Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0665

    2013/665/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna tal-Istat SA.33726 (11/C) [eks SA.33726 (11/NN)] – mogħtija mill-Italja (differiment tal-ħlas tal-imposti fuq il-ħalib fl-Italja) (notifikata bid-dokument C(2013) 4046)

    ĠU L 309, 19.11.2013, p. 40–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 309, 19.11.2013, p. 28–36 (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/665/oj

    19.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 309/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Lulju 2013

    dwar l-għajnuna tal-Istat SA.33726 (11/C) [eks SA.33726 (11/NN)] – mogħtija mill-Italja (differiment tal-ħlas tal-imposti fuq il-ħalib fl-Italja)

    (notifikata bid-dokument C(2013) 4046)

    (It-test bl-Taljan biss huwa awtentiku)

    (2013/665/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu msemmi, u wara li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

    Billi:

    I.   PROĊEDURA

    (1)

    Wara li ħadet nota tad-dħul fis-seħħ, fis-27 ta' Frar 2011 tal-Liġi li tibdel f'liġi d-Digriet Liġi Nru. 225 tad-29 ta' Diċembru 2010, li tikkonċedi differiment tal-ħlas ta' rata tal-imposti fuq il-ħalib li jridu jitħallsu mill-produtturi tal-ħalib Taljani skont il-pjan tal-ħlas tar-rati approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE tas-16 ta' Lulju 2003 dwar il-kompatibilità mas-Suq Komuni ta' għajnuna li r-Repubblika tal-Italja għandha l-ħsieb li tagħti lill-produtturi tagħha tal-ħalib (1), (2) il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tas-17 ta' Marzu 2011, talbet informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Taljani dwar ir-rapport ikkonċernat.

    (2)

    Permezz ta' ittra datata?? l-24 ta' Ġunju 2011, irreġistrata fid-29 ta' Ġunju 2011, l-awtoritajiet Taljani ressqu quddiem il-Kummissjoni l-informazzjoni addizzjonali mitluba.

    (3)

    Permezz ta' faks tal-14 ta' Ottubru 2011, is-servizzi tal-Kummissjoni, wara li eżaminaw id-dettalji mogħtija mill-awtoritajiet Taljani u wara li kkunsidraw li d-differiment tal-ħlas imsemmi hawn fuq seħħ mingħajr ma ġie innotifikat minn qabel lill-Kummissjoni u approvat minnha, ħabbru lill-awtoritajiet il-ftuħ ta' dossier ta' għajnuna mhux notifikata li ngħata n-numru SA.33726 (2011/NN).

    (4)

    Permezz ta' ittra tal-11 ta' Jannar 2012 il-Kummissjoni infurmat lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tniedi l-proċedura skont l-Artikolu 108 (2) tat-Trattat fir-rigward tad-differiment tal-ħlas imsemmi u tal-pjan tal-ħlas tar-rati approvat bid-Deċiżjoni 2003/530/KE, emendata biż-żieda tad-differiment, li jikkostitwixxi għajnuna ġdida [(għajnuna SA.33726 (11/C)]) u stiednet lill-awtoritajiet Taljani jressqu l-kummenti tagħhom dwar it-tnedija tal-proċedura fi żmien skadenza ta' xhar.

    (5)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li titnieda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna kkonċernata.

    (6)

    Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mill-partijiet interessati, għaddiethom lill-Italja u tagħtha l-possibbiltà li tirrispondi.

    (7)

    Permezz ta' messaġġ bl-emejl fit-13 ta' Frar 2012, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja ġewwa l-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-Kummissjoni ittra mill-awtoritajiet Taljani bil-ħsieb li jiksbu differiment ta' xahrejn biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar it-tnedija tal-proċedura. Permezz ta' faks tal-21 ta' Frar 2012 waslet il-konferma tal-għoti tal-imsemmi differiment.

    (8)

    Permezz tal-messaġġi bl-emejl tas-26 ta' April 2012 u tas-27 ta' April 2012, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja ġewwa l-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-awtoritajiet Taljani dwar il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat.

    (9)

    L-awtoritajiet Taljani ma pprovdew ebda kumment dwar il-kummenti tal-partijiet interessati.

    II.   DESKRIZZJONI

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    (10)

    Id-Deċiżjoni 2003/530/KE tistipula fl-Artikolu 1:

    “L-għajnuna li r-Repubblika Taljana bi ħsiebha tagħti lill-produtturi tal-ħalib, billi hija stess tħallas f'isimhom l-ammonti dovuti minnhom lill-Komunità minħabba l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u fuq il-prodotti tal-ħalib għall-perjodu mill-1995/1996 sal-2001/2002 u billi dawn il-produtturi jitħallew jaqtgħu d-dejn taghħom fil-forma ta' ħlas differit mingħajr imgħax, imqassam fuq għadd ta' snin, b'mod eċċezzjonali hija meqjusa kompatibbli mas-suq komuni, kemm-il darba:

    l-ammont jitħallas lura kollu, f'pagamenti annwali tal-istess daqs,

    il-perjodu tal-ħlas ma jaqbiżx l-erbatax-il (14) sena, li jibda mill-1 ta' Jannar 2004.”

    Il-Liġi li tibdel f'liġi d-Digriet Liġi Nru. 225 tad-29 ta' Diċembru 2010 (Liġi Nru.10 tas-26 ta' Frar 2011, minn hawn 'il quddiem: “Il-Liġi Nru. 10/2011”)

    (11)

    Il-Liġi Nru. 10/2011 tintroduċi fl-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi tad-29 ta' Diċembru 2010, Nru. 225, il-paragrafu 12 (k) li jiddiferixxi sat-30 ta' Ġunju 2011 il-ħlas tar-rata tal-imposti fuq il-ħalib bl-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2010. L-ispejjeż tad-differiment se jitniżżlu fuq allokazzjoni ġenerali ta' EUR 5 miljuni intiża għal ħafna għanijiet.

    (12)

    Fl-ittra tagħhom tal-24 ta' Ġunju 2011 l-awtoritajiet Taljani speċifikaw li s-sussidju ekwivalenti ta' miżura bħal din se jitniżżel fuq l-għajnuna de minimis stipulata għall-Italja mir-Regolament (KE) Nru. 1535/2007 tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE (4) għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (5).

    III.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA FORMALI

    (13)

    Il-Kummissjoni nediet il-proċedura stipulata mill-Artikolu 108(2) tat-Trattat għar-raġunijiet li ġejjin:

    l-awtoritajiet Taljani wrew il-ħsieb tagħhom li s-sussidju ekwivalenti tad-differiment tal-ħlas ikkonċernat jitniżżel fl-iskema “de minimis” stipulata mir-Regolament (KE) Nru.1535/2007; madankollu, mhux biss l-applikabbiltà tal-imsemmi Regolament kienet legalment dubbjuża, billi l-awtoritajiet Taljani ma pprovdew ebda kjarifika dwar il-limiti massimi tal-għajnuna individwali u nazzjonali stipulati mir-Regolament, iżda l-istess Regolament ma jippermettix l-għoti ta' għajnuniet de minimis li jwasslu biex l-għajnuniet tal-Istat jaqbżu l-ogħla limitu permess. Billi l-għajnuna approvata mill-Kunsill kienet l-ogħla għajnuna li setgħet tingħata mill-Italja lill-produtturi tagħha tal-ħalib, iż-żieda tas-sussidju ekwivalenti tad-differiment tal-ħlas inkluż fl-iskema de minimis tfisser li nqabeż l-ogħla ammont ta' għajnuna approvat mill-Kunsill;

    għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li jeżisti element ta' għajnuna fid-differiment (billi dan jiswa daqs self mingħajr imgħax, minn hawn 'il quddiem l-“għajnuna marbuta”) u ebda informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani ma ppermettiet ġustifikazzjoni fid-dawl tar-regoli applikabbli għal dik li hija għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat fis-Settur Agrikolu u Forestali 2007-2013) (6);

    id-differiment jinvolvi ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE (billi ttiefset waħda mill-kondizzjonijiet tagħha – il-ħlasijiet ma baqgħux regolari) u biddel għalhekk, għal dawk li gawdew minnu, is-sistema kollha tal-iskadenza tal-pagamenti li saret xejn ħlief għajnuna ġdida (peress li din mhix inkluża fil-qafas tad-Deċiżjoni 2003/530/KE), li ma tidhirx f'ebda dispożizzjoni tal-Linji Gwida msemmija hawn fuq.

    IV.   KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET TALJANI DWAR IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA FORMALI

    (14)

    Fl-ittra permezz ta' emejl tas-26 ta' April 2012 l-awtoritajiet Taljani qabel xejn ikkunsidraw l-applikazzjoni tas-sistema tal-iskadenza tal-pagamenti tal-imposta fuq il-ħalib approvata bid-Deċiżjoni 2003/530/KE. Skont l-awtoritajiet Taljani l-beneficjari tas-sistema huma 11 271. Minn dawn, 9 965 (jiġifieri 88.41 % tat-total) ħallsu f'waqtha l-imposta tal-31 ta' Diċembru 2010, 1 291 ħadu vantaġġ mid-differiment u 15 ma wettqu ebda ħlas u dan wassal biex tkeċċew mill-iskema ta' pagament bir-rati.

    (15)

    L-awtoritajiet Taljani indikaw li, fil-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti tal-għajnuniet miksuba mill-benefiċjarji tad-differiment ittieħed kont tal-imgħax għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 u d-data tal-ħlas effettiv tar-rata li hija oġġett ta' differiment, bl-użu tar-rata tal-Euribor ta' tliet xhur mill-1 ta' Ottubru 2010, miżjud b'100 punt ta' bażi (1.942 %). Ir-riżultati miksuba juru li s-sussidju ekwivalenti tad-differiment ivarja minn EUR 0.08 sa EUR 694.19 u li minn 1 291 benefiċjarju kien hemm 1 187 li ħadu għajnuna ta' inqas minn EUR 100,00. Skont l-awtoritajiet Taljani dawn iċ-ċifri juru li d-differiment tal-ħlas skont kif jissemma fil-Liġi Nru. 10/2011 ma xekkilx l-andament tal-iskema ta' pagament bir-rati u li din baqgħet tikkonforma mad-Deċiżjoni 2003/530/KE, kif jidher mill-fatt li 11.45 % biss tal-produtturi li jipparteċipaw fl-iskema kkonċernata ibbenefikaw minnha.

    (16)

    Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq l-awtoritajiet Taljani jtennu mill-ġdid li, kif diġà mistqarr fid-dettall fl-ittra tal-24 ta' Ġunju 2011 (ara l-punt 13), id-differiment tal-ħlas tar-rati tal-imposti li ngħata mhux ħlief għajnuna de minimis. Barra minn hekk huma żiedu jgħidu li b'mod assolut ġie rispettat il-livell massimu individwali kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1535/2007, kif ukoll il-livell massimu ta' EUR 320 505 000 fuq perjodu ta' tliet snin fiskali stabbilit għall-Italja bl-istess Regolament. Komplessivament is-sussidju ekwivalenti tad-differiment tal-ħlas fil-fatt huwa ta' EUR 50 877,41. Fl-aħħar nett huma qegħdin jaraw jekk dawn il-livelli massimi humiex jiġu rispettati meta jitqiesu l-għajnuniet l-oħra de minimis li ngħataw matul is-snin 2009, 2010 u 2011.

    (17)

    Dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ssostni li l-għajnuna approvata mid-Deċiżjoni 2003/530/KE trid titqies min-natura tagħha stess u minħabba l-karattru eċċezzjonali tagħha bħala għajnuna waħda massima li ma għandhiex tiżdied b'ebda tip ta' għajnuna oħra, l-awtoritajiet Taljani jenfasizzaw qabel xejn li d-Deċiżjoni kkonċernata għarfet l-eżistenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu lill-Kunsill jagħraf li l-għajnuna kkonċernata hija kompatibbli mal-Artikolu 107 tat-Trattat, kemm-il darba jiġu rispettati ċerti kondizzjonijiet. Barra minn hekk huma jenfasizzaw li mill-verifiki li saru jirriżulta li l-iskema ta' pagament bir-rati hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2003/530/KE billi l-produtturi kollha wettqu l-ħlas tas-seba' rata, għajr ħmistax-il produttur li diġà twarrbu mill-iskema. Fil-fehma tagħhom il-karattru eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi li wasslu biex tiġi adottata d-Deċiżjoni 2003/530/KE minnu nnifsu mhux fattur li jeskludi l-possibbiltà ta' aċċess għal kull benefiċċju ieħor għal dawk li jirċievu l-għajnuna approvata mill-Kunsill: it-Trattat sempliċement jirreferi għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija, mingħajr ma jimponi limiti dwar in-natura jew il-mod ta' implimentazzjoni tal-għajnuniet awtorizzati filwaqt li sempliċement jorbot id-deroga tal-Artikolu 107 u tar-regolamenti msemmija fl-Artikolu 109 tat-Trattat mal-adozzjoni ta' deċiżjoni unanima tal-Kunsill. F'dan il-każ speċifiku, il-karattru eċċezzjonali li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/530/KE jidher ċar fil-mod kif l-istess Deċiżjoni ġiet adottata, jiġifieri b'mod unanimu, u hija marbuta maċ-ċirkostanzi li wasslu għall-adozzjoni tagħha u mhux mal-għajnuna fiha nnifsha.

    (18)

    Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Taljani, fid-dawl tan-nuqqas ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-produtturi, l-ammont żgħir tal-imposti kkonċernati, u n-nuqqas ta' tibdil li sar fl-iskema ta' pagament bir-rati li għadu s'issa mhux mittiefes fl-istruttura tiegħu, kemm għal dak li huwa l-għadd sħiħ ta' rati kif ukoll għall-iskadenzi, id-differiment tal-ħlas huwa minnu nnifsu għajnuna de minimis u għaldaqstant irid jitqies bħala miżura iżolata.

    (19)

    Fl-aħħar nett l-awtoritajiet Taljani jfakkru li skont l-Ordni Ministerjali tat-30 ta' Lulju 2003 li japplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill, dawk li jieħdu sehem fl-iskema ta' pagament bir-rati għandhom jirrinunċjaw għal kull azzjoni legali dwar il-ħlas tal-imposti dovuti u d-debituri li ma jħallsux għandhom jitwarrbu mill-iskema. Skont l-awtoritajiet Taljani din il-kondizzjoni tkun kawża ta' bidu ta' proċedimenti ta' rkupru infurzat u dan iwassal biex il-produtturi jippreżentaw rikorsi oħrajn. Għalhekk ikun xieraq li jiġu evitati rikorsi għall-irkupru ta' kwantitajiet żgħar ħafna bi proċedimenti li jqumu aktar mill-ammonti li jridu jiġu rkuprati. F'dan ir-rigward l-awtoritajiet Taljani jagħmlu referenza għall-Artikolu 32(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (7), li jgħid li f'każijiet debitament iġġustifikati l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jieħdux passi jekk l-ispejjeż imġarrba u dawk li x'aktarx jirriżultaw mill-proċediment ta' rkupru jkunu ogħla mill-ammont li jrid jiġi rkuprat. Fil-fehma tagħhom din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata b'mod analogu għal dan il-każ ukoll. Fi kwalunkwe każ, dispożizzjoni bħal din tinsab ukoll fl-Artikolu 25(4) tal-Liġi Nru. 289/2002 (il-Liġi Finanzjarja tal-2003), li tistipula li ammont ta' EUR 12 jitqies ammont żgħir u mhux suġġett għal irkupru. 559 minn fost dawk li bbenefikaw mid-differiment irċevew għajnuna ta' inqas mill-ammont imsemmi.

    (20)

    Fl-itrra mibgħuta permezz ta' emejl tas-26 ta' April 2012, l-awtoritajiet Taljani pprovdew il-lista tal-benefiċjarji tad-differiment tal-ħlas u l-ammont li kull wieħed minnhom irċieva.

    V.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI DWAR IL-BIDU TAL-PROĊEDURA

    (21)

    Fis-7 ta' Marzu 2012 il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar il-bidu tal-proċedura minn parti terza.

    (22)

    F'dawn il-kummenti l-parti terza fis-sustanza titlob li tkun taf għala l-Kummissjoni llimitat il-bidu tal-proċedura tad-differiment tal-ħlas stipulata mil-Liġi Nru10/2011 u ma estendithiex għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 bis tal-Liġi Nru. 122/2010 li tistipula dwar differiment tal-ħlas ta' waħda mir-rati li titħallas f programm ta' rati komplementari mwaqqaf mil-Liġi Nru. 33/2009 u hija tħeġġiġha biex tagħmel dan. F'dan ir-rigward hija tfakkar li digà kienet tressqet talba lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 bis tal-Liġi 122/2010 li ngħalqet mill-istess Kummissjoni.

    (23)

    Fl-10 ta' Marzu 2012 il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar l-bidu tal-proċedura minn parti terza oħra.

    (24)

    F'dawn il-kummenti l-parti terza ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tad-Digriet Liġi Nru. 16/2012 li jippermetti lid-debitur iqassam il-ħlas tal-ammonti dovuti f'rati fissi għall-intrapriżi li jkunu f'diffikultajiet ekonomiċi. Hija talbet lill-Kummissjoni biex tintervjeni filwaqt li sosniet l-inkompatibilità ta' dawn il-miżuri mas-suq intern.

    (25)

    Fl-14 ta' Marzu 2012 il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar l-bidu tal-proċedura ulterjorment minn parti terza oħra.

    (26)

    Fil-kummenti tagħha din il-parti terza wkoll tagħmel referenza għad-Digriet Liġi Nru. 16/2012 filwaqt li tenfasizza d-differenza ta' trattament bejn min irabbi l-bhejjem, kif ukoll l-eżatezza tad-dejta li ntużat mill-AGEA (Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura – aġenzija ta' ħlas Taljana) biex tiġi kkalkulata l-imposta addizzjonali.

    VI.   EVALWAZZJONI

    VI.1.   Eżistenza ta' għajnuna

    (27)

    Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi Statali fi kwalunkwe forma li toħloq distorsjoni jew li thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri, titqies bħala li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni”.

    (28)

    Il-miżura kkonċernata, jiġifieri l-għajnuna marbuta mad-differiment ta' ħlas (għotja tal-ekwivalenti ta' self mingħajr imgħax – ara t-tieni inċiż tal-paragrafu 13 hawn fuq), iżda wkoll l-għajnuna ġdida li tirriżulta mill-ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE (imgħax mhux imħallas fuq il-ħlasijiet annwali diġà mħallsa u l-kapital u l-imgħaxijiet mhux imħallsa fuq il-ħlasijiet annwali li jibqa' sal-iskadenza tal-ħlas bir-rati, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2017) (għajnuna ġdida – ara t-tielet inċiż tal-paragrafu 13) taqa' taħt id-definizzjoni li ġejja:

    (29)

    Għandha tiġi attribwita lill-Istat għax tirriżulta minn Liġi Nazzjonali; hija ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, jiġifieri l-Istat Taljan bid-differiment tal-ħlas ta' rata annwali stabbilita bid-Deċiżjoni 2003/530/KE u bil-ħolqien, permezz tad-differiment, ta' għajnuna ġdida ċċaħħad għal perjodu speċifiku ta' żmien minn ammont ta' flus li jista' jintuża għal finijiet oħra.

    (30)

    Hija tiffavorixxi ċerti impriżi b'mod partikolari l-azjendi agrikoli li jipproduċu l-ħalib.

    (31)

    Hija tista' taffettwa l-kummerċ, meqjusa l-pożizzjoni tal-Italja fis-suq (8).

    (32)

    Hija tista' xxekkel il-kompetizzjoni peress li l-impriżi li bbenefikaw minnha kisbu vantaġġ (id-differiment ma jagħtix imgħax u għalhekk huwa ekwivalenti għal self mingħajr imgħax) li taħt kondizzjonijiet normali tas-suq ma kienux jistgħu jiksbu u li qegħdithom f'pożizzjoni kompetittiva aktar vantaġġuża fir-rigward tal-impriżi li ma bbenefikawx (9).

    (33)

    Madankollu, abbażi l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-awtoritajiet Taljani b'reazzjoni għall-bidu tal-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-miżura kkonċernata tistax titqies bħala għajnuna de minimis skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru. 1535/2007, u, jekk dan ikun il-każ, ma titqiesx għajnuna tal-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    (34)

    Fl-ittra mibgħuta bl-emejl tas-26 ta' April 2012, l-awtoritajiet Taljani spjegaw li l-imgħax marbut mad-differiment tal-ħlas kien bejn EUR 0.08 sa EUR 694.19. Huma stqarru wkoll li skont il-verifika ma nqabiżx il-livell massimu stabbilit għall-Italja fuq tliet snin fiskali, iżda kien għad iridu jivverifkaw jekk kienx hemm riskju li jinqabeż il-livell massimu individwali f'każ ta' għajnuna kumulata de minimis għas-snin fiskali 2009, 2010 u 2011.

    (35)

    Il-Kummissjoni tista' ċertament tivverifika jekk l-ammont tal-imgħaxijiet marbut mad-differiment, meħuda għalihom, jaqbiżx EUR 7 500 skont l-Artikolu 3 (2) tar-Regolament (KE) Nru. 1535/2007 u tagħraf il-fatt li l-ammont totali tal-għajnuniet mogħtija permezz tad-differiment, jiġifieri EUR 50 877,41, ma wassalx biex jinqabeż il-livell massimu ta' EUR 320 505 000 maħsub għall-Italja fl-Anness tal-istess Regolament. Iżda, hija ma għandha ebda element ġdid li jipprova li l-livell massimu individwali ta' EUR 7 500 ma nqabiżx f'ebda każ, ukoll meta jingħaddu l-għajnuniet kollha de minimis li rċieva l-istess benefiċjarju f'temp ta' tliet snin fiskali, billi mis-26 ta' April 2012 il-Kummissjoni ma rċeviet ebda informazzjoni mill-awtoritajiet Taljani li wettqu verifiki f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax tikkonkludi li l-livell massimu tal-għajnuna individwali msemmija hawn fuq ġie rrispettat f'kull każ, l-iktar minħabba li trid tqis ukoll l-għajnuna l-ġdida li rriżultat mill-ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE. Tabilħaqq il-Kummissjoni trid teżamina fis-sħiħ il-miżura kkonċernata (l-għajnuna marbuta mad-differiment tal-ħlas – għajnuna ekwivalenti għal self mingħajr imgħax – u l-għajnuna ġdida li rriżultat mill-ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE): għadd konsiderevoli ta' benefiċjarji (aktar minn 1 250) ibbenefikaw mid-differiment tal-ħlas u l-ammont tal-għajnuna jinkludi wkoll parti mis-somma prinċipali (dik li tikkorrispondi għall-pagamenti annwali li jiskadu fil-31 ta' Diċembru tas-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017) flimkien mal-imgħax, u dan jaqbeż sewwa l-imgħax marbut mad-differiment tal-ħlas kif ikkalkolat mill-awtoritajiet Taljani b'irfid tar-raġunamenti tagħhom.

    (36)

    Barra minn hekk l-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru. 1535/2007 tal-Kummissjoni jistipula li “[l]-għajnuniet de minimis ma jistgħux ikunu kumulati mal-għajnuniet mill-Istat għall-istess spejjeż ammissibbli jekk din l-akkumulazzjoni twassal għal intensità fl-għajnuna li taqbeż il-livell iffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz tar-regolamentazzjoni Komunitarja.”

    (37)

    Dwar dan il-Kummissjoni diġà indikat meta tat bidu għall-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat li d-differiment tal-ħlas kien addizzjonali għall-għajnuna approvata mill-Kunsill, li għandha titqies bħala l-massimu li jista' jingħata f'dan il-kuntest.

    (38)

    Barra minn hekk skont l-awtoritajiet Taljani d-differiment tal-ħlas irid jitqies bħala miżura maqtugħa għaliha, minħabba n-nuqqas ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-produtturi, il-valur baxx tal-ammonti u l-fatt li l-iskema ta' pagament bir-rati ma nbidlitx, liema skema baqgħet mhux mittiefsa fl-istruttura tagħha kemm għal dak li huwa għadd ta' rati kif ukoll għall-iskadenza.

    (39)

    Il-Kummissjoni mhix tal-istess fehma. Infatti huwa ċar li d-differiment tal-ħlas huwa direttament marbut ma' rimborż li l-pjan ta' ħlas bir-rati tiegħu ġie iffissat fid-dettall bid-Deċiżjoni 2003/530/KE fejn fl-ewwel inċiż tal-Artikolu1(1) jidher ċar li r-rimborż irid isir permezz ta' rati annwali ta' ammont indaqs. Għaldaqstant id-differiment ma jistax jitqies li huwa maqtugħ għal kollox mill-pjan ta' ħlas bir-rati stabbilit bid-Deċiżjoni 2003/530/KE.

    (40)

    L-awtoritajiet Taljani ma jaqblux ukoll mal-fatt li l-għajnuna awtorizzata mill-Kunsill hija l-akbar ammont li jista' jingħata lill-produtturi tal-ħalib. Huma tal-fehma li d-Deċiżjoni kkonċernata għarfet l-eżistenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-awtorizzazzjoni tal-pjan ta' ħlas bir-rati, iżda l-karattru eċċezzjonali ta' dawn iċ-ċirkostanzi mhux minnu nnifsu fattur ta' esklużjoni ta' kwalunkwe possibbiltà biex il-benefiċjarji jiksbu kwalunkwe appoġġ ieħor, fid-dawl tal-fatt li t-Trattat jikkwota biss iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mingħajr ma jqiegħed xi restrizzjonijiet dwar in-natura u l-mod ta' applikazzjoni tal-għajnuniet awtorizzati. F'dan il-każ speċifiku, il-karattru eċċezzjonali li wassal biex tiġi adottata d-Deċiżjoni 2003/530/KE jidher bis-sħiħ fil-mod kif ġiet adottata din l-istess deċiżjoni, jiġifieri b'unanimità, u huwa marbut maċ-ċirkostanzi li jiddeterminaw l-adozzjoni tagħha u mhux mal-għajnuna fiha nnifisha.

    (41)

    Il-Kummissjoni ma tistax taqbel mal-fehma tal-awtoritajiet Taljani. Infatti, jekk huwa minnu li fit-tielet inċiż tal-Artikolu 108(2) it-Trattat jistabbilixxi li “[…] il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’vot unanimu, li miżura ta' għajnuna mogħtija (…) għandha tkun ikkonsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern […] jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata b’ċirkostanzi eċċezzjonali” u li l-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2003/530/KE tistipula “[…] jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li, […] jippermettu li l-għajnuna titqies […] kompatibbli mas-suq komuni”, jibqa' l-fatt li l-istess Kunsill, fil-parti operattiva tad-Deċiżjoni, stabbilixxa li l-għajnuna titqies kompatibbli mas-suq intern “b'mod eċċezzjonali” u mhux “meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali”. Din il-frażi “b'mod eċċezzjonali” turi b'mod ċar li l-Kunsill kellu l-intenzjoni jenfasizza l-għoti tal-għajnuna billi jassenjalha karattru uniku, minkejja l-eżistenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fil-premessa 8 u għalkemm r-referenza għall-unanimità magħmula mill-awtoritajiet Taljani tista' tipprova b'mod effettiv li l-proċedura kienet eċċezzjonali ma tistax tqajjem mill-ġdid il-kwistjoni tal-karattru uniku tal-għajnuna ddefinit fid-Deċiżjoni.

    (42)

    Peress li l-għajnuna approvata mill-Kunsill, minħabba l-karattru uniku tagħha, kienet l-għajnuna massima li setgħet tingħata f'dak il-kuntest speċifiku, jiġifieri l-ekwivalenti ta' għajnuna sħiħa, iż-żieda tad-differiment tal-ħlas tfisser l-applikazzjoni awtomatika tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru. 1535/2007, u għalhekk is-sussidju ekwivalenti tad-differiment tal-ħlas ma jistgħax jitqies inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq, u huwa għalhekk fattur ta' għajnuna mill-Istat. Il-kompatibilità ta' dan il-fattur mas-suq intern trid tiġi analizzata fid-dawl tar-regoli dwar il-kompetizzjoni fis-seħħ dakinhar tal-għoti tad-differiment, l-istess bħall-għajnuna l-ġdida li rriżultat mill-ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE tal-Kunsill.

    VI.2   Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

    (43)

    Ir-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli dakinhar tal-għoti tad-differiment jinsabu fil-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013.

    (44)

    Fl-ittra mibgħuta permezz tal-emejl tas-26 ta' April 2012 l-awtoritajiet Taljani sejsu l-argument tagħhom fuq il-fatt li d-differiment tal-ħlas kellu jitqies bħala li jifforma parti minn skema de minimis u għal din ir-raġuni ma pprovdew ebda ġustifikazzjoni dwar il-kompatibilità tad-differiment tal-ħlas mas-suq intern, u lanqas tal-għajnuna l-ġdida li taqa' lil hinn mill-qafas tad-Deċiżjoni 2003/530/KE, fid-dawl tar-regoli li jinsabu fil-Linji Gwida msemmija hawn fuq.

    (45)

    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandha ebda element ġdid li jippermettilha tneħħi d-dubji li esprimiet dakinhar tal-bidu tal-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat. L-għajnuna mogħtija bid-differiment tal-ħlas u, allura wkoll, l-għajnuna l-ġdida stabbilita mill-ksur tal-qafas tad-Deċiżjoni 2003/530/KE huma minnhom infushom għajnuniet unilaterali, maħsuba biss biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi mingħajr ma jikkontribwixxu bl-ebda mod għall-iżvilupp tas-settur, jiġifieri għajnuniet operatorji li huma inkompatibbli mas-suq intern skont il-paragrafu 15 tal-Linji Gwida ta' hawn fuq.

    VI.3   L-irkupru

    Il-ħtieġa li titneħħa l-għajnuna

    (46)

    Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza kkonsolidata tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk jinstab li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni hija awtorizzata tiddeċiedi jekk l-Istat ikkonċernat għandux jabolixxi jew jimmodifika l-għajnuna (10). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti l-obbligu tal-Istat li jabolixxi l-għajnuna li l-Kummissjoni tqis bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa li s-sitwazzjoni terġa tiġi kif kienet. F’dan ir-rigward, il-Qorti ddikjarat li dan l-għan jitqies bħala milħuq meta l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, biex b’hekk jintilef il-vantaġġ li bbenefika minnu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u dan iġib lura s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti tal-għajnuna (11).

    (47)

    Bi qbil ma' din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (12), jistipula hekk: “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju” (f’dan il-każ il-benefiċjarji kollha li bbenefikaw mid-differiment tal-ħlas).

    (48)

    Għalhekk l-Italja mistennija tieħu l-passi kollha meħtieġa biex mill-benefiċjarji tirkupra l-għajnuna mhux kompatibbli mogħtija. Skont il-paragrafu 42 tal-Avviż tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biextiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (13), l-Italja għandha erba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni biex timplimentaha. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu mgħaxijiet ikkalkulati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (14).

    (49)

    Din id-Deċiżjoni trid tiġi implimentata minnufih, b'mod partikolari għal dak li huwa rkupru tal-għajnuniet kollha inkompatibbli individwali mogħtija.

    Benefiċċji u ammonti li jridu jiġu rkuprati

    (50)

    Fid-dawl tal-kuntest speċifiku ħafna li fih ingħatat l-għajnuna (l-għajnuna ġiet miżjuda ma' programm li jifforma parti minn pakkett approvat mill-Kunsill) u tal-konsegwenzi tagħha (ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE għal dawk li bbenefikaw mid-differiment tal-ħlas, filwaqt li l-għajnuna diġà kienet approvata b'mod eċċezzjonali bid-Deċiżjoni), għandu jiġi rkuprat, fir-rigward ta' dawk li bbenefikaw mid-differiment tal-ħlas, dan li ġej:

    a)

    l-imgħaxijiet marbuta mad-differiment tal-ħlas tal-imposta li skadiet fil-31 ta' Diċembru 2010, flimkien ma' kull imgħax akkumulat sad-data tal-irkupru;

    b)

    l-imgħaxijiet li akkumulaw fuq il-pagamenti annwali li skadew fis-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009 (il-kapital ta' dawn is-snin tħallas qabel mad-differiment tal-ħlas ġab ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE), flimkien mal-imgħaxijiet akkumulati sad-data tal-irkupru.

    c)

    l-imgħaxijiet li jitilgħu fuq il-pagamenti annwali li skadew fil-31 ta' Diċembru tas-snin 2011 u 2012 (l-ebda informazzjoni ma turi li l-kapital ma tħallasx fl-iskadenza), miżjuda bl-imgħaxijiet fuq ħlasijiet magħmula tard sad-data tal-irkupru;

    d)

    il-kapital u l-imgħaxijiet marbuta mal-pagamenti annwali li jiskadu fil-31 ta' Diċembru tal-2013, 2014, 2015, 2016 u 2017, li hija l-aħħar data tal-iskema tal-ħlas stabbilita bid-Deċiżjoni 2003/530/KE.

    Evalwazzjoni tal-kummenti tal-partijiet interessati fl-irkupru

    (51)

    L-importanza li l-awtoritajiet Taljani taw lill-fatt li ammont li jrid jiġi rkuprat huwa żgħir u r-riskju ta' proċedimenti oħra min-naħa tal-produtturi quddiem il-qrati nazzjonali ma jbiddlu xejn dwar li għajnuna mill-Istat li ma tħarisx il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-ibbenefikar minn waħda mid-derogi stipulati bl-Artikolu 107 tat-Trattat, u li għalhekk hija inkompatibbli mas-suq intern, jeħtieġ li tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji sabiex is-sitwazzjoni kompetittiva terġa lura għall-istat ta' qabel ma kienet ingħatat l-għajnuna. Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tneħħija ta' għajnuna mhux leġittima li tiġi ddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni hija konsegwenza loġika tan-nuqqas ta' leġittimità, billi l-fini tal-irkupru mhux għajr li terġa' tinkiseb is-sitwazzjoni ta' qabel (15); l-għan tar-restawr tas-sitwazzjoni preċedenti jintlaħaq meta l-għajnuniet illegali u inkompatibbli mas-suq intern jerġgħu jitħallsu lura mill-benefiċjarju, u li għaldaqstant dan jiġi mċaħħad mill-vantaġġ li jkun gawda fis-suq għas-skapitu tal-kompetituri tiegħu. F'każ bħal dan tiġi restawrata s-sitwazzjoni ta' qabel ma tħallset l-għajnuna (16).

    (52)

    Barra minn hekk, għal dak li għandu x'jaqsam maċ-ċokon tal-ammonti li jridu jitħallsu lura, l-awtoritajiet Taljani jidher li qed jillimitaw l-ambitu tal-irkupru għall-imgħax biss li jrid jiżdied mal-pagamenti annwali li huma oġġett ta' differiment ta' ħlas. Iżda l-irkupru, li jikkonċerna biss dawk li fil-fatt ibbenefikaw mid-differiment tal-ħlas, irid jinkludi l-għajnuna sħiħa ddikjarata inkompatibbli, flimkien mal-imgħax dovut (dwar dan, ara madankollu l-paragrafu 50).

    (53)

    Fl-aħħar nett, l-argument li l-produtturi jistgħu jirrikorru quddiem il-qrati nazzjonali ma jistgħax jitqies bħala rilevanti minħabba li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà biss ta' diffikultajiet interni, anki jekk ikunu ta' natura serja, ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta' tħaris min-naħa ta' Stat Membru tal-obbligi li jaqgħu fuqu skont il-liġi tal-Unjoni (17).

    (54)

    Għaldaqstant, l-Italja tista' tapplika r-regoli de minimis applikabbli fis-settur agrikolu għall-irkupru tal-għajnuna individwali mill-benefiċjarji li meta ngħataw l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern kienu jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha tar-Regolament de minimis applikabbli (ir-Regolament (KE) Nru. 1535/2007). B'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 49 tal-Avviż tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli (18) li ngħatat kontra l-liġi” l-Istat Membru jkun meħtieġ jagħmel analiżi dettaljata ta' kull għajnuna individwali mogħtija fuq il-bażi tal-iskema kkonċernata. Biex tikkwantifika l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tkun irkuprata minn kull benefiċjarju mill-iskema, l-Italja trid għalhekk tiddetermina safejn l-għajnuna ngħatat għal proġett speċifiku li, meta saret l-għotja, kien jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha fir-regolament dwar l-eżenzjonijiet skont il-kategorija jew fl-iskema ta’ għajnuniet approvata mill-Kummissjoni. F'każ bħal dan l-Istat Membru jista' wkoll japplika b'mod sostanzjali l-kriterji de minimis fis-seħħ meta saret l-għotja illegali u inkompatibbli li hija oġġett tad-deċiżjoni ta' rkupru skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru.994/98 tas-7 ta' Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (19). Skont dan il-kriterju, l-għajnuna individwali mogħtija fl-ambitu tal-miżura kkonċernata ma tikkostitwixxix għajnuna għall-benefiċjarji li, meta ssir l-għotja, jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipualti mir-Regolament de minimis fis-seħħ (Regolament (KE) nru. 1535/2007).

    VI.4   Evalwazzjoni tal-kummenti tal-partijiet interessati dwar proċedimenti oħra

    (55)

    Fir-rigward tal-kummenti mill-ewwel parti interessata (ara il-paragrafu 22), il-Kummissjoni tenfasizza li d-differiment tal-ħlas skont l-Artikolu 40 bis tal-Liġi Nru 122/2010, għal pagament li jrid jitħallas skont programm addizzjonali għal ħlas bir-rati stabilit bil-Liġi Nru. 33/2009, mhux kopert mill-proċediment ta' din id-Deċiżjoni, billi ma jikkonċernax l-iskema ta' ħlas bir-rati addizzjonali stabbilita bid-Deċiżjoni 2003/530/KE.

    (56)

    Fir-rigward tal-kummenti taż-żewġ partijiet interessati dwar id-Digriet Liġi Nru. 16/2012 (il-paragrafi 24 u 26), il-Kummissjoni bħalissa qed teżaminahom, iżda hija tal-fehma li jridu jiġu ttrattati b'mod separat minħabba raġunijiet ta' effiċjenza amministrattiva, fost l-oħrajn, minħabba li l-għaqda taż-żewġ proċedimenti permezz ta' twessiegħ tal-proċediment u l-applikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi relatati jkomplu b'mod sinifikanti jittardjaw l-għeluq tal-proċediment li huwa oġġett ta' din id-Deċiżjoni.

    VII.   KONKLUŻJONI

    (57)

    Il-Kummissjoni tagħraf u tikkonferma li l-Italja b'mod illegali wettqet differiment tal-ħlas inkwistjoni u b'hekk irriżultaw illegali wkoll kemm l-għajnuna marbuta miegħu (ara t-tieni inċiż tal-paragrafu 13) kif ukoll l-iskema l-ġdida ta' għajnuna ddeterminata bil-ksur tad-Deċiżjoni 2003/530/KE (ara t-tielet inċiż tal-paragrafu 13). L-eżami ta' hawn fuq juri li ebda waħda mill-għajnuniet imsemmija ma tista' titqies kompatibbli mas-suq intern, peress li l-awtoritajiet Taljani ma pprovdew ebda element li jista' jipprova l-kompatibilità fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għas-settur agrikolu (ara l-paragrafi 43 sa 45) (huma sempliċement isostnu l-argument li d-differiment tal-ħlas kellu jitqies għalih waħdu, mingħajr ma jitqies l-impatt tiegħu fuq id-Deċiżjoni 2003/530/KE, u seta' jitqies bħala skema de minimis). Għaldaqstant il-Kummissjoni mhix f'qagħda li xxolji d-dubji diġà espressi bil-bidu tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat.

    (58)

    L-għajnuniet inkompatibbli jridu jiġu rkuprati flimkien mal-imgħaxijiet rilevanti mingħand il-benefiċċjarji kkonċernati, jiġifieri dawk li gawdew mid-differiment tal-ħlas inkwistjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Id-differiment tal-ħlas tar-rati tal-imposti fuq il-ħalib li jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2010, introdott bħala l-paragrafu 12 duodecies tal-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru. 224 tad-29 ta' Diċembru 2010 bil-Liġi Nru. 10/2011, u applikat b'mod illegali mill-Italja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern.

    2.   L-għajnuna li rriżultat mil-ksur tal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2003/530/KE kif iddeterminat bid-differiment tal-ħlas skont l-Artikolu 1, applikata b'mod illegali mill-Italja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    1.   L-Italja hija obbligata li tirkupra mill-benefiċjarji tad-differiment tal-ħlas kkonċernati kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), l-għajnuniet inkompatibili kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) u (2).

    2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom iġibu mgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sa dik tal-irkupru effettiv tagħhom.

    3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru. 794/2004.

    4.   L-irkupru li jikkonċerna biss lil dawk li fil-fatt ibbenefikaw mid-differiment tal-ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 1 u għaldaqstant ibbenefikaw mill-għajnuna kif imsemmi fl-Artikolu 2, għandu japplika għal dan li ġej:

    a)

    l-imgħaxijiet marbuta mad-differiment tal-ħlas tal-imposta li skadiet fil-31 ta' Diċembru 2010, flimkien ma' kull imgħax akkumulat sad-data tal-irkupru effettiv;

    b)

    l-imgħaxijiet li akkumulaw fuq il-pagamenti annwali li skadew fil-31 ta' Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009 (il-kapital ta' dawn is-snin tħallas qabel mad-differiment tal-ħlas ġab ksur tad-Deċiżjoni2003/530/KE), flimkien mal-imgħaxijiet akkumulati sad-data tal-irkupru effettiv;

    c)

    l-imgħaxijiet li jitilgħu fuq il-pagamenti annwali li skadew fil-31 ta' Diċembru tas-snin 2011 u 2012 (l-ebda informazzjoni ma turi li l-kapital ma tħallasx fl-iskadenza), miżjuda bl-imgħaxijiet fuq ħlasijiet magħmula tard sad-data tal-irkupru;

    d)

    il-kapital u l-imgħaxijiet marbuta mal-pagamenti annwali li jiskadu fil-31 ta' Diċembru tal-2013, 2014, 2015, 2016 u 2017, li hija l-aħħar data tal-iskema tal-ħlas stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill.

    5.   L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jekk, meta tingħata, hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

    Artikolu 3

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

    2.   L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data li fiha ġiet innotifikata.

    Artikolu 4

    1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

    a)

    il-lista tal-benefiċjarji li rċevew għajnuna skont l-iskemi msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali li rċieva kull wieħed minnhom skont l-iskema konċernata;

    b)

    l-ammont totali (kapital u mgħax) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju fil-każ ta’ għajnuna li ma tistax tkun irkuprata bir-regola de minimis;

    c)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma' din id-Deċiżjoni;

    d)

    id-dokumenti li juru li l-benefiċjarji ntalbu jħallsu lura l-għajnuna.

    2.   L-Italja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata kollha. Hija għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dwar dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha wkoll tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u mgħax diġà rkuprati mill-benefiċjarji.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Dacian CIOLOȘ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Fil-preżent is-Suq Intern.

    (2)  ĠU L 184, 23.7.2003, p. 15.

    (3)  ĠU C 37, 10.2.2012, p. 30.

    (4)  Issa l-Artikolu 107 u l-Artikolu 108 tat-Trattat.

    (5)  ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35.

    (6)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

    (7)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

    (8)  Fl-2009 l-Italja kienet il-ħames pajjiż produttur tal-ħalib tal-baqra tal-Unjoni bi produzzjoni ta' 11.364 miljun tunnellata. Fl-2010 impurtat 1 330 602 tunnelata u esportat 4 722 tunnellata ħalib.

    (9)  Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt biss li l-qagħda kompetittiva tal-impriża sfat imtejba mill-għoti ta' vantaġġ li hija ma setgħetx tikseb taħt kondizzjonijiet normali tas-suq u li minnu ma setgħux igawdu l-impriżi f'kompetizzjoni magħha, huwa biżżejjed biex jipprova tfixkil tal-kompetizzjoni (il-każ 730/79, Philip Morris/Kummissjoni, Rapporti tal-Qorti Ewropea 1980, paġ. 2671).

    (10)  Il-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1973] Ġabra I-813, paragrafu 13.

    (11)  Il-Kawżi konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni [1994] Ġabra I - 4103, paragrafu 75, il-Kawża C-75/97 il-Belġju vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-30671, paragrafi 64-65.

    (12)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (13)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.

    (14)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

    (15)  Ordni tat-12 ta' Diċembru 2012, il-Kawża T-260/00, Cooperativa San Marco fra Lavoratori della Piccola Pesca – Burano Soc. Coop. RL e altri vs il-Kummissjoni Ewropea, għadha mhix ippublikata, paragrafu 55.

    (16)  Il-Kawża C-348/93 tal-4 ta' April 1995, il-Kummissjoni vs l-Italja [1995] Ġabra I-673, paragrafu 27.

    (17)  Il-Kawża C-6/97 tad-19 ta' Mejju 1999, l-Italja vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-2981, paragrafu 34.

    (18)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.

    (19)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.


    Top