EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0885

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 tal- 15 ta’ Mejju 2013 li jissuplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/885/oj

18.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 247/1


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 885/2013

tal-15 ta’ Mejju 2013

li jissuplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(e) u l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi

(1)

L-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2010/40/UE jiffissal-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni għall-postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali bħala azzjoni ta’ prijorità.

(2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi lill-Kummissjoni tadotta l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji biex tiżgura l-kompattibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) għal servizzi ta’ informazzjoni għall-postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri. Dan ir-Regolament jipprova jottimizza l-użu tal-postijiet tal-parkeġġ u li jiffaċilita, għall-kumpaniji tas-sewwieqa jew trasport, id-deċiżjoni dwar meta u fejn għandhom jipparkjaw, permezz ta’ varar tas-servizzi ta’ informazzjoni.

(3)

Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill (2) dwar il-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tal-kriminalità tal-merkanzija u l-forniment ta’ postijiet tal-parkeġġ siguri tat-trakkijiet taċċenna l-bżonn ta’ sikurezza u sigurtà mtejbin għas-sewwieqa tat-trakkijiet u l-possibbiltajiet tal-parkeġġ.

(4)

Il-perjodi ta’ serħan u l-pawżi mandatorji jista’ jkollhom influwenza fuq l-aġir tas-sewwieqa fir-rigward tal-għażla tal-post tal-parkeġġ. Dan ir-Regolament jipprova jottimizza l-użu tal-postijiet tal-parkeġġ u li jiffaċilita, għall-kumpaniji tas-sewwieqa jew trasport, id-deċiżjonijiet dwar meta u fejn għandhom jipparkjaw, permezz ta’ varar tas-servizzi ta’ informazzjoni.

(5)

Sabiex ikunu żgurati l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz madwar l-Unjoni kif ukoll sabiex jiġu kkunsidrati kompletament ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta huwa importanti li l-Istati Membri kollha jiżviluppaw approċċ armonizzat u mingħajr xkiel lejn il-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali madwar l-Unjoni. Għal dan il-għan l-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq is-soluzzjonijiet u l-istandards tekniċi, li għandhom jiġu fornuti primarjament mingħand l-organizzazzjonijiet u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej u/jew internazzjonali, sabiex jiżguraw l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz madwar l-UE kollha filwaqt li jikkunsidraw kompletament ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.

(6)

Il-forniment ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà u l-kumdità jikkontribwixxi għad-deċiżjoni li s-sewwieqa jieħdu, fl-għażla tal-post tal-parkeġġ. Tista’ tingħata gwida billi f’parkeġġ jintwerew il-karatteristiċi tas-sigurtà, is-sikurezza u s-servizzi.

(7)

F’każ li jkun hemm domanda qawwija persistenti għal parkeġġ sikur u sigur f’ċerti żoni, is-sewwieqa tat-trakkijiet għandhom jiġu ridirezzjonati minn żona tal-parkeġġ mimlija għal post ieħor fiż-żona ta’ prijorità fejn huma disponibbli postijiet sikuri u siguri b’xejn sabiex jiġi evitat l-ipparkjar mhux adattat, u għalhekk l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw iż-żoni ta’ prijorità.

(8)

Jekk jintużaw sinjali statiċi biex jindikaw żoni sikuri u siguri, dawn għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat-8 ta’ Novembru 1968 fejn l-Istati Membri huma parti minnha.

(9)

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (3) (PSI — public service information) tiffissa regoli minimi għall-użu mill-ġdid tal-PSI madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Din hija mibnija madwar żewġ pilastri ewlenin tas-suq intern, jiġifieri t-trasparenza u l-kompetizzjoni ġusta, u tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex imorru lil hinn minn dawn ir-regoli minimi għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, u biex jadottaw politiki li jippermettu l-użu mifrux tad-dokumenti, jew dejta fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, miżmumin mill-korpi tas-settur pubbliku. F’xi każijiet, l-użu mill-ġdid tad-dejta se jseħħ mingħajr ma tiġi miftiehma liċenzja. F’każijiet oħrajn se tinħareġ liċenzja li se timponi l-kundizzjonijiet dwar l-użu mill-ġdid mid-detentur tal-liċenzja u t-trattament ta’ kwistjonijiet bħall-affidabbiltà, l-użu kif suppost tad-dejta, il-garazija ta’ qbil mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta, li ma jkunx hemm bidla, u r-rikonoxximent tas-sors. Id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali tal-partijiet terzi ma għandhomx jiġu affettwati.

(10)

Ir-reazzjonijiet mill-utenti huma informazzjoni li hija pprovduta mill-utenti tal-parkeġġ sabiex jagħtu parir personali u annonimu lill-utenti futuri u lill-operaturi taż-żona tal-parkeġġ tat-trakkijiet. Din l-informazzjoni tista’ tintuża għall-kontroll tal-ġestjoni tal-kwalità tas-servizz tal-informazzjoni kif ukoll għall-valutazzjoni. L-anonimità tar-reazzjonijiet għandha tkun iggarantita.

(11)

Il-varar u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi ITS taf tinkludi l-ipproċessar tad-dejta personali li għandu jsir f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, kif stabbilit, partikolarment, fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (4) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (5). Għalhekk għandhom jiġu applikati l-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-dejta għall-applikazzjonijiet ITS.

(12)

Il-varar u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi ITS, kif stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2010/40/UE, huma indirizzati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluża b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 (6) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi, kif ukoll il-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti.

(13)

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex jiżgura l-kompattibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-servizzi tal-informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali f’livell tal-Unjoni skont id-Direttiva2010/40/UE.

Għandu japplika għall-forniment ta’ servizzi tal-informazzjoni li jinsabu fuq in-netwerk stradali transEwropew (TERN — trans-European road network).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin

(1)

“post tal-parkeġġ sikur u sigur” tfisser post tal-parkeġġ għall-utenti kummerċjali biex ikunu jistgħu jevitaw parkeġġ mhux adattat u li jikkontribwixxi għas-sikurezza tas-sewwieqa u l-merkanzija.

(2)

“utent” tfisser kwalunkwe sewwieq tat-trakkijiet jew vettura kummerċjali, tal-ġarr, trasportatur, korp tal-ġestjoni tat-traffiku, jew kwalunkwe korp ieħor bħas-sidien tal-merkanzija, kumpaniji tal-assigurazzjoni, awtoritajiet stradali u korpi tal-pulizija. Għandhom jiksbu l-informazzjoni mill-fornituri tas-servizz.

(3)

“fornitur tas-servizz” tfisser kwlaunkwe korp pubbliku jew privat li jipprovdi s-servizz tal-informazzjoni lill-utenti.

(4)

“dejta” tfisser l-informazzjoni pprovduta minn operatur tal-parkeġġ tat-trakkijiet li jiddeskrivi ż-żona tal-parkeġġ tat-trakkijiet.

(5)

“informazzjoni” tfisser kwlaunkwe dejta aggregata, ipproċessata u/jew estratta, offruta minn forintur tas-servizz lill-utenti permezz ta’ kanali differenti.

(6)

“servizz tal-informazzjoni” tfisser kwalunkwe servizz li jipprovdi gwida lill-utenti tiegħu, jgħinhom jikkonformaw mal-perjodu ta’ serħan u l-pawżi mandatorji, inaqqas il-parkeġġ mhux adattat u jottimizza l-użu tal-postijiet tal-parkeġġ.

(7)

“reazzjonijiet mill-utenti” tfisser l-informazzjoni li hija pprovduta mill-utenti tal-postijiet tal-parkeġġ, fejn jagħtu parir personali u annonimu lill-utenti futuri u lill-operaturi taż-żona tal-parkeġġ tat-trakkijiet.

(8)

“informazzjoni dinamika” tfisser informazzjoni li tindika, fi kwalunkwe ħin, id-disponibbiltà tal-kapaċità tal-parkeġġ disponibbli f’żona tal-parkeġġ jew l-istatus attwali tiegħu (liberu/mimli/magħluq) ta’ żona tal-parkeġġ.

(9)

“informazzjoni statika” tfisser informazzjoni pprovduta mill-operatur taż-żona tal-parkeġġ marbuta mad-deskrizzjoni taż-żona tal-parkeġġ.

(10)

“affidabbiltà tal-informazzjoni” tirreferi għall-korrettezza tas-servizz tal-informazzjoni pprovduta fi qbil mas-sitwazzjoni reali.

(11)

“parkeġġ mhux adattat” tfisser il-waqfien jew l-ipparkjar ta’ vetturi ta’ oġġetti tqal barra mill-postijiet sikuri u siguri tal-parkeġġ fuq l-awtostrada, fil-ġenb tat-triq, jew f’postijiet tal-parkeġġ mimlijin iżżejjed.

(12)

“punt tal-aċċess” tfisser punt diġitali tal-aċċess fejn l-informazzjoni dwar il-postijiet tal-parkeġġ tinġabar, tiġi pproċessata u tkun magħmula disponibbli għad-disseminazzjoni. Dan il-punt ta’ aċċess se jipprovdi l-possibbiltà ta’ disseminazzjoni tas-servizzi tal-informazzjoni fuq il-fruntieri.

(13)

“żona ta’ prijorità” tfisser taqsima, kif definita mill-awtoritajiet nazzjonali, fejn hemm nuqqas ta’ spazji f’post tal-parkeġġ sikur u sigur wieħed jew diversi, li tista’ tiġi solvuta permezz tal-forniment ta’ informazzjoni dwar kapaċitajiet tal-parkeġġ oħrajn mhux użati fl-istess żona.

Artikolu 3

Rekwiżiti għall-forniment ta’ servizzi tal-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw żoni fejn it-traffiku u l-kundizzjonijiet tas-sigurtà jirrikjedu l-varar ta’ servizzi tal-informazzjoni dwar postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri.

Għandhom jiddefinixxu wkoll iż-żoni ta’ prijorità fejn l-informazzjoni dinamika se tiġi pprovduta.

2.   Il-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni għandu jissodifa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7.

Artikolu 4

Ġbir tad-dejta

Id-dejta dwar żoni tal-parkeġġ pubbliċi u privati, sikuri u siguri, li tiddeskrivi l-faċilità tal-parkeġġ, li għandha tiġi pprovduta lill-utenti, għandha tinġabar u tiġi fornuta mill-operaturi tal-parkeġġ u l-fornituri tas-servizz pubbliċi jew privati. Id-dejta li għandha tinġabar għandha tkun faċli biex tiġi fornuta, inkluż remotament, permezz ta’ kwalunkwe mezz, sabiex tiffaċilità l-ġbir minn distanza mill-operaturi tal-parkeġġ kollha. L-operaturi tal-parkeġġ u l-fornituri tas-servizz pubbliċi jew privati għandhom jużaw profili tad-DATEX II (7) jew formati kompatibbli internazzjonali oħrajn sabiex jiżguraw l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-informazzjoni fl-Unjoni.

Id-dejta li għandha tinġabar hija li ġejja:

1.

Dejta statika marbuta maż-żoni tal-parkeġġ, inkluż (fejn applikabbli)

Informazzjoni tal-identifikazzjoni taż-żona tal-parkeġġ (isem u indirizz taż-żona tal-parkeġġ tat-trakkijiet [limitata għall-200 karattru]

Informazzjoni dwar il-post tad-dħul fiż-żona tal-parkeġġ (latitudni/lonġitudni) [20 + 20 karattru]

Identifikatur primarju tat-triq1/direzzjoni [20 karattru/20 karattru] Identifikatur primarju tat-triq2/direzzjoni [20 karattru/20 karattru] jekk l-istess parkeġġ huwa aċċessibbli minn żewġ toroq differenti

Jekk hemm bżonn, l-indikazzjoni tal-Ħruġ (Exit) li għandu jittieħed [limitat għal 100 karattru]/Distanza mit-triq primarja [integer 3] km jew mili

Għadd totali ta’ postijiet liberi tal-parkeġġ għat-trakkijiet [integer 3]

Prezz u munita tal-postijiet tal-parkeġġ [300 karattru]

2.

Informazzjoni dwar is-sikurezza u l-apparat taż-żona tal-parkeġġ

Deskrizzjoni tas-sigurtà, sikurezza u l-apparat tas-servizz tal-parkeġġ inkluż il-klassifikazzjoni nazzjonali jekk din tiġi applikata [500 karattru]

Għadd ta’ postijiet tal-parkeġġ għall-vetturi ta’ oġġetti refriġerati [numeriċi 4 ċifri]

Informazzjoni dwar apparat speċifiku jew servizzi għal vetturi tal-oġġetti speċifiċi u oħrajn [300 karattru]

Informazzjoni ta’ kuntatt tal-operatur tal-parkeġġ:

Isem u indirizz [sa 100 karattru]

Numru tat-telefown [sa 20 karattru]

Indirizz tal-posta elettronika [sa 50 karattru]

Kunsens tal-operatur biex l-informazzjoni ta’ kuntatt tiegħu ssir pubblika [Iva/Le]

3.

Dejta dinamika dwar id-disponibbiltà tal-postijiet tal-parkeġġ inkluż jekk parkeġġ huwa: mimli, magħluq jew l-għadd ta’ postijiet liberi li huma disponibbli.

Artikolu 5

Kondiviżjoni u skambju tad-dejta

1.   L-operaturi tal-parkeġġ u l-fornituri tas-servizz pubbliċi jew privati għandhom jikkondividu u jiskambjaw id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4. Għal dawn l-għanijiet għandhom jużaw format tad-DATEX II (CEN/TS 16157) jew kwalunkwe format internazzjonali li jinqara minn magna li huwa kompatibbli mad-DATEX II. Id-dejta għandha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe fornitur tas-servizz u/jew operatur tal-parkeġġ pubbliku jew privat fuq bażi mhux diskriminatorja, u skont id-drittijiet u l-proċeduri tal-aċċess definiti fid-Direttiva 2003/98/KE.

2.   Id-dejta statika għandha tkun aċċessibbli permezz ta’ punt ta’ aċċess nazzjonali jew internazzjonali.

3.   Għad-dejta dinamika, l-Istati Membri (jew awtoritajiet nazzjonali) għandhom ikunu responsabbli mill-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ punt ta’ aċċess ċentrali nazzjonali jew internazzjonali li jagħmel referenza għall-punti uniċi individwali kolla tal-aċċess ta’ kull operatur ta’ parkeġġ tat-trakkijiet u/jew il-fornitur tas-servizz fit-territorju tagħhom fl-interessi tal-utenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu f’punt ta’ aċċess internazzjonali billi jipprovdu dejta u jiżguraw li l-kwalità tagħha hija konformi mar-rekwiżiti fl-Artikolu 7.

5.   It-tariffi tal-aċċess għal, l-iskambju ta’, u l-użu mill-ġdid ta’ dejta dinamika pubblika jew privata għandhom jibqaw raġovenoli kif jissemma fid-Direttiva PSI.

6.   L-operaturi tal-parkeġġ u/jew il-fornituri tas-servizz pubbliċi jew privati għandhom perjodikament jibgħatu d-dejta statika miġbura tagħhom lill-punt ta’ aċċess nazzjonali jew internazzjonali permezz ta’ mezzi elettroniċi li jixirqu, mhux inqas minn darba fis-sena għad-dejta statika msemmija fl-Artikolu 4(1).

Fir-rigward tad-dejta pubblika u privata l-operaturi u/jew il-fornituri tas-servizzi għandhom jaġġornaw l-informazzjoni tagħhom li tissemma fl-Artikolu 4(3), mhux inqas minn darba kull 15-il minuta.

Artikolu 6

Disseminazzjoni tal-informazzjoni

Il-fornituri tas-servizz li jiġbru l-informazzjoni f’post speċifiku għandhom juru:

tal-inqas iż-żewġ postijiet tal-parkeġġ li jmiss li huma sikuri u siguri fit-triq fuq distanza ta’ madwar 100 kilometru;

id-disponibbiltà tal-postijiet tal-parkeġġ f’żona ta’ prijorità f’tal-inqas fiż-żewġ postijiet tal-parkeġġ li jmiss fuq distanza ta’ madwar 100 kilomentru.

Id-disseminazzjoni tal-informazzjoni għandha tkun konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fejn Stat Membru jkun iffirmaha. L-applikazzjoni fil-vettura għandu jkollha interfaċċa robusta bejn il-bniedem u l-magna sabiex ma tfixkilx lis-sewwieq u tgħajjih.

L-operaturi tal-parkeġġ u/jew il-fornituri tas-servizz għandhom jinfurmaw lill-utenti dwar il-varar ta’ kwalunwke servizz tal-informazzjoni ġdid għal parkeġġ sikur u sigur bi kwalunwke mezz ta’ komunikazzjoni li jsibu xieraq.

Artikolu 7

Ġestjoni tal-kwalità

Kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni taż-żona tal-parkeġġ, inkluż l-għeluq tiegħu, għandha tiġi notifikata mill-operaturi tal-parkeġġ pubbliċi u privati immedjatament lill-punt ta’ aċċess nazzjonali jew internazzjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali.

Għal kull żona ġdida ta’ prijorità, l-operaturi pubbliċi u privati kollha tal-postijiet tal-parkeġġ għandhom jiżguraw l-affidabbiltà tal-informazzjoni. Għal dawn il-finijiet għandhom iwettqu kontrolli perjodiċi tal-apparat ta’ detezzjoni, inkluż il-kejl tad-differenza bejn id-dejta murija u d-disponibbiltà reali tal-postijiet tal-parkeġġ. Dik l-informazzjoni għandha tiġi vvalutata skont l-Artikolu 8.

Artikolu 8

Valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp nazzjonali li huwa kompetenti biex jivvaluta jekk ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7 humiex sodisfatti mill-fornituri tas-servizz, l-oepraturi tal-parkeġġ u l-operaturi stradali. Dan il-korp għandu jkun imparzjali u indipendenti minn dawn tal-aħħar.

Żewġ Stati Membri jew iktar jistgħu jinnominaw korp reġjonali komuni li huwa kompetenti biex jivvaluta l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-korp norminat lill-Kummissjoni.

2.   Il-fornituri tas-servizz kollha għandhom jissottomettu dikjarazzjoni lill-korpi nominati dwar il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7.

Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a)

Id-dejta miġbura skont l-Artikolu 4, li ġiet miġbura dwar il-postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali inkluż il-persentaġġ ta’ postijiet tal-parkeġġ reġistrati fis-servizz tal-informazzjoni;

(b)

Il-mezzi ta’ disseminazzjoni tas-servizzi tal-informazzjoni lill-utenti;

(c)

Il-kopertura tas-servizzi tal-informazzjoni dinamika dwar il-postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri;

(d)

Il-kwalità u d-disponibbiltà tal-informazzjoni pprovduta, il-punt tal-aċċess għall-informazzjoni u l-format li fih hija pprovduta dik l-informazzjoni.

3.   Il-korpi nominati għandhom iwettqu spezzjonijiet aleatorji tal-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ għadd ta’ fornituri tas-servizz u operaturi tal-parkeġġ pubbliċi u privati, u jitolbu dimostrazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7.

Il-kwalità tas-servizz tista’ tiġi vvalutata wkoll bl-użu ta’ kummenti ġġenerati mill-utenti.

Kull sena, il-korpi nominati għandhom jirrapportaw lill-awtorijitajiet nazzjonali rilevanti dwar id-dikjarazzjonijiet sottomessi, kif ukoll dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet aleatorji tagħhom.

Artikolu 9

Segwitu

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-korpi kompetenti nominati għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7;

(b)

id-deskrizzjoni tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jekk applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u kull sena kalendarja wara.

(a)

l-għadd ta’ postijiet tal-parkeġġ differenti u l-ispazji tal-parkeġġ fit-territorju tagħhom;

(b)

il-persentaġġ ta’ postijiet tal-parkeġġ reġistrati fis-servizz tal-informazzjoni;

(c)

il-persentaġġ ta’ postijiet tal-parkeġġ li jipprovdu informazzjoni dinamika dwar id-disponibbiltà tal-ispazji tal-parkeġġ u ż-żoni ta’ prijorità lill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika:

mill-1 ta' Ottubru 2015 għall-forniment ta’ servizzi diġà varati mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

mill-1 ta' Ottubru 2013 għall-forniment ta’ servizzi li se jiġu varati mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

(2)  SN 27.10.2010 15504/10.

(3)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

(4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(5)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(6)  ĠU L 210, 7.8.1985 p. 29.

(7)  CEN/TS 16157


Top