EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1150

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1150/2013 tal- 14 ta’ Novembru 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva żejt tal-kolza Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 305, 15.11.2013, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1150/oj

15.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1150/2013

tal-14 ta’ Novembru 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva żejt tal-kolza

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) u 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva żejt tal-kolza kienet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 (4). Mindu d-Direttiva Nru 91/414/KEE nbidlet bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza qed titqies li ġiet approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, ippreżentat lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni għaż-żejt tal-kolza (6) fit-18 ta’ Diċembru 2012. L-Awtorità wasslet l-opinjoni tagħha dwar iż-żejt tal-kolza lin-notifikatur. Il-Kummissjoni stednitha tressaq il-kummenti tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni dwar iż-żejt tal-kolza. Saret reviżjoni tal-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni u tal-opinjoni tal-Awtorità mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u fis-3 ta’ Ottubru 2013 ġew iffinalizzati fil-format ta’ rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għaż-żejt tal-kolza.

(3)

Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva żejt tal-kolza għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jinħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni taż-żejt tal-kolza fir-rigward tal-kwantità massima ta’ impurità tossikoloġikament rilevanti fl-aċidu eruċiku.

(5)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(6)

L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żejt tal-kolza.

(7)

Għandu jitħalla perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sabiex l-Istati Membri, in-notifikaturi u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom iż-żejt tal-kolza jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-emenda fil-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni.

(8)

Meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żejt tal-kolza, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żejt tal-kolza bħala sustanza attiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2014.

Artikolu 3

Perjodu ta’ Grazzja

Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2015.

Artikolu 4

Dħul fis-Seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1)

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar r-reviżjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva żejt tal-pjanti/żejt tal-kolza. The EFSA Journal 2013; 11(1)3058. [45 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2013.3058. Jinsab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 242 dwar is-sustanza attiva żejt tal-kolza għandha tinbidel b’dan li ġej:

Numru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“242

Żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza

Nru tas-CAS: 8002-13-9

Nru tas-CIPAC: mhux assenjat

Żejt tal-kolza

Iż-żejt tal-kolza huwa taħlita kumplessa ta’ aċidi grassi

Impurità rilevanti: Massimu ta’ 2 % ta’ aċidu eruċiku

fl-1 ta’ Settembru 2009

fil-31 ta’ Awwissu 2019

PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati l-użi bħala insettiċidi u akariċidi biss.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar iż-żejt tal-kolza (SANCO/2623/2008), u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-3 ta’ Ottubru 2013.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.”


Top