Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0681

    2013/681/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 316, 27.11.2013, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/681/oj

    27.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 316/41


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Novembru 2013

    li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2013/681/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-2 ta’ April 2013, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex tiġi estiża miżura ta’ deroga sabiex jibqa’ jkun hemm restrizzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), mill-kerrej, fuq il-prezz imħallas għall-kiri jew leasing ta’ vetturi, meta l-vettura ma tintużax esklussivament għal skopijiet kummerċjali.

    (2)

    Permezz tal-ittra datata d-19 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Renju Unit. Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE (2), kif emendata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/37/UE (3), awtorizzat lir-Renju Unit tillimita sal-50 % d-dritt tal-kerrej jew tal-lessee biex inaqqas il-VAT fuq il-kiri jew il-leasing ta’ karozza għall-passiġġieri f’każ li l-karozza ma kenitx tintuża esklussivament għal finijiet ta’ negozju. Ir-Renju Unit kien awtorizzat ukoll biex ma jqisx bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat ta’ karozza mikrija minn persuna taxxabbli għall-finijiet ta’ negozju tiegħu stess. Dik il-miżura ta’ simplifikazzjoni eliminat il-ħtieġa li l-kerrej iżomm rekords tal-kilometri li kull karozza tal-impriża tkun għamlet għal skop privat u li jagħti kont għal skopijiet ta’ taxxa dwar il-kilometri reali magħmula minn kull vettura għal skop privat.

    (4)

    Skont ir-rapport ipprovdut mir-Renju Unit, ir-restrizzjoni ta’ 50 % għadha tikkorrispondi għaċ-ċirkostanzi attwali f’dak li jirrigwarda l-użu tan-negozji u mhux mill-kerrej tal-vetturi kkonċernati. Għalhekk huwa xieraq li r-Renju Unit ikun awtorizzat biex japplika l-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2016.

    (5)

    Fl-eventwalità li r-Renju Unit jikkunsidra li estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2016 tkun neċessarja, għandu jissottometti rapport li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ applikat flimkien ma’ talba ta’ estensjoni lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016.

    (6)

    Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (4) li tinkludi l-armonizzazzjoni tal-kategoriji ta’ nfiq li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis. Id-Direttiva 77/388/KEE ġiet sostitwita mid-Direttiva 2006/112/KE. Skont dik il-proposta, l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għal vetturi tat-triq bil-mutur. Il-miżuri ta’ deroga previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiskadu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ tali Direttiva ta’ emenda, jekk dik id-data tkun aktar kmieni mill-31 ta’ Diċembru 2016.

    (7)

    Id-deroga għandha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u ma għandhiex impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT,

    (8)

    Id-Deċiżjoni 2007/884/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/884/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-magna li ma tikkwalifikax għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew fil-31 ta’ Diċembru 2016, skont liema data tiġi l-ewwel.

    Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn rapport, imressaq lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2016, li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ ta’ restrizzjoni applikat fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovut fuq il-kiri jew il-leasing ta’ vetturi li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess ġurnata tan-notifika tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. ŠADŽIUS


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 21).

    (3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/37/UE tat-18 ta’ Jannar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit biex ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 19, 22.1.2011, p. 11).

    (4)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).


    Top