Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0334

    2014/334/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta' Mejju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti bil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe

    ĠU L 168, 7.6.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/334/oj

    Related international agreement

    7.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Mejju 2014

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti bil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe

    (2014/334/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta' Lulju 2007, il-Kunsill approva l-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta' Sħubija”) billi adotta r-Regolament (KE) Nru 894/2007 (1).

    (2)

    L-applikazzjoni tal-aħħar Protokoll (2) li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija skadiet fit-12 ta' Mejju 2014.

    (3)

    L-Unjoni nnegozjat Protokoll ġdid mar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe, għal perjodu ta' erba' snin, li jagħti lill-bastimenti tal-Unjoni opportunitajiet ta' sajd fl-ilmijiet li fuqhom ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe għandha s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sajd. Mal-konklużjoni tan-negozjati ġie inizjalat, fid-19 ta' Diċembru 2013, Protokoll ġdid.

    (4)

    Biex tkun żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni huwa previst li l-Protokoll il-ġdid jiġi applikat b'mod provviżorju sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu. Din l-applikazzjoni provviżorja tibda mid-data tal-iffirmar tiegħu, iżda mhux qabel id-data ta' skadenza tal-aħħar Protokoll.

    (5)

    Il-Protokoll il-ġdid għandu jiġi ffirmat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll”) huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-Protokoll għandu japplika b'mod provviżorju, skont l-Artikolu 14 tiegħu, mid-data tal-iffirmar tiegħu (3), iżda mhux qabel it-13 ta' Mejju 2014, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. TSAFTARIS


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/2007 tat-23 ta' Lulju 2007dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35).

    (2)  Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (ĠU L 136, 24.5.2011, p. 5).

    (3)  Id-data tal-iffirmar tal-Protokoll se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropeamis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top