Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1003

    Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1003/2013 tat- 12 ta' Lulju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 279, 19.10.2013, p. 4–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/05/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/1003/oj

    19.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 279/4


    REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1003/2013

    tat-12 ta' Lulju 2013

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 72(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (2) jistipula li d-dħul tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority - ESMA) jikkonsiti f’tariffi mħallsa lill-ESMA fil-każijiet speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni flimkien ma’ kontribuzzjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u sussidju mill-Unjoni.

    (2)

    Għandha tintalab tariffa għar-reġistrazzjoni lir-repożiztorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni biex tirrifletti l-kostijiet tal-ESMA għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Il-kostijiet assoċjati mal-valutazzjoni tal-applikazzjoni jiżdiedu meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikollu l-ħsieb li jkopri mill-inqas tliet klassijiet ta’ derivati jew li joffri servizzi anċillari. Għaldaqstant, it-tariffa għar-reġistrazzjoni għandha tiġi kkalkulata skont dawn iż-żewġ kriterji oġġettivi.

    (3)

    Il-provvista ta’ servizzi anċillari u ta’ servizzi ta’ rappurtar f’aktar minn tliet klassijiet ta’ derivati hija wkoll mistennija li jkollha impatt dirett fuq il-fatturat fil-ġejjieni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Għalhekk, għall-iskop tal-impożizzjoni ta’ tariffi għar-reġistrazzjoni, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji differenti ta’ fatturat totali mistenni (fatturat totali mistenni għoli, medju u baxx), li għalihom għandhom japplikaw tariffi għar-reġistrazzjoni differenti, skont jekk għandhomx l-intenzjoni li jipprovdu servizzi anċillari u/jew servizzi ta’ rappurtar f’aktar minn tliet klassijiet ta’ derivati.

    (4)

    Jekk, wara r-reġistrazzjoni, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jibda joffri servizzi anċillari jew jibda jaħdem f’aktar minn tliet klassijiet ta’ derivati, u b’hekk jaqa’ taħt kategorija ogħla f’termini ta’ fatturat totali mistenni, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħallas id-differenza bejn it-tariffa għar-reġistrazzjoni imħallsa inizjalment u t-tariffa għar-reġistrazzjoni li tikkorrispondi mal-kategorija ġdida ta’ fatturat totali mistenni li fiha jaqa’.

    (5)

    Sabiex jiġu evitati applikazzjonijiet mhux iġġustifikati, it-tariffi għar-reġistrazzjoni ma għandhomx jiġu rimborżati jekk applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni, u lanqas jekk ir-reġistrazzjoni tiġi rrifjutata.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti tal-baġit tal-ESMA u, fl-istess ħin, jitħaffef il-piż finanzjarju għall-Istati Membri u l-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jħallsu mill-inqas il-kostijiet kollha relatati mas-superviżjoni tagħhom. It-tariffi għandhom ikunu ffissati f’livell sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta’ defiċit jew surplus għall-attivitajiet relatati mar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Jekk defiċits jew surplus sinifikanti jsiru rikorrenti, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-livell tat-tariffi u l-imposti.

    (7)

    Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni ġusta u ċara tat-tariffi li, fl-istess ħin, tirrifletti l-isforz amministrattiv reali ddedikat lil kull entità taħt superviżjoni, it-tariffa għas-superviżjoni għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-fatturat iġġenerat mill-attivitajiet ewlenin tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. It-tariffi għas-superviżjoni imposti fuq repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati mal-attività ta’ dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet individwali meta mqabbla mal-attività totali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati u taħt superviżjoni kollha f’sena finanzjarja partikolari. Madankollu, minħabba li hemm xi kostijiet amministrattivi fissi għas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, għandha tiġi stabbilita tariffa minima għas-superviżjoni.

    (8)

    Billi dejta limitata biss se tkun disponibbli dwar l-attività ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet fis-sena li fiha jkun irreġistrat, it-tariffa għas-superviżjoni annwali inizjali għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tat-tariffa għar-reġistrazzjoni u l-isforz ta’ superviżjoni li għamlet l-ESMA għas-superviżjoni ta’ dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet dik is-sena.

    (9)

    Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma entitajiet relattivament ġodda li jipprovdu servizzi finanzjarji regolati ġodda u għalhekk stima affidabbli tal-fatturat tagħhom għadha ma teżistix. Madankollu, sabiex jiġi stmat il-fatturat tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, għandhom jitqiesu bosta indikaturi, b’mod partikolari d-dħul finanzjarju ewlieni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet iġġenerat mill-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati, eskluż kwalunkwe dħul li jirriżulta mis-servizzi anċillari, l-għadd ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati għal ċertu perjodu u l-għadd ta’ tranżazzjonijiet pendenti fi tmiem kull perjodu. Fl-ewwel sena ta’ ħidma tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, it-tariffa għas-superviżjoni għandha tikkorrispondi mal-isforz ta’ superviżjoni li wettqet l-ESMA għas-superviżjoni tiegħu mid-data ta’ reġistrazzjoni sa tmiem is-sena, fuq il-bażi tat-tariffi għar-reġistrazzjoni determinati skont il-livell tal-fatturat totali mistenni.

    (10)

    Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013 mhux se jibdew jipprovdu servizzi ta’ rappurtar qabel tmiem l-2013 u l-livell ta’ attività tagħhom fl-2013 x’aktarx li jkun kważi ineżistenti. Għaldaqstant, it-tariffa għas-superviżjoni annwali tagħhom għall-2014 għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-fatturat applikabbli tagħhom matul l-ewwel nofs tal-2014.

    (11)

    Minħabba l-istadju għadu ġdid tal-industrija tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-iżviluppi possibbli fil-ġejjieni, il-metodu tal-kalkolu tal-fatturat tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi analizzat jekk ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-adegwatezza tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-fatturat stabbilita f’dan ir-Regolament fi żmien erba’ snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (12)

    Għandhom jiġu pprovduti regoli għat-tariffi li għandhom jiġu imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent fl-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, sabiex ikopru r-rikonoxximent u l-kostijiet amministrattivi annwali għas-superviżjoni. F’dan ir-rigward, il-kostijiet tal-ESMA huma bbażati fuq in-nefqa meħtieġa relatata mar-rikonoxximent ta’ dawn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 77(2) ta’ dak ir-Regolament, il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz fejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet applikanti huwa rreġistrat skont l-Artikolu 75(3) ta’ dak ir-Regolament, u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti. Il-kostijiet assoċjati mal-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu kondiviżi bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti mill-istess pajjiż terz.

    (13)

    Il-funzjonijiet ta’ superviżjoni eżerċitati mill-ESMA fir-rigward tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi huma l-aktar relatati mal-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, inkluż l-iskambju effettiv tad-dejta bejn l-awtoritajiet rilevanti. Il-kost għall-provvista ta’ dawk il-funzjonijiet għandu jkun kopert mit-tariffi għas-superviżjoni li jiġu imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti. Billi dawk il-kostijiet se jkunu ħafna aktar baxxi mill-kostijiet mġarrba mill-ESMA biex tipprovdi superviżjoni diretta tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-Unjoni, it-tariffi għas-superviżjoni għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti għandhom ikunu b’mod sinifikanti aktar baxxi mit-tariffa minima għas-superviżjoni imposta fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati taħt superviżjoni diretta mill-ESMA.

    (14)

    Fid-dawl tal-iżviluppi possibbli fil-ġejjieni, huwa xieraq li l-metodoloġija għall-kalkolu tal-fatturat applikabbli, kif ukoll tal-livell tat-tariffi għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni jiġu analizzati u aġġornati kull meta jkun meħtieġ.

    (15)

    L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jġarrbu kostijiet meta jwettqu xogħol skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. It-tariffi li jintalbu mill-ESMA lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom ikopru wkoll dawk il-kostijiet. Sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet kompetenti jġarrbu telf jew jagħmlu profitt mit-twettiq tal-kompiti ddelegati jew mill-assistenza lill-ESMA, l-ESMA għandha tirrimborża l-kostijiet reali biss imġarrba minn dik l-awtorità kompetenti nazzjonali.

    (16)

    Dan ir-Regolament għandu jifforma l-bażi għad-dritt tal-ESMA li timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Sabiex tiġi faċilitata minnufih l-attività ta’ superviżjoni u ta’ infurzar effettiva u effiċjenti, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar it-tariffi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha timponi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, is-superviżjoni u r-rikonoxximent tagħhom.

    Artikolu 2

    Irkupru tal-kostijiet kollha ta’ superviżjoni

    It-tariffi mitluba lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet se jkopru:

    (a)

    il-kostijiet kollha relatati mar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-ESMA skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, inklużi l-kostijiet li jirriżultaw mir-rikonoxximent tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

    (b)

    il-kostijiet kollha għar-rimborż tal-awtoritajiet kompetenti li wettqu xogħol skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    Artikolu 3

    Fatturat applikabbli

    1.   Il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal sena finanzjarja partikolari (n) se jkun is-somma ta’ terz ta’ kull wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fuq il-bażi tal-kontijiet awditjati tas-sena ta’ qabel (n-1), diviż bid-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha matul is-sena ta’ qabel (n-1);

    (b)

    l-għadd ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul is-sena ta’ qabel (n-1), diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati kollha matul is-sena ta’ qabel (n-1);

    (c)

    l-għadd ta’ tranżazzjonijiet pendenti rreġistrati fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel (n-1), diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet pendenti rreġistrati sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel (n-1) fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha.

    Il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet speċifiku (“TRi” fil-formula ta’ hawn taħt) kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu se jiġi kkalkulat kif ġej:

    Formula

    2.   Meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx ħadem matul is-sena sħiħa (n-1), il-fatturat applikabbli se jkun stmat skont il-formula stabbilita fil-paragrafu 1 billi jiġu estrapolati għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, u għal kull wieħed mill-elementi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, il-valuri kkalkulati għall-għadd ta’ xhur li fih ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ħadem fis-sena (n-1) għas-sena kollha (n-1).

    Artikolu 4

    Aġġustament tat-tariffi

    1.   It-tariffi imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu ffissati f’livell sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta’ defiċit jew surplus.

    Meta jkun hemm surplus jew defiċit sinifikanti rikorrenti, il-Kummissjoni tirrevedi l-livell tat-tariffi.

    2.   Meta t-tariffi imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fis-sena (n) ma jkunux biżżejjed biex ikopru n-nefqa totali meħtieġa tal-ESMA għar-reġistrazzjoni, is-superviżjoni u r-rikonoxximent tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, l-ESMA se żżid fis-sena (n + 1) it-tariffi għas-superviżjoni li għandhom jiġu imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati matul is-sena sħiħa (n) u li għadhom irreġistrati fis-sena (n + 1) bl-ammont meħtieġ.

    3.   L-aġġustament tat-tariffi għad-defiċits koperti mill-paragrafu 2 se jiġu kkalkulati għal kull repożitorju tat-tranżazzjonijiet individwali f’proporzjon mad-dħul applikabbli tiegħu fis-sena (n).

    KAPITOLU II

    TARIFFI

    Artikolu 5

    Tipi ta’ tariffi

    1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni li japplikaw għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 se jintalbu jħallsu t-tipi ta’ tariffi li ġejjin:

    (a)

    it-tariffi għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6;

    (b)

    it-tariffi għas-superviżjoni annwali skont l-Artikolu 7.

    2.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fil-pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 se jintalbu jħallsu t-tipi ta’ tariffi li ġejjin:

    (a)

    it-tariffi għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 8(1);

    (b)

    it-tariffi għas-superviżjoni annwali għar- repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti skont l-Artikolu 8(2).

    Artikolu 6

    Tariffa għar-reġistrazzjoni

    1.   It-tariffa għar-reġistrazzjoni li għandha titħallas mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet applikanti individwali se tiġi kkalkulata skont l-isforz ta’ superviżjoni meħtieġ għall-valutazzjoni u l-analiżi tal-applikazzjoni, kif ukoll il-fatturat totali mistenni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet kif speċifikat fil-paragrafi minn 2 sa 6.

    2.   Għall-kalkolu tat-tariffa għar-reġistrazzjoni, se jitqiesu l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    il-provvista ta’ servizzi anċillari mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet bħal pereżempju s-servizzi ta’ konferma tat-tranżazzjonijiet, ta’ tqabbil tat-tranżazzjonijiet, ta’ servizzjar ta’ avveniment ta’ kreditu, ta’ konferma tal-portafoll jew ta’ kompressjoni tal-portafoll;

    (b)

    il-provvista ta’ servizzi tar-repożitorji fi tliet klassijiet jew aktar ta’ derivati mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, repożitorju tat-tranżazzjonijiet se jitqies li joffri servizzi anċillari f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    meta jipprovdi servizzi anċillari diretti;

    (b)

    meta entità li tappartjeni għall-istess grupp bħal dak tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet tipprovdi servizzi anċillari indiretti;

    (c)

    meta entità li magħha r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonkluda ftehim fil-kuntest tal-katina jew il-linja kummerċjali tat-tranżazzjoni jew ta’ wara t-tranżazzjoni biex tikkoopera fil-provvista ta’ servizzi tipprovdi is-servizzi anċillari.

    4.   Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx involut fl-ebda waħda mill-attivitajiet stipulati fil-paragrafu 2, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat jitqies li jkollu fatturat totali mistenni baxx u jkollu jħallas tariffa għar-reġistrazzjoni ta’ EUR 45 000.

    5.   Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun involut f’waħda miż-żewġ attivitajiet stipulati fil-paragrafu 2, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jitqies li jkollu fatturat totali mistenni medju u jkollu jħallas tariffa għar-reġistrazzjoni ta’ EUR 65 000.

    6.   Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun involut fiż-żewġ attivitajiet stipulati fil-paragrafu 2, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jitqies li jkollu fatturat totali mistenni għoli u jkollu jħallas tariffa għar-reġistrazzjoni ta’ EUR 100 000.

    7.   Fil-każ li jkun hemm bidla materjali fil-provvista tas-servizzi, li bħala konsegwenza tagħha r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikollu jagħti tariffa għar-reġistrazzjoni ogħla skont il-paragrafi 4, 5 u 6 mit-tariffa għar-reġistrazzjoni mħallsa fil-bidu, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikollu jħallas id-differenza bejn it-tariffa għar-reġistrazzjoni li tħallset inizjalment u it-tariffa għar-reġistrazzjoni ogħla applikabbli li tirriżulta minn dik il-bidla materjali.

    Artikolu 7

    Tariffa għas-superviżjoni annwali għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati

    1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat se jintalab iħallas tariffa għas-superviżjoni annwali.

    2.   It-tariffa għas-superviżjoni annwali totali għal sena finanzjarja partikolari (n) se tiġi kkalkulata kif ġej:

    (a)

    il-bażi għall-kalkolu tat-tariffa għas-superviżjoni annwali totali għal sena finanzjara partikolari (n) se jkun l-istima tan-nefqa relatata mas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif inkluża fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena, stabbilita u approvata skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;

    (b)

    it-tariffa għas-superviżjoni annwali totali għal sena finanzjarja partikolari (n) se tiġi kkalkulata billi jitnaqqsu dawn li ġejjin mill-istima tan-nefqa skont il-punt (a):

    (i)

    it-tariffi totali għar-reġistrazzjoni mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 6 f’sena finanzjarja partikolari (n) u t-tariffi addizzjonali għar-reġistrazzjoni mħallsa f’sena finanzjarja partikolari (n) mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrati fil-każ li sseħħ bidla materjali fir-reġistrazzjoni tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 6(7);

    (ii)

    it-tariffi totali għar-rikonoxximent imħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 8 f’dik is-sena finanzjarja (n);

    (iii)

    it-tariffa għas-superviżjoni inizjali li għandha titħallas mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet f’sena finanzjarja partikolari (n) skont il-paragrafu 4;

    (c)

    repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat se jħallas tariffa għas-superviżjoni annwali li tirriżulta mid-diviżjoni tat-tariffa għas-superviżjoni totali annwali kkalkulata skont il-punt (b) bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha irreġistrati fis-sena n-1, proporzjonalment mal-proporzjon tal-fatturat applikabbli tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għall-fatturat applikabbli totali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha kkalkulat skont l-Artikolu 3(1), u aġġustati skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4.

    3.   Fl-ebda każ ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma għandu jħallas tariffa għas-superviżjoni annwali ta’ inqas minn EUR 30 000.

    4.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat iħallas, fis-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu, tariffa għas-superviżjoni inizjali ugwali għall-inqas waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    it-tariffa għar-reġistrazzjoni dovuta skont l-Artikolu 6;

    (b)

    it-tariffa għar-reġistrazzjoni dovuta skont l-Artikolu 6 immultiplikata bil-proporzjon bejn il-jiem ta’ xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu sa tmiem is-sena u 60 jum ta’ xogħol.

    Dan il-kalkolu se jsir kif ġej:

    Formula

    Formula

    Artikolu 8

    Tariffa għar-rikonoxximent tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi

    1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet li qed japplika għar-rikonoxximent iħallas tariffa għall-applikazzjoni kkalkulata bħala s-somma ta’ dawn li ġejjin:

    (a)

    EUR 20 000;

    (b)

    l-ammont li jirriżulta meta jiġu diviżi EUR 35 000 bejn l-għadd totali ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-istess pajjiż terz li huma rikonoxxuti mill-ESMA, jew li applikaw għar-rikonoxximent iżda għadhom ma ġewx rikonoxxuti.

    2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut skont l-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 se jħallas tariffa għas-superviżjoni annwali ta’ EUR 5 000.

    KAPITOLU III

    KUNDIZZJONIJIET TA’ ĦLAS U TA’ RIMBORŻ

    Artikolu 9

    Modalitajiet ġenerali għall-ħlas

    1.   It-tariffi jitħallsu f’euro. Dawn se jitħallsu kif inhu speċifikat fl-Artikoli 10, 11 u 12.

    2.   Kwalunkwe ħlas tard se jkun soġġett għal penali ta’ kuljum ugwali għal 0,1 % tal-ammont dovut.

    Artikolu 10

    Ħlas tat-tariffi għar-reġistrazzjoni

    1.   It-tariffa sħiħa għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 titħallas meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet japplika għar-reġistrazzjoni.

    2.   It-tariffi għar-reġistrazzjoni mhux se jiġu rimborżati jekk repożitorju tat-tranżazzjonijiet jirtira l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni qabel ma l-ESMA tkun adottat id-deċiżjoni motivata li taċċetta jew tiċħad ir-reġistrazzjoni, jew jekk ir-reġistrazzjoni tiġi rrifjutata.

    Artikolu 11

    Ħlas tat-tariffi għas-superviżjoni annwali

    1.   It-tariffa għas-superviżjoni annwali msemmija fl-Artikolu 7 għal sena finanzjarja partikolari titħallas f’żewġ pagamenti akkont.

    L-ewwel pagament akkont isir fit-28 ta’ Frar ta’ dik is-sena u jammonta għal żewġ terzi tal-istima tat-tariffa għas-superviżjoni annwali. Jekk il-fatturat applikabbli ikkalkulat skont l-Artikolu 3 jkun għadu mhux disponibbli f’dak iż-żmien, il-kalkolu fuq il-fatturat ikun ibbażat fuq l-aħħar fatturat applikabbli disponibbli skont l-Artikolu 3.

    It-tieni pagament akkont isir fil-31 ta’ Awwissu. L-ammont tat-tieni pagament akkont ikun it-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkolata skont l-Artikolu 7 mnaqqsa bl-ammont tal-ewwel pagament akkont.

    2.   L-ESMA se tibgħat il-fatturi għall-pagamenti akkont lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.

    Artikolu 12

    Ħlas tat-tariffi għar-rikonoxximent

    1.   It-tariffi sħaħ għar-rikonoxximent msemmija fl-Artikolu 8(1) jitħallsu meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet japplika għar-rikonoxximent. Dawn ma jiġux rimborżati.

    2.   Kull darba li ssir applikazzjoni ġdida għar-rikonoxximent ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiż terz, l-ESMA tikkolkula mill-ġdid l-ammont imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b).

    L-ESMA tirrimborża b’mod ugwali fost ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rikonoxxuti mill-istess pajjiż terz id-differenza bejn l-ammont impost skont l-Artikolu 8(1)(b) u l-ammont li jirriżulta mill-kalkolu mill-ġdid. Dik id-differenza tiġi rimborżata jew permezz ta’ ħlas dirett jew permezz ta’ tnaqqis tat-tariffi imposti għas-sena ta’ wara.

    3.   It-tariffa għas-superviżjoni annwali għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut tkun dovuta sa tmiem Frar kull sena finanzjarja. L-ESMA għandha tibgħat fattura għall-ħlas lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut tal-inqas 30 jum qabel dik id-data.

    Artikolu 13

    Rimborż tal-awtoritajiet kompetenti

    1.   L-ESMA biss timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, is-superviżjoni u r-rikonoxximent tagħhom.

    2.   L-ESMA tirrimborża awtorità kompetenti għall-kostijiet reali li jkunu ġġarrbu bħala riżultat tat-twettiq ta’ kompiti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

    Artikolu 14

    Tariffi fl-2013

    1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li japplikaw għar-reġistrazzjoni fl-2013 se jħallsu it-tariffa sħiħa għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 30 jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, skont liema tkun l-aktar tard.

    2.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013 se jħallsu għall-2013, tariffa sħiħa għas-superviżjoni annwali inizjali kkalkulata b’mod konformi mal-Artikolu 7(4) 60 jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew 30 jum wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni, skont liema tkun l-aktar tard.

    3.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent fl-2013 se jħallsu it-tariffa sħiħa għar-rikonoxximent msemmija fl-Artikolu 8(1) 30 jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, skont liema tkun l-aktar tard.

    4.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi rreġistrati fl-2013 se jħallsu għall-2013, tariffa sħiħa għas-superviżjoni annwali kkalkulata b’mod konformi mal-Artikolu 8(3) 60 jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew 30 jum wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent, skont liema tkun l-aktar tard.

    Artikolu 15

    Tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2014 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013

    1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013 se jħallsu tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2014 ikkalkulata skont l-Artikolu 7 fuq il-bażi tal-fatturat applikabbli tagħhom matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014, kif stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffi għas-superviżjoni għall-2014 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013 skont l-Artikolu 7, il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun is-somma ta’ terz ta’ kull wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014, diviż bid-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014;

    (b)

    l-għadd ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014;

    (c)

    l-għadd ta’ tranżazzjonijiet pendenti rreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2014, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet pendenti irreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2014 fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha.

    3.   It-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2014 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013 titħallas f’żewġ pagamenti akkont.

    L-ewwel pagament akkont isir fit-28 ta’ Frar 2014 u jikkorrispondi għat-tariffa għar-reġistrazzjoni mħallsa mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fl-2013 skont l-Artikolu 6.

    It-tieni pagament akkont isir fil-31 ta’ Awwissu. L-ammont tat-tieni pagament akkont ikun it-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata skont il-paragrafi 1 u 2 mnaqqsa bl-ammont tal-ewwel pagament akkont.

    Meta l-ammont imħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet fl-ewwel pagament akkont ikun ogħla mit-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata skont il-paragrafi 1 u 2, l-ESMA tirrimborża lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet id-differenza bejn l-ammont imħallas fl-ewwel pagament akkont u t-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata skont il-paragrafi 1 u 2.

    4.   L-ESMA se tibgħat il-fatturi għall-pagamenti akkont tat-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2014 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013 mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.

    5.   Meta l-kontijiet awditjati għall-2014 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fl-2013 jirrapportaw lill-ESMA kull bidla fl-indikaturi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2 użati għall-kalkolu tal-fatturat applikabbli skont il-paragrafu 2, li tirriżulta mid-differenza bejn id-dejta finali u d-dejta provviżorja użata għall-kalkolu.

    Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet iħallas id-differenza bejn it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2014 imħallsa realment u t-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2014 li għandha titħallas bħala konsegwenza ta’ xi bidla fl-indikaturi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2 użati għall-kalkolu tal-fatturat applikabbli skont il-paragrafu 2.

    L-ESMA tibgħat il-fattura għal kwalunkwe ħlas addizzjonali li għandu jsir minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet bħala konsegwenza ta’ bidla fi kwalunkwe wieħed mill-indikaturi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2 użati għall-kalkolu tal-fatturat applikabbli skont il-paragrafu 2, mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.


    Top