Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1423

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1423 tal-21 ta' Awwissu 2015 dwar ċerti miżuri interim ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja (notifikata bid-dokument C(2015) 6010) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 222, 25.8.2015, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/09/2015; Imħassar b' 32015D1500

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1423/oj

    25.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 222/7


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1423

    tal-21 ta' Awwissu 2015

    dwar ċerti miżuri interim ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja

    (notifikata bid-dokument C(2015) 6010)

    (It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(3) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku, applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda virali li primarjament tittieħed minn vettur tal-annimali bovini, ikkaratterizzata minn telfiet sinifikanti u bil-potenzjal li tinfirex sew, l-aktar permezz tal-annimali ħajjin u prodotti miksuba minn annimali infettati.

    (2)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE (3) tistabbilixxi miżuri ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda. Dawn jinkludu miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' suspett u konferma tal-marda tal-infafet fil-ġilda.

    (3)

    Fl-20 ta' Awwissu 2015, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'żewġ tifqigħat tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'azjendi bovini b'total ta' madwar 200 annimal bovin fil-prefettura ta' Feres, fl-unità reġjonali ta' Evros fil-Greċja.

    (4)

    Il-Greċja applikat il-miżuri xierqa fil-qafas tad-Direttiva 92/119/KEE, u stabbiliet żoni ta' protezzjoni u sorveljanza madwar it-tifqigħat f'konformità mal-Artikolu 10 ta' dik id-Direttiva.

    (5)

    Jeżisti r-riskju li l-vajrus tal-marda tal-infafet fil-ġilda jinxtered lejn żoni oħra tal-Greċja u lejn Stati Membri oħra, partikolarment permezz tal-kummerċ tal-annimali bovini ħajjin u s-semen tagħhom, il-moviment ta' ċerti ruminanti selvaġġi u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali bovini.

    (6)

    Sabiex jiġi evitat it-tixrid tagħha lejn partijiet oħra tal-Greċja, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, huwa xieraq li l-moviment u d-dispaċċ ta' annimali bovini u s-semen tagħhom kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta' ċertu prodotti tal-annimali mill-unità reġjonali ta' Evros jiġu projbiti.

    (7)

    Sakemm jiltaqa' l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u f'kollaborazzjoni mal-Istat Membru inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri interim ta' protezzjoni marbuta mal-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja.

    (8)

    Is-sitwazzjoni għandha tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u l-miżuri jiġu adattati fejn meħtieġ.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Greċja għandha tipprojbixxi d-dispaċċ tal-prodotti li ġejjin mill-unità reġjonali ta' Evros lejn partijiet oħra tal-Greċja, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi:

    (a)

    annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi;

    (b)

    semen ta' annimali bovini.

    2.   Il-Greċja għandha tipprojbixxi li l-prodotti li ġejjin mill-unità reġjonali ta' Evros jitqegħdu fis-suq barra mill-unità reġjonali ta' Evros:

    (a)

    laħam frisk prodott minn annimali bovini, u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam prodotti minn tali laħam frisk;

    (b)

    ħalib u prodotti tal-ħalib minn annimali bovini;

    (c)

    prodotti sekondarji mhux proċessati ta' annimali bovini, sakemm mhux destinati, taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, għar-rimi f'impjant approvat fit-territorju tal-Greċja.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tapplika sat-30 ta' Settembru 2015.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Awwissu 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69).


    Top