Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0695

    2014/695/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tad- 29 ta' Settembru 2014 li tawtorizza lill-Italja tapplika, f'żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG użat għal raġunijiet ta' tisħin skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    ĠU L 291, 7.10.2014, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/695/oj

    7.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 291/16


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tad-29 ta' Settembru 2014

    li tawtorizza lill-Italja tapplika, f'żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG użat għal raġunijiet ta' tisħin skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    (2014/695/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, l-Italja kienet awtorizzata tapplika f'ċerti żoni partikolarment żvantaġġati rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq il-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin. L-awtorizzazzjoni l-aktar reċenti ngħatat sal-31 ta' Diċembru 2012 mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/318/KE (2).

    (2)

    Permezz ta' ittra ddatata l-31 ta' Mejju 2012, l-awtoritajiet Taljani talbu awtorizzazzjoni biex japplikaw f'ċerti żoni ġeografikament partikolarment żvantaġġati rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG użati għal raġunijiet ta' tisħin, permezz ta' estensjoni tal-prattika segwita taħt id-Deċiżjoni 2008/318/KE, qabel ma kella tiskadi dik id-Deċiżjoni. Ġew ipprovduti informazzjoni addizzjonali u kjarifiki mill-awtoritajiet Taljani fl-4 ta' Diċembru 2012, fis-16 ta' Lulju 2013, fil-31 ta' Diċembru 2013 u fit-22 ta' Jannar 2014. Permezz ta' ittra ddatata d-19 ta' Marzu 2014, l-awtoritajiet Taljani talbu tiġdid tal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni 2008/318/KE mingħajr bidliet fl-ambitu territorjali tagħha għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2018.

    (3)

    L-Italja għandha territorju li jvarja ħafna b'kondizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi varjabbli. L-Italja qieset il-partikolaritajiet tat-territorju tagħha u introduċiet rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG bil-ħsieb li tpaċi parzjalment l-ispejjeż disproporzjonalment għoljin tat-tisħin għar-residenti f'ċerti żoni ġeografiċi.

    (4)

    Id-divrenzjar fit-taxxa fl-Italja huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u għandu l-għan li jqiegħed il-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli fuq bażi aktar komparabbli mal-bqija tal-popolazzjoni permezz ta' tnaqqis tal-spejjeż disproporzjonalment għoljin tat-tisħin tagħhom, li huma dovuti għal kondizzjonijiet klimatiċi severi jew diffikultajiet fl-akkwist ta' fjuwil.

    (5)

    Ir-rati mnaqqsin tat-taxxa huma applikabbli f'żoni ġeografiċi li jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin: (a) kondizzjonijiet klimatiċi l-aktar severi fit-territorju Taljan, jiġifieri muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona F kif definita fid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tal-1993 (3); (b) kondizzjonijiet klimatiċi severi flimkien ma' diffikultajiet fl-akkwist tal-fjuwil, jiġifieri muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona E kif definita fid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tal-1993; u (c) iżolament ġeografiku flimkien ma' akkwist tal-fjuwil għali u diffikultuż, jiġifieri Sardinja u gżejjer żgħar. Billi l-iżvilupp tan-netwerk tal-gass naturali, sa ċertu punt sinifikanti, jnaqqas l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin u jwassal għal diversità akbar fil-provvista tal-fjuwil, fejn ikun xieraq, ir-rati mnaqqsin tat-taxxa għandhom ikunu applikati biss sa meta jitlesta n-netwerk tal-gass naturali fil-muniċipalitajiet konċernati.

    (6)

    Il-miżura mitluba ġiet eżaminata mill-Kummissjoni u nstabet li ma tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ittellef l-operat tas-suq intern, u ma titqiesx inkompatibbli mal-politika tal-UE dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport. Ir-rata mnaqqsa ta' tassazzjoni kemm għall-gażolju kif ukoll għal-LPG tibqa' ogħla mil-livelli minimi ta' tassazzjoni tal-UE stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE u tkun ittaffi b'mod parzjali biss l-ispejjeż addizzjonali għat-tisħin fiż-żona ġeografika inkwistjoni.

    (7)

    Il-miżura mitluba tkun tapplika biss għal għanijiet ta' tisħin ta' spazji (kemm għall-individwi privati kif ukoll għan-negozji) u ma tkunx tapplika għal forom oħra ta' użu kummerċjali ta' gażolju u LPG. Skont l-awtoritajiet Taljani, l-ammont tal-vantaġġ fir-rigward tat-taxxa għall-utenti kummerċjali jkun f'kull każ partikulari kopert bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (4). Madankollu, jekk il-benefiċċju għal xi impriża singola jeċċedi l-limitu massimu stabbilit f'dak ir-Regolament, huwa għandu jiġi notifikat lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 (5).

    (8)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżura tapplika mingħajr interruzzjoni fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni ta' rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa konċessi mid-Deċiżjoni 2008/318/KE, li skadiet fil-31 ta' Diċembru 2012, ikun xieraq li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2013. L-applikazzjoni kontinwa ta' rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa tkun qed tikkontribwixxi biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u ma tkunx qed timmina l-aspettattivi leġittimi tal-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli. Għalhekk, ikun xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal sitt snin. Dan il-perjodu ta' applikazzjoni jipprovdi lill-awtoritajiet Taljani bi żmien suffiċjenti biex jivvalutaw l-effett ambjentali tal-miżura. Dan ikun jindika wkoll li fil-futur ikun meħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri aktar immirati għall-iffrankar tal-enerġija sabiex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija u sabiex jiġi żgurat effett pożittiv fuq l-ambjent,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Italja hija b'dan awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG użati għal raġunijiet ta' tisħin fiż-żoni ġeografikament żvantaġġati li ġejjin:

    (a)

    il-muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona klimatika F kif stabbilita bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta' Awwissu 1993 Nru 412;

    (b)

    il-muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona klimatika E kif stabbilita bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta' Awwissu 1993 Nru 412;

    (c)

    il-muniċipalitajiet ta' Sardinja u l-gżejjer żgħar, jiġifieri l-gżejjer Taljani kollha ħlief Sqallija.

    2.   Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kumpens żejjed, it-tnaqqis ma għandux jeċċedi l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin taż-żoni kkonċernati. Fil-każ partikolari ta' Sardinja u l-gżejjer żgħar, bħala konsegwenza, it-tnaqqis tat-taxxa ma għandux irendi l-prezz inqas mill-prezz tal-istess fjuwil fl-Italja kontinentali.

    3.   Ir-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE, u b'mod partikolari mal-livelli minimi ta' tassazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9 tagħha.

    Artikolu 2

    L-eliġibbiltà taż-żoni ġeografiċi msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1(1) għandha tkun kondizzjonata min-nuqqas ta' disponibbiltà ta' netwerk tal-gass naturali fil-muniċipalità.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2018.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    (1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/318/KE tas-7 ta' April 2008 li tawtorizza lill-Italja sabiex tapplika, fiż-żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta' taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għal finijiet ta' tisħin skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 109, 19.4.2008, p. 27).

    (3)  Id-Digriet Presidenzjali Nru 412 tal-1993 jaqsam it-territorju Taljan f'sitt żoni klimatiċi (A sa F). Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-unità “gradi kull jum” li tirrappreżenta l-ammont ta' jiem kull sena li t-temperatura ta' barra ma tkunx l-ottimu ta' 20 °C u b'hekk ikun meħtieġ it-tisħin.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta' Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15).


    Top