EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0633

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/633 tal-20 ta' April 2015 dwar il-preżentazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' proposta biex sustanzi kimiċi addizzjonali jiġu inklużi fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes

ĠU L 104, 23.4.2015, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/633/oj

23.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/633

tal-20 ta' April 2015

dwar il-preżentazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' proposta biex sustanzi kimiċi addizzjonali jiġu inklużi fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-14 ta' Ottubru 2004, il-Komunità Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-“Konvenzjoni”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE. (1).

(2)

Bħala Parti għall-Konvenzjoni, l-Unjoni tista' tippreżenta proposti biex jiġu emendati l-Annessi għall-Konvenzjoni. L-Anness A għall-Konvenzjoni jagħti lista ta' materjali organiċi persistenti li jniġġsu li għandhom jiġu eliminati.

(3)

Skont it-tagħrif xjentifiku u r-rapporti tal-analiżi disponibbli, u filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-kriterji tal-eżami analitiku li jinsabu fl-Anness D tal-Konvenzjoni, l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA li jistgħu jkunu degradati għal PFOA f'kundizzjonijiet ambjentali (“PFOA u l-komposti tiegħu”), juru karatteristiċi ta' materjali organiċi persistenti li jniġġsu.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (2), u dossier ippreparat skont l-Anness XV ta' dak ir-Regolament. Il-PFOA u l-melħ tal-ammonju tiegħu (APFO) ġew inklużi fil-lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju li ġew identifikati li jissodisfaw il-kriterji tal-punt (c) tal-Artikolu 57 ta' dak ir-Regolament bħala tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B u b'mod partikolari, li jissodisfaw ukoll il-kriterji tal-punt (d) tal-Artikolu 57 ta' dak ir-Regolament bħala sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi.

(5)

Bis-saħħa tal-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-PFOA u l-komposti tiegħu bħalissa huma s-suġġett ta' dossier ieħor ippreparat skont l-Anness XV ta' dak ir-Regolament, ippreżentat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li għandu l-għan li jillimita l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tal-PFOA u l-komposti tiegħu waħedhom, jew bħala kostitwenti ta' sustanzi oħra, f'taħlita jew f'oġġetti.

(6)

Il-PFOA u l-komposti tiegħu huma sustanzi b'użu mifrux madwar id-dinja kollha u huma omnipreżenti fl-ambjent. Billi l-PFOA għandu l-potenzjal tat-trasport ambjentali fuq distanza twila, il-miżuri li ttieħdu fil-livell tal-Unjoni mhumiex biżżejjed biex jinżamm il-livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u hemm bżonn li tittieħed azzjoni internazzjonali usa'.

(7)

Għaldaqstant, l-Unjoni għandha tippreżenta proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni biex il-PFOA u l-komposti tiegħu jiġu inklużi fl-Anness A tal-Konvenzjoni, Dik il-proposta u l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni tal-PFOA u l-komposti tiegħu fl-Anness A tal-Konvenzjoni għandhom iqisu kull informazzjoni rilevanti miksuba matul il-proċedura ta' restrizzjoni li għaddejja taħt l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tippreżenta proposta biex l-aċidu perfluworoottanojku u l-komposti tiegħu jiġu inklużi fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-proposta f'isem l-Unjoni lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni bit-tagħrif kollu meħtieġ skont l-Anness D tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. DŪKLAVS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


Top