This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0546
Regulation (EU) No 546/2014 of the European Parliament and of the Council of 15 May 2014 amending Council Regulation (EC) No 718/1999 on a Community-fleet capacity policy to promote inland waterway transport
Regolament (UE) Nru 546/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex jiġi ppromwovut it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni
Regolament (UE) Nru 546/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex jiġi ppromwovut it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni
ĠU L 163, 29.5.2014, p. 15–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 31999R0718 | Sostituzzjoni | artikolu 8 | 18/06/2014 |
29.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/15 |
REGOLAMENT (UE) Nru 546/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Mejju 2014
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex jiġi ppromwovut it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 (4) jistabbilixxi l-politika tal-kapaċità tal-flotta tal-Unjoni għal bastimenti li jintużaw biex iġorru merkanzija permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni fl-Istati Membri. |
(2) |
B’rabta mal-immodernizzar u mar-ristrutturar tal-flotot għandhom jiġu previsti miżuri soċjali, preferibbilment fi stadju bikri, biex jgħinu lill-membri tal-ekwipaġġ kollha, inklużi ħaddiema u sidien-operaturi, li jixtiequ jitilqu mill-industrija tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew li jitħarrġu mill-ġdid f’xogħol f’settur ieħor, flimkien ma’ miżuri li jħeġġu l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ impriżi, li jtejbu l-ħiliet fin-navigazzjoni interna u jippromwovu l-adattament tal-bastimenti mal-progress tekniku, inkluż fir-rigward ta’ bastimenti rispettużi tal-ambjent. Il-fondi ta’ riżerva stabbiliti f’kull Stat Membru, li l-ilmijiet interni tiegħu huma kkollegati ma’ dawk ta’ Stat Membru ieħor u li t-tunnellaġġ tal-flotta tiegħu ikun fuq il-100 000 tunnellata, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 718/1999, għandhom jintużaw għal miżuri li jaffettwaw lil sidien-operaturi. Fondi ddedikati oħra li diġà jeżistu fil-livell tal-Unjoni jistgħu jintużaw biex jappoġġaw attivitajiet imwettqa b’mod konġunt mis-sħab soċjali. |
(3) |
Għal dak l-għan, il-fondi ta’ riżerva jistgħu jintużaw jekk dan jintalab unanimament mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport fuq passaġġi fuq l-ilma interni. |
(4) |
Il-fondi ta’ riżerva, li jikkonsistu esklussivament minn kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-industrija, s’issa qatt ma ntużaw. |
(5) |
Il-miżuri marbutin mal-modernizzazzjoni tal-flottot tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 jikkonċernaw biss kwistjonijiet soċjali u s-sikurezza tal-ambjent tax-xogħol. Mhumiex previsti tipi oħra ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-ħolqien ta’ kuntest favorevoli għall-innovazzjoni u għall-ambjent. |
(6) |
Il-miżuri tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 dwar it-taħriġ vokazzjonali jew dwar l-iskemi tat-taħriġ mill-ġdid huma rilevanti għall-membri tal-ekwipaġġ kollha li jkunu se jitilqu mis-settur, inklużi sidien-operaturi, u mhux biss għal dawk li huma kkwalifikati bħala ħaddiema. |
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 jistipula miżuri li jinkoraġġixxu lil sidien-operaturi biex jissieħbu f’assoċjazzjonijiet tas-sengħa, iżda ma jistipulax miżuri li jsaħħu l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-livell tal-Unjoni, minkejja l-fatt li organizzazzjonijiet aktar b’saħħithom fl-Unjoni kollha jistgħu jgħinu sabiex tittaffa l-frammentazzjoni fis-settur. |
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 għandu jiġi ssupplimentat minn miżuri mmirati biex jistabbilixxu skemi ta’ taħriġ jew ta’ taħriġ mill-ġdid tal-membri tal-ekwipaġġ għajr għal dawk li jikkwalifikaw bħala “ħaddiema” li jitilqu mill-industrija, jinkoraġġixxu lil sidien-operaturi jissieħbu f’assoċjazzjonijiet tas-sengħa, issaħħu l-assoċjazzjonijiet professjonali u jinkoraġġixxu l-innovazzjoni tal-bastimenti u l-adattament tagħhom għall-progress tekniku fir-rigward tal-ambjent. |
(9) |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tat-trasport fuq passaġġi fuq l-ilma interni u f’infrastruttura portwarja multimodali permezz tal-istrumenti finanzjarji disponibbli, fosthom, fejn xieraq, taħt Orizzont 2020 - il-programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020 (‘Orizzont 2020’) (5) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (6), biex b’hekk tkun żgurata l-integrazzjoni ta’ dak is-settur fit-trasport multimodali. |
(10) |
Il-Kummissjoni għandha tappoġġa miżuri għall-innovazzjoni u għall-adattament tal-flotot fuq passaġġi fuq l-ilma interni għall-progress tekniku fir-rigward tal-ambjent, billi jiġi ppromwovut l-użu ta’ strumenti finanzjarji disponibbli minn fondi tal-Unjoni eżistenti, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020, u għandha tissuġġerixxi modi biex jinħoloq effett ta’ lieva għall-fondi ta’ riżerva permezz ta’ dawk il-fondi eżistenti kif ukoll permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament mill-Bank Ewropew għall-Investiment. |
(11) |
Billi ġew stabbiliti fondi ta’ riserva permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-industrija, għandu jkun possibbli li dawn jintużaw għall-adattament tal-bastimenti mal-ħtiġijiet tekniċi u ambjentali adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-adattament tagħhom għal aktar żvilupp ta’ standards Ewropej dwar emissjonijiet ta’ magni, kif ukoll għall-inkoraġġiment ta’ effiċjenza tal-fjuwil tal-magna, ta’ użu ta’ fjuwils alternattivi u ta’ kwalunkwe miżura oħra sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja u għal bastimenti li jirrispettaw l-ambjent, inkluż bastimenti adattati għaax-xmajjar. |
(12) |
Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘Artikolu 8
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(5), kwalunkwe Stat Membru jista’ jieħu miżuri, b’mod partikolari sabiex:
— |
ikun iktar faċli għat-trasportaturi bil-passaġġi fuq l-ilma interni li jkunu se jitilqu mill-industrija li jiksbu pensjoni tal-irtirar kmieni jew li jmorru jaħdmu f’attività ekonomika oħra, fost l-oħrajn billi tkun ipprovduta lilhom informazzjoni komprensiva, |
— |
jiġi organizzat taħriġ vokazzjonali jew skemi ta’ taħriġ mill-ġdid għall-membri tal-ekwipaġġ, inklużi ħaddiema u sidien-operaturi, li jkunu se jitilqu l-industrija u tiġi pprovduta informazzjoni xierqa dwar dawk l-iskemi, |
— |
jittejbu l-ħiliet fin-navigazzjoni interna u l-għarfien tal-loġistika bil-għan li jitħarsu l-iżvilupp u l-ġejjieni tal-professjoni, |
— |
l-operaturi-sidien jiġu mħeġġa jissieħbu f’assoċjazzjonijiet tas-sengħa u biex jiġu msaħħa l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-livell tal-Unjoni, |
— |
jitħeġġeġ l-adattattament tal-bastimenti għall-progress tekniku bil-għan li jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-protezzjoni tas-saħħa, u tiġi promossa s-sikurezza, |
— |
titħeġġeġ l-innovazzjoni fir-rigward ta’ bastimenti u l-adattament tagħhom għall-progress tekniku fir-rigward tal-ambjent, inklużi bastimenti li jirrispettaw l-ambjent, |
— |
jiġu mħeġġa modi biex jinħoloq effett ta’ lieva għall-użu tal-fondi ta’ riżerva flimkien mal-istrumenti finanzjarji disponibbli, fosthom, fejn xieraq, fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u ma’ strumenti ta’ finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment.’. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) Opinjoni tal-21 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tal-31 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2014.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 tad-29 ta’ Marzu 1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 90, 2.4.1999, p. 1).
(5) Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
(6) Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).