Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 32013R1188

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1188/2013 tal- 21 ta’ Novembru 2013 li jipprovdi perjodu mnaqqas ta’ notifika qabel il-wasla fil-port tal-bastimenti tal-Unjoni impenjati fis-sajd ta’ stokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent li jiżbarkaw fil-portijiet Spanjoli

ĠU L 313, 22.11.2013, pagg. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Stato giuridico del documento Non più in vigore, Data di fine della validità: 25/08/2022; Imħassar b' 32022R1410

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1188/oj

22.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/47


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1188/2013

tal-21 ta’ Novembru 2013

li jipprovdi perjodu mnaqqas ta’ notifika qabel il-wasla fil-port tal-bastimenti tal-Unjoni impenjati fis-sajd ta’ stokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent li jiżbarkaw fil-portijiet Spanjoli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar impenjati f’sajd għal stokkijiet soġġetti għal pjan multiannwali, li għandhom l-obbligu li jirreġistraw b’mod elettroniku d-dejta tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, huma taħt l-obbligu li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom bl-intenzjoni li jiżbarkaw fil-port, mill-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port.

(2)

Skont l-Artikolu 17(2), meta bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkunu se jidħlu f’port ta’ Stat Membru li huwa differenti mill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, l-awtorijiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom huma taħt l-obbligu li hekk kif jirċievu n-notifika elettronika minn qabel għandhom jibgħatuha immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali.

(3)

Skont l-Artikolu 17(6), il-Kummissjoni tista’ tipprovdi għal perjodu ta’ notifika ieħor wara li tqis, fost l-oħrajn, it-tip ta’ prodotti tas-sajd, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd, il-postijiet tal-iżbark u l-portijiet fejn huma reġistrati l-bastimenti.

(4)

Fit-28 ta’ Settembru 2012, Spanja talbet li l-perjodu ta’ notifika stipulat fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jitnaqqas tal-inqas għal sagħtejn u nofs għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja u li huma impenjati fis-sajd ta’ stokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent. Fost id-diversi flotot li joperaw skont il-pjan, it-talba tikkonċerna l-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ, il-bastimenti bl-għeżula, il-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għas-sajd li jsir fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Majjistral u l-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ fl-ilmijiet Portugiżi.

(5)

L-istokkijiet ta’ merluzz u ta’ skampu fil-fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent huma suġġetti għall-pjan multiannwali stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2166/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokkijiet tal-merluzz tan-Nofsinhar u l-awwista Norveġiża fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ speċi żgħar ta’ ħlejjaq tal-baħar (2).

(6)

Dejta spazjali provduta minn Spanja turi li l-flotot speċifiċi li jtajru l-bandiera ta’ Spanja msemmija fil-premessa (4), bħala regola ġenerali, joperaw f’żoni tas-sajd li huma inqas minn erba’ sigħat ’il bogħod mill-portijiet tal-iżbark tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawk il-portijiet tal-iżbark dejjem ikunu inqas minn sagħtejn u nofs ’il bogħod mill-uffiċċji tal-awtoritajiet ta’ kontroll Spanjoli. Għalhekk, jekk il-bastimenti inkwistjoni jintgħażlu għal spezzjoni, perjodu ta’ notifika bil-quddiem ta’ mill-inqas sagħtejn u nofs jippermetti biex l-awtoritajiet ta’ kontroll ikkonċernati iwettqu l-ispezzjoni korrispondenti. Għaldaqstant, huwa xieraq li jitnaqqas il-perjodu ta’ notifika bil-quddiem għal mill-inqas sagħtejn u nofs.

(7)

Għal raġunijiet ta’ trattament ugwali, l-istess tnaqqis fil-perjodu ta’ notifika bil-quddiem għandu japplika għall-bastimenti ta’ Stati Membri oħra li huma intenzjonati li jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli.

(8)

Sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Spanja għandha tivvaluta l-impatt tat-tnaqqis fil-perjodu ta’ notifika fuq il-kontroll tal-iżbarki tal-bastimenti kkonċernati u tippreżenta rapport lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-perjodu ta’ notifika bil-quddiem fir-rigward tal-ispezzjoni effettiva tal-bastimenti kkonċernati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll. Jekk, abbażi tas-sejbiet fir-rapport ippreżentat minn Spanja jew abbażi tal-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-awditjar imwettqa mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tat-Titolu X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jidher li t-tnaqqis fil-perjodu ta’ notifika mhuwiex biżżejjed biex jiżgura l-kontroll ġust tal-iżbarki minn Spanja, il-Kummissjoni se tirrevedi dak il-perjodu skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni impenjati fis-sajd suġġetti għall-pjan multiannwali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2166/2005, li jiżbarkaw il-qabdiet tagħhom fi Spanja u li jappartjentu għall-flotot imniżżla fil-paragrafu 2, il-perjodu minimu ta’ notfika ta’ erba’ sigħat previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu jonqos għal sagħtejn u nofs.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss għall-bastimenti li ġejjin:

(a)

bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ(TR), bastimenti bl-għeżula (GN) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ (LL) impenjati fis-sajd ta’ stokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu suġġetti għall-pjan multiannwali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2166/2005 fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent (Taqsimiet ICES VIIIc u IXa);

(b)

bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ (TR) impenjati fis-sajd ta’ stokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu suġġetti għall-pjan multiannwali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2166/2005 fl-ilmijiet Portugiżi (Taqsima ICES IXa).

Artikolu 2

Sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Spanja għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar l-impatt tat-tnaqqis fil-perjodu ta’ notifika fuq il-kontroll tal-iżbarki tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 345, 28.12.2005, p. 5.


In alto