Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0449

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 449/2014 tat- 2 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

    ĠU L 132, 3.5.2014, p. 57–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/449/oj

    3.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/57


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 449/2014

    tat-2 ta' Mejju 2014

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/105/UE tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont dak il-Ftehim (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Awwissu 2012, il-Federazzjoni Russa ssieħbet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-impenji tal-Federazzjoni Russa jinkludu l-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni ta' tipi speċifikati ta' injam koniferuż, li sehem minnu kien allokat għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-modalitajiet għall-amministrazzjoni ta' dawk il-kwoti b'rati tariffarji huma stabbiliti fil-Ftehim f'għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa b'rabta mal-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (2) (il-Ftehim) u fil-Protokoll (3) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont il-Ftehim (il-Protokoll). Il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati fis-16 ta' Diċembru 2011. Dawn ġew applikati provviżorjament mid-data tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    (2)

    Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2012/105/UE, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 (4) stabbilixxa r-regoli dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament se jieqaf japplika fid-data li fiha tieqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

    (3)

    Filwaqt li l-Ftehim u l-Protokoll ikomplu jiġu applikati b'mod provviżorju, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tagħhom, l-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 matul l-ewwel tliet perjodi tal-kwota żvelat il-ħtieġa li jiġi emendat l-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament biex titqies ir-rata baxxa ta' utilizzazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji matul l-ewwel tliet perjodi tal-kwota. Is-sospensjoni tat-tnaqqis tal-limiti massimi tal-importazzjonijiet previsti fl-Artikoli 13 u 14 matul il-perjodu tal-kwota tal-2015 hija meħtieġa għall-promozzjoni tal-utilizzazzjoni sħiħa minn importaturi tradizzjonali b'mod partikolari tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

    (4)

    Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Injam stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/105/UE,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 15 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 15

    1.   Jekk il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis tal-limiti massimi tal-importazzjonijiet previsti fl-Artikoli 13 u 14 jiġu ssodisfati t-tnejn b'mod simultanju, japplika l-akbar tnaqqis biss (Ri jew ri).

    2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 14 ma japplikawx matul l-ewwel perjodu tal-kwota wara l-ewwel tliet perjodi tal-kwota.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/105/UE tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont dak il-Ftehim (ĠU L 57, 29.2.2012, p. 1).

    (2)  Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 57, 29.2.2012, p. 3).

    (3)  Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi konformi mal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni ta' dawk il-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 57, 29.2.2012, p. 5).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 152, 13.6.2012, p. 28).


    Top