This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R1355
Commission Implementing Regulation (EU) No 1355/2014 of 17 December 2014 amending Regulation (EC) No 391/2009 with regard to the adoption by the International Maritime Organization (IMO) of certain Codes and related amendments to certain conventions and protocols Text with EEA relevance
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1355/2014 tas- 17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1355/2014 tas- 17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 365, 19.12.2014, p. 82–86
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32009R0391 | Sostituzzjoni | artikolu 2 punt B) | 01/01/2015 |
19.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 365/82 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1355/2014
tas-17 ta' Diċembru 2014
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Filwaqt li taġixxi b'konformità mal-proċedura ta' kontroll ta' konformità stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (2),
Billi:
(1) |
B'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw sabiex jiddefinixxu, kif xieraq, pożizzjoni jew approċċ komuni fil-fora kompetenti internazzjonali bl-iskop li jitnaqqsu r-riskji ta' kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni u strumenti internazzjonali. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009, flimkien mad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jifforma liġi waħda koerenti fejn l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti jiġu rregolati b'mod konsistenti skont l-istess prinċipji u definizzjonijiet. B'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE, jekk Stat Membru jiddeċiedi, fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, li jawtorizza organizzazzjoni sabiex twettaq f'ismu l-ispezzjonijiet u l-perizji relatati maċ-ċertifikati statutorji, dan għandu jafda dawn id-dmirijiet biss f'idejn organizzazzjoni rikonoxxuta, li, skont l-Artikolu 2(g) ta' dik id-Direttiva, tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009. Għaldaqstant, is-sett ta' regoli li abbażi tagħhom jiġu rikonoxxuti l-organizzazzjonijiet ikkonċernati għandu impatt fuq iż-żewġ atti. |
(3) |
It-terminu konvenzjonijiet internazzjonali kif iddefinit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 ifisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta' Novembru 1974 (il-Konvenzjoni SOLAS) bl-eċċezzjoni tal-kapitolu XI-2 tal-Anness tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-5 ta' April 1966 (il-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri tat-2 ta' Novembru 1973 (il-Konvenzjoni MARPOL), flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċijiet ta' status mandatorju relatati magħhom fl-Istati Membri kollha, fil-verżjoni aġġornata tagħhom. |
(4) |
L-Assemblea tal-IMO fit-28 sessjoni tagħha adottat Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO (il-Kodiċi III), kif spjegat fir-riżoluzzjoni tal-IMO A.1070(28) tal-4 ta' Diċembru 2013, kif ukoll emendi għall-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija, bl-iskop li tagħmel il-Kodiċi III obbligatorju, flimkien ma' skema assoċjata ta' verifika tal-Istat tal-bandiera, kif inhu stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-IMO A.1083(28) tal-4 ta' Diċembru 2013. |
(5) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-IMO fis-66 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Protokoll tal-1978 relatat mal-Konvenzjoni MARPOL, kif spjegat fir-riżoluzzjoni MEPC.246(66) tal-4 ta' April 2014, u għall-Protokoll tal-1997 relatat mal-Konvenzjoni MARPOL, kif immodifikat mill-Protokoll tal-1978 relatat magħha, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni MEPC.247(66) tal-4 ta' April 2014, bil-għan li jagħmel il-Kodiċi III obbligatorju, flimkien ma' skema assoċjata ta' verifika tal-Istat tal-bandiera. |
(6) |
Il-Kumitat għas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-IMO fit-93 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Konvenzjoni SOLAS, kif stipulat fir-riżoluzzjoni MSC.366(93) tat-22 ta' Mejju 2014, u għall-Protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija, kif spjegat fir-riżoluzzjoni MSC.375(93) tat-22 ta' Mejju 2014, bil-għan li jagħmel il-Kodiċi III obbligatorju, flimkien ma' skema assoċjata ta' verifika tal-Istat tal-bandiera. |
(7) |
L-MEPC fil-65 sessjoni tiegħu u l-MSC fit-92 sessjoni tiegħu adottaw Kodiċi tal-IMO dwar Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti (il-Kodiċi RO), kif stipulat fir-riżoluzzjoni MSC.349(92) tal-21 ta' Ġunju 2013. |
(8) |
L-MEPC fil-65 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Protokoll tal-1978 relatati mal-Konvenzjoni MARPOL bil-għan li jagħmel il-Kodiċi RO obbligatorju, kif spjegat fir-riżoluzzjoni MEPC.238(65) tas-17 ta' Mejju 2013. |
(9) |
L-MSC fit-92 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Konvenzjoni SOLAS u għall-Protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija bil-għan li jagħmel il-Kodiċi RO obbligatorju, kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet MSC.350(92) u MSC.356(92) tal-21 ta' Ġunju 2013. |
(10) |
Għaldaqstant il-Kodiċijiet III u RO huma mistennija li jidħlu fis-seħħ matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-1 ta' Jannar 2018 b'konformità mar-regoli applikabbli dwar l-adozzjoni, ir-ratifika u d-dħul fis-seħħ ta' emendi taħt kull waħda mill-konvenzjonijiet tal-IMO ikkonċernati. |
(11) |
Fit-13 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/268/UE (4). B'konformità mal-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni, il-Kunsill awtorizza l-Istati Membri li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni u soġġett għad-dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni, bl-emendi msemmija fil-premessi (4) sa (9) ta' dan ir-Regolament. |
(12) |
Id-dikjarazzjoni annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/268/UE tiddikjara li l-Istati Membri jikkunsidraw li l-Kodiċi III u l-Kodiċi RO fihom sett ta' rekwiżiti minimi li fuqhom l-Istati jistgħu jelaboraw u jtejbu kif meħtieġ għat-tisħiħ tas-sikurezza marittima u għall-protezzjoni tal-ambjent. |
(13) |
Tiddikjara wkoll li xejn fil-Kodiċi III jew fil-Kodiċi RO ma għandu jinftiehem li jirristrinġi jew jillimita bi kwalunkwe mod it-twettiq tal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta' “ċertifikati statutorji” u “ċertifikati ta' klassi”, tal-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligiu l-kriterji stipulati għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti, u tad-dmirijiet tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tar-rikonoxximent, il-valutazzjoni u, fejn ikun il-każ, l-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi jew sanzjonijiet fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti. L-istess dikjarazzjoni tgħid li, fil-każ ta' verifika tal-IMO, l-Istati Membri se jiddikjaraw li hija biss il-konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li l-Istati Membri jkunu aċċettaw, anke fit-termini ta' din id-dikjarazzjoni, li għandha tiġi vverifikata. |
(14) |
Fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni, il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 kif ukoll dak tad-Direttiva 2009/15/KE jinkludu referenzi għall-'konvenzjonijiet internazzjonali' kif deskritti fil-premessa (3). F'dan il-qafas, emendi għal konvenzjonijiet tal-IMO jiddaħħlu b'mod awtomatiku fil-liġi tal-Unjoni fl-istess ħin li jidħlu fis-seħħ fil-livell internazzjonali, inklużi l-kodiċijiet relatati ta' status obbligatorju bħalma huma l-kodiċijiet III u RO, li għaldaqstant jifformaw parti mill-istrumenti tal-IMO rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. |
(15) |
L-emendi lill-konvenzjonijiet internazzjonali jistgħu, madankollu, jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni skont il-proċedura ta' kontroll ta' konformità kemm-il darba dawn ikunu jissodisfaw tal-inqas wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002. |
(16) |
Il-Kummissjoni evalwat l-emendi għall-konvenzjonijiet tal-IMO b'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 u ddeterminat li jeżistu numru ta' diskrepanzi bejn il-Kodiċi III u l-Kodiċi RO, fuq naħa, u r-Regolament (KE) Nru 391/2009 u d-Direttiva 2009/15/KE, fuq in-naħa l-oħra. |
(17) |
L-ewwel punt: il-paragrafu 16.1 tal-parti 2 tal-Kodiċi III jipprevedi lista minima ta' riżorsi u proċessi li l-Istati tal-bandiera għandhom jistabbilixxu, inkluża d-dispożizzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi li jappartjenu, fost l-oħrajn, għaċ-ċertifikati ta' klassi tal-vapuri rikjesti mill-Istat tal-Bandiera sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti strutturali, mekkaniċi, elettriċi, u/jew oħrajn ta' konvenzjoni internazzjonali li l-Istat tal-bandiera jkun jagħmel parti minnha jew il-konformità ma' rekwiżit tar-regolament nazzjonali tal-Istat tal-bandiera. Madankollu, kif inhu mfisser fil-premessa (21) hawn taħt, il-liġi tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn ċertifikati statutorji u ċertifikati ta' klassi. Tal-aħħar huma dokumenti ta' natura privata u la huma atti ta' Stat tal-bandiera u lanqas ma huma maħruġin f'isem xi Stat tal-bandiera. Din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi III fil-fatt tirreferi għall-Kapitolu II-1 tas-SOLAS, il-Parti A-1, ir-Regolament 3-1, li jipprovdi li l-vapuri għandhom ikunu ddisinjati, mibnija u miżmuma b'konformità mar-rekwiżiti strutturali, mekkaniċi u elettriċi ta' soċjetà ta' klassifikazzjoni li tkun rikonoxxuta mill-Amministrazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament XI-1/1. 1. Il-konvenzjoni SOLAS tidentifika b'mod ċar il-vapur jew ir-rappreżentazzjoni legali tiegħu vis-à-vis l-Istat tal-bandiera bħala l-oġġett ta' dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, meta taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala soċjetà ta' klassi, organizzazzjoni rikonoxxuta toħroġ ċertifikati tal-klassi tal-vapuri li jkunu konformi mar-regoli, mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-arranġamenti kuntrattwali proprji tagħha, li l-Istat tal-Bandiera ma jagħmilx sehem minnhom. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi III tikkontradixxi d-delineazzjoni tal-klassi u tal-attivitajiet statutorji kif stipulata fil-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti. |
(18) |
It-tieni punt: il-paragrafu 18.1 tal-parti 2 tal-Kodiċi III jirrikjedi li l-Istat tal-bandiera jiddetermina, “fir-rigward ta' dawk il-vapuri biss li huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu”, li organizzazzjoni rikonoxxuta jkollha riżorsi adegwati f'termini ta' kapaċitajiet tekniċi, maniġerjali u ta' riċerka sabiex twettaq id-dmirijiet fdati f'idejha. B'kuntrast għal dan, taħt il-liġi tal-Unjoni dan l-aspett huwa indirizzat bħala rekwiżit għall-finijiet tar-rikonoxximent kif rifless fil-kriterju a.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, u fir-rigward tal-flotta sħiħa fil-klassi tal-organizzazzjoni kkonċernata, mingħajr distinzjoni bbażata fuq il-bandiera. Kieku d-dispożizzjoni ta' hawn fuq tal-Kodiċi III kellha tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni, din tillimita l-applikazzjoni tal-kriterju A.3 fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 għall-prestazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta biss għar-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri, b'kontradizzjoni għar-rekwiżiti li jinsabu fis-seħħ bħalissa. |
(19) |
It-tielet punt: il-paragrafu 19 tal-parti 2 tal-Kodiċi III jintroduċi l-projbizzjoni li Stat tal-bandiera ma jistax jagħti l-mandat lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tiegħu li japplikaw għall-vapuri, ħlief dawk intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu, kwalunkwe rekwiżiti li jappartjenu, fost l-oħrajn, għar-regoli, ir-rekwiżiti u l-proċeduri tagħhom dwar il-klassifikazzjoni. Skont id-Direttiva 2009/15/KE, l-Istati Membri jistgħu biss jawtorizzaw organizzazzjoni sabiex taġixxi f'isimhom għaċ-ċertifikazzjoni statutorja tal-flotta rispettiva tagħhom jekk dik l-organizzazzjoni tkun ġiet rikonoxxuta u tkun qed tiġi mmonitorjata għal dan il-għan skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009. F'dan il-qafas, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jridu jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti fl-attivitajiet rilevanti tagħhom rigward il-flotta kklassifikata kollha tagħhom, irrispettivament mill-bandiera. Dan jorbot mal-biċċa l-kbira tal-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, kif ukoll ma' obbligi oħrajn, b'mod partikulari l-Artikolu 10(4) ta' dak ir-Regolament. Kieku d-dispożizzjoni ta' hawn fuq tal-Kodiċi III kellha tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni, fost l-oħrajn din kienet tillimita l-applikazzjoni tar-rekwiżiti eżistenti dwar ir-rikonoxximent fir-Regolament (KE) Nru 391/2009, u dan kemm-il darba kellhom jikkwalifikaw bħala regoli, rekwiżiti u proċeduri għall-prestazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta biss fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri. |
(20) |
Ir-raba' punt: it-taqsima 1.1 tal-parti 2 tal-Kodiċi RO tiddefinixxi “Organizzazzjoni Rikonoxxuta” bħala organizzazzjoni li ġiet ivvalutata minn Stat tal-bandiera, u li nstabet konformi mal-parti 2 tal-Kodiċi RO. B'kuntrast, l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 jipprevedi li organizzazzjoni rikonoxxuta hija “organizzazzjoni rikonoxxuta skont dan ir-Regolament”. Abbażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni spjegata fil-premessi (21)-(23), jidher li diversi dispożizzjonijiet fil-parti 2 tal-Kodiċi RO huma inkompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 391/2009. Għaldaqstant, organizzazzjoni rikonoxxuta kif iddefinita fil-Kodiċi RO ma tonorax ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u għalhekk ma tistax tissodisfa d-definizzjoni ta' organizzazzjoni rikonoxxuta kif inhu stipulat fil-liġi tal-Unjoni. |
(21) |
Il-ħames punt: it-taqsima 1.3 tal-parti 2 tal-Kodiċi RO tiddefinixxi “ċertifikazzjoni u servizzi statutorji” bħala kategorija waħda ta' attivitajiet li organizzazzjoni rikonoxxuta tkun intitolata li twettaq f'isem l-Istat tal-bandiera, inkluż il-ħruġ ta' ċertifikati li jappartjenu kemm għar-rekwiżiti statutorji kif ukoll ta' klassi. B'kuntrast, id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(g) u (i) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 jagħmlu distinzjoni ċara bejn “ċertifikati statutorji”, li huma dawk iċ-ċertifikati maħruġa minn Stat tal-bandiera jew f'ismu skont il-konvenzjonijiet internazzjonali, u “ċertifikati tal-klassi”, li huma dawk id-dokumenti maħruġa minn organizzazzjoni rikonoxxuta li, fil-kapaċità tagħha ta' soċjetà ta' klassifikazzjoni, tiċċertifika li vapur ikun adatt għal użu jew servizz partikolari skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti u magħmula pubbliċi minn dik l-organizzazzjoni rikonoxxuta. Minn dan isegwi li, skont il-liġi tal-Unjoni, iċ-ċertifikati statutorji u ċ-ċertifikati tal-klassi huma distinti u għandhom naturi differenti. Jiġifieri, iċ-ċertifikati statutorji huma ta' natura pubblika, waqt li ċ-ċertifikati tal-klassi huma ta' natura privata, għax jinħarġu mis-soċjetà ta' klassifikazzjoni skont ir-regoli, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet proprji tagħha. Għalhekk iċ-ċertifikati ta' klassifikazzjoni maħruġin minn organizzazzjoni rikonoxxuta għal vapur bħala affermazzjoni tal-konformità mar-regoli u l-proċeduri ta' klassifikazzjoni, inkluż meta vverifikati minn Stat tal-bandiera bħala prova ta' konformità mal-Kapitolu II-I tas-SOLAS, il-Parti A-1, ir-Regolament 3-1, huma dokumenti ta' natura strettament privata li la huma atti tal-Istat tal-bandiera u lanqas jitwettqu f'isem xi Stat tal-bandiera. Madankollu fil-Kodiċi RO jingħad sistematikament li “ċ-ċertifikazzjoni u servizzi statutorji' jitwettqu mill-RO f'isem l-Istat tal-bandiera”, u dan jikkontradixxi d-distinzjoni legali stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Minkejja din il-kontradizzjoni, din id-dispożizzjoni fil-Kodiċi RO, jekk tiġi aċċettata bħala norma fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni ġġib magħha riskju ċar li r-rekwiżiti dwar ir-rikonoxximent li hemm fir-Regolament (KE) Nru 391/2009 u li jappartjenu għall-attività kollha kemm hi tal-organizzazzjoni, irrispettivament mill-bandiera, ma jkunux jistgħu jiġu infurzati iktar fi ħdan l-UE. |
(22) |
Is-sitt punt: it-taqsima 3.9.3.1. tal-parti 2 tal-Kodiċi RO tipprovdi għal mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti taħt il-qafas waħdieni stabbilit mill-Istat tal-bandiera bil-għan li jiġu standardizzati l-proċessi li jikkonċernaw iċ-ċertifikazzjoni u s-servizzi statutorji għall-Istat tal-bandiera, kif meħtieġ; waqt li t-taqsima 3.9.3.2 tal-parti 2 tal-istess Kodiċi tistabbilixxi qafas minn Stat tal-bandiera jew “grupp ta' Stati tal-bandiera” sabiex tiġi rregolata l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tagħhom dwar aspetti tekniċi u ta' sikurezza ta' “ċertifikazzjoni u servizzi statutorji ta' vapuri […] f'isem l-imsemmi(ja) Stat(i) tal-bandiera”. B'kuntrast, il-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet rikonoxxuti taħt il-liġi tal-Unjoni hija rregolata mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, li jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jżommu l-ekwivalenza u jimmiraw għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom u tal-implimentazzjoni tagħhom, u jistabbilixxi qafas għall-għarfien reċiproku ta' ċertifikati tal-klassi ta' materjali, tagħmir u komponenti, f'każi xierqa. Dawn iż-żewġ proċessi ta' kooperazzjoni taħt l-Artikolu 10(1) jappartjenu għal attivitajiet privati tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, fil-kapaċità tagħhom bħala soċjetajiet tal-klassifikazzjoni, u għalhekk japplikaw mingħajr distinzjoni abbażi ta' bandiera. Għaldaqstant kieku l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni previsti fil-Kodiċi RO kellhom jiġu inkorporati fil-liġi tal-Unjoni, dawn jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 391/2009 għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri biss, b'kontradizzjoni mar-rekwiżit li huma fis-seħħ fil-preżent. |
(23) |
Is-seba' punt: it-taqsima 3.9.3.3 tal-parti 2 tal-Kodiċi RO hija identika għall-paragrafu 19 tal-parti 2 tal-kodiċi III; għaldaqstant il-kunsiderazzjonijiet magħula fil-premessa (19) huwa rilevanti bl-istess mod bħad-dispożizzjoni tal-Kodiċi RO. |
(24) |
Xejn fil-Kodiċi III jew fil-Kodiċi RO ma għandu jqiegħed xi restrizzjoni fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tistabbilixxi, skont it-Trattati u l-liġi internazzjonali, kundizzjonijiet adattati għall-għoti ta' rikonoxximent lil organizzazzjonijiet li jkunu jixtiequ li jiġu awtorizzati mill-Istati Membri sabiex iwettqu perizji fuq il-vapuri u attivitajiet ta' ċertifikazzjoni f'isimhom, bil-għan li jilħqu l-objettivi tal-Unjoni u b'mod partikolari li jsaħħu s-sikurezza marittima u l-protezzjoni tal-ambjent. |
(25) |
L-iskema għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' klassi tal-materjal, tat-tagħmir u tal-komponenti stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 hi eżegwibbli biss fl-Unjoni fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru. Fejn jidħlu l-bastimenti barranin, l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati rilevanti tibqa' fid-diskrezzjoni tal-Istati tal-bandiera mhux tal-UE rilevanti huma u jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni esklużiva tagħhom, primarjament skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (l-UNCLOS). |
(26) |
Abbażi tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ddeterminat li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi III u tal-Kodiċi RO imsemmija fil-premessi preċedenti huma inkompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. Għaldaqstant l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 391/2009 għandu jiġi emendat kif meħtieġ. |
(27) |
Minħabba li l-Kodiċi RO jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis wara li jiġi ppubblikat. |
(28) |
Il-Kumitat dwar l-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis mill-Vapuri (il-COSS) ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament. Tqies li hu neċessarju att ta' implimentazzjoni, u l-President ressaq abbozz ta' att ta' implimentazzjoni lill-kumitat tal-appelli għal aktar deliberazzjoni. Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat tal-appelli. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-punt (b) jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“(b) |
‘konvenzjonijiet internazzjonali’ tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta' Novembru 1974 (SOLAS 74) bl-eċċezzjoni tal-kapitolu XI-2 tal-Anness tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-5 ta' April 1966 u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri tat-2 ta' Novembru 1973 (MARPOL), flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċijiet ta' status mandatorju relatati magħhom fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 16.1, 18.1 u 19 tal-parti 2 tal-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO, u tat-taqsimiet 1.1, 1.3, 3.9.3.1, 3.9.3.2 u 3.9.3.3 tal-parti 2 tal-Kodiċi tal-IMO dwar Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti, fil-verżjoni aġġornata tagħhom.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2015.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.
(2) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.
(3) Id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/268/UE dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fir-rigward tal-adozzjoni ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli (ĠU L 155, 7.6.2013, p. 3).