Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1290

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014 tal- 4 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, u jemenda r-Regolament (UE) Nru 960/2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014

    ĠU L 349, 5.12.2014, p. 20–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1290/oj

    5.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 349/20


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1290/2014

    tal-4 ta' Diċembru 2014

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, u jemenda r-Regolament (UE) Nru 960/2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK tal-4 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, u d-Deċiżjoni 2014/659/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament(UE) Nru 833/2014 (2) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

    (2)

    Fit-8 ta' Settembru 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 960/2014 (3) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014.

    (3)

    Fl-4 ta' Diċembru 2014 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/872/PESK.

    (4)

    Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, konsegwentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK.

    (5)

    Ir-Regolamenti (UE) Nru 833/2014 u (UE) Nru 960/2014 għandhom għalhekk ikunu emendati kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn l-esportazzjoni tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta' Awwissu 2014, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratt.”

    .

    (2)

    Fl-Artikolu 2a, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel it-12 ta' Settembru 2014, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, u għall-forniment tal-assistenza meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet eżistenti fl-UE.”

    .

    (3)

    Fl-Artikolu 3, il-paragrafi minn 1 sa 5 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

    “1.   Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' oġġetti kif elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew f'kull Stat ieħor, jekk tali oġġetti jkunu għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha.

    2.   Għall-bejgħ, fornimenti, trasferimenti jew esportazzjonijiet kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt dan l-Artikolu, tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur u għandha tkun f'konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni tkun valida fl-Unjoni kollha.

    3.   L-Anness II jinkludi ċerti oġġetti adattati għall-kategoriji segwenti ta' proġetti ta' esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

    (a)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f'ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

    (b)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

    (c)

    proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f'formazzjonijiet ta' shale permezz ta' fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f'formazzjonijiet ta' shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

    4.   L-esportaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

    5.   L-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-ebda bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' oġġetti inklużi fl-Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti huma maħsubin għal xi waħda mill-kategoriji ta' proġetti ta' esplorazzjoni u l-produzzjoni msemmija fil-paragarfu 3.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratt.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent. F'każijiet debitament ġustifikati ta' emerġenza, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.”

    .

    (4)

    Fl-Artikolu 3a, il-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

    “1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, tas-servizzi assoċjati li jkunu meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta' proġetti ta' esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

    (a)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f'ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

    (b)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

    (c)

    proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f'formazzjonijiet ta' shale permezz ta' fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f'formazzjonijiet ta' shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

    Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, servizzi assoċjati tfisser:

    (i)

    it-tħaffir,

    (ii)

    ittestjar ta' bjar,

    (iii)

    servizzi ta' logging u tlestija,

    (iv)

    forniment ta' bastimenti speċjalizzati li jżommu f'wiċċ l-ilma.

    2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim qafas konkluż qabel it-12 ta' Settembru 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratt.

    3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

    Il-fornitur tas-servizz għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara kwalunkwe attività li tkun saret taħt dan il-paragrafu, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni.”

    .

    (5)

    Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 2 u 3 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

    “2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, u għall-forniment tal-assistenza meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet eżistenti fl-UE.

    3.   Il-forniment ta' dawn li ġejjin għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti kkonċernata:

    (a)

    assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma' oġġetti elenkati fl-Anness II, u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, jekk tali assistenza tikkonċerna oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor;

    (b)

    il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fl-Anness II, inklużi b'mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawk il-prodotti, jew għal kull forniment ta' assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew, jekk tali assistenza tirrigwarda oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor.

    F'każijiet debitament ġustifikati ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 3(5), il-provvista tas-servizzi msemmija f'dan il-paragrafu tista' tipproċedi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-provvista tas-servizzi.”

    .

    (6)

    Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Għandu jkun ipprojbit li, b'mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b'maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t-12 ta' Settembru 2014.

    Il-projbizzjoni ma tapplikax għal:

    (a)

    self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta' prodotti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal oġġetti u servizzi minn kwalunkwe Stat terz li jkun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta' esportazzjoni jew importazzjoni; jew

    (b)

    selfiet li jkollhom objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdu finanzjament ta' emerġenza biex jissodisfaw kriterji ta' solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu ta' xi entità msemmija fl-Anness III.”

    .

    (7)

    Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    “4.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 ma tapplikax għal użu ta' kreditu disponibbli jew żborżi magħmula skont kuntratt konkluż qabel it-12 ta' Settembru 2014 kemm-il darba jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-patti u l-kondizzjonijiet kollha ta' tali użu ta' kreditu disponibbli jew ta' tali żborżi:

    (i)

    kienu miftehma qabel it-12 ta' Settembru 2014, u

    (ii)

    ma kinux modifikati f'dik id-data jew wara; u

    (b)

    qabel it-12 ta' Settembru 2014 ġiet iffissata data tal-maturità kuntrattwali għall-ħlas lura sħiħ tal-fondi kollha disponibbli u għall-kanċellazzjoni tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt.

    Il-patti u l-kondizzjonijiet tal-użu ta' kreditu disponibbli u żborżi msemmija fil-punt (a) jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perjodu ta' ħlas lura għal kull użu ta' kreditu disponibbli jew żborż, ir-rata tal-imgħax applikata jew il-metodu ta' kalkolu tar-rata tal-imgħax, u l-ammont massimu.”

    .

    (8)

    L-Anness II huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fit-titolu, ir-referenza “Lista ta' teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 3” tiġi sostitwita b'“Lista ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 3”.

    (b)

    l-entrati għall-kodiċijiet NM 8413 50, 8413 60, ex 8431 39 00, ex 8431 43 00, ex 8431 49 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

    “ex 8413 50

    Pompi reċiprokanti bi spustament pożittiv għal likwidi, li jaħdmu b'mutur bi fluss massimu ta' iktar minn 18 m3 fis-siegħa u pressjoni massima ta' iktar minn 40 bar, imfassla b'mod speċjali għall-ippumpjar ta' tajn tat-tħaffir u/jew siment fi bjar taż-żejt

    ex 8413 60

    Pompi rotatorji bi spustament pożittiv għal likwidi, li jaħdmu b'mutur bi fluss massimu ta' iktar minn 18 m3 fis-siegħa u pressjoni massima ta' iktar minn 40 bar, imfassla b'mod speċjali għall-ippumpjar ta' tajn tat-tħaffir u/jew siment fi bjar taż-żejt

    ex 8431 39 00

    Partijiet adattati biss għall-użu jew prinċipalment għall-użu mal-makkinarju tal-intestatura 8428

    ex 8431 43 00

    Partijiet adattati biss għall-użu jew prinċipalment għall-użu mal-makkinarju tas-subintestaturi 8430 41 jew 8430 49

    ex 8431 49

    Partijiet adattati biss għall-użu jew prinċipalment għall-użu mal-makkinarju tal-intestaturi 8426 , 8429 and 8430 ”

    .

    (9)

    L-Anness IV jiġi sostitwit bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-premessa 6 tar-Regolament (UE) Nru 960/2014 tiġi sostitwita b'dan li ġej:

    “(6)

    Biex issir pressjoni fuq il-Gvern Russu, huwa xieraq ukoll li jiġu applikati restrizzjonijiet ulterjuri fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital għal ċerti istituzzjonijiet finanzjarji, li jeskludu istituzzjonijiet ibbażati fir-Russja bi status internazzjonali stabbiliti permezz ta' ftehimiet intergovernattivi mar-Russja bħala waħda mill-azzjonisti; restrizzjonijiet fuq persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja fis-settur tad-difiża, bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma attivi l-iktar fl-industrija tal-ispazju u tal-enerġija nukleari; u restrizzjonijiet fuq persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja li l-attivitajiet prinċipali tagħhom jirrigwardaw il-bejgħ jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta' prodotti petroliferi. Servizzi finanzjarji oħra mhux imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, bħal servizzi ta' depożitu, servizzi ta' ħlas, servizzi ta' assigurazzjoni, self mill-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) ta' dak ir-Regolament u derivati li jintużaw għal skopijiet ta' hedging fis-suq tal-enerġija mhumiex koperti minn dawn ir-restrizzjonijiet.”

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    (1)  Ara l-paġna 59 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 tat-8 ta' Settembru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 271, 12.9.2014, p. 3).


    ANNESS

    “ANNESS IV

    Lista ta ' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2a

     

    JSC Sirius

     

    OJSC Stankoinstrument

     

    OAO JSC Chemcomposite

     

    JSC Kalashnikov

     

    JSC Tula Arms Plant

     

    NPK Technologii Maschinostrojenija

     

    OAO Wysokototschnye Kompleksi

     

    OAO Almaz Antey

     

    OAO NPO Bazalt”


    Top