Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0245

2014/245/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 132, 3.5.2014, p. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/08/2019; Imħassar b' 32019D1281

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/245/oj

3.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/65


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' April 2014

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/245/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni tat mandat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u talbet il-parir tagħha dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil rigward l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs).

(2)

Fil-parir tekniku tagħha mogħti fil-31 ta' Mejju 2013, l-ESMA indikat li fir-riżultati tagħha, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan fir-rigward tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu huwa paragunabbli ma' dak li hemm stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, sabiex il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz ikun ikkunsidrat bħala ekwivalenti skont dan ir-Regolament, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk ġewx issodisfati tliet kundizzjonijiet.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CRAs f'pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni, u jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u regolatorju Brażiljan għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jikkonsisti mir-Regolament ICVM 521 tal-Kummissjoni dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju tal-Brażil (Comissão de Valores Mobiliários, CVM), li ġie adottat fil-25 ta' April 2012 abbażi tal-Liġi Nru 6.385 tal-1976. Il-qafas regolatorju jobbliga lis-CRAs biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet kollha tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO). Daħlu fis-seħħ il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti kollha. Skont dan il-qafas regolatorju, is-CRAs iridu jkunu rreġistrati, u huma superviżjonati fuq bażi kontinwa mis-CVM. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan jikkonferixxi fuq is-CVM firxa komprensiva ta' setgħat li jippermettulha tinvestiga jekk is-CRAs humiex qegħdin jikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħha. Is-CMV tista' teżamina u tieħu eżempji ta' rekords, kotba jew dokumenti ta' kontabilità, kif ukoll kwalunkwe fajl ieħor, u tista' titlob informazzjoni jew kjarifiki, punibbli b'multa, bla ħsara għal sanzjonijiet oħra. Is-CMV għandha s-setgħa wkoll twettaq spezzjonijiet, b'avviż minn qabel kif ukoll mingħajru, sabiex twettaq superviżjoni u infurzar effikaċi fuq is-CRAs, u għandha s-setgħa li tissanzjona s-CRAs li jkunu qed jiksru r-regoli applikabbli. Is-CVM tista' timponi għadd ta' sanzjonijiet fuq is-CRAs u kull min hu direttament involut fil-proċess ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, li jvarjaw minn twissijiet, multi u sospensjonijiet sat-tneħħija mir-reġistru tas-CRAs. Jekk is-CVM tivverifika li twettaq reat, din trid tressaq il-każ quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (“Ministério Público”). Is-CVA, fuq talba, tista' wkoll tinvolvi ruħha f'litiġji legali marbutin mas-suq tat-titoli, fejn l-attivitajiet tagħha jistgħu jvarjaw mill-ġbir ta' evidenza sal-għoti ta' opinjonijiet legali. Is-CRAs jridu jissottomettu għand is-CVM formola ta' referenza annwali kif ukoll informazzjoni marbuta ma' avvenimenti bħal meta pereżempju sseħħ bidla sinifikanti fil-metodoloġija; jiġi deċiż li l-klassifikazzjoni tal-kreditu titwaqqaf; jew meta emittent ma jkunx ħareġ opinjoni preliminari meta qed jinforma bi tranżazzjoni. Minn Settembru 2013, is-CRAs kollha ssottomettew il-formoli ta' referenza aġġornati tagħhom għand is-CVM, li rċeviet tagħrif marbut mal-avvenimenti. Is-CVM irrevediet id-dokumenti u talbet lil CRA sabiex tiċċara kunflitt ta' interess li ġie identifikat, liema talba ġiet milqugħa mis-CRA. Fil-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u s-CVM huwa previst skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u dawk superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri. Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkunsidrat li s-CRAs fil-Brażil huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, u l-arranġamenti superviżorji u ta' infurzar tal-Brażil li huma applikabbli għas-CRAs jiġu applikati u infurzati b'mod effikaċi.

(5)

Skont it-tieni kundizzjoni, is-CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu suġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Artikoli minn 6 sa 12 u fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 6b, 8a, 8b, 8c u 11a, il-punt (ba) tal-punt 3 u l-punti 3a u 3b tat-Taqsima B tal-Anness I ta' dan ir-Regolament. Meta jiġi vvalutat jekk din il-kundizzjoni tintlaħaqx, għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) rigward id-data tal-applikazzjoni għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Fir-rigward tal-governanza korporattiva, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan jitlob lis-CRAs, bħala parti mill-proċedura ta' reġistrazzjoni tagħhom, li jkollhom struttura ta' governanza korporattiva bil-minimu ta' żewġ diretturi, li wieħed minnhom għandu jkun indipendenti u responsabbli għall-konformità mar-regoli. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan, li jesiġi konformità obbligatorja mal-Kodiċi tal-IOSCO, jobbliga lis-CRAs li jkollhom fis-seħħ arranġamenti adegwati għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess. Il-kodiċi ta' kondotta ta' CRA jrid jipprevedi l-adozzjoni ta' mekkaniżmi li jidentifikaw, jeliminaw, jimmaniġġjaw u jiżvelaw sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitti ta' interess. Il-qafas Brażiljan fih wkoll regoli ddettaljati dwar l-esternalizzazzjoni, iż-żamma tar-rekords u l-kunfidenzjalità. Is-CRAs iridu jistabbilixxu funzjoni ta' rieżami sabiex il-metodoloġiji ta' klassifikazzjoni jiġu rieżaminati, u l-qafas Brażiljan jinkludi firxa wiesgħa ta' rekwiżiti għad-divulgazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, pereżempju r-rekwiżit li jitqassmu fil-ħin id-deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, li jiġi ppubblikat dokument ibbażat fuq il-prestazzjoni storika tal-klassifikazzjoni u li rapport annwali li jinkludi informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom joħroġ għall-pubbliku. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan għandu jilħaq l-istess riżultati tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 rigward il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, il-proċessi organizzattivi u l-proċeduri li CRA għandu jkollha mwaqqfin, il-kwalità tal-klassifikazzjoni u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, dan għandu jipprovdi l-istess protezzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji tas-CRAs u l-affidabbiltà tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu.

(6)

Skont it-tielet kundizzjoni, is-sistema regolatorja fil-pajjiż terz trid tevita l-indħil fil-kontenut tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u fil-metodoloġiji mill-awtoritajiet superviżorji u minn awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dan il-pajjiż terz. Kwalunkwe interferenza bħal din tmur kontra l-prinċipju ta' legalità stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-Brażil, li tipprevedi li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jaġixxu biss jekk ikunu stabbiliti bil-liġi. Sa fejn jista' jiġi aċċertat ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lill-CVM jew xi awtorità pubblika oħra l-awtorità li tinfluwenza l-kontenut tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-metodoloġiji.

(7)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma ssodisfati mill-qafas legali u superviżorju Brażiljan għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan għas-CRAs għandu jitqies ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, mgħarrfa mill-ESMA, għandha tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju Brażiljan għas-CRAs u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju fis-seħħ għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-Brażil jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


Top