ebda programm ta' ristrutturar fis-seħħ, anki meta l-prestazzjoni ekonomika wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva wriet li ma kienx probabbli li tiġi rreġistrata żieda fil-profittabbiltà fl-iskedi ta' żmien imposti mill-Konvenzjoni, ma tistax titqabbel mal-aġir ta' investitur privat.

    (309)

    Barra minn hekk, So.Ge.A.AL qalet li l-avvenimenti mhux previsti kellhom impatt negattiv fuq ir-riżultati tagħha wara l-2007 u rreferiet b'mod partikolari għall-effetti fuq il-fatturat tagħha mit-tnaqqis fl-attività ekonomika, li b'konsegwenza tiegħu l-kumpanija rreġistrat tnaqqis ta' 1,8 % fit-traffiku tal-passiġġieri. Minbarra dan, So.Ge.A.AL sostniet li t-traffiku ma żviluppax kif kien previst minħabba d-dewmien fit-twettiq tax-xogħlijiet infrastrutturali fl-ajruport u n-nuqqas ta' reviżjoni mill-ENAC tal-livell tat-tariffi tal-ajruport.

    (310)

    F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-Italja ma pprovdiet ebda mezz li jevalwa l-effetti tal-avvenimenti mhux previsti inkwistjoni. Ma hemm ebda prova li turi li t-tnaqqis ta' 1,8 % fit-traffiku seta' jiġi attribwit lill-kriżi ekonomika.

    (311)

    Abbażi ta' dan, id-deċiżjonijiet dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL ma jidhrux li kienu bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi komparabbli ma' dawk li, fiċ-ċirkostanzi rilevanti, setgħu jitwettqu minn investitur razzjonali fis-suq privat f'sitwazzjoni simili, qabel jagħmel investimenti bħal dawn sabiex jiddetermina l-profittabbiltà tagħhom fil-ġejjieni.

    (312)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li kemm l-Italja kif ukoll So.Ge.A.AL ikkonfermaw li l-injezzjonijiet ta' kapital kienu primarjament maqbula sabiex jissodisfaw rekwiżiti regolatorji. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-konformità mar-rekwiżiti kapitali regolatorji ma tistax minnha nnifisha tiġġustifika li investitur fis-suq privat jinjetta aktar kapital fil-kumpanija. L-investituri ta' spiss ikunu obbligati bil-liġi li jikkontribwixxu ekwità addizzjonali lill-intrapriżi li l-bażi kapitali tagħhom tkun tnaqqret mit-telf kontinwu taħt livell stabbilit minn qabel. L-investituri privati ffaċċjati b'sitwazzjoni bħal din jikkunsidraw ukoll l-għażliet l-oħrajn kollha — inklużi l-likwidazzjoni jew l-għeluq (80) — u jagħżlu dik li tkun l-aktar finanzjarjament vantaġġjuża.

    (313)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-injezzjonijiet ta' kapital, So.Ge.A.AL ma kinitx konformi mal-MEOP u, għalhekk, dan ta vantaġġ ekonomiku lil So.Ge.A.AL.

    12.1.1.5.   Is-selettività

    (314)

    Sabiex taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, miżura tal-Istat għandha tiffavorixxi lil “ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti”. B'hekk, huma biss dawk il-miżuri li jiffavorixxu lill-intrapriżi li jagħtu vantaġġ b'mod selettiv li jistgħu jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat.

    (315)

    Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-Miżuri 1, 2 u 3 ġew ipprovduti biss lil So.Ge.A.AL u, għalhekk, huma selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    12.1.1.6.   L-effett fuq il-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni

    (316)

    Sabiex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, miżura finanzjarja għandha taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-valutazzjoni tagħha ta' dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni mhijiex mitluba li tistabbilixxi li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li l-kompetizzjoni qiegħda tiġi effettivament imfixkla, iżda tintalab teżamina biss jekk, fiċ-ċirkostanzi, l-għajnuna tistax taffettwa l-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (81). Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' intrapriża, meta mqabbla ma' intrapriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala li ġew affettwati minn dik l-għajnuna.

    (317)

    Kif ġie vvalutat fil-premessi 253–257, l-operat ta' ajruport huwa attività ekonomika. Il-kompetizzjoni sseħħ, minn naħa waħda, bejn l-ajruporti sabiex jattiraw lil-linji tal-ajru u t-traffiku tal-ajru korrispondenti (passiġġieri u merkanzija) u, min-naħa l-oħra, bejn il-maniġers tal-ajruporti, li jistgħu jikkompetu bejniethom sabiex jiġu inkarigati bil-ġestjoni ta' ajruport partikolari. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasportaturi low-cost u tal-operazzjonijiet charter, l-ajruporti li ma jinsabux fl-istess żoni ta' lħuq u fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu f'kompetizzjoni ma' xulxin sabiex jattiraw dawk il-linji tal-ajru.

    (318)

    Kif issemma fil-punt 40 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 u kif ġie riaffermat fil-punt 45 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, mhuwiex possibbli li jiġu esklużi l-ajruporti żgħar mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat għar-raġuni li l-iffinanzjar tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi ma jistax iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-punt 45 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jiddikjara b'mod espliċitu li “d-daqs relattivament żgħir tal-intrapriża li tirċievi finanzjament pubbliku ma jeskludix, bħala tali, il-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista' jiġi affettwat.”

    (319)

    L-ajruport ta' Alghero bħalissa qiegħed iservi madwar 1,5 miljun passiġġier fis-sena. Il-pjan ta' negozju tal-2005 ipprovdut mill-Italja ppreveda żieda stabbli ta' 4,5 % fl-għadd ta' passiġġieri sal-2010, ta' 2,6 % mill-2011 sal-2025 u ta' 3,78 % matul il-perjodu 2006–2025, għal madwar 2 800 000 passiġġier qrib l-2045. Barra minn hekk, l-ajruport ta' Alghero ilu sa mis-sena 2000 iservi għadd ta' destinazzjonijiet internazzjonali. Fid-dawl ta' dawn il-fatti, għandu jiġi kkunsidrat li l-vantaġġ ekonomiku mogħti lil So.Ge.A.AL permezz tad-diversi miżuri inkwistjoni wassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll li tali miżuri setgħu tal-anqas jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    12.1.1.7.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

    (320)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-injezzjonijiet ta' kapital u l-finanzjament pubbliku għall-infrastruttura, inklużi l-“fittings u x-xogħlijiet”, u għall-apparat, jikkostitwixxu għajnuna lil So.Ge.A.AL.

    12.1.2.   Il-legalità tal-għajnuna

    (321)

    Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe pjan li jagħtu jew ibiddlu l-għajnuna, u ma għandhomx jimplimentaw il-miżuri proposti qabel ma l-proċedura ta' notifika tirriżulta f'deċiżjoni finali.

    (322)

    Il-miżuri inkwistjoni kollha ddaħħlu fis-seħħ mingħajr ma kienu awtorizzati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni fil-premessi 323 sa 327, il-miżuri ta' għajnuna taħt investigazzjoni favur So.Ge.A.AL ma jistgħux jitqiesu bħala li huma eżentati mir-rekwiżiti ta' notifika abbażi tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 applikabbli għall-għajnuna mogħtija qabel il-31 ta' Jannar 2012.

    (323)

    Id-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 eżentat mir-rekwiżit tan-notifika l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lill-intrapriżi b'konnessjoni mal-SGEIs li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 iddikjarat bħala kompatibbli l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku lill-ajruporti i) li t-traffiku annwali għalihom ma jaqbiżx il-1 000 000 passiġġier, ii) b'fatturat annwali qabel it-taxxa ta' inqas minn 100 miljun matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel dik li fiha kien assenjat l-SGEI, li jirċievu kumpens annwali ta' inqas minn EUR 30 miljun.

    (324)

    Id-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 kienet tapplika biss għall-għajnuna fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku għal SGEI ġenwin. Sabiex jibbenifika minn eżenzjoni, kumpens għas-servizz pubbliku għall-operat ta' SGEI kellu jkun konformi wkoll mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni.

    (325)

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 talab li l-SGEI jiġi fdat lill-intrapriża kkonċernata permezz ta' att uffiċjali wieħed jew aktar, li jistabbilixxu, inter alia, in-natura u t-tul tal-obbligi tas-servizz pubbliku, il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens, kif ukoll l-arranġamenti neċessarji għall-evitar u l-ħlas mill-ġdid ta' kwalunkwe kumpens eċċessiv. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 stabbilixxa li l-ammont ta' kumpens kellu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku, b'kunsiderazzjoni tal-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 talab lill-Istati Membri sabiex iwettqu kontrolli regolari bil-għan li jiżguraw li l-intrapriżi ma jirċevux kumpens iżjed mill-ammont stabbilit skont l-Artikolu 5.

    (326)

    Skont l-Italja u So.Ge.A.AL, f'dan il-każ, il-kwalifika tal-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero bħala SGEI għandha tiġi dedotta mill-Konvenzjoni. Madankollu, fil-Konvenzjoni la ngħatat definizzjoni espliċita tal-allegata missjoni ta' SGEI fdata lil So.Ge.A.AL u lanqas ma ġew stabbiliti regoli li jirregolaw id-dritt ta' So.Ge.A.AL għal kumpens. Min-naħa tagħha, So.Ge.A.AL ma għamlet disponibbli għall-Kummissjoni ebda dokument ieħor li jiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni tal-OSP li preżumibbilment kellha twettaq. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-allegat att ta' inkarigu ma imponiex OSP ġenwini fuq il-maniġer tal-ajruport. Huwa lanqas ma stabbilixxa l-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens, flimkien mal-arranġamenti neċessarji għall-evitar u l-ħlas mill-ġdid ta' kwalunkwe kumpens eċċessiv. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 relatati mal-kontenut tal-atti ta' inkarigu ma ġewx issodisfati.

    (327)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, abbażi ta' dan, ma jistax jiġi konkluż li l-għajnuna mogħtija lil So.Ge.A.AL kienet eżentata mir-rekwiżit ta' notifika fuq il-bażi tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005.

    (328)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma rrispettatx l-obbligu ta' waqfien stipulat mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat u li, b'hekk, il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat.

    12.1.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

    (329)

    Minħabba li l-Miżuri 1, 2 u 3 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-kompatibbiltà tagħhom tista' tiġi vvalutata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dak l-Artikolu u fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

    12.1.3.1.   L-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni

    (330)

    L-Artikolu 107(3) tat-Trattat jipprevedi ċerti eżenzjonijiet għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) li l-għajnuna mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern. L-għajnuna inkwistjoni tista' tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat, li jistipula li: “l-għajnuna għall-iffaċilitar tal-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta' ċerti oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni”, tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

    (331)

    Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jipprovdu qafas għall-valutazzjoni ta' jekk l-għajnuna mogħtija lill-ajruporti tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

    (332)

    Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-“avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat” (82) japplika għall-għajnuna għall-investiment illegali mogħtija lill-ajruporti. F'dak ir-rigward, jekk l-għajnuna għall-investiment illegali ngħatat qabel l-4 ta' April 2014, il-Kummissjoni tapplika r-regoli dwar il-kompatibbiltà li kienu fis-seħħ f'dak iż-żmien meta ngħatat l-għajnuna għall-investiment illegali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 fil-każ tal-għajnuna għall-investiment illegali mogħtija lill-ajruporti qabel l-4 ta' April 2014. Għall-għajnuna għall-investiment illegali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, meta ma kien jeżisti ebda kriterju tal-kompatibbiltà għall-għajnuna għall-investiment lill-ajruporti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kompatibbiltà direttament abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, billi tieħu f'kunsiderazzjoni wkoll il-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, għall-fini tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment mogħtija lil So.Ge.A.AL qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, il-kriterji stipulati minn dawk il-linji gwida għandhom jiġu applikati b'analoġija.

    (333)

    Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-“Avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat” ma għandhomx japplikaw għall-każijiet pendenti ta' għajnuna operattiva illegali mogħtija lill-ajruporti qabel l-4 ta' April 2014. Minflok, il-Kummissjoni applikat il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 għall-każijiet kollha li jikkonċernaw l-għajnuna operattiva lill-ajruporti (notifiki pendenti u għajnuna illegali) anki jekk l-għajnuna ngħatat qabel l-4 ta' April 2014.

    12.1.3.2.   Għajnuna għall-investiment jew għajnuna operattiva

    (334)

    Skont il-punt 25(r) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, l-għajnuna għall-investiment hija definita bħala “għajnuna biex ikunu ffinanzjati assi kapitali; speċifikament, biex tkopri d-diskrepanza tal-likwidità fl-ispejjeż kapitali”. Skont il-punt 25(r) tal-Linji Gwida, l-għajnuna għall-investiment tista' tkun relatata kemm ma' ħlas bil-quddiem (jiġifieri biex tkopri l-ispejjeż tal-investiment bil-quddiem) kif ukoll mal-għajnuna mħallsa fil-forma ta' pagamenti akkont perjodiċi (biex tkopri l-ispejjeż kapitali, f'termini tad-deprezzament annwali u l-ispejjeż tal-finanzjament).

    (335)

    Għajnuna operattiva tfisser li jiġu koperti l-ispejjeż operattivi kollha jew parti mill-ispejjeż operattivi ta' ajruport, definiti bħala “l-ispejjeż sottostanti tal-forniment ta' servizzi tal-ajruport, inklużi kategoriji ta' spejjeż bħal dawk relatati mal-persunal, is-servizzi b'kuntratt, il-komunikazzjoni, l-iskart, l-enerġija, il-manutenzjoni, il-kera, l-amministrazzjoni, eċċ., iżda jeskludu l-ispejjeż kapitali, is-sostenn tal-kummerċjalizzazzjoni jew kwalunkwe inċentivi oħrajn mogħtija lil-linji tal-ajru mill-ajruport, u l-ispejjeż li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika” (83).

    (336)

    Matul l-investigazzjoni (84), l-Italja sostniet li, ġeneralment, il-finanzjament pubbliku tal-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport jista' jiġi vvalutat:

    (a)

    bħala għajnuna għall-investiment fil-livell tal-ammont sħiħ tal-finanzjament magħmul disponibbli lil So.Ge.A.AL sabiex tkopri l-ispejjeż tal-investiment, jew inkella

    (b)

    bħala għajnuna operattiva, li tammonta għad-differenza bejn tariffa ta' konċessjoni bbażata fuq is-suq, jekk ikun hemm, u t-tariffa ta' konċessjoni effettivament dovuta mill-maniġer tal-ajruport għad-dritt li jimmaniġġja l-ajruport.

    (337)

    L-Italja sostniet li, f'dan il-każ, il-finanzjament pubbliku inkwistjoni ma għandux jikkwalifika bħala għajnuna għall-investiment lil So.Ge.A.AL. Dan minħabba li, l-ewwel nett, l-Istat żamm is-sjieda tal-infrastruttura inkwistjoni u, it-tieni, minħabba li qabel id-data tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva fl-2007, il-maniġer tal-ajruport ma kienx responsabbli għall-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport ta' Alghero, iżda minflok kien jaġixxi f'isem l-Istat għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport.

    (338)

    Fid-dawl tal-pożizzjoni meħuda mill-Italja u d-definizzjonijiet previsti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, jista' jiġi kkunsidrat li:

    (a)

    l-injezzjonijiet ta' kapital magħmula wara t-12 ta' Diċembru 2006, li kienu jintużaw biex ikopru t-telf operattiv annwali ta' So.Ge.A.AL, jikkostitwixxu għajnuna operattiva favur So.Ge.A.AL;

    (b)

    il-finanzjament mill-Istat għall-infrastruttura, għall-“fittings u x-xogħlijiet” u għall-apparat, sakemm ingħatat il-konċessjoni komprensiva fl-2007, jikkostitwixxi għajnuna operattiva favur So.Ge.A.AL. Tabilħaqq, qabel ingħatat din il-konċessjoni, ma kinitx ir-responsabbiltà ta' So.Ge.A.AL li tiffinanzja l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero, iżda r-responsabbiltà tal-Istat bħala l-proprjetarju tal-ajruport. Għalhekk, il-finanzjament mill-Istat għall-infrastruttura, għall-“fittings u x-xogħlijiet” u għall-apparat ma ħelisx lil So.Ge.A.AL mill-ispejjeż tal-investiment li normalment kien ikollha tħallas. Sabiex jaġixxi b'konformità mal-MEOP, l-Istat kellu jitlob għal żieda fit-tariffa tal-konċessjoni dovuta minn So.Ge.A.AL sabiex b'hekk jiżgura l-profittabbiltà tal-investimenti tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-għajnuna tieħu l-forma ta' tariffa ta' konċessjoni (li għal maniġer ta' ajruport bħal So.Ge.A.AL tikkostitwixxi spiża operattiva) li kienet aktar baxxa milli kellha tkun. Minħabba li wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva għall-ġestjoni tal-infrastruttura tal-ajruport, l-investimenti kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' So.Ge.A.AL, il-finanzjament pubbliku ta' tali investiment jikkostitwixxi għajnuna għall-investiment. Madankollu, fi kwalunkwe każ, jirriżulta li l-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iffinanzjar tal-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport ta' Alghero (i) taħt is-suppożizzjoni li dan jikkostitwixxi għajnuna għall-investiment (ara l-premessi 339–(367) kif ukoll (ii) taħt is-suppożizzjoni li dan jikkostitwixxi għajnuna operattiva (ara l-premessi 368–374. Bħala parti mill-valutazzjoni tagħha skont (ii), il-Kummissjoni analizzat ukoll il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-injezzjonijiet ta' kapital (il-Miżura 1), li evidentement jikkostitwixxu għajnuna operattiva.

    12.1.3.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-infrastrutturi u l-apparat (il-Miżuri 2 u 3) taħt is-suppożizzjoni li din hija għajnuna għall-investiment

    (339)

    Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li, skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, l-ispejjeż eliġibbli tal-investimenti f'ajruport għandhom ikunu limitati għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura u l-apparat tal-ajruport (runways, terminals, rampi tal-ajruport, torri tal-kontroll) jew tal-faċilitajiet li jappoġġawhom direttament (faċilitajiet għat-tifi tan-nar, apparat tas-sigurtà jew tas-sikurezza). L-ispejjeż eliġibbli għandhom jeskludu l-ispejjeż li mhumiex direttament marbuta mal-attivitajiet ewlenin tal-ajruport, inklużi l-kostruzzjoni, l-iffinanzjar, l-użu u l-kiri tal-art u tal-bini, mhux biss għall-uffiċini u għall-imħażen, iżda wkoll għal-lukandi u għall-intrapriżi industrijali li jinsabu fl-ajruport, kif ukoll għall-ħwienet, għar-ristoranti u għall-ispazji ta' parkeġġ għall-karozzi.

    (340)

    F'dan il-każ, il-fondi pubbliċi kienu diretti lejn l-iffinanzjar tat-terminal tal-passiġġieri l-ġdid, ir-rinnovazzjoni tat-terminal l-antik, l-ammeljorament tat-taxiway, l-espansjoni taż-żoni ta' parkeġġ għall-inġenji tal-ajru, l-ammeljorament tar-runway, ir-realizzazzjoni tas-sistema ta' kontroll tal-bagalji u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tal-perimetri. Dawk l-ispejjeż tal-investiment huma eliġibbli għal finanzjament skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

    (341)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-finanzjament pubbliku li qiegħed jiġi investigat, b'konformità mal-punt 61 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, il-Kummissjoni teżamina b'mod partikolari jekk:

    (a)

    il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura jissodisfawx għan ta' interess ġenerali definit b'mod ċar (l-iżvilupp reġjonali, l-aċċessibbiltà, eċċ.);

    (b)

    l-infrastruttura hijiex meħtieġa u proporzjonali għall-għan li ġie stabbilit;

    (c)

    l-infrastruttura għandhiex prospetti sodisfaċenti ta' użu għal perjodu ta' żmien medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti;

    (d)

    l-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura għandhomx aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju;

    (e)

    l-iżvilupp tal-kummerċ huwiex affettwat sa ċertu punt li jmur kontra l-interess tal-Unjoni.

    (342)

    Minbarra l-ħtieġa li tissodisfa l-kriterji speċifiċi tal-kompatibbiltà li huma speċifikati fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti, bħal kwalunkwe miżura oħra ta' għajnuna mill-Istat, għandu jkollha effett ta' inċentiv u tkun neċessarja u proporzjonali fir-rigward tal-għan leġittimu mmirat sabiex tkun tista' tiġi approvata bħala kompatibbli (85). Għalhekk, minbarra l-kriterji elenkati fil-premessa 341, il-Kummissjoni vvalutat l-effett ta' inċentiv, kif ukoll in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni.

    i.   Għan ta' interess ġenerali definit b'mod ċar

    (343)

    Il-miżuri li qegħdin jiġu vvalutati kellhom l-għan li, fost l-oħrajn, jiffinanzjaw il-kostruzzjoni ta' terminal ġdid b'kapaċità ta' 2 000 000 passiġġier, minħabba li t-terminal l-antik (b'kapaċità ta' 800 000 passiġġier) kien diġà f'konġestjoni fl-2003 (86). Barra minn hekk, l-għajnuna għall-investiment intużat biex tiffinanzja għadd ta' miżuri li għenu sabiex l-ajruport jadatta għar-rekwiżiti ġodda ta' sigurtà u sikurezza bil-għan li jkun jista' jibqa' jopera b'mod sħiħ.

    (344)

    Skont l-Italja, l-għan ġenerali tal-iffinanzjar tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kien li jiġu żviluppati infrastrutturi tat-trasport u konnettività reġjonali sikuri u vijabbli. Skont l-Italja, l-ajruporti reġjonali għandhom irwol strumentali fil-promozzjoni tal-aċċessibbiltà għaż-żoni ta' lħuq u l-investimenti inkwistjoni jtejbu s-sikurezza, s-sigurtà u l-effiċjenza tal-ajruporti, filwaqt li jikkontribwixxu lejn il-kisba ta' għanijiet usa' tal-iżvilupp reġjonali.

    (345)

    Barra minn hekk, l-Italja tenfasizza li l-PDG per capita f'Sardinja huwa, bħala medja, ferm aktar baxx milli huwa fl-Italja, u r-rata tal-qgħad hija sostanzjalment ogħla mill-medja Taljana. Pereżempju, bejn l-2003 u l-2012, ir-rata tal-qgħad medja f'Sardinja kienet 13,3 % imqabbla ma' 7,9 % fl-Italja. Għalhekk, kwalunkwe żieda fil-flussi tat-traffiku li tirriżulta mill-iżvilupp tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero x'aktarx li tipproduċi benefiċċji soċjali u ekonomiċi assoċjati għal Sardinia, kemm f'termini tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll f'termini tal-iżvilupp tal-gżira.

    (346)

    Dawk il-kummenti huma konsistenti mal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Accuracy, li rrikonoxxa li l-iżvilupp tas-settur tat-trasport bl-ajru f'Sardinja huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp reġjonali taż-żona. Ir-Rapport ta' Accuracy jenfasizza eżempju tal-kobor potenzjali tal-benefiċċji ekonomiċi pożittivi li jirriżultaw mill-iżvilupp tal-infrastruttura tal-avjazzjoni f'Sardinja. Skont studju msemmi fir-Rapport ta' Accuracy, l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bl-ajru fl-Ajruport ta' Cagliari (ibbażat f'Sardinja) wassal għal effetti ekonomiċi pożittivi ta' madwar EUR 140 miljun fis-sena.

    (347)

    Barra minn hek, l-uniku mod ta' trasport konvenjenti lejn/minn Sardinja huwa l-ivvjaġġar bl-ajru, minbarra s-servizzi tal-laneċ, li madankollu jinvolvu ħinijiet ta' vvjaġġar konsiderevolment ogħla. Pereżempju, għalkemm Sardinja hija servuta minn rotot tal-ivvjaġġar bil-laneċ minn Spanja u mill-Italja kontinentali, it-tul medju ta' vjaġġ b'lanċa huwa ta' aktar minn disa' sigħat.

    (348)

    Għalhekk, l-iżvilupp tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kien parti mill-pjanijiet ta' Sardinja li ttejjeb il-konnettività permezz tal-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li l-finanzjament pubbliku pprovdut għall-ammeljorament tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero jissodisfa l-għanijiet definiti b'mod ċar tat-titjib tal-infrastruttura tat-trasport u tal-aċċessibbiltà reġjonali b'mod sikur u vijabbli. Għalhekk, l-iżvilupp tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kienet fl-interess komuni, billi l-investimenti kienu mistennija jiġġeneraw effetti esterni pożittivi f'termini tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

    ii.   In-neċessarjetà u l-proporzjonalità tal-infrastruttura għall-għan stabbilit

    (349)

    L-għajnuna għall-investiment tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli biss meta tkun neċessarja u proporzjonata għall-għan stabbilit ta' interess ġenerali. Dan ikun partikolarment il-każ meta l-investiment ma jkunx jikkostitwixxi duplikazzjoni ta' infrastruttura eżistenti mhux utilizzata biżżejjed.

    (350)

    L-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tiffinanzja l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero kienet meħtieġa sabiex iżżid il-kapaċità tal-ajruport u, għalhekk, tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tiegħu. Qabel saru l-investimenti, il-kapaċità tal-ajruport ta' Alghero kienet ta' 800 000 passiġġier biss. L-ajruport ta' Alghero kien laħaq limitazzjonijiet tal-kapaċità fl-2003 u fl-2004 u, għalhekk, kien hemm bżonn li jsiru investimenti sabiex ikun jista' jilqa' fih aktar passiġġieri. Barra minn hekk, ġew implimentati ċerti miżuri ta' titjib li kienu meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-istandards tas-sikurezza, liema miżuri ffaċilitaw l-użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti tal-ajruport u b'hekk ikkontribwixxew għall-iżvilupp reġjonali u l-konnettività taż-żona ta' lħuq tal-ajruport.

    (351)

    L-investimenti wasslu għal żieda fil-kapaċità tal-ajruport minn 800 000 passiġġier fl-2003 għal 2 000 000 passiġġier fl-2004. Mill-2011, it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport laħaq madwar 70 % tal-kapaċità tal-ajruport. Skont l-Italja, huwa prevedibbli li t-traffiku tal-passiġġieri kien ikun f'livelli ogħla li kieku ma kienx hemm il-kriżi finanzjarja.

    (352)

    Ir-Rapport ta' Ecorys jirrikonoxxi li l-iżvilupp tat-turiżmu kien jeħtieġ l-espansjoni tal-kapaċità tat-terminal tal-ajruport ta' Alghero sabiex jakkomoda t-tkabbir antiċipat fit-traffiku. Kif issemma hawn fuq, skont ir-Rapport ta' Ecorys, qabel saru l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero, l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu kien imxekkel minn nuqqas ta' konnettività internazzjonali. Tabilħaqq, il-pjan ta' negozju ta' So.Ge.A.AL mill-2004 ippreveda li l-għadd totali ta' passiġġieri fl-ajruport kien ser jiżdied b'madwar 30 % fl-2008, meta mqabbel mal-livelli li kien hemm qabel l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruport fl-2004. Dan il-livell ta' traffiku tal-passiġġieri ma setax jiġi akkomodat mingħajr l-investimenti.

    (353)

    Barra minn hekk, l-investimenti ġodda ma kienu jikkostitwixxu ebda duplikazzjoni tal-infrastruttura mhux profittabbli eżistenti, minħabba li l-eqreb tliet ajruporti ma jinsabux fl-istess żona ta' lħuq (ara l-premessa 33). Għalkemm l-ajruport ta' Alghero huwa wieħed mit-tliet ajruporti li hemm fuq il-gżira ta' Sardinja (flimkien ma' dawk ta' Cagliari u Olbia) li jservu lil-linji tal-ajru kummerċjali, ebda wieħed miż-żewġ ajruporti l-oħrajn ma jinsab fl-istess żona ta' lħuq. Olbia u Cagliari jinsabu, rispettivament, 128 km u 235 km bogħod mill-ajruport ta' Alghero. Fid-Deċiżjoni tagħha tal-2007, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ajruport ta' Alghero mhuwiex sostitwibbli ma' dawn iż-żewġ ajruporti l-oħrajn, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu u l-karatteristiċi tan-netwerk tat-trasport f'Sardinja. Għalhekk, l-investimenti ma kienu jikkostitwixxu ebda duplikazzjoni tal-infrastruttura mhux profittabbli eżistenti.

    (354)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li l-investimenti appoġġati kienu neċessarji u proporzjonali għall-għanijiet tal-konnettività u tal-iżvilupp ekonomiku reġjonali, illi l-miżuri inkwistjoni jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-avvanz tagħhom.

    iii.   Prospetti għall-użu fuq perjodu ta' żmien medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti

    (355)

    L-investimenti ppermettew lill-ajruport ta' Alghero jkun konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza fl-ajruporti u li jadatta għall-ħtiġijiet tat-trasport fiż-żona ta' lħuq tiegħu.

    (356)

    Mal-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero, So.Ge.A.AL kienet ser tniedi programm ta' investiment bil-għan li tadatta l-infrastruttura u l-apparat tal-ajruport sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu maż-żieda fl-għadd ta' passiġġieri li jivvjaġġaw. B'kollox, abbażi tal-pjan ta' negozju tal-2005, l-investimenti ppjanati fl-ajruport ta' Alghero matul il-perjodu tal-konċessjoni kienu jammontaw għal EUR 143,3 miljun (87).

    (357)

    Il-pjan ta' negozju ta' So.Ge.A.AL mill-2004 ippreveda li l-għadd totali ta' passiġġieri fl-ajruport ta' Alghero ser jiżdied b'madwar 30 % fl-2008, imqabbel mal-livelli rreġistrati qabel l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruport fl-2004. Dak il-livell ta' traffiku tal-passiġġieri ma setax jiġi akkomodat mingħajr l-investimenti li qegħdin jiġu vvalutati f'dan il-każ. B'mod ġenerali, l-iżviluppi li seħħew aktar tard jikkonfermaw dawn l-aspettattivi. Tabilħaqq, So.Ge.A.AL setgħet tikseb tkabbir sinifikanti fit-traffiku tagħha skont l-aspettattivi tagħha. Mill-2011, it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport laħaq madwar 70 % tal-kapaċità tal-ajruport. Skont l-Italja, it-traffiku tal-passiġġieri kien ikun f'livelli ogħla li kieku ma kienx hemm il-kriżi finanzjarja.

    (358)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fuq perjodu ta' żmien medju, l-infrastruttura mtejba offriet perspettivi tajbin għall-użu.

    iv.   L-aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura

    (359)

    Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Italja, u minkejja kull differenzazzjoni ġustifikata fil-prezzijiet applikata fil-ftehimiet individwali mal-linji tal-ajru, l-infrastruttura dejjem kienet miftuħa għall-utenti potenzjali kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni.

    v.   L-iżvilupp tal-kummerċ mhuwiex affettwat sa ċertu punt li jmur kontra l-interess tal-Unjoni

    (360)

    Sal-2005, l-ajruport ta' Alghero kkwalifika bħala ajruport tal-kategorija D kif definit mill-punt 15 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 stipulaw li l-finanzjament lill-ajruporti tal-kategorija D mhux probabbli li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jaffettwa l-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni. Abbażi ta' dan, fid-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li, qabel l-2005, l-għajnuna ma affettwatx il-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni. La l-Italja u lanqas il-partijiet interessati ma kkontestaw din is-sejba preliminari matul l-investigazzjoni.

    (361)

    Barra minn hekk, ebda ajruport ieħor ma jinsab fl-istess żona ta' lħuq. Kif muri fil-premessa 33, l-eqreb ajruport jinsab aktar minn 120 km 'il bogħod, f'reġjun fejn il-konnessjonijiet tat-toroq huma medjokri, fatt li jsaħħaħ is-sejba li, mill-perspettiva tal-passiġġieri, l-ajruport ta' Alghero mhuwiex sostitwibbli b'xi mod sinifikanti mill-ajruporti l-oħrajn li jinsabu f'Sardinja.

    (362)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-finanzjament mogħti għall-ammeljorament tal-infrastruttura (inklużi l-“fittings u x-xogħlijiet”) u tal-apparat fl-ajruport ta' Alghero ma wassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni sa ċertu punt li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni.

    vi.   L-effett ta' inċentiv, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna

    (363)

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll jekk l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-ajruport ta' Alghero biddlitx l-imġiba tal-intrapriża benefiċjarja b'tali mod li din tinvolvi ruħha f'attività li tikkontribwixxi għall-kisba ta' għan b'interess pubbliku li (i) hija ma tkunx tista' twettaq mingħajr l-għajnuna, jew (ii) tkun tista' twettaq b'mod aktar ristrett jew differenti. Barra minn hekk, l-għajnuna titqies bħala proporzjonata biss jekk l-istess riżultat ma jkunx jista' jintlaħaq b'inqas għajnuna u inqas distorsjoni. Dan ifisser li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna.

    (364)

    F'dan il-każ, l-għotjiet ta' investiment kienu primarjament relatati mal-ammeljorament tar-rampi, tar-runway u tat-taxiway, kif ukoll tat-terminal. Perjodi twal ta' ħlas lura assoċjati mal-investimenti fl-infrastruttura, flimkien mal-kumplessitajiet u r-riskji sinifikanti assoċjati ma' proġetti kbar, jimplikaw li jista' jkun hemm diffikultajiet sabiex jiġi attirat kapital privat. Ajruporti iżgħar, bħall-ajruport ta' Alghero, jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari sabiex jattiraw kapital privat bil-prezz xieraq sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-proġetti infrastrutturali meħtieġa.

    (365)

    Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Italja, dawn l-investimenti ma setgħux isiru mingħajr l-għajnuna. Tabilħaqq, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL, li akkumulat telf matul il-perjodu 2000–2010 li qiegħed jiġi investigat sa ċertu punt li kien meħtieġ li jsiru għadd ta' injezzjonijiet ta' kapital mill-awtoritajiet pubbliċi, jidher ċar li So.Ge.A.AL ma kinitx f'pożizzjoni li tikkontribwixxi wisq aktar għall-iffinanzjar ta' dawn l-investimenti milli kienet qiegħda tagħmel u li, fil-fatt, ma kellha ebda possibbiltà li tikseb finanzjament estern fis-suq. Għalhekk, jista' jiġi kkunsidrat li l-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni kienu neċessarji u proporzjonali għall-ħtieġa li tiġi ssodisfata d-domanda mistennija tal-linji tal-ajru u tal-passiġġieri fiż-żona ta' lħuq.

    (366)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna hija limitata għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna.

    vii.   Konklużjoni

    (367)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li f'każ li l-miżuri taħt skrutinju, li jipprevedu appoġġ pubbliku għall-investimenti fl-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero, jitqiesu bħala għajnuna għall-investiment, dawn ikunu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

    12.1.3.4.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna lil So.Ge.A.AL (il-Miżuri 1, 2 u 3) taħt is-suppożizzjoni li din tikkostitwixxi għajnuna operattiva

    (368)

    L-għajnuna operattiva mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, jiġifieri qabel l-4 ta' April 2014, tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Il-kontribut għal għan definit sewwa ta' interess komuni: din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata, fost l-oħrajn, jekk l-għajnuna żżid il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-konnettività tar-reġjuni jew tiffaċilita l-iżvilupp reġjonali (88);

    (b)

    L-adegwatezza tal-għajnuna mill-Istat bħala strument ta' politika: l-Istati Membri għandhom juru li l-għajnuna hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan maħsub jew jiġu riżolti l-problemi intiżi biex jiġu indirizzati permezz tal-għajnuna (89);

    (c)

    Il-ħtieġa għal intervent mill-Istat: l-għajnuna għandha tiġi mmirata lejn sitwazzjonijiet fejn hija tkun tista' trendi titjib materjali li s-suq innifsu ma jistax iwassal (90);

    (d)

    L-eżistenza ta' effett ta' inċentiv: din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata jekk ikun probabbli li, fin-nuqqas ta' għajnuna operattiva, u b'kunsiderazzjoni tal-preżenza possibbli ta' għajnuna għall-investiment u tal-livell tat-traffiku, il-livell tal-attività ekonomika tal-ajruport ikkonċernat jitnaqqas b'mod sinifikanti (91);

    (e)

    Il-proporzjonalità tal-ammont ta' għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu neċessarju): sabiex tkun proporzjonata, l-għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruporti għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna (92);

    (f)

    L-evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ (93).

    (369)

    Id-diversi miżuri operattivi mogħtija lil So.Ge.A.AL li, b'mod partikolari, kienu jinkludu bosta injezzjonijiet ta' kapital, kienu mmirati biex jippermettu lill-kumpanija jkollha biżżejjed kapital sabiex tkompli topera b'mod vijabbli, kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll legali. B'mod simili, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jiffinanzjaw ċerti investimenti mingħajr ma jitolbu żieda korrispondenti fit-tariffi tal-konċessjoni mħallsin minn So.Ge.A.AL ikkontribwixxew ukoll sabiex il-kumpanija setgħet tibqa' għaddejja, minħabba li tariffi ta' konċessjoni ogħla kienu jissarrfu fi spejjeż operattivi ogħla li jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija. Għalhekk, dawn il-miżuri kollha kkontribwixxew sabiex l-ajruport ta' Alghero jkun jista' jibqa' għaddej jopera b'mod normali. Fid-dawl tal-irwol li għandu l-ajruport fl-aċċessibbiltà tar-reġjun u fl-iżvilupp ekonomiku reġjonali, kif ġie spjegat fil-premessi 343–348, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operattiva mogħtija lil So.Ge.A.AL ikkontribwixxiet sabiex jintlaħaq għan ta' interess komuni.

    (370)

    Billi l-ajruport ta' Alghero kien qiegħed jagħmel it-telf fil-perjodu li qiegħed jiġi investigat (ara t-Tabella 3), kienet l-għajnuna operattiva li tat iċ-ċans lill-ajruport jissokta b'operazzjonijiet li jiżguraw il-konnettività tar-reġjun ta' Sardinja. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruport ta' Alghero kienet strument adegwat sabiex jintlaħaq l-għan ta' interess komuni.

    (371)

    Fir-rigward tan-neċessità, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jitolbu li l-għajnuna operattiva ġġib magħha titjib materjali li s-suq innifsu ma jistax iwassal. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa l-każ minħabba li, mingħajr l-għajnuna inkwistjoni, x'aktarx li So.Ge.A.AL kien ikollha toħroġ mis-suq u, b'hekk, Sardinja tiġi mċaħħda minn infrastruttura tat-trasport li għandha rwol sinifikanti fl-aċċessibbiltà u l-iżvilupp (it-turiżmu) tagħha.

    (372)

    Barra minn hekk, mingħajr l-għajnuna, l-attività tal-benefiċjarju kienet tonqos b'mod sinifikanti, jekk mhux ukoll tispiċċa għal kollox. Il-miżuri li qegħdin jiġu investigati kienu limitati għall-minumu neċessarju sabiex ipaċu t-telf u jippermettu lil So.Ge.A.AL tosserva r-rekwiżiti kapitali u jkomplu joperaw b'mod vijabbli. Tali miżuri kienu neċessarji sabiex il-kumpanija tkun tista' tibqa' għaddejja, anki ladarba jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-effetti tal-għajnuniet l-oħrajn kollha (għajnuna operattiva u għajnuna għall-investiment) li qegħdin jiġu investigati. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna operattiva kollha mogħtija lil So.Ge.A.AL kienet neċessarja u limitata għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna.

    (373)

    Kif ġie ddikjarat aktar 'il fuq, ma hemm ebda ajruport ieħor li jinsab fl-istess żona ta' lħuq. Barra minn hekk, l-Italja kkonfermat li l-infrastruttura tal-ajruport hija disponibbli għal-linji tal-ajru kollha fuq termini mhux diskriminatorji.

    (374)

    Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà stipulati mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 huma rrispettati u, għalhekk, il-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ).

    12.2.   MIŻURI FAVUR IL-LINJI TAL-AJRU LI JOPERAW FL-AJRUPORT

    12.2.1.   L-eżistenza tal-għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

    (375)

    F'din it-taqsima, il-Kummissjoni tivvaluta jekk id-diversi ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u bosta linji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru kkonċernati skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    12.2.1.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

    (376)

    Kwalunkwe vantaġġ ekonomiku involut fir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero ma ngħatax direttament mill-Istat, iżda mill-maniġer tal-ajruport tal-Istat So.Ge.A.AL. Jekk wieħed jassumi li tali vantaġġ ekonomiku huwa preżenti fi kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet li qegħdin jiġu investigati, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk dan il-vantaġġ kienx iffinanzjat permezz ta' riżorsi tal-Istat u jekk huwiex imputabbli lill-Istat.

    (377)

    Skont każistika stabbilita, ir-riżorsi tal-intrapriżi pubbliċi (jiġifieri, l-intrapriżi li fuqhom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu, direttament jew indirettament, jeżerċitaw influwenza dominanti) jikkwalifikaw ukoll bħala riżorsi tal-Istat, minħabba li dawn ir-riżorsi “jibqgħu kostantament taħt kontroll pubbliku u, għalhekk [huma] disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti” (94). Skont dik il-każistika, billi So.Ge.A.AL hija intrapriża pubblika, ir-riżorsi tagħha għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, influwenza dominanti mill-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi preżunta meta l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom parti kbira mill-kapital sottoskritt tal-kumpanija, ikunu jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta mal-ishma maħruġa mill-kumpanija jew ikunu jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-membri tal-bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-intrapriża. Fil-każ ta' So.Ge.A.AL, jidher li dawn it-tliet kriterji mhux kumulattivi kollha għall-preżunzjoni ta' influwenza dominanti mill-Istat ġew issodisfati.

    (378)

    So.Ge.A.AL u Ryanair jikkontestaw l-imputabbiltà lill-Istat tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru, filwaqt li l-Italja u Unioncamere jikkonfermawha.

    (379)

    Matul il-kors tal-investigazzjoni, kemm So.Ge.A.AL kif ukoll Ryanair sostnew li l-ftehimiet konklużi mill-ajruport ta' Alghero mal-linji tal-ajru jistgħu jiġu attribwiti lill-Istat biss abbażi ta' sejba oġġettiva li turi li l-Istat intervjena fid-deċiżjoni ta' So.Ge.A.AL li tidħol fil-ftehimiet b'tali mod li tiddeterminahom jew tinfluwenzahom, fis-sens li So.Ge.A.AL kienet tadotta aġir differenti li kieku setgħet tieħu deċiżjoni indipendenti; huma sostnew li dan ma kienx il-każ għal ebda mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL. Abbażi tal-każistika, il-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport jistgħu jinstabu li jinkludu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat biss jekk l-Istat ikun f'pożizzjoni li jikkontrolla lil So.Ge.A.AL u jekk l-awtoritajiet pubbliċi “jkunu ġew involuti, b'xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta' dawk il-miżuri”. Madankollu, “ma jistax ikun meħtieġ li jintwera, fuq il-bażi ta' struzzjoni preċiża, li fil-każ partikolari l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b'mod speċifiku lill-intrapriża pubblika sabiex tieħu l-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni” (95). Sabiex tikkonkludi jekk miżura speċifika tistax tiġi attribwita lill-Istat, il-Kummissjoni tista' tibbaża r-raġunament tagħha fuq kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, l-involviment mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta' nuqqas ta' involviment tagħhom fl-adozzjoni ta' miżura (96).

    (380)

    Kif stabbilixxiet il-Qorti fil-kawża Stardust Marine, l-imputabbiltà ta' miżura lill-Istat tista' tiġi stabbilita permezz ta' indikaturi “organiċi” jew “strutturali” jew inkella permezz ta' indikazzjonijiet li l-Istat kien involut fi, jew li ma kienx probabbli li jkun assenti, mid-deċiżjoni li wasslet għall-miżura konkreta. Fl-istess sentenza, il-Qorti stabbilixxiet sett mhux eżawrjenti ta' indikaturi possibbli li huma rilevanti għall-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat, kif spjegat fid-dettall fil-premessa 268: il-fatt li l-intrapriża, permezz tal-intermedjazzjoni li wasslet biex tingħata l-għajnuna, kellha tieħu f'kunsiderazzjoni d-direttivi maħruġa minn korpi governattivi; l-integrazzjoni tal-intrapriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika; in-natura tal-attivitajiet tal-intrapriża u t-twettiq tagħhom fis-suq f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni mal-operaturi privati; l-istatus legali tal-intrapriża; l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-intrapriża; u kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, l-involviment mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta' nuqqas ta' involviment tagħhom fl-adozzjoni ta' miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi.

    (381)

    L-investigazzjoni f'dan il-każ ikkonfermat li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru hija imputabbli lill-Istat.

    (382)

    L-ewwel nett, is-sjieda pubblika ta' So.Ge.A.AL, li tissarraf fl-intier tal-voti fl-Assemblea tal-Azzjonisti u fil-Bord tad-Diretturi, timplika li l-Istat għandu jitqies bħala li għandu influwenza fuq il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' So.Ge.A.AL u li huwa involut fid-deċiżjonijiet meħuda mill-kumpanija. Minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f'So.Ge.A.AL, Sardinja għandha maġġoranza ta' voti fil-laqgħa tal-azzjonisti. Skont l-Istatuti ta' So.Ge.A.AL, kull sehem nominali jintitola għal vot wieħed fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi jinħatru sabiex jirrappreżentaw b'mod proporzjonali l-parteċipazzjonijiet tal-azzjonisti maġġoritarji u tal-azzjonisti minoritarji.

    (383)

    It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li l-Italja qatt ma sostniet li d-deċiżjoni li tidħol fil-ftehimiet mal-linji tal-ajru ttieħdet b'mod awtonomu minn So.Ge.A.AL mingħajr ebda involviment mill-azzjonisti tagħha. Għall-kuntrarju, permezz ta' ittra tat-18 ta' Frar 2014, l-Italja sostniet li:

    il-ftehimiet mal-linji tal-ajru ġew innegozjati mid-Direttur Ġenerali ta' So.Ge.A.AL;

    id-Direttur Ġenerali għarraf lill-Bord tad-Diretturi dwar l-istatus tan-negozjati, il-kontenut tal-ftehimiet u l-prospetti ta' żvilupp tal-ftehimiet inkwistjoni;

    il-Bord tad-Diretturi approva t-termini tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru b'mod ġenerali u permezz ta' vot unanimu qabel l-iffirmar tagħhom.

    (384)

    Barra minn hekk, l-Italja kkjarifikat li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport għall-promozzjoni jew it-tnedija ta' rotot ġodda minn Alghero saret bi qbil ma' Sardinja u kienet parti integrali mill-istrateġija ta' Sardinja sabiex iżżid il-flussi ta' turisti lejn u mill-gżira (97). Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li n-natura tal-attivitajiet ta' So.Ge.A.AL (il-ġestjoni tal-ajruport) hija indikazzjoni oħra li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lill-Istat minħabba li l-ajruporti reġjonali ta' spiss jitqiesu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala għodda importanti għat-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku lokali.

    (385)

    It-tielet, f'dak li jsegwi, il-Kummissjoni turi li jeżistu biżżejjed indikazzjonijiet li l-awtoritajiet reġjonali fil-fatt inċitaw il-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, b'mod partikolari — iżda mhux biss — il-ftehimiet ma' Ryanair, li hija l-linja tal-ajru prinċipali li topera fl-ajruport. Dawk l-indikazzjonijiet jikkostitwixxu prova tal-imputabbiltà lill-Istat fis-sens tal-każistika ta' Stardust Marine  (98).

    i.   L-awtoritajiet reġjonali ġew infurmati dwar u kienu mistennija jikkontribwixxu għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-ftehimiet mal-linji tal-ajru

    (386)

    Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi ppreżentati mill-Italja matul l-investigazzjoni juru li Sardinja ġiet infurmata u kkonsultata dwar in-negozjati u li qablet mal-konklużjoni tal-kuntratti mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero.

    (387)

    Permezz ta' eżempju, il-minuti tal-Bord tad-Diretturi tad-9 ta' Marzu 2000 jindikaw li l-Bord tad-Diretturi approva b'mod unanimu l-ftehimiet mal-linji tal-ajru proposti minn So.Ge.A.AL. So.Ge.A.AL irrapportat b'mod partikolari dwar in-negozjati ma' Volare, Ryanair, Italair, Alpi Eagles, Air Dolomiti, Azzura u Gandalf Air. F'dak li għandu x'jaqsam ma' Volare, kien irrapportat li ftehim ġdid li kien qiegħed jiġi nnegozjat stabbilixxa pagament fiss ta' 4 550 000 għal kull moviment tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) u EUR 3 000 kull passiġġier għal fattur tat-tagħbija ta' 60 %. Il-minuti tal-Bord tad-Diretturi tat-18 ta' Diċembru 2006 juru li l-Bord tad-Diretturi kien infurmat dwar il-progress tan-negozjati tal-ftehim tal-2007 ma' Germanwings.

    (388)

    Għaldaqstant, il-konsultazzjoni u l-qbil tal-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ftehimiet konklużi mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ma kinux limitati għal Ryanair. Pereżempju, abbażi tal-minuti tal-Bord ta' Tmexxija tal-10 ta' Frar 2002, it-tnedija mit-trasportatur Franċiż Auris ta' rotta lejn Pariġi ġiet deċiża biss wara li ntlaħaq qbil espliċitu mill-azzjonisti, inkluż bl-impenn tagħhom li jkopru kwalunkwe obbligu finanzjarju li jirriżulta.

    (389)

    L-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fid-deċiżjoni li jikkonkludu ftehimiet li jirregolaw l-operazzjonijiet ta' diversi trasportaturi fl-ajruport ta' Alghero kif spjegat fid-dettall fil-premessi 382 sa 388 huwa indikazzjoni qawwija li l-awtoritajiet pubbliċi kienu ġeneralment involuti fil-konklużjoni ta' tali ftehimiet, anki għat-trasportaturi mhux imsemmija fl-evidenza spjegata fid-dettall fil-premessi 382 sa 388.

    ii.   Meta kkonkludiet il-ftehimiet mal-linji tal-ajru, So.Ge.A.AL aġixxiet fuq mandat mill-awtoritajiet pubbliċi

    (390)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeżistu biżżejjed indikazzjonijiet li juru li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru kienet imħeġġa u kkoordinata mill-Istat. Pereżempju, skont il-minuti tal-laqgħa tal-Assemblea tal-Azzjonisti tal-5 ta' Ottubru 2001, So.Ge.A.AL kienet qiegħda tinnegozja, “bi qbil mal-azzjonisti”, it-tnedija ta' rotta importanti għal Sardinja, jiġifieri r-rotta Alghero–Londra, u temporanjament ħallset l-ispejjeż li rriżultaw, “li suppost kellhom jitħallsu mill-entitajiet pubbliċi”.

    (391)

    Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi juru wkoll li, fil-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru, il-maniġment kellu jieħu f'kunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi. Permezz ta' eżempju, fil-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tat-30 ta' Lulju 2004, il-President tal-Bord għarraf dwar laqgħa bejn entitajiet reġjonali differenti dwar l-iżvilupp potenzjali tal-attivitajiet ta' Ryanair fl-ajruport. Kien meħtieġ li jingħataw assigurazzjonijiet minn Sardinja fir-rigward tal-iffinanzjar, permezz ta' fondi reġjonali, tal-ispejjeż marbuta mal-inizjattivi ta' żvilupp tat-traffiku.

    (392)

    Il-fatt li, meta kkonkludiet il-ftehimiet inkwistjoni, So.Ge.A.AL aġixxiet taħt l-influwenza ta' Sardinja huwa evidenti wkoll fl-ASA tas-sena 2000 iffirmat ma' Ryanair, li jistabbilixxi li “So.Ge.A.AL, wara li interessat lill-korpi istituzzjonali tat-territorju, fosthom il-gvern Reġjonali Awtonomu, u wara li rċeviet ħafna interess u l-kunsens fir-rigward tal-inizjattiva inkwistjoni, qiegħda tikkonkludi mal-imsemmija qabel [jiġifieri Ryanair] għall-ħlas ta' kontribuzzjoni ekonomika biżżejjed biex tkopri l-impriża kollha tal-Ftehim preżenti” (Preambolu).

    (393)

    Skont il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tas-17 ta' Lulju 2009, jidher ċar li So.Ge.A.AL ikkunsidrat il-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni lil Ryanair bħala r-riżultat tal-għażliet politiċi fil-livell reġjonali. Konsegwentement, So.Ge.A.AL kienet tal-fehma li kellhom jiġu żgurati l-mezzi finanzjarji meħtieġa mill-awtoritajiet reġjonali. Il-kumpanija staqsiet ukoll dwar il-marġini tan-negozjar mat-trasportatur, jekk hemm, “minħabba li l-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL ma tawx mandat lill-Bord sabiex jittermina l-ftehim mal-linja tal-ajru”.

    (394)

    Matul l-investigazzjoni, Ryanair sostniet li l-interferenza tal-awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' So.Ge.A.AL setgħet ma kinitx ippruvata biżżejjed mill-Kummissjoni. Iċ-ċirkostanza li “So.Ge.A.AL u Sardinja ffirmaw il-ftehimiet fl-2004, fl-2005, fl-2006 u fl-2007 għall-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni” tappoġġa biss il-pożizzjoni li Sardinja kienet qiegħda tiffinanzja lil So.Ge.A.AL, iżda mhux li kienet qiegħda tidderieġi l-azzjoni ta' So.Ge.A.AL lejn Ryanair jew AMS.

    (395)

    Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta' Ryanair. L-ewwel nett, kif issemma fil-premessa 384, matul l-investigazzjoni, l-Italja kkonfermat espliċitament li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru kienet parti integrali mill-istrateġija ta' Sardinja sabiex iżżid il-flussi tat-turisti lejn u mill-gżira. Ir-referenzi għad-diskussjonijiet bejn So.Ge.A.AL u l-azzjonisti pubbliċi tagħha, bħala l-bażi tal-għan tal-iżvilupp ekonomiku u reġjonali segwit mill-RAS fir-rigward tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mat-trasportaturi li joperaw fl-ajruport ta' Alghero, juru li So.Ge.A.AL implimentat il-politiki reġjonali skont l-istruzzjonijiet u l-linji gwida riċevuti mingħand l-entitajiet pubbliċi.

    (396)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ftehimiet li daħlu fihom So.Ge.A.AL u diversi trasportaturi li joperaw fl-ajruport ta' Alghero u li huma soġġetti għall-proċedura ta' investigazzjoni formali huma imputabbli lill-Istat.

    12.2.1.2.   Vantaġġ ekonomiku

    (397)

    Matul l-investigazzjoni, l-Italja sostniet li, meta kkonkludiet kull wieħed mill-ftehimiet mal-linji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-investigazzjoni, So.Ge.A.AL aġixxiet kif kien jaġixxi MEO prudenti ggwidat minn perspettivi ta' profittabbiltà f'sitwazzjoni simili, b'tali mod li l-miżuri li qegħdin jiġu vvalutati ma jagħtu ebda vantaġġ ekonomiku li l-linji tal-ajru ma setgħu qatt jiksbu taħt kundizzjonijiet tas-suq normali.

    12.2.1.2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    (398)

    Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, permezz tal-MEOP, l-għajnuna lil linja tal-ajru li juża l-ajruport tista', fil-prinċipju, tiġi eskluża meta:

    il-prezz mitlub għas-servizzi pprovduti fl-ajruport ikun jikkorrespondi għall-prezz tas-suq, jew

    ikun jista' jintwera permezz ta' analiżi ex ante, jiġifieri analiżi bbażata fuq id-dejta li kienet disponibbli fil-mument li ġew deċiżi l-miżuri inkwistjoni, li l-arranġament mal-ajruport/linja tal-ajru jista' jkun mistenni li jwassal għal kontribut pożittiv ta' profitt inkrementali għall-ajruport (99).

    (399)

    Barra minn hekk, skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, “meta tivvaluta l-arranġamenti mal-ajruport/linja tal-ajru, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll kemm l-arranġamenti li qegħdin jiġu vvalutati jistgħu jitqiesu bħala parti mill-implimentazzjoni ta' strateġija globali tal-ajruport li mistennija twassal għal profittabbiltà, mill-inqas fuq perjodu ta' żmien twil” (100).

    (400)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-ewwel approċċ imsemmi fil-premessa 398 (it-tqabbil tal-prezz mitlub għas-servizzi pprovduti fl-ajruport mal-prezz tas-suq), il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar kemm jista' jiġi definit valur referenzjarju adegwat sabiex jistabbilixxi l-valur fis-suq tas-servizzi pprovduti mill-ajruporti. Fil-preżent, il-Kummissjoni tqis l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà inkrementali bħala l-aktar kriterju rilevanti għall-valutazzjoni tal-arranġamenti konklużi mill-ajruporti ma' linji tal-ajru individwali (101).

    (401)

    F'dan is-sens, ta' min jinnota li, b'mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-MEOP b'referenza għal prezz medju osservat fis-swieq komparabbli tista' tkun affidabbli sal-punt li l-prezz tas-suq ikun jista' jiġi identifikat jew imnaqqas minn indikaturi oħrajn tas-suq. Madankollu, b'mod ġenerali, dak il-metodu mhuwiex affidabbli fil-każ tas-servizzi pprovduti fl-ajruport. Tabilħaqq, l-istruttura tal-ispejjeż u d-dħul għandhom it-tendenza li jvarjaw b'mod pjuttost sinifikanti minn ajruport għal ieħor. Dawk l-ispejjeż u d-dħul jiddependu fuq l-iżvilupp tal-ajruport, l-istat tal-infrastruttura tal-ajruport, l-għadd ta' trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport, il-kapaċità tal-ajruport, il-qafas regolatorju fil-livell nazzjonali, li jista' jkun differenti minn Stat Membru għal ieħor, kif ukoll id-defiċits u l-obbligi mġarrba mill-ajruport fl-imgħoddi.

    (402)

    Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru tikkomplika kwalunkwe analiżi purament komparattiva. Kif jista' jidher f'dan il-każ, il-prattiki kummerċjali bejn l-ajruporti u l-linji tal-ajru mhux dejjem ikunu bbażati esklussivament fuq skeda ta' tariffi ppubblikata. Minflok, dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali jvarjaw ħafna. Huma jinkludu l-kondiviżjoni tar-riskji fir-rigward tat-traffiku tal-passiġġieri u kwalunkwe responsabbiltà kummerċjali u finanzjarja relatata, skemi ta' inċentivi standard u l-adattament għat-tixrid tar-riskji matul it-terminu tal-ftehimiet. Konsegwentement, tranżazzjoni waħda ma tistax titqabbel faċilment ma' oħra abbażi ta' prezz għal kull tlugħ u nżul jew prezz għal kull passiġġier.

    (403)

    Matul il-kors tal-investigazzjoni, Ryanair sostniet li sabiex jiġi eskluż vantaġġ ekonomiku li ma jistax jinkiseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, it-tariffi stipulati fil-ftehimiet mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero għandhom jitqabblu mat-tariffi mħallsin minn Ryanair f'ajruporti simili fuq perjodu ta' żmien xieraq. […] L-ajruporti ntgħażlu minn Ryanair bħala l-aktar komparaturi rilevanti għall-finijiet ta' din l-analiżi (102).

    (404)

    […] hija fl-aħħar mill-aħħar proprjetà ta' […], li min-naħa tagħha hija proprjetà ta' diversi awtoritajiet lokali mill-qasam ta' […]. Ryanair innotat li r-rapporti annwali ta' […] ma jipprovdu ebda indikazzjoni ta' finanzjament mill-Istat u li l-ajruport ilu jagħmel profitti kull sena mill-inqas minn […]. L-operazzjonijiet ta' Ryanair fl-Ajruport ta' […] bdew fi […]. L-ajruport ilu konsistentement ikun taħt proprjetà privata, li fil-fehma ta' Ryanair jissuġġerixxi li l-ajruport jista' jintuża bħala komparatur fl-applikazzjoni tat-test tal-MEO.

    (405)

    Skont Ryanair, ir-riżultati mit-tqabbil tad-dejta dwar it-tariffi mħallsin minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero mat-tariffi f'ajruporti komparabbli huma mħalltin. Jekk wieħed jassumi li ma tiġi rritornata ebda taxxa muniċipali lejn ir-reġjun, it-tariffi pagabbli minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero huma, bħala medja, aktar baxxi minn dawk fl-ajruporti komparaturi kemm fuq bażi għal kull passiġġier kif ukoll fuq bażi għal kull inġenju tal-ajru. Madankollu, jekk wieħed jassumi li proporzjon tat-taxxa muniċipali — speċifikament, 66 %, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Ryanair — jiġi rritornat lejn ir-reġjun, it-tariffi medji mħallsin minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero huma ogħla minn dawk imħallsin fl-Ajruport ta' […], għalkemm xorta waħda huma aktar baxxi minn dawk imħallsin fl-Ajruport ta' […]. Ryanair tissuġġerixxi li dan jista' jkun parzjalment spjegat mill-PDG aktar baxx f'Sardinja, meta mqabbel mal-PDG fi […] u […].

    (406)

    B'hekk, Ryanair tirrikonoxxi li r-riżultati mit-tqabbil tat-tariffi mħallsin minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero ma' dawk imħallsin fl-ajruporti ta' […] huma mħalltin u li d-differenzi fir-riżultati jistgħu jkunu dovuti għal għadd ta' raġunijiet, bħall-għażla tal-ajruporti komparaturi.

    (407)

    Il-Kummissjoni taqbel li benchmarking tat-tariffi tal-ajruport ma jistax jiġi eskluż għal kollox bħala approċċ possibbli sabiex tiġi vvalutata l-preżenza tal-għajnuna lil-linji tal-ajru. Madankollu, l-identifikazzjoni ta' valur referenzjarju titlob li jkunu jistgħu jintgħażlu għadd suffiċjenti ta' ajruporti komparabbli li jipprovdu servizzi komparabbli taħt kundizzjonijiet tas-suq normali. Skont il-paragrafu 54 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, valur referenzjarju xieraq fost l-ajruporti li l-maniġers tagħhom jaġixxu bħal MEO għandu jiġi identifikat fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq disponibbli u rilevanti. Dan il-valur referenzjarju għandu jieħu f'kunsiderazzjoni indikaturi bħall-volumi tat-traffiku, it-tip ta' traffiku, l-importanza tal-merkanzija u l-importanza relattiva tad-dħul li jirriżulta mill-attivitajiet mhux ajrunawtiċi tal-ajruport, it-tip u l-livell tas-servizzi pprovduti fl-ajruport, il-qrubija tal-ajruport lejn belt kbira, l-għadd ta' abitanti fiż-żona ta' lħuq tal-ajruport, il-prosperità taż-żona tal-madwar (PDG per capita) u ż-żoni ġeografiċi differenti li minnhom jistgħu jiġu attirati l-passiġġieri.

    (408)

    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, anki jekk xi ajruporti huma proprjetà privata jew amministrati mill-privat mingħajr kunsiderazzjonijiet soċjali jew reġjonali, il-prezzijiet mitluba minn dawn l-ajruporti jistgħu jkunu influwenzati ħafna mill-prezzijiet mitluba minn maniġers ta' ajruporti oħrajn issussidjati minn fondi pubbliċi, hekk kif dawn il-prezzijiet imsemmija l-aħħar jittieħdu f'kunsiderazzjoni mil-linji tal-ajru matul in-negozjati tagħhom mal-ajruporti li huma proprjetà privata jew amministrati mill-privat.

    (409)

    F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li Ryanair innifisha kienet tal-fehma li billi l-ajruport ta' Alghero jinsab fuq gżira, b'mhux wisq bliet kbar jew ajruporti oħrajn fil-qrib, huwa diffiċli li jinstabu komparaturi b'karatteristiċi kważi identiċi. Ryanair innotat ukoll li r-riżultati mħalltin tal-eżerċizzju ta' benchmarking jistgħu jiġu spjegati mid-differenza bejn il-PDG f'Sardinja u l-PDG fiż-żoni fejn jinsabu l-ajruporti komparaturi potenzjali.

    (410)

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li anki kieku kienu disponibbli komparaturi affidabbli, fil-każ preżenti b'ebda mod ma seta' jkun possibbli li jsir eżerċizzju ta' benchmarking. Tabilħaqq, l-arranġamenti li qegħdin jiġu investigati jinkludu l-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni, li jistabbilixxu “prezzijiet” differenti, jiġifieri tariffi tal-ajruport, tariffi tal-immaniġġjar u tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni differenti. Uħud minn dawk it-tariffi jiddependu fuq l-għadd ta' passiġġieri, uħud fuq l-għadd ta' tlugħ u nżul, filwaqt li hemm oħrajn li huma fissi. Għalhekk, kull wieħed mill-ftehimiet jimplika flussi finanzjarji kumplessi bejn il-maniġer tal-ajruport u l-linji tal-ajru (u s-sussidjarji tagħhom) li joperaw fl-ajruport, jiġifieri tariffi tal-ajruport, tariffi tal-immaniġġjar u tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni.

    (411)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li tqabbil tat-tariffi tal-ajruport mitluba minn So.Ge.A.AL lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero mat-tariffi tal-ajruport pagabbli fl-ajruporti komparaturi ma jipprovdi ebda indikazzjoni siewja għall-fini tal-applikazzjoni tal-MEOP. Sabiex tali eżerċizzju ta' benchmarking jipproduċi riżultati affidabbli, jeħtieġ li jinstabu mill-inqas arranġamenti komparabbli fl-ajruporti komparaturi, li għandhom jinkludu, b'mod partikolari, ħlasijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u tariffi tal-immaniġġjar simili. Minħabba l-ispeċifiċità u l-kumplessità tal-arranġamenti inkwistjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li tali eżerċizzju ta' benchmarking ma jistax jitwettaq, b'mod partikolari wkoll minħabba li l-prezzijiet mitluba għas-servizzi tal-immaniġġjar u għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni rari jitpoġġew disponibbli għall-pubbliku u, għalhekk, ma jkunux faċilment disponibbli għall-fini ta' eżerċizzju bħal dan. Ryanair naqset ukoll milli tipprovdi tali dejta għaż-żewġ komparaturi.

    (412)

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li jista' jitwettaq eżerċizzju ta' benchmarking b'arranġamenti simili fis-seħħ fl-ajruporti komparabbli, li jwasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-“prezzijiet” inkwistjoni huma ekwivalenti jew saħansitra superjuri għall-“prezz tas-suq”, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi, abbażi ta' dan, li l-arranġamenti li qegħdin jiġu investigati huma konformi mas-suq jekk jirriżulta li fil-mument li l-maniġer tal-ajruport daħal fl-arranġamenti inkwistjoni, dan tal-aħħar seta' jistenna b'mod raġonevoli li dawn kienu ser jirriżultaw fi spejjeż inkrementali li jaqbżu d-dħul inkrementali. Tabilħaqq, MEO ma kien ikollu ebda interess li joffri l-prodotti jew is-servizzi tiegħu bil-'prezz tas-suq' li kieku dan kien mistenni jirriżulta f'telf inkrementali.

    (413)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-arranġamenti mal-linji tal-ajru fl-ajruporti, imressqa minn Ryanair bħala allegatament komparaturi rilevanti, ma jistgħux jikkostitwixxu valur referenzjarju xieraq sabiex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq għas-servizzi pprovduti minn So.Ge.A.AL lil-linji tal-ajru differenti fl-ajruport ta' Alghero. Fin-nuqqas ta' valur referenzjarju tas-suq identifikabbli, il-Kummissjoni tqis li l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà inkrementali hija l-kriterju rilevanti għall-valutazzjoni tal-arranġamenti konklużi mill-ajruport ma' linji tal-ajru individwali.

    (414)

    F'din l-analiżi, għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni d-dħul u l-ispejjeż inkrementali rilevanti kollha assoċjati mat-tranżazzjoni. Id-diversi elementi (skontijiet għat-tariffi tal-ajruport, għotjiet għall-kummerċjalizzazzjoni, inċentivi finanzjarji oħrajn) ma għandhomx jiġu vvalutati separatament. Tabilħaqq, kif ġie ddikjarat fis-sentenza ta' Charleroi: “Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, huwa […] neċessarju li t-tranżazzjoni kummerċjali tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità tal-Istat u l-entità kkontrollata minn din tal-aħħar, meħuda flimkien, aġixxewx bħala operaturi razzjonali f'ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom […]” (103).

    (415)

    Id-dħul inkrementali mistenni għandu jinkludi, b'mod partikolari, id-dħul mit-tariffi tal-ajruport, b'kunsiderazzjoni tal-iskontijiet kif ukoll tat-traffiku li mistenni jiġi ġġenerat permezz tal-ftehim, flimkien mad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi li mistenni jiġi ġġenerat mit-traffiku addizzjonali. L-ispejjeż inkrementali mistennija għandhom jinkludu, b'mod partikolari, l-ispejjeż għall-investiment u l-ispejjeż operattivi inkrementali kollha li ma jiġux imġarrba fin-nuqqas tal-ftehim, bħall-ispejjeż inkrementali marbuta mal-persunal, mal-apparat u mal-investiment ikkawżati mill-preżenza tal-linja tal-ajru fl-ajruport, kif ukoll l-ispejjeż tal-għotjiet għall-kummerċjalizzazzjoni u inċentivi finanzjarji oħrajn. Għall-kuntrarju, l-ispejjeż li l-ajruport ikollu jħallas xorta waħda, indipendentement mill-arranġament mal-linja tal-ajru, ma għandhomx jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tal-MEOP.

    (416)

    F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-differenzazzjoni tal-prezzijiet (inkluż l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni u inċentivi oħrajn) hija prattika kummerċjali standard. Jista' jkun hemm diversi raġunijiet għaliex ma jiġux offruti l-istess kundizzjonijiet lil-linji tal-ajru kollha. B'mod partikolari, jista' jkun razzjonali li jiġu offruti inċentivi finanzjarji speċifiċi (inkluż fil-forma ta' għotjiet għall-kummerċjalizzazzjoni) u skontijiet speċifiċi għat-tariffi tal-ajruport ippubblikati lil-linji tal-ajru li jġibu għadd kbir ta' passiġġieri lejn l-ajruport. Dawk il-kundizzjonijiet favorevoli jistgħu jiġu ġġustifikati b'mod oġġettiv mit-traffiku addizzjonali mistenni, fid-dawl tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi li jrendi dak it-traffiku addizzjonali (104), kif ukoll minħabba li, anki jekk il-marġini għal kull passiġġier iġġenerat mit-tariffi tal-ajruport imħallsin mil-linja tal-ajru kellu jitnaqqas permezz tal-iskontijiet u l-inċentivi finanzjarji, dan il-marġini jista' jkun sinifikanti f'termini assoluti fid-dawl tal-għadd ta' passiġġieri inkwistjoni. Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' jekk tali skontijiet u inċentivi finanzjarji jagħtux vantaġġ ekonomiku jew le, għandu jiġi stabbilit jekk, meta l-maniġer tal-ajruport ħa d-deċiżjoni li joffrihom, setax ikun mistenni b'mod raġonevoli li din id-deċiżjoni tkun profittabbli jew, fi kliem ieħor, li twassal għal profitt ogħla (jew telf aktar baxx) milli seta' jinkiseb fis-sitwazzjoni kontrofattwali.

    (417)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport kienu parti mill-istrateġija fit-tul tal-ajruport. Mill-pjanijiet tan-negozju ta' So.Ge.A.AL (ara l-premessi 59–75), jidher li hija straħet fuq il-linji tal-ajru low-cost bħala l-fattur ewlieni li wassal għat-tkabbir u li kien mistenni li hija treġġa' lura t-tnaqqis preċedenti u tirritorna għall-vijabbiltà ladarba tingħata l-konċessjoni komprensiva għall-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero. Għalhekk, il-kundizzjoni msemmija fil-premessa 399 hija ssodisfata mill-kuntratti kollha li qegħdin jiġu vvalutati. Minn dak kollu li jippreċedi, jirriżulta li għal kull ftehim li qiegħed jiġi investigat, jekk ikun jista' jiġi stabbilit li, fiż-żmien meta kien ġie konkluż, MEO ggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà u li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL seta' jistenna li l-ispejjeż inkrementali futuri, li għandhom jiġu ġġenerati mill-ftehim, jiġu kkumpensati permezz tad-dħul inkrementali fil-ġejjieni, mela allura dan il-ftehim jitqies bħala konformi mal-MEOP u li ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat.

    12.2.1.2.2.   Dwar il-valutazzjoni konġunta tal-ASAs ma' Ryanair u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS

    (418)

    Fid-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li għall-fini tal-applikazzjoni tal-MEOP, l-ASAs ma' Ryanair u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair u AMS, kif ukoll il-konsegwenzi finanzjarji tagħhom, kellhom jiġu vvalutati flimkien bħala miżura waħda. Ryanair ma kkontestatx li l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi direttament bejn Ryanair u So.Ge.A.AL fl-2002 u fl-2003 għandhom jiġu vvalutati flimkien mal-ASAs tal-2002 u tal-2003.

    (419)

    Madankollu, Ryanair ma laqgħetx il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li Ryanair u AMS għandhom jitqiesu bħala entità waħda u li ASA partikolari li daħlu fih So.Ge.A.AL u Ryanair, u ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li daħlu fih So.Ge.A.AL u AMS fl-istess ħin għandhom jiġu vvalutati b'mod konġunt għall-fini ta' valutazzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku. Skont Ryanair, l-ASAs konklużi ma' Ryanair u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi ma' AMS għandhom ikunu separati u indipendenti minn xulxin, ikunu relatati ma' servizzi differenti u ma jkunu soġġetti għal ebda rabta kuntrattwali jew rabta oħra bejniethom li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni tagħhom bħala sett wieħed ta' miżuri. Dik l-opinjoni kienet appoġġata minn AMS.

    (420)

    F'dak is-sens, il-Kummissjoni tinnota li hemm bosta indikazzjonijiet li juru b'mod ċar il-fatt li l-ftehimiet għandhom jiġu evalwati bħala miżura waħda, minħabba li ġew konklużi fil-qafas ta' tranżazzjoni waħda.

    (421)

    L-ewwel nett, il-ftehimiet ġew konklużi mill-istess partijiet fl-istess ħin:

    (a)

    Għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, AMS u Ryanair għandhom jitqiesu bħala intrapriża waħda, fis-sens li AMS taġixxi fl-interess u taħt il-kontroll ta' Ryanair. Għall-ftehimiet preżenti, dan jista' jiġi dedott ukoll mill-fatt li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni rispettiv jgħid fil-preambolu tiegħu li “AMS għandha l-liċenzja esklussiva li toffri servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-ivvjaġġar www.ryanair.com, li huwa s-sit elettroniku tal-linja tal-ajru Irlandiża b'nollijiet baxxi Ryanair.” Għalhekk, jekk So.Ge.A.AL ikollha l-ħsieb li tippromwovi destinazzjoni ta' Ryanair u r-reġjuni tal-madwar, mela allura dan jista' jsir biss permezz ta' AMS;

    (b)

    Il-ftehimiet rispettivi fil-każijiet kollha ġew konklużi fl-istess dati.

    (422)

    It-tieni, il-preamboli tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2006 u tal-2010 ma' AMS jiddikjaraw li “s-sit elettroniku www.ryanair.com jipprovdi opportunità unika sabiex jiġu mmirati miljuni ta' passiġġieri potenzjali ta' Ryanair u jippreżenta informazzjoni estensiva dwar l-ajruporti, il-bliet u r-reġjuni li topera fihom Ryanair”. Dan jindika li, ġeneralment, l-għan tal-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma jkunx li jippromwovi lil Sardinja, iżda b'mod aktar speċifiku li jimmassimizza l-bejgħ tal-biljetti għad-destinazzjoni ta' Ryanair f'Alghero. Tabilħaqq, il-preamboli jiddikjaraw li So.Ge.A.AL għandha timmira għall-passiġġieri ta' Ryanair sabiex tippromwovi t-turiżmu u l-opportunitajiet ta' negozju fir-reġjun u, b'mod partikolari, l-ajruport ta' Alghero bħala destinazzjoni.

    (423)

    It-tielet, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS jiddikjaraw fl-ewwel taqsima tagħhom, intitolata “L-Għan tal-Ftehim”, li huma “msejsin fl-impenn ta' Ryanair li topera fuq rotot bejn Alghero u destinazzjonijiet tal-UE” (il-ftehim tal-2006 isemmi lil Londra-Stansted, Barcelona Gerona, Frankfurt Hahn, Pisa, Liverpool u Ruma). Dan il-kliem jistabbilixxi rabta diretta u mhux ambigwa bejn il-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni fis-sens li wieħed ma setax jiġi konkluż mingħajr l-ieħor. Il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni huma bbażati fuq il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u s-servizzi pprovduti minn Ryanair.

    (424)

    Ir-raba', il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni jiddikjaraw fil-preambolu tagħhom li So.Ge.A.AL iddeċidiet li “tippromwovi b'mod attiv il-belt ta' Alghero u r-reġjun bħala destinazzjoni turistika għall-vjaġġaturi internazzjonali bl-ajru, kif ukoll bħala ċentru tan-negozju attraenti”. Din hija indikazzjoni li l-għan primarju u speċifiku tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni internazzjonali huwa li tippromwovi b'mod speċifiku l-ajruport ta' Alghero u r-reġjun tal-madwar u, għalhekk, hija marbuta mal-konklużjoni tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport minn Ryanair.

    (425)

    Il-ħames, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni jistgħu jiġu tterminati minnufih minn So.Ge.A.AL f'każ li Ryanair tieqaf topera r-rotot imsemmija fuq. Dan juri għal darba oħra li l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-ASAs huma marbuta b'mod inseparabbli.

    (426)

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li mill-analiżi tar-rapport annwali ta' So.Ge.A.AL għas-sena 2000 jidher ċar li l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni ntalab minn Ryanair bħala kundizzjoni għall-operat tar-rotta ta' Londra fiż-żmien li ddaħħal fis-seħħ l-ASA tas-sena 2000. Dan il-qari huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li l-ispejjeż tal-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni kienu meqjusa minn So.Ge.A.AL bħala spiża operattiva tar-rotta ta' Ryanair, aktar milli bħala investiment fl-iżvilupp tal-marka kummerċjali, kif affermat minn Ryanair u AMS.

    (427)

    Bħala konklużjoni, il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL u AMS huma marbuta b'mod inseparabbli mal-ASAs iffirmati minn Ryanair u So.Ge.A.AL. Il-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 421 sa 426 juru li l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma setgħux jiġu konklużi mingħajr l-ASAs. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ASAs u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni mhumiex diviżibbli u, għalhekk, issib li huwa meħtieġ li tanalizza kull ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni flimkien mal-ASA li kien konkluż fl-istess ħin, bil-għan li tiddetermina jekk tali tranżazzjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    12.2.1.2.3.   Dwar il-benefiċċji li MEO seta' jistenna li jikseb mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prezz li kien lest li jħallas għal dawn is-servizzi

    (428)

    Għall-fini tal-applikazzjoni tat-test tal-MEO, f'dan il-każ, l-aġir ta' RAS u So.Ge.A.AL għandu jitqabbel ma' dak ta' MEO prudenti inkarigat mill-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero, iggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà. Din il-valutazzjoni għandha tħalli fil-ġenb kwalunkwe riperkussjonijiet pożittivi fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport, minħabba li l-Qorti kkjarifikat li l-kwistjoni rilevanti għall-applikazzjoni tat-test tal-MEO hija dwar jekk “f'ċirkostanzi simili, azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra l-prevedibbiltà tal-kisba ta' redditu u wara li jkun warrab kull kunsiderazzjoni ta' natura soċjali, ta' politika reġjonali u settorjali, ikun lest li jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni” (105).

    (429)

    Meta jiġu analizzati l-miżuri inkwistjoni, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-benefiċċji li dan l-MEO ipotetiku, immotivat mill-prospett tal-profitti, jista' jikseb mix-xiri tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Din l-analiżi ma għandhiex tieħu f'kunsiderazzjoni l-impatt ġenerali ta' servizzi bħal dawn fuq it-turiżmu u l-prestazzjoni ekonomika tar-reġjun. Għandu jiġi kkunsidrat biss l-impatt ta' dawk is-servizzi fuq il-profittabbiltà tal-ajruport, minħabba li dan għandu jkun l-uniku tħassib għal MEO ipotetiku.

    (430)

    Fil-prinċipju, is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom il-potenzjal li jistimolaw it-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u mill-ASAs, billi s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni huma mfasslin biex jippromwovu dawk ir-rotot tal-ajru. Għalkemm minn dan l-impatt ser tibbenifika primarjament il-linja tal-ajru kkonċernata, huwa jista' jkun ta' benefiċċju wkoll għall-maniġer tal-ajruport. Barra minn hekk, żieda fit-traffiku tal-passiġġieri tista' twassal għal żieda fid-dħul iġġenerat minn ċerti tariffi tal-ajruporti għall-maniġer tal-ajruport, kif ukoll għal żieda fid-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi, b'mod partikolari mill-parkeġġi tal-karozzi, mir-ristoranti u minn negozji oħrajn li jinsabu fl-ajruport, li l-fatturat tagħhom jakkumula kompletament jew parzjalment għall-maniġer tal-ajruport.

    (431)

    Għalhekk, MEO li jopera fl-ajruport ta' Alghero minflok So.Ge.A.AL u l-RAS għandu jieħu dan l-effett pożittiv possibbli f'kunsiderazzjoni meta jikkunsidra li jidħol fi ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u fl-ASA korrispondenti. L-MEO għandu jieħu f'kunsiderazzjoni l-impatt tar-rotta tal-ajru inkwistjoni fuq id-dħul u l-ispejjeż futuri billi, f'dan il-każ, jistma ż-żieda fl-għadd ta' passiġġieri li jużaw dawk ir-rotot, li għandha tirrifletti l-effett pożittiv possibbli tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fil-forma ta' proporzjon ogħla tat-tagħbija mistennija (jew fattur tat-tagħbija) (106) għal dawk ir-rotot tal-ajru. Barra minn hekk, dan l-effett għandu jiġi evalwat għat-terminu kollu tal-operat tar-rotot tal-ajru inkwistjoni, kif ġie stabbilit fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u fil-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni.

    (432)

    Il-Kummissjoni taqbel ma' Ryanair fuq din il-kwistjoni, jiġifieri li l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni mhux biss jiġġeneraw l-ispejjeż għall-maniġer tal-ajruport, iżda jistgħu jkunu mistennija jrendu wkoll benefiċċji.

    (433)

    Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit jekk b'mod raġonevoli jistgħux ikunu mistennija u kkwantifikati benefiċċji oħrajn, bħall-immaġini kummerċjali, għal MEO ipotetiku li jopera fl-ajruport ta' Alghero, jiġifieri, għajr il-benefiċċji mill-effett pożittiv fuq it-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni matul it-terminu tal-operat ta' dawn ir-rotot, kif stabbilit fil-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport.

    (434)

    Ryanair tappoġġa dan l-argument, b'mod partikolari fl-istudju tagħha tas-17 ta' Jannar 2014. L-istudju huwa bbażat fuq it-teorija li s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni akkwistati minn maniġer ta' ajruport jgħinu sabiex tittejjeb l-immaġini kummerċjali tal-ajruport u, bħala riżultat, sabiex jiżdied b'mod sostenibbli l-għadd ta' passiġġieri li jużaw dan l-ajruport, mhux biss l-għadd ta' passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u mill-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport għat-terminu tal-operat stabbilit f'dawn il-ftehimiet. B'mod partikolari, Ryanair sostniet fl-istudju tagħha li dawn is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ser ikollhom effetti pożittivi sostenibbli fuq it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport, anki wara li jkun skada l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Din l-opinjoni hija mħaddna wkoll mill-Italja u l-benefiċċji tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ttieħdu f'kunsiderazzjoni fl-analiżi ex ante rikostruwita tal-profittabbiltà tal-ftehimiet ma' Ryanair, kif miġbur fil-qosor fit-Tabella 8 ta' hawn taħt.

    (435)

    L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li ma hemm xejn li jissuġġerixxi li, meta ddaħħlu fis-seħħ il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni koperti mill-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-maniġer tal-ajruport jew l-RAS qatt ikkunsidra, u wisq inqas ikkwantifika, l-effetti ta' benefiċċju possibbli tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fuq ir-rotot tal-ajru addizzjonali għal dawk koperti mill-ftehimiet, jew il-possibbiltà li tali effetti jissoktaw wara l-iskadenza tal-ftehimiet.

    (436)

    Barra minn hekk, in-natura sostenibbli ta' dawk l-effetti ma tistax tiġi vvalutata abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Huwa possibbli li r-reklamar tal-ajruport ta' Alghero u tar-reġjun ta' Sardinja fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair seta' ħeġġeġ lin-nies sabiex iżuru dan is-sit biex jixtru l-biljetti ta' Ryanair lejn l-ajruport ta' Alghero, sakemm tpoġġa r-reklamar jew għal xi ftit taż-żmien wara. Madankollu, huwa improbabbli ħafna li l-effett ta' dan ir-reklamar fuq il-viżitaturi dam jew kellu influwenza fuq ix-xiri tal-biljetti tal-ajruplani għal aktar minn ftit ġimgħat wara li tpoġġa fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair. Huwa aktar probabbli li kampanja ta' reklamar ikollha effett sostenibbli meta l-attivitajiet promozzjonali jinvolvu mezz ta' reklamar wieħed jew aktar li l-konsumaturi jkunu esposti regolarment għalih jew għalihom fuq perjodu partikolari. Pereżempju, kampanja ta' reklamar li tinvolvi stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni ġenerali, siti elettroniċi popolari u/jew diversi kartelluni ta' reklamar esebiti f'postijiet pubbliċi (ġewwa jew barra) jista' jkollha effett sostenibbli jekk il-konsumaturi jiġu esposti regolarment għal dawn il-mezzi. Madankollu, huwa improbabbli ħafna li l-attivitajiet promozzjonali limitati għas-sit elettroniku ta' Ryanair biss ikollhom effett li jdum wisq wara li tiġi fi tmiemha l-promozzjoni.

    (437)

    Fil-fatt, huwa probabbli ħafna li l-maġġoranza tan-nies ma jżurux is-sit elettroniku ta' Ryanair ta' spiss biżżejjed li r-reklamar waħdu jħallihom b'impressjoni ċara tar-reġjun ikkonċernat. Dan l-argument huwa appoġġat tajjeb minn żewġ fatturi. L-ewwel nett, skont it-termini tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, il-promozzjoni ta' Alghero u tar-reġjun ta' Sardinja fuq il-paġna prinċipali tas-sit elettroniku ta' Ryanair kienet limitata għal paragrafu wieħed ta' 150 kelma taħt “Top Five Things To Do” fuq il-paġna tad-destinazzjoni ta' Alghero u l-preżenza ta' link fuq il-paġna prinċipali ta' www.ryanair.com li twassal lill-utenti għal sit magħmul disponibbli minn So.Ge.A.AL. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tip ta' attivitajiet promozzjonali (sempliċi link b'valur ta' kummerċjalizzazzjoni limitat) naqqas b'mod qawwi l-effett ta' dawn l-attivitajiet wara t-tmiem tal-promozzjoni, b'mod partikolari billi dawn l-attivitajiet kienu limitati għas-sit elettroniku ta' Ryanair biss u ma kinux appoġġati minn xi mezz ieħor. It-tieni, l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fil-ftehimiet li daħlet għalihom AMS kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom relatati mal-paġna elettronika ddedikata għad-destinazzjoni tal-ajruport ta' Alghero. Huwa probabbli ħafna li l-maġġoranza tan-nies ma jżurux din il-paġna ta' spiss; jekk u meta jżuruha, probabbli li dan ikun biss minħabba li diġà jkunu interessati f'din id-destinazzjoni.

    (438)

    B'hekk, anki li kieku s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni żiedu t-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni għall-perjodu tal-implimentazzjoni tagħhom, huwa probabbli ħafna li dan l-effett kien żero jew negliġibbli wara dan it-terminu.

    (439)

    Mill-istudji ta' Ryanair tas-17 u tal-31 ta' Jannar 2014 jirriżulta wkoll li l-ġenerazzjoni tal-benefiċċji li jmorru 'lil hinn mir-rotot tal-ajru koperti minn dawn il-ftehimiet jew li jissoktaw wara t-terminu tal-operat għal dawn ir-rotot, kif stabbilit fil-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u fil-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, kienet estremament inċerta u ma setgħetx tiġi kkwantifikata bi grad ta' affidabbiltà li jitqies bħala suffiċjenti minn MEO prudenti.

    (440)

    B'hekk, pereżempju, skont l-istudju tas-17 ta' Jannar 2014, “il-profitti inkrementali futuri wara l-iskadenza skedata tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport huma inerentement inċerti”. Barra minn hekk, dan l-istudju jissuġġerixxi żewġ metodi għall-evalwazzjoni a priori tal-effetti pożittivi tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni: metodoloġija ta' “fluss tal-flus” u metodoloġija ta' “kapitalizzazzjoni”.

    (441)

    Il-metodoloġija ta' “fluss tal-flus” tinvolvi l-evalwazzjoni tal-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport permezz ta' valutazzjoni tad-dħul li jista' jiġi ġġenerat fil-ġejjieni mill-maniġer tal-ajruport permezz tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u l-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, nieqes l-ispejjeż korrispondenti. Fil-metodoloġija ta' “kapitalizzazzjoni”, it-titjib tal-immaġini kummerċjali tal-ajruport permezz tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jiġi ttrattat bħala assi intanġibbli, akkwistat għall-prezz stipulat fil-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni.

    (442)

    Madankollu, l-istudju tas-17 ta' Jannar 2014 jenfasizza d-diffikultajiet ewlenin ippreżentati mill-approċċ ta' “kapitalizzazzjoni” u juri li r-riżultati prodotti minn dan il-metodu jistgħu ma jkunux affidabbli; huwa jissuġġerixxi li l-approċċ ta' “fluss tal-flus” ikun aħjar. B'mod partikolari, l-istudju jsib li “l-approċċ ta' kapitalizzazzjoni għandu jieħu f'kunsiderazzjoni biss il-proporzjon tan-nefqa fuq il-kummerċjalizzazzjoni li jista' jiġi attribwit lill-bażi tal-assi intanġibbli ta' ajruport. Madankollu, jista' jkun diffiċli li jiġi identifikat il-proporzjon tan-nefqa fuq il-kummerċjalizzazzjoni li huwa mmirat lejn il-ġenerazzjoni tad-dħul mistenni għall-ajruport fil-ġejjieni (jiġifieri investiment fil-bażi tal-assi intanġibbli tal-ajruport) kuntrarju għall-ġenerazzjoni tad-dħul attwali għall-ajruport.” L-istudju jenfasizza wkoll li “sabiex jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq kapitalizzazzjoni, jeħtieġ li jiġi stmat it-tul ta' żmien medju li ajruport ikun jista' jżomm klijent grazzi għall-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni ta' AMS. Fil-prattika, ikun diffiċli ħafna li jiġi stmat il-perjodu medju taż-żamma tal-klijenti wara kampanja ta' AMS, minħabba li ma teżistix biżżejjed dejta.”

    (443)

    L-istudju tal-31 ta' Jannar 2014 jipproponi applikazzjoni prattika tal-approċċ ta' “fluss tal-flus”. Skont dan l-approċċ, il-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti, li jdumu jinħassu saħansitra wara li jkun skada l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, huma espressi bħala 'valur terminali' li jiġi kkalkulat fid-data tal-iskadenza tal-ftehim. Il-valur terminali jiġi kkalkulat mill-profitti inkrementali tal-ajruport (netti mill-pagamenti ta' AMS) fl-aħħar sena tal-ASA, aġġustat b'mod li jieħu f'kunsiderazzjoni r-rata ta' tkabbir għas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa u l-fattur tal-probabbiltà mfassal biex jirrifletti l-kapaċitajiet tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li jikkontribwixxu għall-profitti tal-ajruport wara l-iskadenza tagħhom. L-istess metodu ta' kalkolu tal-“valur terminali” kien propost mill-Italja fir-rapport tal-MEOP tal-2014 (ara l-premessa 471).

    (444)

    Skont l-istudju tal-31 ta' Jannar 2014, il-kapaċità għall-produzzjoni ta' benefiċċji dejjiema tiddependi fuq diversi fatturi, “inklużi prominenza akbar u marka kummerċjali aktar b'saħħitha, flimkien ma' esternalitajiet tan-netwerk u passiġġieri li jerġgħu jagħmlu użu mill-istess servizzi”, għalkemm ma ngħatawx dettalji dwar dawn il-fatturi.

    (445)

    L-istudju tal-31 ta' Jannar 2014 jissuġġerixxi fattur ta' probabbiltà ta' 30 %, li huwa jqis bħala prudenti. Madankollu, l-istudju ma jipprovdi ebda prova serja għal dan il-fattur, la fuq livell kwantitattiv u lanqas fuq livell kwalitattiv. Huwa ma jibbażax ruħu fuq fatti relatati mal-attivitajiet ta' Ryanair, is-swieq tat-trasport bl-ajru jew is-servizzi pprovduti fl-ajruport sabiex jissostanzja din ir-rata ta' 30 %. Huwa ma jistabbilixxi ebda rabta bejn din ir-rata u l-fatturi li jsemmi tul it-triq (il-prominenza, marka kummerċjali b'saħħitha, l-esternalitajiet tan-netwerk u l-passiġġieri li jerġgħu jagħmlu użu mill-istess servizzi) u li mistennija jestendu l-benefiċċji tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni wara d-dati ta' skadenza tagħhom. Fl-aħħarnett, l-istudju b'ebda mod ma jibbaża ruħu fuq il-kontenut speċifiku tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni previsti fid-diversi ftehimiet ma' AMS meta janalizza kemm dawn is-servizzi jistgħu jinfluwenzaw il-fatturi msemmija fil-premessa 444.

    (446)

    Barra minn hekk, l-istudju ma jagħti ebda prova li teżisti xi probabbiltà li, mal-iskadenza tal-ASA u tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, il-profitti ġġenerati minn dawk il-ftehimiet għall-maniġer tal-ajruport fis-sena finali tal-applikazzjoni tagħhom ser jissoktaw fil-ġejjieni. Bl-istess mod, huwa ma jipprovdi ebda prova li r-rata ta' tkabbir tas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa hija indikatur utli sabiex jitkejjel l-impatt ta' ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u ta' ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni għal ajruport partikolari.

    (447)

    Għalhekk, huwa improbabbli ħafna li “valur terminali” kkalkolat bl-użu tal-metodu ssuġġerit minn Ryanair u mill-Italja jittieħed f'kunsiderazzjoni minn MEO prudenti meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jidħolx fi ftehim jew le. Għalhekk, l-istudju tal-31 ta' Jannar 2014 juri li approċċ ta' “fluss tal-flus” iwassal biss għal riżultati inċerti u inaffidabbli ħafna, l-istess bħall-metodu ta' “kapitalizzazzjoni”.

    (448)

    Barra minn hekk, is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jimmiraw b'mod ċar għall-persuni li x'aktarx jużaw ir-rotta koperta mill-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Jekk din ir-rotta ma tiġix imġedda mal-iskadenza tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, huwa improbabbli li s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jkomplu jkollhom effett pożittiv fuq it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport wara d-data ta' skadenza. Huwa diffiċli ħafna għal maniġer ta' ajruport li jivvaluta l-probabbiltà li linja tal-ajru tkompli topera rotta mal-iskadenza tat-terminu li għalih impenjat ruħha fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport. Il-linji tal-ajru low-cost, b'mod partikolari, urew li, meta niġu għall-ftuħ u l-għeluq tar-rotot, huma reattivi ħafna għall-kundizzjonijiet tas-suq li, aktar spiss milli le, jinbidlu malajr ħafna. Pereżempju, fil-każ preżenti, l-Italja sostniet li Germanwings iddeċidiet li twaqqaf l-operazzjonijiet mill-ajruport ta' Alghero wara sena biss u, għalhekk, il-ftehim tagħha ma' So.Ge.A.AL ma laħaqx għamel it-terminu sħiħ tiegħu (it-trasportatur ikkonkluda ftehim ta' tliet snin mal-ajruport) minħabba li hija ma setgħetx tiġġenera biżżejjed traffiku sabiex tilħaq ekwilibriju. Mid-dokumenti fil-fajl ta' dan il-każ jirriżulta wkoll li Ryanair evalwat mill-ġdid (mill-inqas darba fl-2009) l-operazzjonijiet tagħha mill-ajruport ta' Alghero. Għalhekk, meta jidħol fi tranżazzjoni bħal dik li qiegħda tiġi eżaminata f'dan il-każ, MEO prudenti ma jistrieħx fuq kumpanija tal-ajru li testendi l-operat tar-rotta inkwistjoni mal-iskadenza tal-ftehim.

    (449)

    Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kummissjoni tinnota li dan l-approċċ tal-inklużjoni ta' “valur terminali”, segwit mill-Italja fir-rikostruzzjoni tal-analiżi tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010, ma kienx applikat mill-Italja meta ġiet biex tikkunsidra l-profittabbiltà tal-ftehimiet iffirmati ma' linji tal-ajru oħrajn li joperaw fl-ajruport, għalkemm ġew konklużi ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni mal-maniġer tal-ajruport. L-argumentazzjoni tal-Italja fuq dan il-punt tistrieħ fuq il-fatt li l-għadd ta' viżitaturi potenzjali fis-siti elettroniċi ta' linji tal-ajru oħrajn għajr Ryanair huwa ferm aktar baxx mill-udjenza ta' ryanair.com. Minħabba din il-popolarità ferm aktar baxxa, ma jkunx rilevanti li jiġi kkwantifikat valur terminali fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet ma' linji tal-ajru oħrajn. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li sal-2006 ġew iffirmati ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair minflok ma' AMS. Valur terminali ma kienx meqjus bħala li jikkontribwixxi għall-benefiċċji futuri miksuba wara t-tmiem tat-terminu tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair fl-2002 u fl-2003.

    (450)

    Bħala konklużjoni, jidher ċar mill-premessi 428 sa 449 li l-uniku benefiċċju li jista' jistenna MEO prudenti minn ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, u li jkun jista' jikkwantifika meta jiġi biex jiddeċiedi dwar jekk għandux jidħol fi ftehim bħal dan jew le, flimkien ma' ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, ikun li s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jkollhom effett pożittiv fuq l-għadd ta' passiġġieri li jużaw ir-rotot koperti mill-ftehimiet inkwistjoni għat-terminu tal-operat ta' dawn ir-rotot, kif stabbilit fil-ftehimiet. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe benefiċċji possibbli oħrajn huma inċerti wisq biex jiġu kkwantifikati u kkunsidrati.

    12.2.1.2.4.   Valutazzjoni tal-Ispejjeż u tad-Dħul Inkrementali

    (451)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 398 sa 450, għall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-MEOP, il-Kummissjoni għandha (i) tanalizza kull wieħed mill-ASAs flimkien mal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni, jekk ikun hemm wieħed, inkluż meta tali ftehim ikun ġie ffirmat ma' AMS, u (ii) tiddetermina l-ispejjeż u d-dħul inkrementali li setgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn kull tranżazzjoni konġunta, b'kunsiderazzjoni tal-effett tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni fuq il-fatturi tat-tagħbija mistennija.

    Ftehimiet ma' Ryanair

    (452)

    L-ASAs konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair huma ppreżentati fit-Tabella 7:

    Tabella 7

    L-ASAs konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair

    Ftehim

    (data tal-iffirmar)

    Il-perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

    L-ASA tas-sena 2000

    (it-22 ta' Ġunju 2000)

    Mit-22 ta' Ġunju 2000 sal-21 ta' Ġunju 2010

    L-ASA tal-2002

    (il-25 ta' Jannar 2002)

    Mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2012

    L-ASA tal-2003

    (l-1 ta' Settembru 2003)

    Mill-1 ta' Settembru 2003 sal-1 ta' Settembru 2014

    L-ASA tal-2006

    (it-3 ta' April 2006)

    Mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010

    L-ASA tal-2010

    (l-20 ta' Ottubru 2010)

    Mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013

    (453)

    L-Italja tasserixxi li So.Ge.A.AL fasslet bosta pjanijiet ta' negozju relatati mal-iżvilupp globali tal-ajruport f'diversi punti fiż-żmien bejn is-sena 2000 u s-sena 2010. Dawk il-pjanijiet ta' negozju jinkludu xi estimi li jħarsu 'l quddiem fuq l-għadd ta' passiġġieri u d-dħul, kif ukoll xi informazzjoni dwar l-ispejjeż. Madankollu, ebda wieħed minn dawk il-pjanijiet ta' negozju ma huwa speċifiku għal ftehim partikolari li ġie ffirmat bejn So.Ge.A.AL u l-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero jew ma' AMS. Barra minn hekk, huma ma jkoprux il-perjodu kollu tal-ftehimiet ta' So.Ge.A.AL ma' dawk il-linji tal-ajru.

    (454)

    Kif issemma hawn fuq, l-Italja ħejjiet analiżi rikostruwita tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali li jistgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn MEO li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-konklużjoni ta' kull wieħed minn dawn il-ftehimiet matul il-perjodu taħt investigazzjoni, jiġifieri bejn is-sena 2000 u l-2010, kif miġbur fil-qosor fit-Tabella 8. Abbażi ta' din l-analiżi, So.Ge.A.AL tista' tistenna b'mod raġonevoli li l-ftehimiet ma' Ryanair ikunu profittabbli għall-ajruport fiż-żmien li jiġu konklużi.

    (455)

    Il-pjan tan-negozju tas-sena 2000 ta' So.Ge.A.AL intuża fl-analiżi rikostruwita tal-profittabbiltà mistennija tal-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003, filwaqt li l-pjanijiet tan-negozju tal-2004 u tal-2009 intużaw fl-analiżi rikostruwita tal-ASAs tas-snin 2006 u 2010.

    (456)

    Madankollu, ma kienx possibbli li wieħed jiddeduċi d-dħul u l-ispejjeż inkrementali kollha assoċjati ma' kull ftehim ma' Ryanair mill-pjanijiet tan-negozju ta' So.Ge.A.AL. Għal dawk il-kategoriji ta' dħul u spejjeż inkrementali li ma setgħux jiġu dedotti mill-pjanijiet tan-negozju, l-Italja bbażat l-analiżi tagħha tal-profitti inkrementali tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair fuq id-dispożizzjonijiet tal-ASAs u tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

    (457)

    It-tabella 8 tistabbilixxi l-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tar-Rapport tal-MEOP tal-2014. Il-fatt li dawk l-NPVs huma kollha pożittivi jikkonferma li kien razzjonali għall-maniġer tal-ajruport li jikkonkludi l-ftehimiet ma' Ryanair.

    Tabella 8

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair — ir-Rapport tal-MEOP tal-2014  (107)

    Ftehim

    NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'miljuni ta' EUR) (108)

    L-ASA tas-sena 2000

    [4–8] (**)

    L-ASA tal-2002

    [3–6]

    L-ASA tal-2003

    [9–12]

    L-ASA tal-2006

    [6–9]

    L-ASA tal-2010

    [9–12]

    (458)

    Is-suppożizzjonijiet ikkunsidrati għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà rikostruwita huma spjegati fid-dettall fil-premessi 459–471.

    i.   Dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi

    (459)

    L-Italja ħadet f'kunsiderazzjoni kategoriji differenti ta' dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi, b'mod partikolari dħul minn tariffi bħal dawk fuq l-inżul, il-groundhandling u l-qtugħ tal-biljetti. Fejn kienu disponibbli, intużaw it-tariffi stipulati fl-ASAs. Għal dawk it-tariffi mhux speċifikati fl-ASAs, is-suppożizzjonijiet kienu bbażati fuq id-dejta tal-fatturi pprovduta minn Ryanair. Madankollu, l-Italja spjegat li d-dejta tal-fatturi ta' Ryanair dwar it-tariffi hija konsistenti mat-tariffi ppubblikati ta' So.Ge.A.AL għas-servizzi kollha pprovduti fl-ajruport, minbarra l-immaniġġjar. Ryanair ingħatat skont fuq it-tariffi tal-immaniġġjar, li kien jirrifletti l-iskala tal-operazzjonijiet tat-trasportatur fl-ajruport, kif rifless fl-ASAs.

    (460)

    Sabiex tikseb dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi, So.Ge.A.AL issupplimentat l-informazzjoni dwar il-passiġġieri u t-tlugħ u l-inżul ta' Ryanair mill-ASAs b'informazzjoni miksuba mill-pjanijiet tan-negozju.

    (461)

    L-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003 ma stipulaw ebda projezzjoni ta' traffiku. Għalhekk, il-previżjonijiet tat-traffiku, li jservu bħala l-bażi tal-analiżi tal-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003, inkisbu mill-pjan tan-negozju tas-sena 2000 ta' So.Ge.A.AL, li kien fih projezzjonijiet għat-traffiku ta' Ryanair fl-ajruport. Għalkemm l-ASAs tal-2006 u tal-2010 stipulaw ċerti miri ta' traffiku għal Ryanair, l-Italja spjegat li dawn il-miri ma kinux jirriflettu l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL tal-livell globali tat-traffiku ta' Ryanair fl-ajruport. Minflok, So.Ge.A.AL kienet tal-fehma li l-miri kienu jirrappreżentaw impenji kuntrattwali minimi minn Ryanair. Għalhekk, il-projezzjonijiet tat-traffiku għall-ASAs tal-2006 u tal-2010 kienu bbażati fuq il-pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL fl-eqreb punt fiż-żmien qabel ġew iffirmati l-ASAs tal-2006 u tal-2010 (jiġifieri, il-projezzjonijiet tat-traffiku huma bbażati fuq il-pjanijiet tan-negozju tal-2004 u tal-2009 ta' So.Ge.A.AL).

    (462)

    Minħabba li l-pjanijiet tan-negozju ta' So.Ge.A.AL ma jkoprux il-perjodu kollu tal-ftehimiet kuntrattwali tagħha mal-linji tal-ajru, sabiex l-analiżi tal-profittabbiltà tiġi estiża għall-perjodu kollu tal-ftehimiet ma' Ryanair, il-previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru (rotazzjonijiet) u tat-tluq tal-passiġġieri ġew żviluppati għas-snin mhux koperti mill-pjanijiet tan-negozju f'żewġ passi. L-ewwel nett, l-għadd ta' tlugħ u nżul ta' Ryanair kien imbassar permezz tal-aġġornar tal-għadd ta' tlugħ u nżul għas-sena ta' qabel inkluż fil-pjan tan-negozju, billi wieħed jassumi tkabbir annwali ta' 19 % fit-tlugħ u l-inżul. Dan il-fattur ta' tkabbir huwa bbażat fuq it-tkabbir medju mistenni mill-pjan tan-negozju tas-sena 2000 matul il-perjodu bejn l-2004 u l-2006. It-tieni, l-għadd ta' passiġġieri li jitilqu għall-perjodu li jifdal inkiseb mill-kapaċità tal-postijiet annwali, implikata mill-għadd ta' tlugħ u nżul, billi wieħed jassumi fattur tat-tagħbija ta' 82 %, jiġifieri l-fattur medju tat-tagħbija għan-netwerk kollu ta' Ryanair fiż-żmien li ġew iffirmati l-ftehimiet.

    ii.   Dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi

    (463)

    Is-suppożizzjonijiet għad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kienu bbażati fuq il-pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL fl-eqreb punt tal-iffirmar ta' kull ASA, kif stabbilit fit-Tabella 9:

    Tabella 9

    Suppożizzjonijiet dwar id-dħul mistenni minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi

    Ftehim

    Dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq

    (EUR)

    Sors

    ASA tal-2000

    1,96–2,38

    Pjan tan-negozju tas-sena 2000

    ASA tal-2002

    2,17–2,38

    Pjan tan-negozju tas-sena 2000

    ASA tal-2003

    2,17–2,38

    Pjan tan-negozju tas-sena 2000

    ASA tal-2006

    4,31–4,64

    Pjan tan-negozju tal-2004

    ASA tal-2010

    6,02–6,47

    Pjan tan-negozju tal-2009

    (464)

    Għall-perjodu ta' kull ASA mhux kopert mill-pjanijiet tan-negozju rispettivi, l-aħħar previżjoni disponibbli tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq kienet riportata f'kull sena sal-aħħar tal-ftehim. Pereżempju, fil-pjan tan-negozju tas-sena 2000, l-aħħar sena li għaliha hija disponibbli previżjoni hija l-2006. Skont il-pjan tan-negozju, fl-2006, id-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq kien ta' EUR 2,38. Għal kull sena li jifdal tal-ASA tal-2006, kien preżunt l-istess livell ta' dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq.

    iii.   Spejjeż inkrementali

    (465)

    Fin-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-ispejjeż inkrementali mistennija assoċjati mal-operat ta' Ryanair fiż-żmien li ġie ffirmat kull wieħed mill-ASAs, l-ispejjeż inkrementali ġew stmati mill-Italja abbażi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż operattivi tal-ajruport u l-għadd ta' passiġġieri.

    (466)

    Ġie segwit approċċ ta' rigressjoni sabiex jiġi identifikat kif ivarjaw l-ispejjeż operattivi hekk kif jinbidel l-għadd ta' passiġġieri, bil-għan li jiġu stmati l-ispejjeż inkrementali li setgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn So.Ge.A.AL fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ASAs ma' Ryanair. Fl-ewwel pass, twettqet analiżi ta' rigressjoni sabiex jiġi identifikat l-impatt ta' bidla fl-għadd ta' passiġġieri tal-ajruport fuq l-ispejjeż operattivi tal-istess ajruport. Fit-tieni pass, l-istima tal-ispejjeż operattivi addizzjonali bħala riżultat tal-ftehimiet ma' Ryanair inkisbet mir-riżultati miksuba fl-ewwel pass, flimkien mal-previżjonijiet tal-għadd ta' passiġġieri ta' Ryanair.

    (467)

    Ġew ikkunsidrati l-komponenti tal-ispejjeż li ġejjin:

    (a)

    l-ispejjeż inkrementali tal-persunal

    (b)

    l-ispejjeż inkrementali tal-prodotti u s-servizzi, tas-sigurtà, tal-inventarji u tal-materjal

    (c)

    il-ħlasijiet lejn inċentivi għal rotot ġodda, il-kummerċjalizzazzjoni u/jew il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv lil Ryanair jew AMS

    (d)

    l-ispejjeż tal-konċessjoni

    (468)

    Spejjeż tal-persunal: Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL tas-sena 2000 jinkludi l-ispejjeż tal-persunal addizzjonali meħtieġa bħala riżultat tal-ftehimiet ma' Ryanair sal-2006. Għalhekk, għall-finijiet tal-valutazzjonijiet tal-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003, l-ispejjeż inkrementali tal-persunal inkisbu mill-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL tas-sena 2000. Madankollu, il-pjanijiet tan-negozju tal-2004 u tal-2006 ma jipprovdu ebda dejta dwar l-ispejjeż inkrementali. Sabiex jinkisbu estimi tal-ispejjeż tal-persunal li huma inkrementali għall-ftehimiet ma' Ryanair wara l-2006, twettqet analiżi statistika abbażi tad-dejta dwar l-ispejjeż aggregati tal-persunal tal-ajruport, sabiex b'hekk jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-ispejjeż, li varja bil-bidliet fl-għadd ta' passiġġieri (109). L-istima tal-ispejjeż tal-persunal addizzjonali mbagħad inkisbet mir-riżultati ta' rigressjoni kkombinati mal-għadd stmat ta' passiġġieri ta' Ryanair.

    (469)

    Spejjeż oħrajn: Bl-istess mod, twettqet analiżi ta' rigressjoni sabiex jiġu stmati l-ispejjeż inkrementali tal-prodotti u tal-materjal (110), tas-servizzi (111), tas-sigurtà u tal-inventarji, hekk kif dawn l-ispejjeż ma ssemmewx fil-pjanijiet tan-negozju. L-inċentivi għar-rotot ġodda, it-tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni u/jew il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv pagabbli lil Ryanair ġew inklużi bħala spiża għall-ajruport. L-ispejjeż ta' konċessjoni inkrementali (112) kienu bbażati fuq l-ispejjeż għal kull unità fil-livell tal-ajruport, immultiplikati bil-previżjonijiet tat-traffiku għal Ryanair.

    (470)

    Skont l-Italja, So.Ge.A.AL ma kellhiex l-għan li tirkupra l-ispiża tat-terminal il-ġdid tal-passiġġieri mit-tariffi mħallsin minn Ryanair. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż ta' investiment konnessi mat-terminal il-ġdid mhumiex imputabbli għal ebda wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair u, għalhekk, mhumiex parti mill-ispejjeż inkrementali.

    (471)

    Il-ħlasijiet ta' kummerċjalizzazzjoni lil AMS ittieħdu f'kunsiderazzjoni bħala spejjeż għall-ajruport. Fl-istess ħin, “valur terminali” żdied bħala dħul għall-ajruport sabiex jagħti kont għall-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport li, fil-fehma tal-Italja, jissoktaw anki wara l-iskadenza tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Il-“valur terminali” jiġi kkalkolat abbażi tal-istess approċċ segwit minn Ryanair u spjegat fid-dettall fil-premessi 443–446.

    (472)

    It-tabella 10 tippreżenta l-NPV (113) tal-flussi tal-flus li seta' jkun mistenni mill-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall fil-premessi 459 sa 471.

    Tabella 10

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair — ir-rapport tal-MEOP tal-2014

    Ftehim

    (data tal-iffirmar)

    Perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

    NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'miljuni ta' EUR) (114)

    ASA tal-2000

    (it-22 ta' Ġunju 2000)

    Mit-22 ta' Ġunju 2000 sal-21 ta' Ġunju 2010

    [4–8]

    ASA tal-2002

    (il-25 ta' Jannar 2002)

    Mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2012

    [3–6]

    ASA tal-2003

    (l-1 ta' Settembru 2003)

    Mill-1 ta' Settembru 2003 sal-1 ta' Settembru 2014

    [9–12]

    ASA tal-2006

    (it-3 ta' April 2006)

    Mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010

    [6–9]

    ASA tal-2010

    (l-20 ta' Ottubru 2010)

    Mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013

    [9–12]

    (473)

    Il-Kummissjoni tinnota li għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ASAs tal-2006 u tal-2010, l-Italja kkunsidrat tul ta' għaxar snin għall-ASA tal-2006 u ta' disa' snin għall-ASA tal-2010, minflok il-perjodu li matulu kien mistenni li jibda japplika inizjalment il-ftehim, jiġifieri ħames snin u erba' snin, rispettivament. Madankollu, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni wkoll bir-riżultati tal-analiżi tal-profittabbiltà meta ħadet f'kunsiderazzjoni t-tul inizjali tal-ASAs tal-2006 u tal-2010, kif strettament definit f'dawk il-ftehimiet.

    (474)

    Fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha, l-Italja sostniet li fiż-żmien li ġew iffirmati kull wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair, So.Ge.A.AL kellha aspettattivi raġonevoli li dawn kienu ser jiġġeddu fuq termini simili. B'mod partikolari, abbażi tad-dispożizzjoni espliċita fl-ASA tal-2006 li l-ftehim jista' jiġi estiż għal terminu addizzjonali ta' ħames snin sal-1 ta' Jannar 2016, So.Ge.A.AL stenniet li dan il-ftehim jiġġedded fuq termini simili. B'mod simili, l-ASA tal-2010 kien mistenni li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2013, bil-potenzjal li l-ASA jiġi estiż għal terminu addizzjonali ta' ħames snin sal-31 ta' Diċembru 2018.

    (475)

    Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument.

    (476)

    L-ewwel nett, la l-ftehim tal-2006 u lanqas dak tal-2010 ma jistipulaw l-estensjoni awtomatika tal-ftehim ladarba dan ikun lesta t-terminu sħiħ tiegħu.

    (477)

    Minflok, l-ASA tal-2006 jistipula li So.Ge.A.AL timpenja ruħha, mal-iskadenza tat-terminu tal-ftehimiet, li tinnegozja mill-ġdid pakkett xieraq ta' servizzi ta' użu tal-ajruport ma' Ryanair għal terminu addizzjonali ta' ħames snin, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li t-trasportatur jissodisfa l-obbligi tiegħu f'termini tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni b'mod sħiħ u li So.Ge.A.AL tikseb il-konċessjoni sabiex topera l-ajruport wara l-1 ta' Jannar 2011. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, abbażi ta' dik id-dispożizzjoni weħidha, fl-2006 So.Ge.A.AL ma setgħetx tistrieħ fuq estensjoni, mhux l-inqas fuq termini simili, meta tali estensjoni tkun ipotetika u tiddependi b'mod partikolari fuq ir-rieda ta' Ryanair illi taċċettaha. Tabilħaqq, id-dispożizzjoni msemmija fuq ma torbotx legalment lil Ryanair għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid mal-maniġer tal-ajruport u lanqas ma tipprovdi ċertezza fir-rigward tal-osservanza minn kwalunkwe parti tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, b'mod partikolari minħabba l-inċertezza sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti tal-konċessjoni komprensiva lill-operatur tal-ajruport f'dak iż-żmien.

    (478)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ASA tal-2010 jipprovdi saħansitra inqas ċertezza fir-rigward tal-estensjoni potenzjali tiegħu. L-Artikolu 2 — “Terminu” jaqra: “il-ftehim jista' jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin skont il-kundizzjonijiet u t-termini stabbiliti hawnhekk, jew kif emendati mill-partijiet, bil-kundizzjoni li jkun jista' jintlaħaq kunsens bil-miktub minn qabel miż-żewġ partijiet mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tat-terminu inizjali. (…) Kwalunkwe tiġdid sussegwenti ta' dan il-ftehim għandu jiġi nnegozjat bejn il-Partijiet, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tat-terminu addizzjonali.” Għalhekk, huwa evidenti li kwalunkwe estensjoni tal-ftehim għandha tkun ġiet soġġetta għal negozjati bejn il-partijiet u, għalhekk, ma setgħetx tkun preżunta minn So.Ge.A.AL fiż-żmien meta kien iffirmat l-ASA tal-2010.

    (479)

    It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li fil-fajl tal-każ ma hemm ebda evidenza li turi li t-tensjonijiet tal-2009 bejn So.Ge.A.AL u Ryanair poġġew ir-relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur f'riskju. F'dak iż-żmien, Ryanair ikkundizzjonat il-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet tagħha fl-ajruport ta' Alghero fuq il-konklużjoni ta' ftehim addizzjonali. Fil-fatt, huwa evidenti mill-minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tas-7 ta' Lulju 2009, tad-9 ta' Settembru 2009 u tat-23 ta' Frar 2010 ipprovduti mill-Italja li d-deċiżjoni tal-maniġer tal-ajruport li eventwalment jiffirma l-ASA l-ġdid ma' Ryanair għal perjodu ta' ħames snin ħadet f'kunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim tal-aħħar ma stabbilixxa ebda penali għat-terminazzjoni bikrija tal-ftehim. B'mod partikolari:

    Ryanair intalbet bil-qawwa kollha sabiex tikkonkludi ftehim addizzjonali, li 'ċertament għandu jirriżulta fiż-żieda tal-valur tal-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni'. Jekk dan il-ftehim ma jiġix iffirmat minnufih, it-trasportatur għandu jwaqqaf l-operat tar-rotot kollha mill-ajruport ta' Alghero (115);

    kien diskuss dokument li jispjega l-evoluzzjoni tal-arranġamenti ma' Ryanair u l-istat attwali tar-relazzjonijiet mal-linja tal-ajru, li jippreżenta dawk li fil-fehma ta' Ryanair għandhom ikunu l-passi li jmiss, li kienu jinkludu l-kanċellazzjoni jew it-tnaqqis tal-frekwenza tat-titjiriet intra-UE u s-sostituzzjoni tagħhom ma' rotot nazzjonali (116);

    il-Bord staqsa dwar il-marġini tan-negozjar, jekk hemm, fir-rigward tar-relazzjoni kuntrattwali ma' Ryanair, “minħabba li l-azzjonisti ma tawx mandat lill-Bord sabiex jittermina l-ftehim mat-trasportatur” (117).

    (480)

    Mill-minuti tal-Assemblea tal-Azzjonisti ta' So.Ge.A.AL tas-26 ta' Ottubru 2001 jirriżulta wkoll li l-kumpanija kkunsidrat li tittermina l-ASA tas-sena 2000 qabel l-iskadenza tiegħu u li dan iġġenera dibattiti twal fost l-azzjonisti.

    (481)

    Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li fiż-żmien li ġew konklużi l-ASAs ta' Ryanair tal-2006 u tal-2010, So.Ge.A.AL ma setgħetx tistenna li dawk il-ftehimiet jiġu estiżi, jew għall-inqas ma setgħetx tistenna li dawn jiġu estiżi taħt l-istess termini kuntrattwali.

    (482)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-Italja, il-ftehim ma' linja tal-ajru oħra soġġetta għall-investigazzjoni, Germanwings, ma lestiex it-terminu sħiħ tiegħu u t-trasportatur opera biss mill-ajruport fl-2007. Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja kkjarifikat li l-linja tal-ajru ddeċidiet li twaqqaf l-operazzjonijiet mill-ajruport minħabba li ma setgħetx tiġġenera biżżejjed traffiku biex tilħaq ekwilibriju minn perspettiva finanzjarja.

    (483)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ASAs tal-2006 u tal-2010, huwa biss il-perjodu stipulat mill-ASAs, jiġifieri ħames snin għall-ASA tal-2006 u erba' snin għall-ASA tal-2010, li għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni (l-NPVs fit-Tabella 10 ġew ikkalkolati abbażi tat-tul inizjali tal-ftehimiet, kif stabbilit fl-ASAs).

    (484)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ASAs tal-2006 u tal-2010, kif ukoll il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ffirmati bejn So.Ge.A.AL, Ryanair u AMS, kienu applikati b'mod retrospettiv, kif ġej:

    (a)

    l-ASA tal-2006 u l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ġew iffirmati fit-3 ta' April 2006, iżda kienu applikati b'mod retrospettiv mill-1 ta' Jannar 2006;

    (b)

    l-ASA tal-2010 u l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ġew iffirmati fl-20 ta' Ottubru 2010, iżda kienu applikati b'mod retrospettiv mill-1 ta' Jannar 2010.

    (485)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skont So.Ge.A.AL, it-termini tal-ftehimiet li kienu qegħdin jiġu diskussi ma' Ryanair u AMS fil-perjodi li għalihom il-ftehimiet tal-2006 u tal-2010 applikaw b'mod retrospettiv (jiġifieri bejn Jannar 2006 u April 2006, fil-każ tal-ftehimiet tal-2006 u bejn Jannar 2010 u Ottubru 2010, fil-każ tal-ftehimiet tal-2010) kienu simili għat-termini tal-ftehimiet li eventwalment ġew iffirmati f'April 2006 u Ottubru 2010. Fi kliem ieħor, il-ftehimiet konklużi f'April 2006 u Ottubru 2010 sempliċiment ifformalizzaw it-termini li kienu maqbula qabel il-perjodu li matulu dawn il-ftehimiet kienu applikati b'mod retrospettiv. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kunsiderazzjoni ta' kull ftehim matul it-terminu skedat tiegħu hija konformi ma' approċċ ex ante u li, għalhekk, fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010, il-perjodu li għalih il-ftehimiet applikaw b'mod retrospettiv ma għandux jiġi eskluż.

    (486)

    Madankollu, abbażi tar-raġunijiet spjegati fid-dettall hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-benefiċċji li jista' jistenna MEO prudenti minn ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jkunu strettament limitati għat-terminu tal-operat tat-trasportatur fl-ajruport, kif stabbilit fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe “valur terminali” li għandu l-għan li jirrifletti l-benefiċċji futuri tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni wara t-terminu tal-applikazzjoni ta' dawk il-ftehimiet għandu jitħalla barra mill-analiżi. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Italja ma kkunsidratx li “valur terminali” jammonta għall-benefiċċji miksuba wara l-iskadenza tat-terminu tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings (ara l-premessa 528).

    (487)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li l-approċċ meħud mill-Italja fl-istima tal-għadd ta' passiġġieri u fil-kalkolu, abbażi ta' dan, tad-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi (mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni fil-premessa preċedenti dwar il-“valur terminali”) huwa wieħed tajjeb. Għalkemm il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-suppożizzjonijiet li jikkonċernaw il-projezzjonijiet tat-traffiku normalment għandhom ikunu esklussivament ibbażati fuq il-frekwenzi tar-rotot u l-miri tal-passiġġieri stipulati fl-ASAs u fuq il-fattur tat-tagħbija li seta' jkun mistenni b'mod raġonevoli minn So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġie konkluż kull ASA ma' Ryanair, meta wieħed iqis li f'dak iż-żmien li ġew iffirmati l-ASAs tal-2006 u tal-2010 So.Ge.A.AL kienet qiegħda tistenna li t-traffiku ta' Ryanair kien ser jaqbeż il-miri minimi stabbiliti fil-ftehimiet, il-Kummissjoni taqbel li l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġew iffirmati l-ftehimiet, kif stabbiliti fil-pjanijiet tan-negozju, jirrappreżentaw l-aktar sors preċiż sabiex jiġu dedotti l-previżjonijiet ta' So.Ge.A.AL tat-traffiku ta' Ryanair fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ASAs tal-2006 u tal-2010.

    (488)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fir-rigward tal-fattur tat-tagħbija ta' Ryanair, fiż-żmien tal-iffirmar ta' kull wieħed mill-ftehimiet, bħala raġonevoli, minħabba li dawn kienu bbażati fuq l-esperjenza u l-għarfien tal-mudell kummerċjali tal-linja tal-ajru.

    (489)

    Il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Italja, So.Ge.A.AL ma kellhiex l-għan li tirkupra l-ispiża tat-terminal ġdid tal-passiġġieri mit-tariffi mħallsin minn Ryanair. F'dan ir-rigward, tabilħaqq jidher li kien l-iżvilupp tat-turiżmu b'mod ġenerali li kien jeħtieġ l-espansjoni tal-kapaċità tat-terminal tal-ajruport ta' Alghero sabiex jakkomoda t-tkabbir antiċipat fit-traffiku. Qabel saru l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero, minkejja l-potenzjal sinifikanti, l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu kien imfixkel minn nuqqas ta' konnettività internazzjonali. L-ajruport ta' Alghero laħaq limitazzjonijiet f'termini tal-kapaċità fl-2003 u fl-2004 u, għalhekk, kienu meħtieġa aktar investimenti sabiex l-ajruport ikun jista' jakkomoda aktar passiġġieri. Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL mill-2004 ippreveda li l-għadd totali ta' passiġġieri fl-ajruport kien ser jiżdied b'madwar 30 % fl-2008, imqabbel mal-livelli qabel l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruport fl-2004. Filwaqt li jidher ċar mill-pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL fi żmien differenti matul il-perjodu taħt investigazzjoni li l-maniġer tal-ajruport iddependa fuq il-linji tal-ajru low-cost bħala l-ixprunatur ewlieni tat-tkabbir (u li l-kumpanija kienet ser terġa' lura għall-vijabbiltà ladarba tingħata l-konċessjoni komprensiva), dan l-għan ma kellu ebda rabta mar-relazzjoni ma' linja tal-ajru speċifika. Tabilħaqq, ebda wieħed mill-ASAs ma' Ryanair ma jsemmi xi investimenti li jridu jitwettqu mill-maniġer tal-ajruport. F'dan is-sens, il-Kummissjoni tinnota li l-investiment fl-espansjoni tat-terminal kien approvat minn CIPE fl-1997 u, għalhekk, ħafna qabel ma Ryanair bdiet topera fl-ajruport ta' Alghero. L-applikazzjoni lil ENAC għall-konċessjoni komprensiva kienet parti mill-istrateġija ta' So.Ge.A.AL bil-għan li ssaħħaħ is-settur tat-turiżmu billi tattira trasportaturi low-cost. Din l-istrateġija kienet teħtieġ l-espansjoni tal-kapaċità tat-terminal sabiex dan ikun jista' jakkomoda t-tkabbir tat-traffiku antiċipat, konċessjoni “komprensiva” sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet effikaċi u effettivi fl-ajruport u kuntratti ma' trasportaturi low-cost. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni taċċetta li l-ispejjeż tal-investiment konnessi mat-terminal il-ġdid ma huma imputabbli għal ebda wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair u, għalhekk, mhumiex parti mill-ispejjeż inkrementali.

    (490)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ispejjeż inkrementali mistennija kienu stmati mill-Italja wara li ġie segwit approċċ minn isfel għal fuq. Ġiet segwita analiżi tar-rigressjoni sabiex jiġi identifikat kif l-ispejjeż operattivi jvarjaw skont il-bidla fl-għadd ta' passiġġieri, bil-għan li jiġu stmati l-ispejjeż inkrementali li setgħu kienu mistennija minn So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-iffirmar tal-ASAs ma' Ryanair. Fl-ewwel pass, twettqet analiżi ta' rigressjoni sabiex jiġi identifikat l-impatt ta' bidla fl-għadd ta' passiġġieri tal-ajruport fuq l-ispejjeż operattivi tal-istess ajruport. Fit-tieni pass, l-istima tal-ispejjeż operattivi addizzjonali bħala riżultat tal-ftehimiet ma' Ryanair inkisbet mir-riżultati miksuba fl-ewwel pass, flimkien mal-previżjonijiet tal-għadd ta' passiġġieri ta' Ryanair.

    (491)

    Għall-ASAs tal-2006 u tal-2010, id-dejta dwar l-ispejjeż inkrementali użata mill-Italja fir-rigressjoni tmur lura għal qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet li kellhom ikunu disponibbli għal So.Ge.A.AL fid-data meta l-maniġer tal-ajruport daħal fil-ftehimiet inkwistjoni. Madankollu, minħabba li d-dejta dwar l-ispejjeż hija disponibbli biss għall-perjodu 1998–2010, li kieku kien segwit approċċ simili għall-ftehimiet tas-snin 2000, 2002 u 2003, kien ikun hemm biss żewġ, tliet u erba' punti ta' dejta disponibbli, rispettivament, sabiex titwettaq l-analiżi tar-rigressjoni. Il-Kummissjoni taqbel li dan mhuwiex biżżejjed sabiex jinkisbu riżultati robusti. Fin-nuqqas ta' dejta ex ante suffiċjenti li tippermetti r-rikostruzzjoni tal-analiżi tal-profittabbiltà abbażi ta' dejta li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien li kienu ffirmati l-ftehimiet inkwistjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra b'mod eċċezzjonali (ara l-premessa 284) li, għal dawn il-ftehimiet, rigressjoni bbażata fuq dejta tar-riżultati għall-perjodu kollu bejn l-1998 u l-2010 hija indikatur aċċettabbli ta' x'kellhom ikunu l-aspettattivi raġonevoli ta' MEO.

    (492)

    Abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet ir-rikostruzzjoni tal-analiżi tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali li setgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn operatur fl-ekonomija tas-suq li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-konklużjoni ta' kull wieħed mill-ftehimiet li qegħdin jiġu investigati fil-każ preżenti. Tabilħaqq, jidher ċar mid-diversi pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL li l-maniġer tal-ajruport ippreveda żieda tat-traffiku abbażi tal-istrateġija tiegħu li jsaħħaħ is-settur tat-turiżmu billi jattira traffiku internazzjonali bi spejjeż baxxi, li kien meqjus bħala li jipproduċi introjtu konsiderevolment ogħla mill-passiġġieri milli mill-attivitajiet domestiċi (118).

    (493)

    It-tabella ta' hawn taħt tippreżenta l-NPV tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall hawn fuq.

    Tabella 11

    NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair

    Ftehim

    Il-perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

    NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'miljuni ta' EUR) (119)

    L-ASA tal-2000

    Mit-22 ta' Ġunju 2000 sal-21 ta' Ġunju 2010

    [4–8]

    L-ASA tal-2002

    Mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2012

    [3–6]

    L-ASA tal-2003

    Mill-1 ta' Settembru 2003 sal-1 ta' Settembru 2014

    [9–12]

    L-ASA tal-2006

    Mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010

    [3–6]

    L-ASA tal-2010

    Mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013

    [2–4]

    (494)

    Billi r-riżultat skontat mistenni huwa pożittiv għal kull wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair, il-Kummissjoni hija sodisfatta li kull wieħed mill-ASAs ma' Ryanair kien mistenni li jkun profittabbli fiż-żmien meta ġew konklużi u, għalhekk, fil-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, So.Ge.A.AL ma tat ebda vantaġġ ekonomiku lil Ryanair u, għalhekk, dawn ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat.

    Ftehimiet ma' trasportaturi oħrajn għajr Ryanair

    Ftehimiet ma' Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings

    (495)

    Il-Kummissjoni investigat il-ftehimiet tal-immaniġġjar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings, kif spjegati fid-dettall fit-Tabella 12:

    Tabella 12

    Il-ftehimiet ta' So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings

    Alitalia

    30.11.2010

    Ftehim tal-immaniġġjar

    1.12.2010–1.12.2015

    20.10.2010

    Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

    7.6.2010–30.09.2010

    Volare

    29.11.2007

    Ftehim tal-immaniġġjar

    28.10.2007–31.10.2010

    29.11.2007

    Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

    28.10.2007–31.10.2010

    Meridiana

    28.4.2010

    Ftehim tal-immaniġġjar

    4.2010–4.2011

    20.10.2010

    Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

    6.2010–10.2010

    Germanwings

    19.3.2007

    Ftehim tal-immaniġġjar

    25.3.2007–31.10.2009

    25.3.2007

    Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

    2007–2009

    i.   Dwar il-valutazzjoni konġunta tal-ftehimiet tal-immaniġġjar u tal-kummerċjalizzazzjoni

    (496)

    Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li f'kull każ, hemm indikazzjonijiet qawwija li dawk il-ftehimiet kienu nnegozjati u konklużi bħala parti minn tranżazzjoni waħda u, għalhekk, għandhom jiġu evalwati bħala miżura waħda. B'mod partikolari:

    (a)

    il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana, li kien japplika b'mod retroattiv għall-perjodu bejn Ġunju u Ottubru 2010, stabbilixxa fl-Artikolu 1 — “L-Għan tal-Ftehim” li: “Meridiana timpenja ruħha li topera r-rotot imsemmija fuq [Milan, Verona, Bari] skont il-programmi operattivi definiti minn qabel u, għalhekk, li topera programm ta' Komunikazzjoni u Kummerċjalizzazzjoni bi qbil ma' So.Ge.A.AL”. Barra minn hekk, il-ftehim jistabbilixxi l-possibbiltà għat-tiġdid tal-ftehim, diment li Meridiana tilħaq ċerti miri relatati mal-passiġġieri;

    (b)

    skont il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni, li kien japplika b'mod retroattiv għall-perjodu bejn Ġunju u Settembru 2010, Alitalia kellha tiddefinixxi Programm ta' Komunikazzjoni u Kummerċjalizzazzjoni li jkollu l-għan li jippromwovi r-reġjun, anki permezz tat-tnedija tar-rotot il-ġodda (Barċellona, Pariġi u Brussell);

    (c)

    il-ftehimiet tal-immaniġġjar u tal-kummerċjalizzazzjoni ma' Volare kienu konklużi fl-istess data. Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Volare jistabbilixxi: “Dan il-Ftehim Addizzjonali jirrappreżenta parti sostanzjali mill-Ftehim Standard dwar il-Groundhandling. Għalhekk, dan ser jibqa' fis-seħħ sakemm jiġi fi tmiemu l-Ftehim Standard dwar il-Groundhandling, tkun xi tkun ir-raġuni, f'liema żmien jintemmu wkoll dan il-Ftehim Addizzjonali u d-drittijiet u l-obbligi kollha pprovduti permezz tiegħu.” Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni jistabbilixxi wkoll il-miri tal-passiġġieri li jimpenja ruħu li jilħaq it-trasportatur;

    (d)

    il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Germanwings “jistabbilixxi l-għanijiet u l-miri li għandhom jintlaħqu minn Germanwings skont it-talbiet ta' AHO [ta' Alghero]. Il-partijiet jikkonfermaw li l-parametri użati għad-dikjarazzjoni tal-għan li jintlaħqu l-għanijiet u l-miri msemmija fuq ser ikunu rrappreżentati mill-għadd annwali ta' passiġġieri u titjiriet operati minn Germanwings lejn/minn AHO [Alghero]”. Il-ftehim jistabbilixxi l-ħlasijiet għal eżitu pożittiv u kontribuzzjoni ta' darba li għandha titħallas minn So.Ge.A.AL.

    (497)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li teżisti rabta ċara bejn il-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni, fis-sens li dawn tal-aħħar kienu bbażati fuq il-konklużjoni tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u s-servizzi pprovduti mit-trasportaturi.

    ii.   Dwar l-approċċ segwit sabiex jiġu stmati l-ispejjeż u d-dħul inkrementali

    (498)

    Ma twettqet ebda analiżi ex ante tal-profittabbiltà tal-ftehimiet ma' dawk il-linji tal-ajru minn So.Ge.A.AL qabel il-konklużjoni tagħhom. Kif issemma hawn fuq, permezz ta' ittra datata l-25 ta' Marzu 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni b'analiżi ex ante rikostruwita tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi ma' Air One/Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings abbażi tad-dejta li kellha tkun disponibbli għal MEO li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġew konklużi l-ftehimiet inkwistjoni, kif ukoll fid-dawl tal-iżviluppi prevedibbli f'dak iż-żmien.

    (499)

    Skont l-Italja, l-approċċ segwit għall-analiżi rikostruwita jirrifletti l-metodoloġija li kellha tiġi adottata minn MEO u r-riżultati mill-valutazzjoni tal-profittabbiltà ta' dawk il-ftehimiet juru li dawn il-ftehimiet kienu mistennija li jkunu wkoll profittabbli għal So.Ge.A.AL fuq bażi ex ante.

    (500)

    L-analiżi hija bbażata fuq l-approċċ stabbilit fil-premessi 501 sa 524.

    (501)

    Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi nkiseb permezz tal-applikazzjoni tat-tariffi tal-ajruport rilevanti li mistennija jitħallsu minn kull linja tal-ajru, flimkien mal-previżjonijiet tat-traffiku għal-linja tal-ajru rispettiva għas-servizzi kollha pprovduti, minbarra l-groundhandling. Id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi tal-groundhandling huwa bbażat fuq it-tariffi nnegozjati bejn So.Ge.A.AL u kull linja tal-ajru. Il-previżjonijiet tat-traffiku huma bbażati fuq il-livelli tat-traffiku tal-linja tal-ajru fis-sena ta' qabel l-iffirmar tal-ftehim jew fuq il-miri tat-traffiku stipulati fil-ftehimiet rilevanti.

    (502)

    Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi huwa bbażat fuq l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fiż-żmien li kienu ffirmati l-ftehimiet tal-2007 u tal-2010 mal-linji tal-ajru dwar id-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi ta' madwar EUR 5,00–6,00 għal kull passiġġier li jitlaq bħala riżultat tal-iżvilupp tat-terminal il-ġdid (ara wkoll it-Tabella 9).

    (503)

    Id-dħul operattiv inkrementali inkiseb billi ttieħdu f'kunsiderazzjoni l-kategoriji tal-ispejjeż inkrementali li kienet qiegħda tistenna So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-iffirmar ta' kull ftehim ma' Air One/Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings u kien jinkludi: l-ispejjeż inkrementali tal-persunal, l-ispejjeż inkrementali tal-immaniġġjar, l-ispejjeż inkrementali tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-materjal, l-ispejjeż inkrementali tal-konċessjoni u l-pagamenti tal-kummerċjalizzazzjoni ta' darba relatati mar-rotot ġodda u mal-ħlasijiet għal eżitu pożittiv.

    (504)

    L-analiżi tar-rigressjoni twettqet fuq l-għadd ta' passiġġieri u fuq l-ispejjeż fil-livell tal-ajruport sabiex jiġi identifikat l-impatt ta' bidla fl-għadd ta' passiġġieri tal-ajruport ta' Alghero fuq l-ispejjeż totali tal-ajruport.

    (505)

    Għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet tal-2010 ma' Alitalia u Meridiana, l-Italja wettqet ir-rigressjoni fuq id-dejta dwar l-ispejjeż għall-perjodu ta' qabel l-iffirmar tal-ftehimiet, jiġifieri bejn l-1998 u l-2009, li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fid-data meta hija daħlet fil-ftehimiet inkwistjoni.

    (506)

    Madankollu, skont l-Italja, l-għadd ta' punti tad-dejta disponibbli qabel l-iffirmar tal-ftehimiet tal-2007 ma' Germanwings u Volare (1998–2006) huwa baxx ħafna. L-estimi li jirriżultaw tal-ispejjeż inkrementali tal-persunal u tal-materjal huma ta' EUR 2,7 u EUR 9,3, rispettivament, għal kull passiġġier li jitlaq, li jitqiesu bħala għoljin b'mod eċċezzjonali. F'dan il-każ, iż-żieda jew it-tħassir ta' punt wieħed tad-dejta jħallu impatt materjali fuq ir-riżultati. Abbażi ta' dan, l-analiżi tal-profittabbiltà trendi NPV negattiv għal Germanwings, filwaqt li l-NPV tal-ftehim ma' Alitalia jibqa' pożittiv. Skont l-Italja, l-estimi mir-rigressjonijiet tal-ispejjeż isiru aktar stabbli hekk kif l-għadd ta' punti tad-dejta jiżdied u, għalhekk, fir-rigward tal-ftehimiet tal-2007 ma' Germanwings u Volare, ir-rigressjoni għandha tkopri l-perjodu sħiħ mill-1998 sal-2010.

    (507)

    Fit-tieni pass, l-estimi tal-ispejjeż addizzjonali totali bħala riżultat tal-ftehimiet speċifiċi bejn So.Ge.A.AL u l-linji tal-ajru rispettivi nkisbu abbażi tar-riżultati miksuba fl-ewwel pass, flimkien mal-previżjonijiet rispettivi tal-għadd ta' passiġġieri ta' kull linja tal-ajru.

    (a)

    L-ispejjeż inkrementali mistennija tal-immaniġġjar, tal-prodotti, tas-servizzi u tal-materjal matul it-terminu ta' kull ftehim huma bbażati fuq l-ispejjeż medji tal-immaniġġjar għal kull ATM u fuq l-ispejjeż medji tal-prodotti, tas-servizzi u tal-materjal għal kull passiġġier fil-livell tal-ajruport matul is-sena immedjatament qabel l-iffirmar tal-ftehim. Dawn l-ispejjeż unitarji jiżdiedu permezz tal-inflazzjoni mistennija f'kull sena u jiġu mmultiplikati bil-previżjonijiet tat-traffiku rispettivi għal kull linja tal-ajru;

    (b)

    L-ispejjeż tal-konċessjoni jvarjaw skont l-għadd ta' passiġġieri. L-ispejjeż tal-konċessjoni inkrementali huma bbażati fuq l-ispejjeż medji tal-konċessjoni għal kull passiġġier fil-livell tal-ajruport matul is-sena qabel kien iffirmat kull ftehim, immultiplikati bil-previżjonijiet tat-traffiku għal-linja tal-ajru rispettiva u jiżdiedu permezz tal-inflazzjoni.

    (508)

    Il-fatturi tat-tagħbija preżunti fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi ma' Alitalia, Germanwings, Volare u Meridiana huma bbażati fuq l-għarfien u l-esperjenza preċedenti ta' So.Ge.A.AL rigward l-operazzjonijiet u l-mudell tan-negozju ta' kull linja tal-ajru (120), kif spjegat fid-dettall fit-Tabella 13.

    Tabella 13

    Is-suppożizzjonijiet tal-fatturi tat-tagħbija

    Linja tal-ajru

    Fattur tat-tagħbija

    Air One/Alitalia

    mhux disponibbli

    Germanwings

    60

    Volare

    50

    Meridiana

    65

    —   Air One/Alitalia

    (509)

    Il-projezzjonijiet tat-traffiku għal Air One/Alitalia matul it-terminu tal-ftehim tal-immaniġġjar inkisbu kif ġej:

    (a)

    il-projezzjonijiet tat-traffiku assoċjati mal-bidu tat-tliet rotot internazzjonali lejn/minn Barċellona, Brussell u Pariġi huma bbażati fuq il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni. Kien preżunt li Air One/Alitalia topera tliet titjiriet fil-ġimgħa għal kull rotta;

    (b)

    il-projezzjonijiet tat-traffiku għat-titjiriet domestiċi huma bbażati fuq l-għadd ta' titjiriet operati minn Air One/Alitalia fl-2009, imsaħħa minn suppożizzjoni li t-traffiku domestiku ser jiżdied b'1 % kull sena.

    (510)

    Il-projezzjonijiet tat-traffiku ntużaw għall-kisba tad-dħul inkrementali mistenni u tal-ispejjeż inkrementali mistennija. Id-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi huwa bbażat fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku u t-tariffi tal-ajruport ippubblikati għas-servizzi kollha minbarra l-immaniġġjar. It-tariffi tal-immaniġġjar huma bbażati fuq il-ftehim tal-immaniġġjar tal-2010. Id-dħul mistenni minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi nkiseb kif spjegat fid-dettall fil-premessa 502).

    (511)

    L-ispejjeż inkrementali mistennija nkisbu abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall fil-premessi 503–508 u jinkludu l-pagament ta' kummerċjalizzazzjoni ta' darba minn So.Ge.A.AL sabiex tiġi inċentivata t-tnedija tar-rotot internazzjonali ta' Air One/Alitalia mill-ajruport ta' Alghero.

    (512)

    Abbażi ta' dawk is-suppożizzjonijiet, l-NPV tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet tal-2010 ma' Air One/Alitalia, kif ikkalkolat mill-Italja, huwa ppreżentat fit-Tabella 14.

    Tabella 14

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Air One/Alitalia tal-2010 (f'miljuni ta' EUR)

    Sena

    2010

    2011

    2012

    2013

    2014

    2015

    Profitti inkrementali

    [0–1]

    [3–6]

    [3–6]

    [3–6]

    [3–6]

    [3–6]

    NPV (121) (matul it-terminu tal-ftehim)

    [10–14]

     

     

     

     

     

    —   Volare

    (513)

    Il-previżjonijiet tat-traffiku għal Volare huma bbażati fuq l-ATMs stabbiliti fil-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri 28 titjira fl-2007, 207 titjiriet għall-2008 u l-2009 u 180 titjira għall-2010.

    (514)

    Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi kien ibbażat fuq it-tariffi tal-ajruport ippubblikati u fuq il-ftehim tal-immaniġġjar, flimkien mal-projezzjonijiet tat-traffiku. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

    (515)

    L-ispejjeż inkrementali kienu bbażati fuq it-tariffi medji għal kull unità u fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku bbażati fuq is-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall fil-premessi 503–508 u jinkludu l-pagament ta' darba ta' EUR […] għall-ewwel sena ta' attività.

    (516)

    Fil-kalkolu tal-NPV muri fit-Tabella 15, l-analiżi tar-rigressjoni kienet ibbażata fuq id-dejta dwar l-ispejjeż minn qabel l-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri bejn l-1998 u l-2006.

    Tabella 15

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Volare tal-2007 (f'eluf ta' EUR)

    Sena

    2007

    2008

    2009

    2010

    Profitti inkrementali

    [13–18]

    [50–100]

    [100–125]

    [100–125]

    NPV (122) (matul it-terminu tal-ftehim)

    [250–300]

     

     

     

    —   Meridiana

    (517)

    Il-previżjonijiet tat-traffiku għal Meridiana, li jservu bħala l-bażi tas-suppożizzjonijiet dwar id-dħul inkrementali u l-ispejjeż inkrementali mistennija, huma bbażati fuq l-għadd ta' ATMs fuq ir-rotot lejn/minn Milan, Verona u Bari, kif speċifikat fil-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010.

    (518)

    Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi kien ibbażat fuq it-tariffi tal-ajruport ippubblikati u fuq il-ftehim tal-immaniġġjar, flimkien mal-projezzjonijiet tat-traffiku. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

    (519)

    L-ispejjeż inkrementali kienu bbażati fuq it-tariffi medji għal kull unità u fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku spjegati fid-dettall fil-premessi 503–508 u jinkludu l-pagament ta' darba ta' EUR […].

    (520)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana kien mistenni li japplika għal sena waħda, fil-perjodu bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010 u stipulat li dan jista' jiġi estiż sabiex ikopri s-snin 2011 u 2012 jekk l-għadd ta' passiġġieri li jinġarru mil-linja tal-ajru jaqbeż ċerti limiti minimi. L-Italja spjegat li fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ftehimiet, So.Ge.A.AL stenniet li Meridiana twassal il-livell minimu meħtieġ ta' traffiku tal-passiġġieri u, għalhekk, li Meridiana ġġedded il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni (u konsegwentement tal-immaniġġjar) ma' So.Ge.A.AL fuq termini simili.

    (521)

    Abbażi ta' dawk is-suppożizzjonijiet, l-NPV tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet tal-2010 ma' Meridiana huwa ppreżentat fit-Tabella 16. Kif muri fit-Tabella 16, għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà, l-Italja ħadet f'kunsiderazzjoni l-perjodu 2010–2013.

    Tabella 16

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Meridiana tal-2010 għall-perjodu 2010–2013 (f'eluf ta' EUR)

    Sena

    2010

    2011

    2012

    2013

    Profitti inkrementali

    – [150–200]

    [400–450]

    [400–450]

    [400–450]

    NPV (123) (matul it-terminu tal-ftehim)

    [950–1 100 ]

     

     

     

    —   Germanwings

    (522)

    Il-previżjonijiet tat-traffiku għal Germanwings huma bbażati fuq l-ATMs fil-mira stipulati fil-ftehim tal-2007 u jservu bħala l-bażi għall-aspettattivi ta' SO.GE.A.AL fir-rigward tad-dħul inkrementali u tal-ispejjeż inkrementali fiż-żmien li hija daħlet fil-ftehim.

    (523)

    Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi kien ibbażat fuq it-tariffi tal-ajruport ippubblikati u fuq il-ftehim tal-2007, flimkien mal-projezzjonijiet tat-traffiku. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

    (524)

    L-ispejjeż inkrementali kienu bbażati fuq it-tariffi medji għal kull unità u fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku u jinkludu l-pagament ta' darba ta' EUR […] fl-ewwel sena, kif ukoll il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv (l-analiżi tassumi li Germanwings kellha tilħaq il-miri relatati mal-passiġġieri). Fil-kalkolu tal-NPV muri fit-Tabella 17, l-analiżi tar-rigressjoni kienet ibbażata fuq dejta dwar l-ispejjeż li tmur lura għal qabel l-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri bejn l-1998 u l-2006.

    Tabella 17

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Germanwings tal-2007 (f'eluf ta' EUR)

    Sena

    2007

    2008

    2009

    Profitti inkrementali

    – [130–150]

    – [20–30]

    – [5–10]

    NPV (124) (matul it-terminu tal-ftehim)

    – [150–200]

     

     

    iii.   Valutazzjoni

    (525)

    Il-Kummissjoni taqbel mas-solidità tal-approċċ meħud mill-Italja fl-istima tal-għadd ta' passiġġieri u fil-kalkolu, abbażi ta' dan, tad-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi.

    (526)

    L-istess jgħodd fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż inkrementali, li jinkludu l-ħlasijiet tal-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-analiżi tar-rigressjoni għandha tkun ibbażata fuq dejta li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fil-mument li ddaħħlu fis-seħħ il-ftehimiet u, għalhekk, għandha titmexxa biss għall-perjodu ta' qabel l-iffirmar ta' dawk il-ftehimiet, jiġifieri, f'dan il-każ, bejn l-1998 u l-2006 għall-ftehimiet ma' Germanwings u Volare u bejn l-1998 u l-2009 għall-ftehimiet ma' Alitalia u Meridiana.

    (527)

    Kuntrarju għall-ftehimiet tas-snin 2000, 2002 u 2003 ma' Ryanair, li għalihom il-Kummissjoni aċċettat li ma tista' titmexxa ebda rigressjoni sinifikanti fuq il-bażi ta' dejta ex ante dwar l-ispejjeż u, għalhekk, intużat id-dejta dwar l-ispejjeż għall-perjodu bejn l-1998 u l-2008 bħala indikatur ta' dak li seta' jistenna MEO raġonevoli fiż-żmien li kienu konklużi dawk il-ftehimiet (ara l-premessa 491), fil-każ tal-ftehim tal-2007 ma' Germanwings u tal-ftehim tal-2010 ma' Meridiana kienu disponibbli aktar punti ta' dejta sabiex titwettaq ir-rigressjoni fuq dejta ex ante dwar l-ispejjeż, li kellhom ikunu disponibbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien li hija daħlet fil-ftehimiet inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota wkoll li kien aċċettat approċċ simili mill-Italja għall-analiżi tal-ftehimiet tal-2006 ma' Ryanair, li jmorru lura għal qabel l-iffirmar tal-ftehim tal-2007 ma' Germanwings.

    (528)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota tal-approċċ tal-Italja li ma tikkunsidrax 'valur terminali' bħala li jagħti kont għall-benefiċċji miksuba wara l-iskadenza tat-terminu tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings. Dak l-approċċ huwa konformi mar-raġunament tal-Kummissjoni kif żviluppat fil-premessi 445–450.

    (529)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, b'mod simili għall-ASAs tal-2006 u tal-2010 ma' Ryanair, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana u Alitalia kienu japplikaw b'mod retrospettiv bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010. So.Ge.A.AL spjegat li matul dak il-perjodu, So.Ge.A.AL kient qiegħda tiddiskuti termini simili għall-ftehim li kien iffirmat aktar tard ma' Meridiana u Alitalia fl-20 ta' Ottubru 2010. Għalhekk, il-Kummissjoni taqbel li dan l-approċċ huwa konsistenti ma' dak ta' MEO.

    (530)

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana (applikabbli fil-perjodu bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010) stabbilixxa li huwa jista' jiġi estiż sabiex ikopri s-snin 2011 u 2012 jekk l-għadd ta' passiġġieri li jinġarru mil-linja tal-ajru jaqbeż il-limiti minimi stipulati fih. L-Italja spjegat li fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ftehimiet, So.Ge.A.AL stenniet li Meridiana twassal il-livell minimu meħtieġ ta' traffiku tal-passiġġieri u, għalhekk, li Meridiana ġġedded il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni (u konsegwentement tal-immaniġġjar) ma' So.Ge.A.AL fuq termini simili.

    (531)

    Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument. L-ewwel nett, il-ftehim tal-immaniġġjar ma' Meridiana ma stabbilixxa ebda dispożizzjoni espliċita dwar it-tiġdid possibbli tiegħu. Tali klawżola kienet inkluża biss fil-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel li l-estensjoni possibbli tal-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni, li tassumi li Meridiana laħqet il-miri tat-traffiku, ser tirriżulta fl-estensjoni għal perjodu ta' żmien simili tal-ftehim tal-immaniġġjar mat-trasportatur, il-fatt jibqa' li fiż-żmien li kien iffirmat il-ftehim tal-immaniġġjar, ma kien hemm ebda obbligu legali li kien jorbot lil Meridiana sabiex tissokta bl-operazzjonijiet mill-ajruport wara t-termini inizjali tal-ftehim, jiġifieri April 2011. Barra minn hekk, il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni kien iffirmat fl-20 ta' Ottubru 2010, jiġifieri aktar minn sitt xhur wara li kien iffirmat il-ftehim tal-immaniġġjar. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li f'April 2010, meta kien iffirmat il-ftehim tal-immaniġġjar, So.Ge.A.AL ma setgħetx tiddependi fuq it-tiġdid ta' kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet fuq termini simili, b'tali tiġdid ikun ipotetiku. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-analiżi tal-profittabbiltà għandha tieħu f'kunsiderazzjoni biss it-tul ta' żmien inizjali tal-ftehim, jiġifieri sena waħda.

    (532)

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tieħu nota tal-approċċ tal-Italja li tiġġustifika l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fir-rigward tat-tiġdid tal-ftehim tal-immaniġġjar sempliċiment abbażi tal-possibbiltà ta' estensjoni tal-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni (minflok tal-ftehim tal-immaniġġjar). Il-Kummissjoni tqis li dan l-approċċ jagħmel l-argument espress matul l-investigazzjoni minn Ryanair u AMS li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni u l-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport jistgħu jiġu distinti faċilment bħala diffiċli biex jiġu aċċettati.

    (533)

    Il-Kummissjoni bniet l-analiżi mill-ġdid abbażi tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 525 sa 532. L-NPVs li rriżultaw għal dawk il-ftehimiet fiż-żmien meta dawn ġew konklużi, fil-perjodu li matulu kienu mistennija japplikaw, huma ppreżentati fit-Tabella 18.

    Tabella 18

    L-NPVs tal-ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u Air One/Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings

    Linja tal-ajru

    Il-perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

    NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'eluf ta' EUR)

    Volare

    2007–2010

    [250–300]

    Air One/Alitalia

    2010–2015

    [12 500 –13 000 ]

    Meridiana

    2010–2011

    – [150–200]

    Germanwings

    2007–2009

    – [150–200]

    (534)

    Minħabba li r-riżultat skontat mistenni huwa negattiv għall-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings, il-Kummissjoni ssib li So.Ge.A.AL ma aġixxietx bħal MEO fil-konklużjoni ta' dawk il-ftehimiet. Il-maniġer tal-ajruport ma setax jistenna li jkopri mill-inqas l-ispejjeż inkrementali miġjuba minn kwalunkwe wieħed minn dawk il-kuntratti. B'hekk, billi So.Ge.A.AL ma aġixxietx bħal MEO, id-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-ftehimiet fuq dawk it-termini tat vantaġġ ekonomiku lil Germanwings u Meridiana.

    (535)

    Il-ħarsa ġenerali lejn l-ispejjeż u d-dħul inkrementali li setgħu jkunu mistennija fiż-żmien li ġew konklużi l-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings hija miġbura fil-qosor fit-Tabella 19.

    Tabella 19

    Il-profittabbiltà inkrementali tal-ftehimiet ma' Germanwings u Meridiana

    Germanwings

    2007

    2008

    2009

    Il-Passiġġieri Mistennija

    15 000

    15 000

    15 000

    Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Ajrunawtiċi

    […]

    […]

    […]

    Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Mhux Ajrunawtiċi

    […]

    […]

    […]

    L-Ispejjeż Inkrementali Mistennija

    […]

    […]

    […]

    Is-Sostenn ta' Kummerċjalizzazzjoni għall-Ispejjeż

    […]

    […]

    […]

    Ir-Riżultat Nominali Mistenni

    – 140 482

    – 24 616

    – 8 745


    Meridiana

    2010

    Il-Passiġġieri Mistennija

    59 631

    Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Ajrunawtiċi

    […]

    Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Mhux Ajrunawtiċi

    […]

    L-Ispejjeż Inkrementali Mistennija

    […]

    Is-Sostenn ta' Kummerċjalizzazzjoni għall-Ispejjeż

    […]

    Ir-Riżultat Nominali Mistenni

    – 175 174

    (536)

    B'kuntrast, il-ftehimiet ma' Volare u Alitalia setgħu jkunu mistennija li jwasslu għal riżultat skontat pożittiv. Għalhekk, fil-konklużjoni ta' dawk il-ftehimiet, So.Ge.A.AL ma tat ebda vantaġġ ekonomiku lil dawk it-trasportaturi.

    iv.   Konklużjoni

    (537)

    Abbażi tal-analiżi tal-profittabbiltà sottomessa mill-Italja fir-rigward tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Alitalia u Volare, il-Kummissjoni hija sodisfatta li kien ikun razzjonali għal MEO ggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà li jaċċetta t-termini ta' dawk il-ftehimiet fid-data meta ġew iffirmati. Għalhekk, dawk il-ftehimiet ma jinvolvu ebda għajnuna lit-trasportaturi tal-ajru.

    (538)

    Madankollu, abbażi tal-valutazzjoni fil-premessi 525 sa 536, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx razzjonali għal So.Ge.A.AL li tikkonkludi l-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings. Kull wieħed minn dawk il-ftehimiet jinvolvi vantaġġ ekonomiku lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

    Ftehimiet ma' bmibaby, Air Italy u Air Vallée

    (539)

    Kif issemma aktar 'il fuq, permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni bl-analiżi ex ante tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mal-linji tal-ajru l-oħrajn soġġetti għall-investigazzjoni, jiġifieri, bmibaby, Air Italy u Air Vallée.

    (540)

    Il-ftehimiet tal-immaniġġjar rilevanti ffirmati bejn So.Ge.A.AL u Air Italy, Air Vallée u bmibaby huma miġbura fil-qosor fit-Tabella 20:

    Tabella 20

    Ftehimiet tal-immaniġġjar ma' bmibaby, Air Italy u Air Vallée

    Linja tal-ajru

    It-tul mistenni tal-ftehim

    It-tariffa tal-immaniġġjar għal kull tlugħ u nżul

    Air Italy

    Mill-1 ta' Ġunju 2008 sal-31 ta' Diċembru 2010

    600

    Air Vallée

    Mid-9 ta' Awwissu 2010 sat-30 ta' Awwissu 2010

    300

    Bmbaby

    Mid-29 ta' Mejju 2010 sat-30 ta' Settembru 2010

    700

    (541)

    Il-metodoloġija segwita mill-Italja sabiex teżamina l-profittabbiltà inkrementali tal-ftehimiet konklużi bejn So.Ge.A.AL u Air Italy, Air Vallée u bmibaby hija spjegata fid-dettall fil-premessi 542 sa 545.

    (542)

    Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi jinkludi dħul mit-tariffi fuq l-inżul, mit-tariffi tal-immaniġġjar tal-bagalji, mit-tariffi tal-passiġġieri, mill-immaniġġjar tal-ajruplani u mill-qtugħ tal-biljetti. It-tariffi kollha, għajr dawk għall-immaniġġjar, kienu bbażati fuq l-iskema ppubblikata tat-tariffi tal-ajruport. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

    (543)

    L-ispejjeż inkrementali mistennija jinkludu l-ispejjeż relatati mal-persunal (125), mal-immaniġġjar, mal-prodotti, is-servizzi u l-materjal, kif ukoll allokazzjoni tal-ispejjeż ta' konċessjoni ta' So.Ge.A.AL. Billi l-ftehimiet rilevanti ffirmati minn So.Ge.A.AL ma' Air Vallée u bmibaby ma kinux jikkonċernaw servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, l-analiżi ma tikkunsidrax il-pagamenti għall-kummerċjalizzazzjoni. Twettqet analiżi tar-rigressjoni fuq l-għadd ta' passiġġieri u l-ispejjeż fil-livell tal-ajruport abbażi ta' dejta ex ante li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fil-mument meta ddaħħlu fis-seħħ il-ftehimiet inkwistjoni, jiġifieri bejn l-1998 u l-2007 għall-ftehim ma' Air Italy u bejn l-1998 u l-2009 għall-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby.

    (544)

    It-tabella 21 tiġbor fil-qosor il-profitti inkrementali li mistennija jakkumulaw għal So.Ge.A.AL mill-ftehim ma' Air Italy. L-NPV tal-profitti inkrementali li setgħet tistenna So.Ge.A.AL mill-ftehim ma' Air Italy jammonta għal EUR 99 330 (126).

    Tabella 21

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Air Italy tal-2008 (EUR)

    Sena

    2008

    2009

    2010

    Il-profitti inkrementali

    [30 000 –40 000 ]

    [30 000 –40 000 ]

    [30 000 –40 000 ]

    NPV (127) (matul it-terminu tal-ftehim)

    [90 000 –110 000 ]

     

     

    (545)

    It-tabella 22 tiġbor fil-qosor il-profitti inkrementali li mistennija jakkumulaw għal So.Ge.A.AL mill-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby. L-NPVs tal-profitti inkrementali li setgħet tistenna So.Ge.A.AL mill-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby jammontaw għal EUR 3 399 u EUR 25 330 rispettivament (128). Skont l-Italja, l-estimi tal-NPV huma relattivament baxxi minħabba li l-ftehimiet konklużi bejn So.Ge.A.AL, Air Vallée u bmibaby kienu mistennija li jkopru biss perjodu ta' sena waħda (jew inqas minn sena).

    Tabella 22

    L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby (EUR)

     

    Air Vallée

    Bmibaby

    Il-profitti inkrementali

    [3 000 –3 500 ]

    [25 000 –26 000 ]

    (546)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-approċċ meħud mill-Italja fl-istima tal-għadd ta' passiġġieri u fil-kalkolu tad-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi u tal-ispejjeż inkrementali tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Air Italy, Air Vallée u bmibaby huwa l-istess bħal dak applikat għall-ftehimiet mat-trasportaturi l-oħrajn. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk il-ftehimiet kienu mistennija li jkunu profittabbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien meta kienu ffirmati.

    12.2.1.3.   Is-selettività

    (547)

    Il-vantaġġ ekonomiku identifikat fil-premessa 534 ingħata fuq bażi selettiva, minħabba li kienu biss Meridiana u Germanwings li bbenifikaw minnu. Il-vantaġġ joħroġ mill-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u mill-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni nnegozjati individwalment miż-żewġ trasportaturi li ma ġewx konklużi mat-trasportaturi l-oħrajn li joperaw fl-ajruport taħt l-istess termini. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet kollha soġġetti għall-investigazzjoni f'dan il-każ huma sostanzjalment differenti u jirriżultaw fi flussi ta' flus differenti bejn So.Ge.A.A.AL u t-trasportaturi li joperaw mill-ajruport ta' Alghero.

    12.2.1.4.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (548)

    Miżura mogħtija minn Stat titqies bħala li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni meta din tkun tista' ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju, imqabbla ma' dik ta' intrapriżi oħrajn li magħhom jikkompeti (129). Għall-finijiet prattiċi kollha, tista' tiġi preżunta distorsjoni tal-kompetizzjoni hekk kif Stat jagħti vantaġġ finanzjarju lil intrapriża f'settur liberalizzat fejn ikun hemm kompetizzjoni (mill-inqas potenzjali). Il-każistika tal-Qrati Ewropej stabbilixxiet li kwalunkwe għotja ta' għajnuna lil intrapriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq intern tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (130).

    (549)

    Minn mindu daħal fis-seħħ it-tielet pakkett dwar il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-1 ta' Jannar 1993 (131), it-trasportaturi tal-ajru jistgħu joperaw liberament titjiriet fuq konnessjonijiet intra-Ewropej. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja,

    “meta intrapriża topera f'settur li fih […] jikkompetu produtturi minn diversi Stati Membri, kwalunkwe għajnuna li hija tista' tirċievi mingħand l-awtoritajiet pubbliċi tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni, billi l-preżenza kontinwa tagħha fis-suq timpedixxi lill-kompetituri milli jżidu s-sehem mis-suq tagħhom u jnaqqsu ċ-ċansijiet tagħhom li jżidu l-esportazzjonijiet” (132).

    (550)

    Il-Kummissjoni sabet li So.Ge.A.AL tat vantaġġ selettiv lil Germanwings u Meridiana. Dawk il-linji tal-ajru huma attivi f'suq liberalizzat u kompetittiv u l-vantaġġ li ngħataw seta' jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq għas-servizzi ta' trasport bl-ajru lejn/mill-ajruport ta' Alghero għad-detriment ta' trasportaturi tal-ajru oħrajn fl-Unjoni. F'dan id-dawl, il-Kummissjoni ssib li l-vantaġġ mogħti lil Germanwings u Meridiana jista' jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    12.2.1.5.   Konklużjoni dwar il-ftehimiet mal-linji tal-ajru

    (551)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri adottati minn So.Ge.A.AL skont il-ftehim tal-2010 ma' Meridiana u l-ftehim tal-2007 ma' Germanwings kienu jinvolvu għajnuna mill-Istat lil dawk il-linji tal-ajru, liema għajnuna kienet tammonta għal madwar EUR 175 174 u EUR 140 482, rispettivament. Minħabba li l-għajnuna involuta f'kull wieħed minn dawn il-ftehimiet iddaħħlet fis-seħħ mingħajr ma kienet awtorizzata mill-Kummissjoni, hija tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat.

    12.2.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil-linji tal-ajru

    (552)

    Fir-rigward tal-għajnuna tal-bidu, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jiddikjaraw li:

    “il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-linji gwida għall-miżuri ta' għajnuna tal-bidu kollha nnotifikati, li fir-rigward tagħhom hija tintalab tieħu deċiżjoni mill-4 ta' April 2014, anki meta l-miżuri ġew innotifikati qabel dik id-data. Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat, il-Kummissjoni ser tapplika r-regoli li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna għall-għajnuna tal-bidu illegali mogħtija lil-linji tal-ajru. Għaldaqstant, hija ma tapplikax il-prinċipji stabbiliti f'dawn il-linji gwida fil-każ tal-għajnuna tal-bidu illegali mogħtija lil-linji tal-ajru qabel l-4 ta' April 2014.”

    (553)

    Min-naħa tagħhom, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 jistipulaw li:

    “il-Kummissjoni ser tivvaluta l-kompatibbiltà ta' […] l-għajnuna tal-bidu mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u li, għalhekk, tikser l-Artikolu 88(3) tat-Trattat [issal-Artikolu 108 (3) tat-Trattat], abbażi ta' dawn il-linji gwida, jekk il-ħlas tal-għajnuna beda wara li l-linji gwida ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

    (554)

    Billi l-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings ġew konklużi wara l-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 fil-Ġurnal Uffiċjali nhar id-9 ta' Diċembru 2005, dawk il-linji gwida jikkostitwixxu l-bażi legali applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.

    12.2.2.1.   Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005

    (555)

    Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 jistabbilixxu, fil-punt 79, bosta kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati sabiex l-għajnuna tal-bidu tkun tista' tinstab kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

    i.   L-għajnuna titħallas lit-trasportaturi tal-ajru b'liċenzja valida maħruġa minn Stat Membru skont ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92

    (556)

    F'dan il-każ, il-benefiċjarji huma trasportaturi tal-ajru kif definiti mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (133). Għalhekk, l-ewwel kundizzjoni stabbilita mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija ssodisfata.

    ii.   L-għajnuna titħallas għar-rotot li jgħaqqdu ajruport reġjonali fil-kategorija Ċ jew D ma' ajruport ieħor fl-UE

    (557)

    Mill-2005, l-ajruport ta' Alghero kkwalifika bħala ajruport reġjonali tal-kategorija Ċ skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. L-għajnuna ngħatat lil dawk il-linji tal-ajru li fetħu rotot ġodda mill-ajruport ta' Alghero lejn ajruporti oħrajn li jinsabu fl-Unjoni. B'hekk, it-tieni kundizzjoni hija osservata.

    iii.   L-għajnuna tapplika biss għall-ftuħ ta' rotot ġodda jew skedi ġodda, li jwasslu għal żieda fil-volum nett tal-passiġġieri. Din l-għajnuna ma għandhiex tinkoraġġixxi li t-traffiku sempliċiment jiġi ttrasferit minn linja tal-ajru għal oħra jew minn kumpanija għal oħra. B'mod partikolari, hija ma għandhiex twassal għal rilokazzjoni tat-traffiku li ma tkunx ġustifikata fir-rigward tal-frekwenza u l-vijabbiltà tas-servizzi eżistenti li jitilqu minn ajruport ieħor fl-istess belt, fl-istess konurbazzjoni (134) jew fl-istess sistema ta' ajruporti (135), li jservu l-istess destinazzjoni jew destinazzjoni simili taħt l-istess kriterji

    (558)

    L-għajnuna ngħatat sabiex tinkoraġġixxi lil-linji tal-ajru jniedu rotot ġodda mill-ajruport ta' Alghero lejn destinazzjoni waħda jew aktar fl-Unjoni, sabiex b'hekk iwasslu għal żieda fil-volum nett tal-passiġġieri. Ma hemm ebda ajruport ieħor fl-istess belt jew konurbazzjoni. Barra minn hekk, ebda waħda mir-rotot inkwistjoni ma kienet servuta minn servizz ferrovjarju ta' veloċità għolja. B'hekk, it-tielet kundizzjoni stabbilita mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija ssodisfata.

    iv.   Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rotta li tirċievi l-għajnuna għandha turi li hija profittabbli, jiġifieri għandha mill-inqas tkopri l-ispejjeż tagħha, mingħajr finanzjament pubbliku. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna tal-bidu għandha tkun digressiva u ta' tul limitat

    (559)

    L-għajnuna mogħtija lil Germanwings u Meridiana kienet limitata għat-tul tal-ftehimiet konklużi ma' So.Ge.A.AL, jiġifieri sena u tliet snin rispettivament. Madankollu, ma ġiet imposta ebda kundizzjoni fil-ftehimiet li permezz tagħha r-rotot operati mit-trasportaturi mill-ajruport ta' Alghero kellhom ikunu fl-aħħar mill-aħħar profittabbli fuq bażi awtonoma. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, filwaqt li l-ammont ta' għajnuna li rċeviet Germanwings, kif elenkat fit-Tabella 19, kien digressiv, Germanwings waqfet topera fl-ajruport ta' Alghero fl-2007 u, għalhekk, qatt ma operat mingħajr finanzjament pubbliku.

    v.   L-ammont ta' għajnuna għandu jkun strettament marbut mal-ispejjeż eliġibbli

    (560)

    L-ispejjeż eliġibbli huma definiti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 bħala l-“ispejjeż tal-bidu addizzjonali li jkunu saru fit-tnedija tar-rotta jew tal-frekwenza ġdida […] li l-operatur tal-ajru ma jkollux għaliex iġorr ladarba din tkun qiegħda taħdem kif suppost”. L-Italja ma affermatx li l-finanzjament mogħti lil Germanwings u Meridiana kien limitat sabiex ikopri l-ispejjeż eliġibbli u li l-ispejjeż operattivi regolari ma kinux ser jiġu ssussidjati. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex irrispettata.

    vi.   L-għajnuna digressiva tista' tingħata għal perjodu massimu ta' tliet snin. L-ammont ta' għajnuna fi kwalunkwe sena waħda ma jistax jaqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli totali għal dik is-sena u l-għajnuna totali ma tistax taqbeż medja ta' 30 % tal-ispejjeż eliġibbli

    (561)

    Il-ftehimiet mal-linji tal-ajru inkwistjoni ma jagħmlu ebda referenza għall-ispejjeż tal-linji tal-ajru u ma jistipulawx li l-għajnuna għandha tkun limitata għal ċertu perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li din il-kundizzjoni mhijiex issodisfata.

    vii.   Il-perjodu li matulu tingħata l-għajnuna tal-bidu lil linja tal-ajru għandu jkun sostanzjalment inqas mill-perjodu li matulu l-linja tal-ajru timpenja ruħha li topera mill-ajruport inkwistjoni

    (562)

    Il-Kummissjoni tinnota li ma ġiet imposta ebda kundizzjoni li r-rotot miftuħa mit-trasportaturi għandhom ikunu vijabbli wara l-perjodu meta jiġi ssussidjat l-operat tagħhom.

    viii.   Il-ħlasijiet tal-għajnuna għandhom ikunu marbuta mal-iżvilupp nett tal-għadd ta' passiġġieri ttrasportati

    (563)

    Il-Kummissjoni tinnota li hemm rabta ċara bejn l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati u l-ammont ta' għajnuna. B'mod partikolari, il-ftehimiet ma' Germanwings u Meridiana jistabbilixxu l-ħlasijiet għal eżitu pożittiv li għandhom jitħallsu minn So.Ge.A.AL jekk il-linji tal-ajru jilħqu l-miri tat-traffiku stipulati.

    ix.   Kwalunkwe korp pubbliku li jippjana li jagħti għajnuna tal-bidu lil linja tal-ajru għal rotta ġdida, kemm jekk permezz ta' ajruport jew le, għandu jagħmel il-pjanijiet tiegħu pubbliċi fi żmien tajjeb u b'pubbliċità adegwata sabiex il-linji tal-ajru interessati kollha jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom. B'mod partikolari, in-notifika għandha tinkludi d-deskrizzjoni tar-rotta, kif ukoll il-kriterji oġġettivi f'termini tal-ammont u t-tul tal-għajnuna

    (564)

    Matul l-investigazzjoni, l-Italja affermat li l-intenzjoni tal-ajruport li jikkonkludi ftehimiet mal-linji tal-ajru interessati li jiftħu rotot ġodda li jitilqu mill-ajruport ta' Alghero kienet irreklamata biżżejjed fost it-trasportaturi interessati potenzjali. Madankollu, ma ġiet ipprovduta ebda prova f'dak ir-rigward. B'mod partikolari, ma teżisti ebda indikazzjoni li l-ajruport ta' Alghero għamel l-intenzjoni tiegħu li jagħti l-għajnuna lil-linji tal-ajru, u l-kundizzjonijiet tal-għoti ta' tali għajnuna, magħrufa fi żmien tajjeb u b'pubbliċità adegwata. Għalhekk, il-proċedura għall-għażla tat-trasportaturi tal-ajru ma kinitx ċara biżżejjed sabiex ikun żgurat it-trattament mhux diskriminatorju tal-applikanti tat-trasportaturi interessati.

    x.   Meta tissottometti l-applikazzjoni tagħha, kwalunkwe linja tal-ajru li tipproponi servizz lil korp pubbliku li joffri li jagħti għajnuna tal-bidu għandha tipprovdi pjan ta' negozju li juri, fuq perjodu sostanzjali, il-vijabbiltà tar-rotta wara li tkun skadiet l-għajnuna. Il-korp pubbliku għandu jwettaq ukoll analiżi tal-impatt tar-rotta l-ġdida fuq ir-rotot kompetituri qabel l-għoti tal-għajnuna tal-bidu

    (565)

    La l-Italja u lanqas il-partijiet interessati ma pprovdew evidenza fl-investigazzjoni li t-trasportaturi kellhom jipprovdu pjan ta' negozju għar-rotot inkwistjoni minn qabel sabiex juru l-vijabbiltà tar-rotta inkwistjoni fuq bażi awtonoma wara perjodu partikolari. Min-naħa tagħha, So.Ge.A.AL ma affermatx li kienet wettqet valutazzjoni tal-impatt tar-rotot ġodda inkwistjoni fuq rotot oħrajn. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex osservata.

    xi.   L-Istati għandhom jiżguraw li l-lista ta' rotot li jirċievu l-għajnuna tiġi ppubblikata kull sena għal kull ajruport, fejn f'kull każ jiġu indikati s-sors tal-finanzjament pubbliku, il-kumpanija benefiċjarja, l-ammont tal-għajnuna mħallsa u l-għadd ta' passiġġieri kkonċernati

    (566)

    Ma hemm ebda indikazzjoni li l-ajruport ta' Alghero ppubblika kull sena l-lista ta' rotot li jirċievu finanzjament pubbliku, li tindika s-sors tal-finanzjament, it-trasportatur tal-ajru, l-ammont ta' għajnuna effettivament imħallsa u l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex irrispettata.

    xii.   Fejn applikabbli, għandhom jiġu previsti proċeduri ta' appell fil-livell tal-Istati Membri intiżi biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fl-għoti tal-għajnuna

    (567)

    L-Italja ma sostnietx li l-proċeduri ta' appell kienu fis-seħħ sabiex jindirizzaw l-ilmenti rigward l-għoti tal-għajnuna lit-trasportaturi li joperaw rotot mill-ajruport ta' Alghero. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex osservata.

    xiii.   Għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi ta' penali f'każ li trasportatur jonqos milli jirrispetta l-impenji li kien ta fir-rigward ta' ajruport fiż-żmien meta tħallset l-għajnuna. Sistema għall-irkupru tal-għajnuna jew għat-teħid ta' garanzija inizjalment iddepożitata mit-trasportatur tippermetti lill-ajruport jiżgura li l-linja tal-ajru tonora l-impenji tagħha

    (568)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet mat-trasportaturi jistabbilixxu sistema ta' penali f'każ li l-linji tal-ajru ma josservawx il-miri tat-traffiku stipulati fihom. B'hekk, din il-kundizzjoni hija ssodisfata.

    xiv.   L-għajnuna tal-bidu ma tistax tiġi kkombinata ma' tipi oħrajn ta' għajnuna mogħtija għall-operat ta' rotta, bħal għajnuna ta' natura soċjali mogħtija lil ċerti kategoriji ta' passiġġieri u kumpens għat-twettiq ta' servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, tali għajnuna ma tistax tingħata meta l-aċċess għal rotta jkun ġie riżervat għal trasportatur wieħed skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 u, b'mod partikolari, il-paragrafu 1(d) ta' dak l-Artikolu. Barra minn hekk, skont ir-regoli tal-proporzjonalità, tali għajnuna ma tistax tiġi kkombinata ma' għajnuna oħra mogħtija bil-għan li tkopri l-istess spejjeż, inkluża l-għajnuna mħallsa fi Stat ieħor

    (569)

    L-Italja kkonfermat li l-għajnuna inkwistjoni ma ngħatatx għall-bidu tar-rotot soġġetti għall-OSP skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Madankollu, l-Italja ma kkonfermatx li l-għajnuna ma kinitx ikkombinata ma' għajnuna oħra sabiex tkopri l-istess spejjeż.

    (570)

    Għalhekk, l-għajnuna lil-linji tal-ajru ma tistax tinstab bħala li tikkostitwixxi għajnuna tal-bidu kompatibbli skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat implimentata għal Meridiana u Germanwings tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat li għandha tiġi rkuprata.

    12.3.   KONKLUŻJONI

    (571)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li:

    (a)

    L-Italja implimentat l-għajnuna għall-investiment lill-ajruport ta' Alghero fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-għajnuna għall-investiment hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat;

    (b)

    Is-sussidji msemmija fil-premessa 257 mogħtija lill-maniġer tal-ajruport ta' Alghero qabel it-12 ta' Diċembru 2000 jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

    (c)

    L-Italja implimentat l-għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruport ta' Alghero fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-għajnuna operattiva hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat;

    (d)

    Il-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport (jew il-ftehimiet tal-immaniġġjar) u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair, Air One/Alitalia, Volare, bmibaby, Air Vallée u Air Italy ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat;

    (e)

    Il-ftehimiet tal-immaniġġjar u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Meridiana u Germanwings jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat.

    13.   IRKUPRU

    (572)

    Skont it-Trattat u l-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jabolixxi jew ibiddel l-għajnuna (136) meta jsib li din hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu ta' Stat li jabolixxi l-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (137). F'dak il-kuntest, il-Qorti ddikjarat li l-għan jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta' għajnuna illegali, biex b'hekk jitlef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq u jerġa' lura għas-sitwazzjoni li kien fiha qabel il-ħlas tal-għajnuna (138).

    (573)

    Wara dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (139) stabbilixxa li “meta jittieħdu deċiżjonijiet negattivi fir-rigward tal-għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju.”

    (574)

    Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat imsemmija fit-Tabella 19, li ġiet implimentata għal Meridiana u Germanwings, għandha tiġi rrimborżata lill-Italja, diment li din tkun tħallset.

    (575)

    Fir-rigward tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-analiżi ex ante tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali mistennija tal-ftehimiet kif stabbiliti fit-Tabella 19, bil-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    Għal kull ftehim jew kombinazzjoni ta' ftehimiet inkwistjoni, l-ammont ta' għajnuna annwali li jrid jiġi rkuprat għandu jikkorrespondi għall-fluss tal-flus inkrementali negattiv annwali fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-ftehim, għal kull sena tal-applikazzjoni tal-kuntratt. Dawk il-flussi ta' flus negattivi jikkorrespondu għall-ammont ta' finanzjament meħtieġ sabiex il-valur nett preżenti tal-ftehim ikun pożittiv u allura l-ftehim ikun konformi mas-suq.

    (b)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-perjodu ta' żmien li għandu jiġi kkunsidrat għall-analiżi tal-profittabbiltà għal Germanwings huwa l-2007. Kif issemma fil-premessa 117, Germanwings kienet topera mill-ajruport ta' Alghero biss fl-2007. Tabilħaqq, il-vantaġġ effettiv riċevut mill-kumpanija tal-linja tal-ajru huwa limitat għat-tul effettiv tal-ftehimiet inkwistjoni, hekk kif ladarba ġie fi tmiemu l-ftehim, Germanwings ma rċeviet ebda vantaġġ ieħor mill-ajruport.

    (576)

    It-tabella 23 tindika l-ammonti ta' rkupru indikattivi (flussi inkrementali negattivi) bit-tnaqqis korrispondenti għall-ftehim ma' Germanwings, li għadu ma lestiex it-terminu sħiħ tiegħu.

    Tabella 23

    Informazzjoni dwar l-ammonti indikattivi tal-għajnuna riċevuta, li għandha tiġi rkuprata u li diġà ġiet irkuprata

    Identità tal-benefiċjarju

    Ammont indikattiv totali tal-għajnuna riċevuta (f'EUR)

    Ammont indikattiv totali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (f'EUR)

    (Kapital)

    Ammont totali diġà rrimborżat (f'EUR)

    Kapital

    Imgħax ta' rkupru

    Germanwings

    140 482

    140 482

     

     

    Meridiana

    175 174

    175 174

     

     

    (577)

    Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-vantaġġ effettiv riċevut mil-linji tal-ajru u mis-sussidjarji tagħhom skont il-ftehimiet, l-ammonti indikati fit-Tabella 23 jistgħu jiġu aġġustati, skont l-evidenza ta' sostenn ipprovduta mill-Italja, abbażi ta' (i) id-differenza bejn, fuq naħa waħda, il-ħlasijiet effettivi kif ippreżentati ex post, li saru mil-linji tal-ajru fir-rigward tat-tariffi tal-ajruport u, fuq in-naħa l-oħra, il-flussi tal-flus previsti (ex ante) fuq dawn l-entrati ta' dħul u murija fit-Tabella 19, u (ii) id-differenza bejn, fuq naħa waħda, il-ħlasijiet tal-kummerċjalizzazzjoni effettivi kif ippreżentati ex post, li tħallsu lil-linji tal-ajru skont il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u, fuq in-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni kif previsti ex ante, li jikkorrespondu għall-ammonti indikati fit-Tabella 19.

    (578)

    Barra minn hekk, mal-ammont ta' għajnuna, l-Italja għandha żżid l-imgħaxijiet ta' rkupru, ikkalkolati mid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru tagħha (140), skont il-kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (141). Billi fil-każ inkwistjoni, il-flussi tal-flus li jikkorrespondu għall-ammonti ta' għajnuna huma kumplessi u tħallsu f'dati differenti matul is-sena, kif ukoll minħabba li ż-żewġ kuntratti damu għaddejjin għal sena waħda biss kull wieħed, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa aċċettabbli, għall-finijiet tal-kalkolu tal-imgħaxijiet ta' rkupru, li l-mument tal-ħlas tal-għajnuna lil Germanwings u Meridiana jitqies bħala d-data tat-terminazzjoni (bikrija) tal-ftehimiet rispettivi.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-għotjiet diretti għall-infrastruttura, għall-fittings u x-xogħlijiet u għat-tagħmir mogħtija mill-Italja lill-ajruport ta' Alghero jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna mill-Istat ingħatat mill-Italja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-paragrafu 1 hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

    Artikolu 2

    1.   L-injezzjonijiet ta' kapital implimentati mill-Italja għall-ajruport ta' Alghero jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna mill-Istat ingħatat mill-Italja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

    Artikolu 3

    Il-miżuri implimentati mill-Italja għal Ryanair, Air One/Alitalia, Volare, bmibaby, Air Vallée u Air Italy ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Artikolu 4

    1.   Il-miżuri implimentati mill-Italja għal Meridiana u Germanwings jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna mill-Istat ingħatat mill-Italja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-paragrafu 1 hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 5

    1.   L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna mill-Istat inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4 mingħand il-benefiċjarji.

    2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom iġorru imgħax mid-data li fiha tqiesu bħala li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom.

    3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta b'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

    4.   L-Italja għandha tikkanċella l-ħlasijiet tal-għajnuna pendenti kollha msemmija fl-Artikolu 4 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 5 għandu jkun immedjat u effettiv.

    2.   L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 7

    1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Italja tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta mill-benefiċjarji;

    (b)

    l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet fuq l-irkupru) li jridu jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju;

    (c)

    deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati li jittieħdu sabiex tinżamm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

    (d)

    dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

    2.   L-Italja żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm tlesti l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4. Fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, hija tissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħadet u li qed tippjana li tieħu biex tkun konformi ma' din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax fuq l-irkupru li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 38, 12.2.2008, p. 19 u ĠU C 40, 12.2.2013, p. 15.

    (2)  Sentenza tal-10.5.2006 fil-kawża T-395/04, Air One SpA vs il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea [2006], Ġabra II — 1347.

    (3)  ĠU C 12, 17.1.2008, p. 7.

    (4)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

    (5)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

    (6)  ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3.

    (7)  ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.

    (8)  Ara http://servizi.aci.it/distanze-chilometriche-web

    (9)  Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li s-suċċessur legali ta' Volare huwa CAI Second S.p.A., kumpanija sussidjarja ta' Alitalia — Compagnia Aerea Italiana S.p.A. Bl-istess mod, Air One S.p.A. ġiet amalgamata ma' Alitalia — Compagnia Aerea Italiana S.p.A.

    (10)  L-RAS għandu 100 % tal-kapital azzjonarju ta' SFIRS. SFIRS tħejji pjanijiet u programmi u abbozz ta' linji gwida mmirati lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjun.

    (11)  L-infrastruttura tal-ajruport hija proprjetà ta' ENAC, li jew toperaha direttament jew inkella tassenjaha lil partijiet terzi permezz ta' konċessjonijiet. Tradizzjonalment, kienu jeżistu erba' tipi ta' mudelli ta' ġestjoni tal-ajruporti fl-Italja: (i) l-ajruporti ġestiti direttament mill-Istat, li kien responsabbli mill-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kollha tal-ajruport, ġarrab l-ispejjeż kollha u żamm id-dħul kollu; (ii) l-ajruporti ġestiti taħt konċessjoni temporanja, f'liema każ il-maniġer tal-ajruport, abbażi ta' awtorizzazzjoni temporanja, jista' jopera l-infrastruttura tal-ajruport u jżomm id-dħul mill-attivitajiet kummerċjali; (iii) l-ajruporti ġestiti taħt konċessjoni parzjali, f'liema każ il-maniġer tal-ajruport żamm id-dħul kollu li rriżulta mill-użu tat-terminals tal-passiġġieri u tal-merkanzija u mis-servizzi ewlenin ipprovduti fl-ajruport (eż. l-immaniġġjar), filwaqt li l-Istat, permezz ta' ENAC, żamm id-dħul kollu mit-tariffi tal-ajruport (tariffi fuq l-inżul u t-tluq, tariffi fuq il-parkeġġ tal-inġenji tal-ajru u tariffi fuq l-imbarkazzjoni tal-passiġġieri); (iv) l-ajruporti ġestiti taħt konċessjoni komprensiva, f'liema każ il-maniġer tal-ajruport kien responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura kollha (inkluż l-airside) u għall-provvista tas-servizzi kollha pprovduti fl-ajruport u ġabar id-dħul kollu derivat mill-operazzjonijiet fl-ajruport għal perjodu sa erbgħin sena. Mill-2007, ENAC setgħet tafda b'mod provviżorju lid-detenturi tal-konċessjonijiet parzjali (inklużi dawk li kienu fdati temporanjament biss bil-ġestjoni tal-infrastruttura) bil-ġestjoni tal-ajruport taħt sistema ta' ġestjoni komprensiva, billi tillimita d-dritt tal-użu tad-dħul mid-drittijiet tal-utenti għall-miżuri urġenti li huma meħtieġa sabiex il-maniġer tal-ajruport ikun jista' jwettaq l-attività tiegħu, kif stipulat fil-pjan ta' azzjoni (Piano di interventi).

    (12)  Id-Digriet Inter-Ministerjali 125 T għall-għoti tal-konċessjoni lil So.Ge.A.AL inħareġ fit-3 ta' Awwissu 2007.

    (13)  F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti sostniet li l-attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċitar tas-setgħat uffiċjali tagħha bħala awtorità pubblika mhumiex ta' natura ekonomika u, b'mod ġenerali, ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F'dan is-sens, ara l-Kawża C-118/85 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1987] Ġabra 2599, il-paragrafi 7 u 8, il-Kawża C-30/87 Bodson/Pompes funèbres des régions libérées, [1988] Ġabra I-2479, il-paragrafu 18, il-Kawża C-364/92 SAT/Eurocontrol, [1994] Ġabra I-43, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-113/07 P Selex Sistemi Integrati vs il-Kummissjoni, [2009] Ġabra I-2207, il-paragrafu 71.

    (14)  Bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tas-26 ta' Mejju 2014.

    (15)  Il-paragrafi 7 u 8 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tal-2007.

    (16)  L-Anness 22 tal-ittra tal-Italja tal-10 ta' Ġunju 2014.

    (17)  Minbarra t-tariffa ta' konċessjoni mħallsa għall-ġestjoni tal-ajruport, mill-2005, So.Ge.A.AL bdiet tħallas ukoll “tariffa ta' konċessjoni għas-sigurtà”, għad-dritt li tipprovdi servizzi ta' sigurtà fl-ajruport u titlob ħlasijiet għas-servizzi ta' sigurtà.

    (18)  “Project Nuraghe — Il caso So.Ge.A.AL”, id-29 ta' Awwissu 2011, imħejji minn Accuracy, sottomess lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-Italja tal-31 ta' Awwissu 2011, Anness 1.

    (19)  Ittri tal-Italja tas-26 ta' Ottubru 2012 u tat-18 ta' Frar 2014.

    (20)  L-ajruporti għandhom żewġ elementi ta' dħul: dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi, li jirriżulta mit-tariffi imposti fuq il-linji tal-ajru għall-użu tagħhom tal-faċilitajiet kemm mill-inġenji tal-ajru kif ukoll mill-passiġġieri, u dħul kummerċjali derivat minn attivitajiet kummerċjali fis-sit tal-ajruport, inklużi l-bejgħ bl-imnut, il-parkeġġ għall-karozzi, il-forniment tal-ikel u l-kiri tal-uffiċini/proprjetà.

    (21)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).

    (22)  Ara, b'mod partikolari, l-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali 521/1997.

    (23)  Ittra tal-Italja tal-31 ta' Awwissu 2011, Annessi 7 u 23. Għat-tqassim tal-finanzjament pubbliku bejn l-azzjonisti pubbliċi, inklużi l-kontribuzzjonijiet minn SFIRS għas-snin 2007, 2009 u 2010, ara l-Anness 1 (ir-Rapport ta' Accuracy) ta' dik l-ittra, p. 40.

    (24)  Ittra tal-Italja tat-22 ta' Ottubru 2012.

    (25)  Din id-definizzjoni ġiet implimentata skont il-paragrafu 8 tal-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru. 163 tat-12 ta' April 2006 (“Codice dei contratti pubblici relativi ai lavori, servizi e furniture”).

    (26)  Ittra tal-Italja tat-8 ta' Mejju 2014.

    (27)  Ittra tal-Italja tat-8 ta' Mejju 2014.

    (28)  Il-Kawża T-128/89 Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-3929.

    (29)  Comitato interministeriale per la programmazione economica.

    (30)  Bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tas-26 ta' Mejju 2014.

    (31)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014, Anness A.

    (*)  Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

    (32)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014.

    (33)  Is-sentenza ċċitata fil-kawża Aéroports de Paris. Ara wkoll il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE għall-għajnuniet mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5).

    (34)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2012 fil-kawża C76/2002 Avantages consentis par la Région Wallonne et Brussels South Charleroi Airport à la companie aérienne Ryanair u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2012 fil-kawża SA.33961 Plainte Air France — Aéroport de Nîmes.

    (35)  Ara s-sentenza tat-18 ta' Marzu 1997 fil-kawża C-343/95, Cali & Figli/Servizi ecologici porto di Genova [1997] I-1547; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2003 fil-kawża N309/2002 Sûreté aérienne — Compensation des coûts à la suite des attentats du 11 septembre 2001 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2002 fil-kawża N438/2002 Subventions aux régies portuaires pour l'exécution de missions relevant de la puissance publique.

    (36)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (37)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru. 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (38)  Definita mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 bħala ż-żona f'raġġ ta' 100 kilometru jew madwar 60 minuta ta' ħin tal-ivvjaġġar b'karozza, xarabank, ferrovija jew ferrovija ta' veloċità għolja mill-ajruport.

    (39)  Fl-10 ta' Mejju 1995, So.Ge.A.AL ingħatat l-ewwel konċessjoni “parzjali” għall-forniment ta' servizzi tal-immaniġġjar, abbażi tal-kuntratti li kellhom jiġu ffirmati mat-trasportaturi tal-ajru. Fl-20 ta' Ottubru 1995 ingħatat it-tieni konċessjoni “parzjali” lil So.Ge.A.AL għas-servizzi tal-forniment tal-ikel. Fil-11 ta' Frar 1999, So.Ge.A.AL ingħatat id-dritt temporanju li tiġġestixxi l-ajruport taħt konċessjoni “komprensiva”.

    (40)  Il-Kawża C 280/00 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg [2003] Ġabra I 7747.

    (41)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għall-Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67).

    (42)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

    (43)  Ittra ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011.

    (44)  Ittra ta' Ryanair tal-20 ta' Diċembru 2013.

    (45)  Ittra ta' Ryanair tal-15 ta' Settembru 2009.

    (46)  Ittra ta' Ryanair tal-15 ta' Diċembru 2009.

    (47)  Ittri ta' Ryanair tat-12 ta' Marzu 2013 u tal-15 ta' Diċembru 2009.

    (48)  Il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lit-trasportaturi low-cost, is-26 ta' Ottubru 2011, imħejji għal Ryanair minn Simon Pilsbury, Konsulent maniġerjali f'Oxera.

    (49)  Ittra ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011.

    (50)  Dokument ta' Oxera, “How should AMS agreements be treated within the profitability analysis as part of the market economy operator test?”, imħejji għal Ryanair, is-17 ta' Jannar 2014.

    (51)  Dokument ta' Oxera, “How should AMS agreements be treated within the profitability analysis as part of the market economy operator test? — Practical application”, imħejji għal Ryanair, il-31 ta' Jannar 2014.

    (52)  Rapport ta' Oxera “Economic MEOP assessment, Alghero Airport”, imħejji għal Ryanair, it-22 ta' Lulju 2011.

    (53)  Rapport ta' Oxera “Economic MEOP Assessment: updated profitability analysis — Alghero Airport”, imħejji għal Ryanair, it-12 ta' Marzu 2013.

    (54)  Ittra ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011.

    (55)  Il-Kawża C-41/90 Höfner u Elser [1991] Ġabra I-1979, il-paragrafu 21; C-160/91 Poucet u Pistre vs AGF u Cancava [1993] Ġabra I-637, il-paragrafu 17; il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998] Ġabra I-3851, il-paragrafu 36.

    (56)  Il-Kawża C-288/11 P Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs il-Kummissjoni [2012], li għadha ma ġietx irrapportata; ara wkoll il-Kawża T-128/89 Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-3929, ikkonfermata mill-kawża C-82/01P Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-9297 u mill-kawża T-196/04 Ryanair vs il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-3643.

    (57)  Il-Kawżi C-159/91 u C-160/91 Poucet vs AGV u Pistre vs Cancave [1993] Ġabra I-637.

    (58)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 29.

    (59)  Il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol [1994] Ġabra I-43; il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 34.

    (60)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2003 fil-kawża N 309/2002, iċċitata.

    (61)  Ara, b'mod partikolari, il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vS Eurocontrol [1994] Ġabra I-43, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-113/07 P Selex Sistemi Integrati vs il-Kummissjoni [2009] Ġabra I-2207, il-paragrafu 71; il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 35.

    (62)  Ara l-Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser vs Finanzamt Innsbruck [2005] Ġabra I-01627, il-paragrafu 36, u l-każistika ċċitata.

    (63)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 37.

    (64)  Ittra tal-Italja tal-10 ta' Ġunju 2014, l-Anness 22.

    (65)  Ara l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 37.

    (66)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni (“Stardust Marine”) [2002] Ġabra I-4397.

    (67)  Il-Kawżi Konġunti T-267/08 u T-279/08, Nord-Pas-de-Calais [2011], li għadhom ma ġewx ippubblikati, il-paragrafu 108.

    (68)  Sentenza tal-Qorti tas-6 ta' Marzu 2002, il-kawżi konġunti T-127/99, T-129/99, T-140/99 Diputación Foral de Álava u oħrajn vs il-Kummissjoni, Rec 2002, p. II-1330, il-paragrafu 142.

    (69)  Sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata.

    (70)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014, l-Anness 17.

    (71)  Il-Kawża C-39/94 Syndicat français de l'Express international (SFEI) u oħrajn vs La Poste u oħrajn [1996] Ġabra I-3547, il-paragrafu 60 u l-kawża C-342/96 Ir-Renju ta' Spanja vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1999] Ġabra I-2459, il-paragrafu 41.

    (72)  Is-sentenza fil-kawża Altmark, iċċitata.

    (73)  Il-Kawża 173/73 Ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1974] Ġabra 709, il-paragrafu 13.

    (74)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafu 69.

    (75)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”) [1991] Ġabra I-1603, il-paragrafu 23; il-Kawża T-296/97 Alitalia vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-03871, il-paragrafu 84.

    (76)  Il-Kawża 40/85 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1986] Ġabra I-2321.

    (77)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafu 71.

    (78)  Il-Kawża C-124/10P Il-Kummissjoni Ewropea vs Électricité de France (“EDF”) [2012], li għadha ma ġietx ippubblikata, il-paragrafu 85.

    (79)  Il-Kummissjoni ma għandhiex opinjoni definittiva dwar dan il-punt f'din id-Deċiżjoni.

    (80)  Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri (ĠU C 307, 31.11.1993, p. 3), il-paragrafu 36.

    (81)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-372/97 L-Italja vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-3679, il-paragrafu 44.

    (82)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

    (83)  Il-punt 25(v) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (84)  Ittra tal-Italja tat-8 ta' Mejju 2014.

    (85)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża SA.34586 — Il-Greċja — L-Immodernizzar tal-Ajruport ta' Chania, il-premessa 49.

    (86)  Ir-“rikostruzzjoni” tat-terminal l-antik imsemmi fit-Tabella 5 ta' hawn fuq hija relatata mal-espansjoni/kostruzzjoni tat-terminal il-ġdid u, għalhekk, hija inkluża fid-deskrizzjoni tal-għajnuna għat-terminal il-ġdid.

    (87)  Kif stipulat mill-“Programma di Intervento ‘Investimenti’ tal-Programma di sviluppo per l'affidamento della gestione quarantennale” approvat f'Settembru 2005.

    (88)  Il-paragrafi 137 u 113 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (89)  Il-paragrafi 137 u 120 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (90)  Il-paragrafi 137 u 116 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (91)  Il-paragrafi 137 u 124 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (92)  Il-paragrafi 137 u 125 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (93)  Il-paragrafi 137 u 131 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

    (94)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-278/00 Il-Greċja vs il-Kummissjoni [2004] I-03997, C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni [2002] I-04397 u l-Kawżi konġunti C-328/99 u C-399/00 L-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni [2003] I-04035, il-paragrafu 33.

    (95)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafi 52 u 53.

    (96)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafu 56.

    (97)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014, l-Anness A.

    (98)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni, iċċitata.

    (99)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 53.

    (100)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 66.

    (101)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punti 59 u 61.

    (102)  Ir-Rapport tal-MEOP tal-2011.

    (103)  Is-sentenza fil-kawża Charleroi, iċċitata, il-paragrafu 59.

    (104)  Dan jirreferi għad-dħul li jmur għand il-maniġer tal-ajruport bħala riżultat tan-negozju addizzjonali tal-parkeġġi għall-karozzi, tal-ħwienet, tar-ristoranti, eċċ. iġġenerat mill-passiġġieri addizzjonali.

    (105)  Il-Kawża 40/85 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1986] Ġabra I-2321.

    (106)  Il-proporzjon tat-tagħbija jew il-fattur tat-tagħbija huwa definit bħala l-proporzjon tal-postijiet mimlija fl-inġenju tal-ajru li jkun qed jopera fuq ir-rotta tal-ajru inkwistjoni.

    (107)  L-analiżi tinkludi “valur terminali” li jieħu f'kunsiderazzjoni l-benefiċċji futuri għal So.Ge.A.AL li rriżultaw wara l-iskadenza tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010 (ara l-premessa 471) u teskludi l-perjodu li għalih applikaw b'mod retrospettiv il-ftehimiet tal-2006 u tal-2010 (ara l-premessa 485).

    (108)  Ġew applikati r-rati ta' referenza tal-Kummissjoni sabiex jiġu skontati l-flussi ta' flus mistennija.

    (**)  Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

    (109)  Id-dejta dwar l-ispejjeż inkrementali użata fir-rigressjoni qabel id-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010, li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fid-data li fiha l-maniġer tal-ajruport daħal fil-ftehimiet inkwistjoni. Madankollu, minħabba li d-dejta dwar l-ispejjeż hija disponibbli biss għall-perjodu bejn l-1998 u l-2010, li kieku kien segwit approċċ simili għall-ftehimiet tas-snin 2000, 2002 u 2003, kien ikun hemm biss żewġ punti, tliet punti jew erba' punti disponibbli, rispettivament, sabiex titwettaq l-analiżi tar-rigressjoni, li mhijiex biżżejjed sabiex jinkisbu riżultati robusti. Konsegwentement, għal dawn il-ftehimiet, ir-rigressjoni hija bbażata fuq id-dejta dwar l-ispejjeż għall-perjodu bejn l-1998 u l-2010.

    (110)  L-ispejjeż tal-materjal, tar-reklamar, tal-kartolerija, tal-karburanti, il-biljetti tal-imbarkazzjoni, in-noti tal-assistenza, it-tikketti tal-bagalji, l-uniformijiet għall-impjegati.

    (111)  L-ispejjeż tal-assigurazzjoni tal-vetturi, tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-apparat u tal-vetturi, spejjeż oħrajn relatati mal-vetturi, il-frekwenzi tar-radju, il-manutenzjoni tal-apparat li jintuża fiċ-check-in.

    (112)  Mill-2003 'il quddiem, it-tariffi tal-konċessjoni annwali mħallsin mill-maniġers tal-ajruporti bdew jiġu ddeterminati fuq il-bażi tad-dejta tat-traffiku ppubblikata kull sena mill-Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport-ENAC. F'dan is-sens, ara l-premessa (156) ta' din id-Deċiżjoni.

    (113)  L-NPV ta' serje ta' żmien tal-flussi tal-flus mistennija, kemm dawk li jidħlu kif ukoll li joħorġu, huwa definit bħala s-somma skontata tal-flussi tal-flus individwali mistennija matul il-perjodu rilevanti. L-NPV huwa għodda standard li tintuża mill-impriżi sabiex jivvalutaw il-profittabbiltà ta' proġett.

    (114)  Ġew applikati r-rati ta' referenza tal-Kummissjoni sabiex jiġu skontati l-flussi ta' flus mistennija.

    (115)  Minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tas-7 ta' Lulju 2009.

    (116)  Minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tad-9 ta' Settembru 2009.

    (117)  Minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tat-23 ta' Frar 2010.

    (118)  Għalkemm din l-istrateġija ħalliet il-frott u So.Ge.A.AL setgħet tikseb tkabbir sinifikanti fil-volumi tat-traffiku skont l-aspettattivi tagħha, il-maniġer tal-ajruport ma setax iqabbel it-tkabbir fil-volumi tat-traffiku maż-żieda fil-profittabbiltà, minkejja l-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-awtoritajiet pubbliċi. Dan kien dovut l-aktar għad-dewmien sinifikanti fl-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”.

    (119)  Ġew applikati r-rati ta' referenza tal-Kummissjoni sabiex jiġu skontati l-flussi ta' flus mistennija.

    (120)  Għal Germanwings u Meridiana, il-fattur tat-tagħbija huwa speċifikat fil-ftehimiet ma' So.Ge.A.AL. Għal Volare, il-fattur tat-tagħbija huwa bbażat fuq l-għarfien preċedenti ta' So.Ge.A.AL dwar l-operazzjonijiet tal-linja tal-ajru. Billi Volare operat għadd ta' rotot domestiċi, kien preżunt fattur tat-tagħbija aktar baxx. Fil-każ ta' Alitalia, il-previżjonijiet tat-traffiku ma tnisslux minn suppożizzjoni partikolari għall-fattur tat-tagħbija minħabba li Alitalia operat mudelli differenti ta' ajruplani (bin-numru massimu ta' siġġijiet għal kull ajruplan ivarja minn 90 sa 180), skont il-jum tal-ġimgħa u l-istaġun. Il-previżjonijiet tat-traffiku tnisslu abbażi tal-esperjena u l-għarfien preċedenti fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-linja tal-ajru.

    (121)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 2,45 %.

    (122)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 6,42 %.

    (123)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 2,24 %.

    (124)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 6,42 %.

    (125)  Minħabba l-impenji baxxi tat-traffiku, ma kien meħtieġ ebda persunal addizzjonali sabiex iservi lil Air Vallée jew bmibaby.

    (126)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 5,55 %.

    (127)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 6 %.

    (128)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 2,24 %.

    (129)  Il-Kawża 730/79 Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1980] Ġabra 267, il-paragrafu 11 u l-kawżi konġunti T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa 607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98 Alzetta Mauro u oħrajn vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2000] Ġabra II-2325, il-paragrafu 80.

    (130)  Il-Kawża 730/79 Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1980], Ġabra 2671, il-paragrafi 11 u 12 u l-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest (ir-Reġjun tal-Fjandra) vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1998] Ġabra II-717, il-paragrafi 48-50.

    (131)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar l-aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar in-nollijiet u r-rati għal servizzi tal-ajru (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 15).

    (132)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1603, il-paragrafu 26.

    (133)  Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92 tħassar u, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

    (134)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

    (135)  Kif definit taħt l-Artikolu 2(m) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

    (136)  Il-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1973] Ġabra 813, il-paragrafu 13.

    (137)  Il-kawżi konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-04103, il-paragrafu 75.

    (138)  Il-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-3671, il-paragrafi 64-65.

    (139)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 108 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (140)  Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999, iċċitat, l-Artikolu 14, il-paragrafu 2.

    (141)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


    Top