EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0178

2014/178/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2014) 1979) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 95, 29.3.2014, p. 47–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/10/2014; Imħassar b' 32014D0709

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/178/oj

29.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/47


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2014) 1979)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/178/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (4) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni biex ikun ikkontrollat id-deni Afrikan tal-ħnieżer, fosthom il-miżuri li jridu jittieħdu meta jfaqqa’ d-deni Afrikan tal-ħnieżer u meta d-deni Afrikan tal-ħnieżer ikun suspettat jew konfermat fi ħnieżer slavaġ. Dawk il-miżuri jinkludu pjanijiet li approvat il-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiżviluppawhom u jimplimentawhom għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ.

(2)

Minħabba l-preżenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’Sardinja, l-Italja, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/363/KE (5). Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar is-saħħa tal-annimali rigward il-moviment, it-tqassim u l-immarkar ta’ ħnieżer u ċertu prodotti tal-ħnieżer minn Sardinja, ħalli jkun evitat li din il-marda tixtered f’żoni oħra tal-Unjoni.

(3)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/362/KE (6) approvat pjan li l-Italja ressqet lill-Kummissjoni għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ f’Sardinja.

(4)

Fl-2014, fil-Litwanja u l-Polonja nstab id-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, speċifikament aktar fiċ-ċingjali, għax daħal il-vajrus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn pajjiżi terzi ġirien fejn tinsab din il-marda. Sabiex tiffoka l-miżuri ta’ kontroll u tevita t-tixrid tal-mard u kull tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex tevita xkiel mhux ġustifikat għall-kummerċ minħabba pajjiżi terzi, id f’id mal-Istati Membri kkonċernati nħolqot lista tal-Unjoni b’mod urġenti biż-żoni infettati f’dawk il-pajjiżi, permezz tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/93/UE (7) u 2014/134/UE (8) li t-tnejn japplikaw sat-30 ta’ April 2014.

(5)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer jista’ jitqies bħala marda endemika fil-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u slavaġ ta’ ċertu pajjiżi terzi li jmissu mal-fruntieri tal-Unjoni u hu theddida dejjiema għall-Unjoni.

(6)

Is-sitwazzjoni tal-marda jaf twassal biex tipperikola l-merħliet tal-ħnieżer f’reġjuni oħra tal-Litwanja, l-Italja u l-Polonja u anki fi Stati Membri oħra, l-aktar fejn jidħol il-kummerċ ta’ prodotti minn annimali porċini.

(7)

Il-Litwanja u l-Polonja ħadu miżuri biex jegħlbu d-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-qafas tad-Direttiva 2002/60/KE, u lill-Kummissjoni se jressqulha l-pjan tagħhom għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva.

(8)

Jixraq li l-Istati Membri u ż-żoni kkonċernati jitniżżlu f’Anness differenti skont il-livell tar-riskju meta titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u skont jekk din tolqotx kemm lil azjendi kbar tal-ħnieżer kif ukoll lill-popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ (Parti III), jekk tolqotx lill-popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ biss (Parti II) jew jekk ir-riskju hux minħabba ċertu qrubija lejn l-infezzjoni fil-popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ (Parti I).

(9)

Mil-lat ta’ riskju tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, il-movimenti ta’ prodotti differenti tal-porċini joħolqu livelli differenti tar-riskju. Bħala regola ġenerali, skont l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel tal-2010 (9), il-moviment ta’ ħnieżer ħajjin, semen, ova u embrijuni tagħhom, u prodotti sekondarji tal-annimali li ġejjin minn porċini miż-żoni infettati, joħolqu aktar riskji mil-lat ta’ esponiment u konsegwenzi milli joħloq il-moviment ta’ laħam, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam. Għaldaqstant għandu jkun ipprojbit it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin, tas-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom, u tal-prodotti sekondarji tal-annimali li ġejjin mill-porċini kif ukoll it-tqassim ta’ ċertu laħam, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam ta’ żoni deżinjati tal-Istati Membri mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Din il-projbizzjoni tinkludi s-suidae kollha kif jissemma fid-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (10).

(10)

Sabiex jitqiesu l-livelli differenti tar-riskju skont it-tip ta’ prodotti tal-porċini u s-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Istati Membri kkonċernati, jixraq li jiġu previsti ċertu derogi għal kull tip ta’ prodott tal-porċini mit-territorji mniżżla fil-Partijiet differenti tal-Anness ta’ dan ir-Regolament. Dawn id-derogi huma wkoll konformi mal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-importazzjoni fejn jidħol id-deni Afrikan tal-ħnieżer li jindika l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali. Il-miżuri addizzjonali ta’ salvagwardja u r-rekwiżiti tas-saħħa jew it-trattamenti applikabbli għal dawk id-derogi għandhom jiġu previsti wkoll f’din id-Deċiżjoni.

(11)

Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (11) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/444/KEE (12) jistipulaw li ċ-ċertifikati tas-saħħa għandhom jakkumpanjaw il-movimenti tal-annimali. Meta d-derogi mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin minn żoni mniżżlin fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jiġu applikati għal ħnieżer ħajjin maħsuba għall-kummerċ intra-Unjoni jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa għandu jkun fihom referenza għal din id-Deċiżjoni ħalli jkun żgurat li fiċ-ċertifikati rilevanti tingħata informazzjoni preċiża u adegwata dwar is-saħħa.

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 (13) jistipula li ċ-ċertifikati tas-saħħa għandhom jakkumpanjaw il-movimenti ta’ ċertu prodotti li ġejjin mill-annimali. Sabiex ikun evitat it-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’żoni oħra tal-Unjoni, meta Stat Membru jkun soġġett għal projbizzjoni tat-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu mil-laħam tal-majjal minn ċertu żoni tat-territorju tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti ċertu rekwiżiti, b’mod partikolari fejn tidħol iċ-ċertifikazzjoni, għat-tqassim ta’ dan il-laħam, il-preparazzjonijiet u l-prodotti tal-laħam minn żoni oħra tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru li mhumiex soġġetti għal din il-projbizzjoni u dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa għandu jkun fihom referenza għal din id-Deċiżjoni.

(13)

Barra minn hekk, sabiex ikun evitat it-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’żoni oħra tal-Unjoni u f’pajjiżi terzi, jixraq li jkun previst li t-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu mil-laħam tal-majjal minn Stati Membri b’żoni mniżżla fl-Anness, ikun soġġett għal ċertu kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dan il-laħam frisk tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam tal-majjal għandhom jiġu mmarkati b’marka apposta li ma tkunx tixbah lill-marka ta’ identifikazzjoni prevista fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u lill-marki sanitarji għal-laħam tal-majjal previsti fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(14)

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom iqisu l-epidemjoloġija tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-kundizzjonijiet biex terġa’ tinkiseb il-qagħda ħielsa mid-deni Afrikan tal-ħnieżer skont il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, u għalhekk dan il-perjodu għandu jtul mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 2017.

(15)

Għaldaqstant id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2014/93/UE u 2014/134/UE għandhom jitħassru u jinbidlu b’din id-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni 2005/363/KE ġiet emendata bosta drabi. Għaldaqstant jixraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u tinbidel b’din id-Deċiżjoni.

(16)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċertu miżuri ta’ kontroll relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew f’żoni tagħhom kif jistipula l-Anness (l-Istati Membri kkonċernati).

Id-Deċiżjoni għandha tapplika bla preġudizzju għall-pjanijiet tal-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn popolazzjonijiet tal-ħnieżer slavaġ fl-Istati Membri kkonċernati, li approvat il-Kummissjoni skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE.

Artikolu 2

Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin, semen, ova u embrijuni tal-porċini, laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih il-laħam tal-majjal kif ukoll konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini minn ċertu żoni mniżżla fl-Anness

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprojbixxu:

(a)

it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin miż-żoni mniżżla fil-Parti II jew III tal-Anness;

(b)

it-tqassim ta’ konsenji ta’ semen, ova u embrijoni tal-porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness;

(c)

it-tqassim ta’ konsenji ta’ laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih il-laħam tal-majjal miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness;

(d)

it-tqassim ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness;

Artikolu 3

Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin miż-żoni mniżżla fil-Parti II tal-Anness

B’deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 2, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin minn azjenda li tinsab f’waħda miż-żoni mniżżla fil-Parti II tal-Anness, lil żoni oħra fit-territorju tal-istess Stat Membru diment li l-ħnieżer ikunu ilhom residenti għal perjodu ta’ mill-anqas 30 jum jew minn twelidhom fl-azjenda u li f’dik l-azjenda ma jkun iddaħħal ebda ħanżir ħaj matul perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-moviment u

1.

il-ħnieżer ikunu sarulhom testijiet fil-laboratorju għad-deni Afrikan tal-ħnieżer b’riżultati negattivi għal kampjuni li jittieħdu skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fil-pjan għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni matul perjodu ta’ 15-il jum qabel id-data tal-moviment, u jkun sarilhom eżami kliniku għad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn uffiċjal veterinarju skont il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/422/KE (16) fid-data tal-ġarr, jew

2.

il-ħnieżer ikunu ġejjin minn azjenda li:

(a)

mill-anqas darbtejn fis-sena, b’intervall ta’ mill-anqas 4 xhur, isirulha spezzjonijiet mill-awtorità veterinarja kompetenti, li:

(i)

issegwi l-linji gwida u l-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE;

(ii)

għamlet eżami kliniku u ħadet il-kampjuni skont il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE;

(iii)

ivverifikat l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri previsti fit-tieni inċiż u mir-raba’ sas-seba’ inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2002/60/KE.

(b)

timplimenta r-rekwiżiti tal-bijosigurtà għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li tistabbilixxi l-awtorità kompetenti.

(c)

il-ħnieżer akbar minn 60 jum li trabbi jkunu sarulhom it-testijiet fil-laboratorju għad-deni Afrikan tal-ħnieżer imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih jew jikkonsisti mil-laħam tal-majjal minn żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness

B’deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (c) tal-Artikolu 2, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih jew jikkonsisti mil-laħam tal-majjal minn żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness diment li dawn ikunu:

(a)

ġejjin minn ħnieżer li nżammu minn twelidhom fl-azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fl-Anness, u l-laħam tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam, ikunu ġew prodotti, maħżuna u pproċessati fi stabbilimenti approvati skont l-Artikolu 10; jew

(b)

ġew prodotti u pproċessati skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/99/KE.

Artikolu 5

Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness

B’deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (d) tal-Artikolu 2, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ prodotti derivati kif jissemma fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) li nkisbu minn prodotti sekondarji tal-annimali porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness diment li dawn il-prodotti sekondarji jkun sarilhom trattament li jiżgura li l-prodott derivat ma joħloq ebda riskju tad-deni Afrikan tal-ħnieżer.

Artikolu 6

Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ebda ħanżir ħaj ma għandu jintbagħat mit-territorji tagħhom lil Stati Membri oħra, ħlief meta dan il-ħanżir ikun ġej minn:

(a)

żoni ’l barra minn dawk imniżżla fl-Anness;

(b)

azjenda li fiha ma jkun iddaħħal ebda ħanżir ħaj miż-żoni elenkati fl-Anness, matul perjodu ta’ mill-inqas 30 jum eżatt qabel id-data tat-tqassim.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin minn azjenda li tinsab fiż-żoni mniżżla fil-Parti I tal-Anness diment li dawk il-ħnieżer ħajjin ikunu konformi mal-kundizzjonijiet li:

(a)

ikunu ilhom residenti għal perjodu ta’ mill-anqas 40 jum jew minn twelidhom fl-azjenda u li f’dik l-azjenda ma jkun iddaħħal ebda ħanżir ħaj matul perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel id-data tat-tqassim;

(b)

ikunu ġejjin minn azjenda li timplimenta r-rekwiżiti tal-bijosigurtà għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li tistabbilixxi l-awtorità kompetenti;

(c)

il-ħnieżer ikunu sarulhom testijiet fil-laboratorju għad-deni Afrikan tal-ħnieżer b’riżultati negattivi għal kampjuni li jittieħdu skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fil-pjan għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni matul perjodu ta’ 15-il jum qabel id-data tal-moviment, u jkun sarilhom eżami kliniku għad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn uffiċjal veterinarju skont il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE fid-data tal-ġarr; jew

(d)

ikunu ġejjin minn azjenda li mill-anqas darbtejn fis-sena, b’intervall ta’ mill-anqas 4 xhur, isirulha spezzjonijiet mill-awtorità veterinarja kompetenti, li:

(i)

issegwi l-linji gwida u l-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE;

(ii)

għamlet eżami kliniku u ħadet il-kampjuni skont il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE;

(iii)

ivverifikat l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri previsti għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni inċiż u mir-raba’ sas-seba’ inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2002/60/KE.

3.   Għal konsenji tal-ħnieżer ħajjin imsemmija f’dan l-Artikolu, għandu jiżdied dan il-kliem addizzjonali li ġej maċ-ċertifikati tas-saħħa korrispondenti msemmija:

(a)

fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 64/432/KEE; jew

(b)

fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/444/KEE:

“Ħnieżer konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/178/UE (*).

(*)  ĠU L 95, 29.3.2014, p. 48.”"

Artikolu 7

Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ semen ova u embrijuni tal-porċini miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ebda konsenja ta’ dawn il-prodotti m’għandha tintbagħat mit-territorju tagħhom lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi:

(a)

semen tal-porċini, sakemm is-semen ma jkunx ġej minn ħnieżer miżmuma f’ċentru tal-ġbir approvat kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE (18) u li jkun jinsab ’il barra miż-żoni mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi tal-porċini, sakemm l-ova u l-embrijuni ma jkunux ġejjin minn ħnieżer donaturi miżmuma f’azjendi konformi mal-Artikolu 6(2) u li jkunu jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti II u fil-Parti III tal-Anness u li l-embrijuni jkunu konċeputi bis-semen skont il-punt (a).

Artikolu 8

Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji minn annimali porċini miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi

1.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li ebda konsenja ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini ma tintbagħat mit-territorju tagħhom lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi, sakemm dawk il-prodotti sekondarji tal-annimali porċini ma jkunux ġejjin minn ħnieżer li joriġinaw u ġejjin minn azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti II u fil-Parti III tal-Anness.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ prodotti derivati li nkisbu minn prodotti sekondarji tal-annimali porċini li jkunu ġejjin minn ħnieżer miż-żoni mniżżla fil-Parti II u fil-Parti III tal-Anness lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi sakemm:

(a)

dawk il-prodotti sekondarji jkun sarilhom trattament li jiżgura li l-prodott derivat miksub mill-annimali porċini ma joħloq ebda riskju tad-deni Afrikan tal-ħnieżer;

(b)

il-konsenji jkollhom magħhom dokument kummerċjali maħruġ kif jissemma fil-Kapitolu III tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (19).

Artikolu 9

Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal u ċertu preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ebda konsenja ta’ laħam frisk tal-majjal minn ħnieżer ta’ azjendi li jinsabu fiż-żoni mniżżla fl-Anness, u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu mil-laħam ta’ dawk il-ħnieżer m’għandha tintbagħat lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi, ħlief meta dan il-laħam tal-majjal ikun ġie prodott minn ħnieżer li joriġinaw u ġejjin minn azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti II jew III tal-Anness.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati b’żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal imsemmi fil-paragrafu 1 u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam tal-majjal, lil Stati Membri oħra sakemm dawk il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal ikunu ġejjin minn ħnieżer li nżammu minn twelidhom f’azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness, u li l-laħam frisk tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal ikunu ġew prodotti, maħżuna u pproċessati fi stabbilimenti approvati skont l-Artikolu 10.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati b’żoni mniżżla fil-Parti II tal-Anness jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal imsemmi fil-paragrafu 1 u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam tal-majjal, lil Stati Membri oħra sakemm dawk il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal ikunu ġejjin minn ħnieżer konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2 tal-Artikolu 3.

Artikolu 10

L-approvazzjoni ta’ biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam għall-finijiet tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(2)

L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandha tapprova biss biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam għall-finijiet tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(2) fejn il-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar tal-laħam frisk tal-majjal u l-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn laħam tal-majjal eliġibbli għat-tqassim lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi skont id-derogi previsti fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(2), isiru b’mod separat mill-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ prodotti oħra li fihom jew jikkonsistu minn laħam frisk tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn laħam li ġej minn ħnieżer li joriġinaw jew ġejjin minn azjendi fiż-żoni mniżżla fl-Anness ħlief dawk approvati skont dan l-Artikolu.

Artikolu 11

Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal u ċertu preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal miż-żoni mniżżla fl-Anness

B’deroga mill-paragrafu 9, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam miż-żoni mniżżla fil-Parti II jew III tal-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi sakemm dawk il-prodotti inkwistjoni:

(a)

ġew prodotti u pproċessati f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/99/KE;

(b)

ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni veterinarja skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/99/KE;

(c)

ikollhom magħhom iċ-ċertifikat tas-saħħa xieraq tal-kummerċ intra-Unjoni kif jistabbilixxi r-Regolament (KE) Nru 599/2004 li l-Parti II tiegħu għandha titkompla kif ġej:

“Prodotti f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/178/UE tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri (**).

(**)  ĠU L 95, 29.3.2014, p. 48.”"

Artikolu 12

Informazzjoni dwar l-Artikoli 9 sa 11

Kull sitt xhur mid-data ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, il-lista aġġornata tal-istabbilimenti approvati msemmija fl-Artikolu 10 u kull informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 9, 10 u 11.

Artikolu 13

Miżuri relatati mal-ħnieżer slavaġ ħajjin, laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn laħam li ġej mill-ħnieżer slavaġ

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li:

(a)

ebda ħanżir selvaġġ ħaj miż-żoni mniżżla fl-Anness m’għandu jintbagħat lil Stati Membri oħra jew f’żoni oħra tat-territorju tal-istess Stat Membru;

(b)

ebda konsenja ta’ laħam frisk tal-ħnieżer slavaġ, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn laħam bħal dan miż-żoni mniżżla fl-Anness m’għandha tintbagħat lil Stati Membri oħra jew f’żoni oħra tat-territorju tal-istess Stat Membru.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1(b), l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ konsenji ta’ laħam frisk tal-ħnieżer slavaġ, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam miż-żoni mniżżla fil-Parti I tal-Anness lil żoni oħra fit-territorju tal-istess Stat Membru mhux imniżżla fl-Anness, sakemm il-ħnieżer slavaġ ikunu sarulhom testijiet b’riżultati negattivi għad-deni Afrikan tal-ħnieżer skont il-proċeduri dijanjostiċi stabbiliti fit-Taqsima C u fit-Taqsima D tal-Kapitolu VI tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE.

Artikolu 14

Marki sanitarji speċjali u rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għal laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam soġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 9 u 13

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-laħam frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam soġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 9 u 13 ikunu mmarkati b’marka sanitarja speċjali li ma tkunx ovali u li ma tkunx tixbah:

(a)

lill-marka ta’ identifikazzjoni għall-preparazzjonijiet tal-laħam u għall-prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn laħam tal-majjal, stabbilita fit-Taqsima I tal-Anness II, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b)

lill-marka sanitarja għal-laħam frisk tal-majjal, stabbilita fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

Artikolu 15

Rekwiżiti li jikkonċernaw azjendi u vetturi tat-trasport fiż-żoni mniżżla fl-Anness

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li:

(a)

fl-azjendi tal-ħnieżer li jinsabu fiż-żoni mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jiġu applikati l-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni inċiż u mir-raba’ sas-seba’ inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2002/60/KE;

(b)

il-vetturi li jintużaw għat-trasport tal-ħnieżer jew tal-prodotti sekondarji tal-annimali porċini li ġejjin minn azjendi fiż-żoni mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, ikunu tnaddfu u ġew diżinfettati minnufih wara kull vjaġġ u t-trasportatur jipprovdi evidenza li t-tindif u d-diżinfezzjoni jkunu saru.

Artikolu 16

Rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati

Lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħarrfuhom bir-riżultati tas-sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li tkun saret fiż-żoni mniżżla fl-Anness, kif stipulat fil-pjanijiet għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn popolazzjonijiet tal-ħnieżer slavaġ li approvat il-Kummissjoni skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE u li jissemmew fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 17

Konformità

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex jikkonformawhom ma’ din id-Deċiżjoni u għandhom jagħtu pubbliċità xierqa u immedjata lill-miżuri adottati. Dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bihom.

Artikolu 18

Revoka

Jitħassru d-Deċiżjoni 2005/363/KE u d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2014/93/UE u 2014/134/UE.

Artikolu 19

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 20

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/363/KE tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar miżuri ta’ protezzjoni ta’ saħħet l-annimali kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer f’Sardinja (ĠU L 118, 5.5.2005, p. 39).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/362/KE tat-2 ta’ Mejju 2005 li tapprova l-pjan għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer slavaġ f’Sardinja, l-Italja (ĠU L 118, 5.5.2005, p. 37).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/93/UE tal-14 ta’ Frar 2014 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Litwanja (ĠU L 46, 18.2.2014, p. 20).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/134/UE tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 63).

(9)  The EFSA Journal 2010; 8(3):1556.

(10)  Id-Direttiva 92/65/KEE tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux soġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/444/KEE tat-2 ta’ Lulju 1993 dwar ir-regoli dettaljati li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terżi (ĠU L 208, 19.8.1993, p. 34).

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ mudell armonizzat ta’ ċertifikat u rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/422/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 approvazzjoni ta’ manwal għad-dijanjożi ta’ African swine fever (ĠU L 143, 11.6.2003, p. 35).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Ir-Regolament tal-prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi tal-ispeċi tal-majjali (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62).

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).


ANNESS

PARTI I

1.   Il-Litwanja

Dawn iż-żoni tal-Litwanja:

(a)

fil-kontea ta’ Vilnius (apskritis):

parti mill-muniċipalità distrettwali ta’ Vilnius (il-parti t’isfel mit-toroq A2 (E272) u 103),

 

il-muniċipalità distrettwali ta’ Trakai u l-muniċipalità ta’ Elektrėnai;

(b)

fil-kontea ta’ Marijampolė (apskritis):

il-muniċipalità ta’ Marijampolė, il-muniċipalità ta’ Kalvarija u l-muniċipalità ta’ Kazlų Rūda;

(c)

fil-kontea ta’ Kaunas (apskritis):

il-muniċipalità distrettwali ta’ Prienai u l-muniċipalità ta’ Birštonas.

2.   Il-Polonja

Dawn iż-żoni tal-Polonja:

Fil-vojvodat ta’ Podlaskie:

il-belt ta’ Suwałki;

il-belt ta’ Białystok;

il-muniċipalitajiet ta’ Suwałki, Szypliszki u Raczki fid-distrett ta’ Suwalski;

il-muniċipalitajiet ta’ Augustów bil-belt ta’ Augustów, Nowinka, Sztabin u Bargłów Kościelny fid-distrett ta’ Augustowski;

il-muniċipalitajiet ta’ Krasnopol u Puńsk fid-distrett ta’ Sejneński;

il-muniċipalitajiet ta’ Goniądz, Jasionówka, Jaświły, Knyszyn, Krypno u Mońki fid-distrett ta’ Moniecki;

il-muniċipalitajiet ta’ Suchowola u Korycin fid-distrett ta’ Sokólski;

il-muniċipalitajiet ta’ Choroszcz, Juchnowiec Kościelny, Suraż, Turośń Kościelna, Tykocin, Zabłudów u Dobrzyniewo Duże fid-distrett ta’ Białostocki;

il-muniċipalitajiet ta’ Bielsk Podlaski bil-belt ta’ Bielsk Podlaski, Orla u Wyszki fid-distrett ta’ Bielski;

il-muniċipalitajiet ta’ Narew, Narewka, Białowieża, Czyże, Dubicze Cerkiewne u Hajnówka bil-belt ta’ Hajnówka fid-distrett ta’ Hajnowski.

PARTI II

1.   Il-Litwanja

Dawn iż-żoni tal-Litwanja:

(a)

fil-kontea ta’ Vilnius (apskritis):

il-muniċipalità distrettwali ta’ Šalčininkai;

(b)

fil-kontea ta’ Alytus (apskritis):

il-muniċipalità distrettwali ta’ Lazdijai, il-muniċipalità distrettwali ta’ Varėna, il-muniċipalità distrettwali ta’ Alytus, il-muniċipalità tal-belt ta’ Alytus u l-muniċipalità ta’ Druskininkai.

2.   Il-Polonja

Dawn iż-żoni tal-Polonja:

Fil-vojvodat ta’ Podlaskie:

il-muniċipalitajiet ta’ Giby u Sejny bil-belt ta’ Sejny fid-distrett ta’ Sejneński;

il-muniċipalitajiet ta’ Lipsk u Płaska fid-distrett ta’ Augustowski;

il-muniċipalitajiet ta’ Czarna Białostocka, Gródek, Supraśl, Wasilków u Michałowo fid-distrett ta’ Białostocki;

il-muniċipalitajiet ta’ Dąbrowa Białostocka, Janów, Krynki, Kuźnica, Nowy Dwór, Sidra, Sokółka u Szudziałowo fid-distrett ta’ Sokólski.

PARTI III

L-Italja

Dawn iż-żoni tal-Italja:

Iż-żoni kollha ta’ Sardinja.


Top