Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0795

2014/795/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 7 ta' Novembru 2014 li temenda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/335/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 330, 15.11.2014, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/795/oj

15.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/44


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Novembru 2014

li temenda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/335/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(2014/795/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1) (“id-Direttiva tal-VAT”), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta' Mejju 2014, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni għal miżura li tidderoga mill-Artikolu 287(11) tad-Direttiva tal-VAT sabiex tkompli teżenta ċerti persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta' EUR 45 000 bir-rata ta' konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni (“il-miżura”). Il-miżura teħles dawk il-persuni taxxabbli minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT.

(2)

Permezz ta' ittra datata s-6 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mil-Litwanja. Permezz ta' ittra datata t-12 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

(3)

Skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar hija diġà disponibbli għall-Istati Membri taħt it-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT. Il-miżura estiża tidderoga mit-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT biss sa fejn il-limitu tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli għall-iskema speċjali jkun ogħla minn dak permess fir-rigward tal-Litwanja taħt l-Artikolu 287(11) tad-Direttiva tal-VAT, li huwa EUR 29 000.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE (2), il-Litwanja kienet awtorizzata, bħala miżura derogatorja, li teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 45 000 sal-31 ta' Diċembru 2014. Peress li dan il-limitu rriżulta f'obbligi tal-VAT imnaqqsa għan-negozji ż-żgħar, il-Litwanja għandha tiġi awtorizzata li testendi l-miżura għal perjodu limitat ulterjuri. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(5)

Mill-informazzjoni pprovduta mil-Litwanja, l-estensjoni tad-deroga se jkollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali ta' dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum.

(6)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/335/UE, id-data “31 ta' Diċembru 2014” hija sostitwita bi “31 ta' Diċembru 2017”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE tat-30 ta' Mejju 2011 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 150, 9.6.2011, p. 6.).


Top