Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0615

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas- 6 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda

    ĠU L 168, 7.6.2014, p. 95–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/615/oj

    7.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/95


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 615/2014

    tas-6 ta' Ġunju 2014

    li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1) u partikolarment l-Artikoli 57(2), 58(4), 62(2), 63(5), 64(7) u 66(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. Biex jiġu żgurati t-tħaddim tajjeb u l-applikazzjoni uniformi tal-qafas legali l-ġdid stabbilit minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu fir-rigward tal-programmi ta' ħidma relevanti. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jieħdu post ir-regoli stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 867/2008, revokat mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 (3).

    (2)

    Biex l-Istati Membri produtturi jkunu jistgħu jintroduċu miżuri għall-ġestjoni tal-iskema ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-programmi ta' ħidma u l-emendi tagħhom, għall-ħlas tal-finanzjament mill-Unjoni, inkluż l-avvanzi, l-ammonti ta' garanziji li jridu jingħataw, il-kontrolli, ir-rapporti tal-ispezzjoni, il-korrezzjonijiet u l-penali fil-każ tal-irregolaritajiet jew negliġenza fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma.

    (3)

    Biex il-finanzjament disponibbli għall-Istat Membru jintuża' sew, għandha tiġi stabbilita proċedura biex issir emenda annwali lill-programmi ta' ħidma approvati għas-sena ta' wara, b'tali mod li jitqiesu l-bidliet ġustifikati kif imiss meta mqabbla mal-kundizzjonijiet inizjali. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu wkoll jistipulaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu emendati l-programmi ta' ħidma u jqassmu mill-ġdid l-ammonti allokati mingħajr ma jaqbżu l-ammonti annwali miżmuma mill-Istati Membri produtturi skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fil-każ ta' emendi lil programm ta' ħidma u bil-ħsieb li jkun hemm flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza għat-tressiq tat-talbiet.

    (4)

    Biex l-organizzazzjonijiet produtturi taż-żejt taż-żebbuġa li mistennija jibbenefikaw ikunu jistgħu jibdew jimplimentaw il-programmi ta' ħidma f'waqthom, għandhom isiru provvedimenti biex, soġġett għat-tressiq ta' garanzija bil-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jirċievu avvanz ta' mhux iktar minn 90 % tal-kontribut ippjanat tal-Unjoni għal kull sena kkonċernata mill-programm ta' ħidma approvat. L-arranġamenti għall-ħlas ta' dan l-avvanz jeħtieġ jiġu stipulati.

    (5)

    Għandhom isiru provvedimenti biex it-talbiet għall-finanzjament isiru minn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-għaqdiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti (minn hawn 'il quddiem, “l-organizzazzjonijiet benefiċjarji”) lill-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru skont skeda ta' żmien preċiza. Għandu jiġi stipulat ukoll li t-talba għandha titfassal skont mudell li għandu jiġi pprovdut mill-awtorità kompetenti u għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti li juru evidenza tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma u tan-nefqa mġarrba. Għandu jiġi stabbilit li l-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru għandha tagħti l-finanzjament u tirrilaxxa l-garanzija wara t-tlestija tal-programm ta' ħidma sħiħ, u wara li tkun ivverifikat id-dokumenti ta' evidenza u l-kontrolli.

    (6)

    Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni tajba tal-programmi ta' ħidma, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu pjanijiet għall-kontrolli fuq il-post ta' kampjun ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji magħżula fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju u għandhom jiċċekkjaw li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament tal-UE jkunu ġew issodisfati. Għandu jkun hemm provvedimenti biex jitfassal rapport dettaljat tal-ispezzjoni għal kull kontroll fuq il-post. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema xierqa ta' korrezzjonijiet u penali għall-irregolaritajiet li jkunu saru, li tippermetti l-irkupru ta' kwalunkwe ammont li jkun tħallas skorrettament, flimkien mal-interessi, fejn ikun xieraq.

    (7)

    Biex ikun żgurat li l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma u l-valutazzjoni tagħhom jiġu mmonitorjati tul il-perjodu tal-implimentazzjoni, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom ifasslu rapport tal-attivitajiet tagħhom u jibagħtuh lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati. Għandhom isiru provvedimenti wkoll biex dawn ir-rapporti jintbagħtu lill-Kummissjoni.

    (8)

    Sabiex jiżdied l-impatt ġenerali tal-programmi ta' ħidma mwettqa fil-qasam tas-segwitu u l-ġestjoni tas-suq fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, għandhom isiru provvedimenti biex l-organizzazzjonijiet benefiċjarji u l-Istati Membri jippubblikaw ir-riżultati tal-miżuri meħuda fuq is-siti tal-Internet tagħhom.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kamp tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, l-emendi tagħhom, għall-ħlas tal-finanzjament mill-UE, inkluż l-avvanzi, il-proċeduri li jridu jiġu segwiti u l-ammont ta' garanzija li jrid jingħata meta tinbagħat talba għall-approvazzjoni ta' programm ta' ħidma u meta jitħallas avvanz fuq l-għajnuna.

    Artikolu 2

    Emendi lill-programmi ta' ħidma

    1.   Skont proċedura li għandha tiġi stipulata mill-Istat Membru, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jistgħu jitolbu li jiġi emendat il-kontenut u l-baġit tal-programm ta' ħidma approvat tagħhom, dejjem jekk dan ma jinvolvix li jinqabeż l-ammont allokat lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    2.   It-talbiet kollha għall-emendi lil programm ta' ħidma, inkluż meta jingħaqdu flimkien programmi ta' ħidma differenti, għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumenti ta' appoġġ li jagħtu r-raġunijiet għall-bidliet proposti kif ukoll in-natura u l-implikazzjonijiet tagħhom. It-talbiet għandhom jintbagħtu mill-organizzazzjoni benefiċjarja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel is-sena tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma.

    3.   Fejn organizzazzjonijiet benefiċjarji li kellhom pjanijiet ta' ħidma separati jkunu ngħaqdu, dawn għandhom joperaw il-pjanijiet b'mod parallel u b'mod separat sal-1 ta' Jannar tas-sena wara li jkunu ngħaqdu.

    B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jitolbu, minħabba raġunijiet sostanzjati, li jimplimentaw il-programmi ta' ħidma rispettiva tagħhom mingħajr ma jgħaqqduhom.

    4.   L-emendi lil programm ta' ħidma għandhom isiru applikabbli xahrejn wara li t-talba għall-emendi tkun waslet għand l-awtorità kompetenti sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx tqis li l-emendi mitluba ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet applikabbli. F'dan il-każ, għandha tinforma lill-organizzazzjoni benefiċjarja li, jekk ikun hemm bżonn, tibgħat programm ta' ħidma rivedut.

    5.   Fil-każ li l-finanzjament tal-UE miksub mill-organizzazzjoni benefiċjarja jkun inqas mill-ammont fil-programm ta' ħidma approvat, il-benefiċjarju jista' jadatta l-programm tiegħu għall-finanzjament miksub. Il-benefiċjarju għandu jitlob lill-awtorità kompetenti biex tapprova din l-emenda lill-programm ta' ħidma.

    6.   B'deroga mill-paragrafi 2 u 4, l-awtorità kompetenti, matul l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, tista' taċċetta emendi lil miżura ta' programm ta' ħidma, bil-kundizzjoni li:

    (a)

    l-emenda lill-miżuri tkun notifikata lill-awtorità kompetenti mill-organizzazzjoni benefiċjarja xahrejn qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tal-miżura kkonċernata;

    (b)

    in-notifika tkun akkumpanjata minn dokumenti ta' appoġġ li jiġġustifikaw l-għan, in-natura u l-implikazzjonijiet tal-emenda proposta u li juru li l-emenda inkwistjoni ma tbiddel xejn mill-għan inizjali tal-programm ta' ħidma;

    (c)

    il-baġit allokat lill-miżura kkonċernata jkun baqa' l-istess;

    (d)

    it-tqassim finanzjarju għall-miżuri l-oħra fil-qasam tal-miżura kkonċernata ma jkunx jaqbeż l-EUR 40 000.

    7.   Jekk l-awtorità kompetenti ma tagħmilx oġġezzjonijiet abbażi ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6 fi żmien xahar min-notifika tal-emenda tal-miżura, l-emenda għandha titiqes li ġiet aċċettata.

    Artikolu 3

    Avvanzi

    1.   L-organizzazzjoni benefiċjarja li tefgħet applikazzjoni għal avvanz kif stipulat fl-Artikolu 7(3)(h) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandha tirċievi, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, avvanz totali ta' massimu ta' 90 % tal-kontribut tal-Unjoni ppjanat għal kull sena koperta mill-programm ta' ħidma approvat.

    2.   Qabel tmiem ix-xahar wara dak tal-bidu tal-implimentazzjoni ta' kull sena tal-programm ta' ħidma approvat, l-Istat Membru għandu jħallas lill-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata somma inizjali ekwivalenti għal nofs l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. It-tieni parti tal-avvanz ekwivalenti għan-nofs li jifdal minn dak l-ammont għandu jitħallas wara l-kontroll indikat fil-paragrafu 3.

    3.   L-Istat Membru għandu jiċċekkja li l-ewwel parti tal-avvanz tkun intefqet u li l-miżuri relatati jkunu twettqu qabel ma jħallas it-tieni parti. Din il-verifika għandha ssir mill-Istat Membru abbażi tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 9 jew abbażi tar-rapport ta' spezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7.

    Artikolu 4

    Il-garanzija li trid tingħata

    1.   L-avvanzi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu soġġetti għad-depożitu ta' garanzija mill-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 f'ammont ugwali għal 110 % tal-avvanz mitlub.

    2.   Qabel data li għandha tiġi stipulata mill-Istat Membru u mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji kkonċernati jistgħu jitolbu lill-Istat Membru kkonċernat li tiġi rilaxxata l-garanzija indikata fil-paragrafu 1 f'ammont ekwivalenti għan-nefqa totali li tikkorrispondi għall-ammont tal-ewwel parti tal-avvanz li tkun tabilħaqq intużat u ċċekkjata mill-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jistipula liema dokumenti ta' appoġġ għandhom jakkumpanjaw l-applikazzjoni, u għandu jiċċekkja dawn id-dokumenti u jirrilaxxa l-garanzija li tikkorrispondi għan-nefqa konċernata mhux aktar tard mit-tieni xahar wara dak li fih tkun saret l-applikazzjoni.

    Artikolu 5

    Ħlas tal-finanzjament tal-UE

    1.   Għall-finijiet tal-ħlas tal-finanzjament Komunitarju skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-organizzazzjoni benefiċjarja għandha titfa' applikazzjoni għall-finanzjament fl-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru sa data li trid tiġi determinata mill-Istat Membru iżda mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena wara kull sena tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma.

    L-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru tista' tħallas lill-organizzazzjonijiet benefiċarji l-bilanċ ta' finanzjament tal-UE li jikkorrispondi ma' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma wara li tiċċekkja, abbażi tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 9 jew abbażi tar-rapport ta' spezzjoni msemmi fl-Artikolu 7, li l-miżuri korrispondenti ma' kull parti tal-avvanz imsemmi fl-Artikolu 3(3) jkunu tabilħaqq intefqu.

    Kull applikazzjoni għall-finanzjament tal-UE mibgħuta wara t-30 ta' Ġunju ma għandhiex tkun eliġibbli u kull ammont imħallas bħala avvanz fuq il-finanzjament tal-programm ta' ħidma għandu jitħallas lura skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8.

    2.   L-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-UE għandhom jitfasslu skont mudell ipprovdut mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru. Biex tkun ammissibbli, l-applikazzjoni għandu jkollha magħha:

    (a)

    rapport li jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (i)

    deskrizzjoni dettaljata tal-istadji tal-programm ta' ħidma li ġew implimentati, imqassma skont l-oqsma u l-miżuri kif deskritti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014;

    (ii)

    fejn ikun xieraq, il-ġustifikazzjoni u r-riperkussjonijiet finanzjarji tad-distakk bejn l-istadji tal-programm ta' ħidma approvat mill-Istat Membru u l-istadji tal-programm ta' ħidma li tabilħaqq ġew implimentati;

    (iii)

    valutazzjoni tal-programm ta' ħidma kif implimentat ibbażata fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014;

    (b)

    fatturi u dokumenti tal-bank li juru l-ħlas tal-ispejjeż imġarrba matul il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma;

    (c)

    fejn ikun xieraq, id-dokumenti ta' appoġġ li juru l-ħlas tal-kontributi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji u tal-Istat Membru kkonċernat;

    3.   L-applikazzjonijiet għall-finanzjament li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitqiesu bħala mhux eliġibbli u għandhom jiġu miċħuda. L-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata tista' tibgħat applikazzjoni ġdida għall-finanzjament flimkien mal-evidenza ġustifikatorja u l-elementi neqsin fi żmien perjodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.

    4.   L-applikazzjonijiet dwar infiq għal miżuri mwettqa u li jkunu tħallsu aktar minn xahrejn wara li jintemm il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma għandhom jiġu miċħuda.

    5.   Mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data ta' sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-finanzjament u tad-dokumenti ta' appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2, u ladarba jkun eżamina d-dokumenti ta' appoġġ u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6, l-Istat Membru għandu jħallas il-finanzjament tal-UE li jkun dovut u, fejn xieraq, jirrilaxxa l-garanzija msemmija fl-Artikolu 4. Il-garanzija msemmija fl-Artikolu 7(3)(g) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandha tiġi rilaxxata wara t-tlestija tal-programm ta' ħidma sħiħ, tal-eżami tad-dokumenti ta' appoġġ u tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6.

    Artikolu 6

    Kontrolli fuq il-post

    1.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-aspetti li ġejjin:

    (a)

    il-konformità mal-kundizzjoni għar-rikonoxximent tal-benefiċjarji stipulati fl-Artikoli 152, 154, 156, 157 u 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (b)

    l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati, b'mod partikolari l-miżuri ta' investiment u tas-servizzi;

    (c)

    in-nefqa tabilħaqq imġarrba mqabbla mal-finanzjament li ntalab u l-kontribut finanzjarju mill-operaturi taż-żebbuġ ikkonċernati.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom jimplimentaw pjan ta' kontroll tal-programm ta' ħidma li jiffoka fuq kampjun tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji magħżula fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju u kull sena għandu jkopri minimu ta' 30 % tal-organizzazzonijiet benefiċjarji li jingħataw finanzjament mill-UE skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. L-għażla għandha ssir b'tali mod li jiġi żgurat li:

    (a)

    l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għaqdiet kollha tagħhom ikunu soġġetti għal kontrolli fuq il-post mill-inqas darba matul l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approgat wara l-ħlas tal-avvanz u qabel il-ħlas tal-aħħar parti tal-finanzjament tal-UE;

    (b)

    l-organizzazzjonijiet interprofessjonali kollha jiġu ċċekkjati f'kull sena tal-implimentazzjoni ta' kull programm ta' ħidma approvat. Jekk ikunu rċevew avvanz matul is-sena, il-kontroll għandu jiġi skedat wara d-data li fiha jkun tħallas l-avvanz.

    Jekk il-kontrolli juru xi irregolaritajiet, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel kontrolli addizzjonali matul is-sena msemmija u għandha żżid in-numru ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji li jridu jiġu ċċekkjati fis-sena ta' wara.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tagħżel liema organizzazzjonijiet benefiċjarji trid tiċċekkja abbażi ta' analiżi tar-riskju bbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-ammont ta' finanzjament għall-programm ta' ħidma approvat;

    (b)

    in-natura tal-miżuri ffinanzjati fil-programm ta' ħidma;

    (c)

    l-ammont ta' progress fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma;

    (d)

    il-konklużjonijiet tal-kontrolli fuq il-post preċedenti jew il-verfiki preċedenti mwettqa matul il-proċedura ta' rikonoxximent indikata fl-Artikoli 154(4) u 158(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (e)

    kriterji oħra tar-riskju li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri.

    4.   Il-kontrolli fuq il-post ma għandhomx ikunu mħabbra. Madankollu, sabiex tkun iffaċilitata l-organizzazzjoni prattika tal-kontrolli, tista' tingħata twissija bil-quddiem ta' mhux aktar minn 48 siegħa lill-organizzazzjoni benefiċjarja li trid tiġi ċċekkjata.

    5.   It-tul ta' kull kontroll fuq il-post għandha tikkorrispondi mal-ammont ta' progress fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approvat u l-infiq impenjat f'investimenti u servizzi.

    Artikolu 7

    Rapporti dwar l-ispezzjoni

    Għandu jitfassal rapport dettaljat dwar l-ispezzjoni għal kull spezzjoni fuq il-post rikjest skont l-Artikolu 6 li, b'mod partikolari, jindika:

    (a)

    id-data u t-tul tal-ispezzjoni;

    (b)

    lista ta' dawk preżenti;

    (c)

    lista tal-fatturi ċċekkjati;

    (d)

    numri ta' referenzi tal-fatturi magħżula mir-reġistru tal-bejgħ u x-xiri, u r-reġistru tal-VAT li fih ikunu ġew irreġistrati l-fatturi magħżula;

    (e)

    dokumenti tal-bank li juru l-ħlas tal-ammonti magħżula;

    (f)

    indikazzjoni tal-miżuri li diġà twettqu li ġew analizzati speċifikament fuq il-post;

    (g)

    ir-riżultat tal-kontroll.

    Artikolu 8

    Pagamenti mħallsa skorrettament u penali

    1.   Fil-każ li r-rikonoxximent fl-Artikoli 154 u 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġi rtirat minħabba li l-organizzazzjoni benefiċjarja ma tkunx issodisfat l-obbligi tagħha intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, l-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata ma għandhiex tkun eliġibbli biex tirċievi l-finanzjament tal-Unjoni għall-programm ta' ħidma sħiħ.

    2.   Jekk miżura partikolari ma tkunx ġiet implimentata f'konformità ma' programm ta' ħidma, l-organizzazzjoni benefiċjarja ma għandhiex tkun eliġibbli għall-finanzjament tal-miżura kkonċernata.

    3.   F'każ ta' miżura li sussegwentement tinstab li mhix eliġibbli, u li ġiet implimentata f'konformità ma' programm ta' ħidma approvat, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li jħallas il-finanzjament rilevanti dovut jew li ma jipproċedix bl-irkupru tal-ammonti li diġà tħallsu, jekk din id-deċiżjoni tkun permessa f'każijiet komparabbli ffinanzjati mill-baġit nazzjonali u jekk l-organizzazzjoni benefiċjarja ma tkunx aġixxiet b'negliġenza jew b'mod intenzjonat.

    4.   Fil-każ ta' negliġenza serja jew dikjarazzjonijiet foloz, l-organizzazzjoni benefiċjarja ma għandhiex tkun eliġibbli biex tirċievi:

    (a)

    finanzjament pubbliku għall-programm ta' ħidma sħiħ u

    (b)

    finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-perjodu kollu ta' tliet snin wara dak li fih tkun ġiet skoperta l-irregolarità.

    5.   Meta organizzazzjoni benefiċjarja titqies li mhijiex eliġibbli għall-finanzjament skont il-paragrafi 1, 2 jew 4, l-awtorità kompetenti għandha tirkupra l-finanzjament pubbliku li diġà jkun tħallas lil dik l-organizzazzjoni.

    6.   Fejn meħtieġ, għandu jiżdied l-imgħax fuq il-kontribut tal-Unjoni rkuprat skont il-paragrafu 5, ikkalkulat fuq il-bażi ta':

    (a)

    il-perjodu bejn il-pagament u r-rimborż mill-benefiċjarju;

    (b)

    ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid ewlenin tiegħu ppubblikati fis-serje “C” ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-seħħ fid-data li fiha jkun sar il-pagament skorrett, biż-żieda ta' tliet punti perċentwali.

    7.   L-ammonti relevanti tal-finanzjament tal-Unjoni rkuprati skont dan l-Artikolu għandhom jitħallsu lill-aġenzija tal-pagamenti u jitnaqqsu min-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija.

    Artikolu 9

    Rapport tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji

    1.   Qabel l-1 ta' Mejju kull sena, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom jibagħtu rapport annwali lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma għas-sena preċedenti ta' implimentazzjoni. Dan ir-rapport għandu jkopri dan li ġej:

    (a)

    l-istadji tal-programm ta' xogħol implimentati jew li qed jiġu implimentati;

    (b)

    l-emendi ewlenin għall-programmi ta' ħidma;

    (c)

    valutazzjoni tar-riżultati diġà miksuba bbażata fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 7(3)(f) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014.

    Għas-sena finali ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, rapport finali għandu jissostitwixxi r-rapport stipulat fl-ewwel subparagrafu.

    2.   Ir-rapport finali għandu jevalwa l-programm ta' ħidma u jkun magħmul minn talanqas dan li ġej:

    (a)

    rendikont, ibbażat fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 7(3)(f) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014u l-kriterji l-oħra kollha rilevanti, li juri kemm ġew tabilħaqq issodisfati l-għanijiet tal-programmi;

    (b)

    rendikont tal-bidliet fil-programm ta' ħidma;

    (c)

    indikazzjoni tal-fatturi li jridu jitqiesu fit-tfassil tal-programm ta' ħidma li jmiss, skont il-każ.

    3.   Id-dejta miġbura u l-istudji mfassla fl-implimentazzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-organizzazzjoni benefiċjarja wara t-tlestija tal-miżura relevanti.

    Artikolu 10

    Komunikazzjoni mill-Istati Membri

    1.   Qabel il-bidu ta' programm ta' ħidma ġdid ta' tliet snin u mhux iktar tard mill-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara t-tmiem tal-programm preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw dan ir-Regolament, u b'mod partikolari dawk marbuta ma':

    (a)

    il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji stipulati fl-Artikoli 152, 156 u 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (b)

    il-kundizzjonijiet addizzjonali li jispeċifikaw il-miżuri eliġibbli adottati skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014;

    (c)

    il-miri u l-prijoritajiet tas-settur taż-żebbuġ imsemmija fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 u l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-effikaċja msemmija fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Delegat imsemmi;

    (d)

    il-perjodu msemmi fl-Artikolu 2(3);

    (e)

    l-arranġamenti għas-sistema ta' avvanzi msemmija fl-Artikolu 3 u, fejn xieraq, is-sistema ta' ħlas tal-fondi nazzjonali,

    (f)

    l-applikazzjoni tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6 u tal-penali u l-korrezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8.

    2.   Mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju ta' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approvat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dejta dwar:

    (a)

    il-programmi ta' ħidma u l-karatteristiċi tagħhom, imqassma skont it-tip ta' organizzazzjoni benefiċjarja, skont il-qasam u l-miżuri u skont iż-żona reġjonali;

    (b)

    l-ammont ta' finanzjament allokat għal kull programm ta' ħidma;

    (c)

    l-iskeda ppjanata ta' finanzjament tal-Unjoni skont is-sena tal-baġit għall-perjodu totali kopert bil-programmi ta' ħidma.

    3.   Mhux aktar tard mill-20 ta' Ottubru ta' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li jkun magħmul talanqas mill-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    in-numru ta' programmi ta' ħidma ffinanzjati, il-benefiċjarji, l-erja tal-artijiet bis-siġar taż-żebbuġ, l-imtieħen, il-faċilitajiet tal-ipproċessar u l-volumi ta' żejt u żebbuġ tal-mejda kkonċernati;

    (b)

    il-karatteristiċi tal-miżuri żviluppati f'kull wieħed mill-oqsma tal-miżuri;

    (c)

    kull diskrepanza bejn il-miżuri ppjanati u l-miżuri li tabilħaqq twettqu, u l-implikazzjonijiet tagħhom fil-livell tan-nefqa;

    (d)

    il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' ħidma li jqisu, fost l-oħrajn il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(a)(iii);

    (e)

    l-istatistika tal-kontrolli u r-rapporti tal-ispezzjonijiet li saru skont l-Artikoli 6 u 7 u l-penali jew il-korrezzjonijiet applikati skont l-Artikolu 8;

    (f)

    in-nefqa skont il-programm ta' ħidma u skont il-qasam u l-miżuri, u l-kontribut finanzjarju tal-Unjoni, dak nazzjonali u dak tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji.

    4.   Il-komunikazzjonijiet ipprovduti f'dan l-Artikolu għandhom isiru skont id-dispożizzjonjiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (4).

    5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jippubblikaw fuq is-siti tal-Internet tagħhom id-dejta kollha miġbura u l-istudji mfassla fit-twettiq tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014, mat-tlestija tagħhom.

    Artikolu 11

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda (ara l-paġna 55 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).


    Top