Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0165

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 165/2013 tat- 22 ta’ Frar 2013 li jiffissal-ammont ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2013

    ĠU L 51, 23.2.2013, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/165/oj

    23.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 51/11


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 165/2013

    tat-22 ta’ Frar 2013

    li jiffissal-ammont ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2013

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(a) u (d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħżin privat tal-butir.

    (2)

    L-iżviluppi fil-prezzijiet u l-ħażniet tal-butir jindikaw żbilanċ fis-suq li jista’ jiġi eliminat jew imnaqqas mill-ħżin staġjonali. Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tas-suq, huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-butir mill-1 ta’ Marzu 2013.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta’ Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta’ ċerti prodotti agrikoli (2) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna għall-ħżin privat.

    (4)

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, se tingħata għajnuna ffissata minn qabel skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati kif ipprovduti fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament.

    (5)

    Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 l-għajnuna għandha tiġi ffissata fid-dawl tal-ispejjeż tal-ħżin u x-xejriet mistennija fil-prezzijiet għall-butir frisk u l-butir mill-istokkijiet.

    (6)

    Huwa xieraq li tiġi ffissata għajnuna għall-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti kkonċernati u għall-ispejjeż ta’ kuljum għall-ħżin f’ambjent imkessaħ u għall-finanzjament.

    (7)

    Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura u filwaqt li tiġi kkunsidrata l-prattika eżistenti fl-Istati Membri, l-għajnuna għandha tkun relatata biss ma’ prodotti li jkunu nħażnu kompletament. Konsegwentement, għandha tiġi pprovduta deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    (8)

    Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, fejn it-tagħrif meħtieġ dwar id-dettalji tal-ħżin ikun diġà inkluż fl-applikazzjoni għall-għajnuna, huwa xieraq li jkun hemm eżenzjoni mit-talba li l-istess tagħrif jiġi nnotifikat wara li l-kuntratt ikun konkluż, kif ipprovdut fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    (9)

    Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza loġistika, l-Istati Membri għandhom jitħallew jeżentaw mir-rekwiżit li kull unità maħżuna tkun immarkata bin-numru tal-kuntratt meta n-numru tal-kuntratti jkun iddaħħal fir-reġistru tal-ħażniet.

    (10)

    Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tal-ħżin tal-butir, il-kontrolli kif ipprovduti fl-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom jitwettqu tal-anqas fuq nofs il-kuntratti. Konsegwentament, għandha tkun ipprovduta deroga minn dak l-Artikolu.

    (11)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (3) jistipula regoli komuni għan-notifikazzjoni ta’ informazzjoni u dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawk ir-regoli jkopru b’mod partikolari l-obbligu għall-Istati Membri li jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni u l-validazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess tal-awtoritajiet jew l-individwi awtorizzati biex jibagħtu n-notifiki. Barra minn hekk, ir-Regolament jistabbilixxi prinċipji komuni li japplikaw għas-sistemi ta’ informazzjoni sabiex l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tad-dokumenti jiġu ggarantiti tul iż-żmien. Għandu jipprovdi wkoll għall-protezzjoni tad-dejta personali.

    (12)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009, l-obbligu biex jintużaw is-sistemi ta’ informazzjoni skont dak ir-Regolament għandu jiġi pprovdut fir-Regolamenti li jistabbilixxu obbligu ta’ notifika speċifiku.

    (13)

    Il-Kummissjoni żviluppat sistema ta’ informazzjoni li tippermetti l-immaniġġjar tad-dokumenti u l-proċeduri b’mod elettroniku fil-proċeduri ta’ ħidma interni tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-politika agrikola komuni.

    (14)

    Huwa meqjus li obbligi ta’ notifika għall-ħżin privat tal-butir jistgħu jiġu sodisfatti permezz ta’ dik is-sistema skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009, b’mod partikolari dawk ipprovduti fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    (15)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza, dan ir-Regolament għandu jiskadi fl-aħħar data stipulata għat-tmiem tal-perjodu kuntrattwali tal-ħżin.

    (16)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dan ir-Regolament jipprovdi għal għajnuna għall-ħżin privat tal-butir immellaħ u tal-butir mhux immellaħ kif imsemmi fl-Artikolu 28(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal kuntratti konklużi mill-1 ta’ Marzu 2013.

    2.   Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-unità tal-kejl imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 hija l-“lott tal-ħżin” li jikkorrispondi għall-kwantità tal-prodotti koperti b’dan ir-Regolament, li jiżnu tal-anqas tunnellata 1 u huma ta’ kompożizzjoni u kwalità omoġenja, prodotti f’fabbrika waħda, maħżuna f’maħżen wieħed f’jum wieħed.

    Artikolu 3

    1.   B’deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, l-applikazzjonijiet għandhom ikunu relatati biss mal-prodotti li nħażnu kompletament.

    2.   Ma għandux japplika l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 22(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm il-maniġer tal-maħżen jieħu ħsieb idaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru msemmi fil-punt III tal-Anness I għal dak ir-Regolament.

    4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fit-tmiem tal-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, tul il-perjodu kollu tat-tneħħija mill-ħżin minn Awwissu 2013 sa Frar 2014, fir-rigward ta’ mill-anqas nofs l-għadd tal-kuntratti, tivverifika permezz ta’ kampjuni, il-piż u l-identifikazzjoni tal-butir maħżun.

    Artikolu 4

    1.   L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun:

    EUR 14,88 għal kull tunnellata ta’ ħażna għall-ispejjeż stabbiliti tal-ħżin,

    EUR 0,25 għal kull tunnellata għal kull ġuranta ta’ ħżin kuntrattwali.

    2.   Id-dħul fil-ħżin kuntrattwali għandu jsir bejn l-1 ta’ Marzu u l-15 ta’ Awwissu 2013. It-tneħħija mill-ħżin tista’ ssir biss mis-16 ta’ Awwissu 2013 ‘il quddiem. Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta’ qabel dak li fih jitneħħa mill-ħżin jew mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ Frar tas-sena ta’ wara d-dħul fil-ħżin.

    3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 90 u 210 jum.

    Artikolu 5

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

    (a)

    sa kull nhar ta’ Tlieta għall-ġimgħa preċedenti, il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti kif ukoll il-kwantitajiet ta’ prodotti li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti, kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008;

    (b)

    mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar għax-xahar preċedenti, l-informazzjoni dwar l-istokkijiet meħtieġa skont l-Artikolu 35(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    2.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jiskadi fit-28 ta’ Frar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3.

    (3)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.


    Top