Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0189

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/189/PESK tat- 22 ta’ April 2013 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK

ĠU L 112, 24.4.2013, pp. 22–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016; Imħassar b' 32016D2382

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/189(1)/oj

24.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/189/PESK

tat-22 ta’ April 2013

li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1), 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/575/PESK li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża (KESD) (1). Dik l-Azzjoni Konġunta ġiet sostitwita bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/550/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) (2).

(2)

Fl-1 ta’ Diċembru 2008, b’konformità mal-Artikolu 13 tal-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK, il-Kumitat tat-Tmexxija tal-KESD (“il-Kumitat”) qabel dwar rakkomandazzjonijiet dwar il-perspettivi futuri tal-KESD.

(3)

Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2008, approva r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat. L-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK għandha għalhekk tiġi sostitwita b’att legali ġdid li jirrifletti dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

(4)

L-attivitajiet ta’ taħriġ fil-qafas tal-KESD għandhom jitwettqu fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), inkluż fl-oqsma tar-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-istabbilizzazzjoni.

(5)

Huwa xieraq li matul il-perijodu kopert minn din id-Deċiżjoni l-KESD jaħdem biss b’persunal issekondat.

(6)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (3) (SEAE), is-SEAE għandu jipprovdi lill-KESD l-appoġġ li qabel kien jingħata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

STABBILIMENT, MISSJONI, GĦANIJIET U KOMPITI

Artikolu 1

Stabbiliment

B’dan qed jiġi stabbilit Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD).

Artikolu 2

Missjoni

Il-KESD għandu jipprovdi taħriġ fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tal-Unjoni fil-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) fil-livell strateġiku sabiex ikun hemm żvilupp u promozzjoni ta’ fehim komuni tal-PSDK fost il-persunal ċivili u militari, u biex tiġi identifikata u mxerrda, permezz tal-attivitajiet tiegħu ta’ taħriġ (l-“attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD”), l-aħjar prattika fir-rigward ta’ diversi kwistjonijiet tal-PSDK.

Artikolu 3

Għanijiet

L-għanijiet tal-KESD għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

li jkompli jsaħħaħ il-kultura tas-sigurtà u tad-difiża komuni Ewropea fil-PSDK;

(b)

li jippromwovi fehim aħjar tal-PSDK bħala parti essenzjali tal-PESK;

(c)

li jipprovdi lill-korpi tal-Unjoni b’persunal kompetenti li kapaċi jaħdem b’mod effiċjenti fl-oqsma kollha tal-PSDK;

(d)

li jipprovdi lill-amministrazzjonijiet u l-persunal tal-Istati Membri b’persunal kompetenti li jkun familjari mal-politika, l-istituzzjonijiet u l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK;

(e)

li jappoġġa sħubijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PSDK, b’mod partikolari sħubijiet ma’ dawk il-pajjiżi li jipparteċipaw fil-missjonijiet PSDK;

(f)

li jgħin jippromwovi relazzjonijiet u kuntatti professjonali fost il-parteċipanti f’attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD (il-“parteċipanti”).

Fejn opportun, għandha tingħata attenzjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni.

Artikolu 4

Kompiti

1.   Il-kompiti ewlenin tal-KESD għandhom ikunu konformi mal-missjoni u l-objettivi tiegħu li jorganizza u jmexxi attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD fil-qasam tal-PSDK.

2.   L-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD għandhom jinkludu:

(a)

il-Kors ta’ Livell Għoli fil-PSDK;

(b)

il-Korsijiet ta’ Orjentazzjoni fil-PSDK;

(c)

Korsijiet tal-PSDK għal udjenzi speċjalizzati jew bi ffokar speċifiku.

Għandhom jinbdew attivitajiet oħrajn ta’ taħriġ, kif deċiż mill-Kumitat tat-Tmexxija, imsemmi fl-Artikolu 8 (“il-Kumitat”).

3.   Minbarra l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-KESD għandu b’mod partikolari:

(a)

jappoġġa r-relazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bejn l-istituti msemmija fl-Artikolu 5(1) involuti fin-netwerk imsemmi f’dak il-paragrafu (“in-netwerk”);

(b)

iħaddem u jiżviluppa aktar Sistema ta’ Tagħlim mill-Bogħod Ibbażat fuq l-Internet (IDL) biex isostni l-attivitajiet tat-taħriġ tal-PSDK;

(c)

jiżviluppa u jipproduċi materjal ta’ taħriġ għat-taħriġ tal-Unjoni fil-qasam tal-PSDK bl-użu wkoll ta’ materjal rilevanti diġà eżistenti;

(d)

jiffaċilita netwerk ta’ alumni bejn parteċipanti preċedenti;

(e)

jappoġġa programmi ta’ skambju fil-qasam tal-PSDK bejn l-istituti tat-taħriġ tal-Istati Membri;

(f)

jipprovdi kontributi lill-programm ta’ taħriġ annwali tal-Unjoni fil-PSDK;

(g)

jipprovdi appoġġ għall-ġestjoni tat-taħriġ fil-qasam tal-prevenzjoni tal-konflitti u tal-ġestjoni ċivili ta’ kriżijiet,

(h)

jorganizza u jmexxi konferenza annwali ta’ netwerking li tlaqqa’ flimkien lill-esperti tat-taħriġ ċivili u militari fil-PSDK mill-istituti ta’ taħriġ u l-ministeri tal-Istati Membri, u lill-atturi rilevanti esterni tat-taħriġ kif adatt; u

(i)

jirrevedi kull sena l-prestazzjoni tiegħu dwar il-kisba ta’ riżultati rigward l-objettivi elenkati fl-Artikolu 3.

4.   L-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD għandhom jitmexxew min-netwerk.

5.   Bħala parti min-netwerk, l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (EU ISS) għandu jappoġġa l-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD, b’mod partikolari permezz ta’ pubblikazzjonijiet tal-EU ISS u billi jingħataw lekċers minn riċerkaturi tal-EU ISS u billi jipprovdi kontributi lis-Sistema tal-IDL tal-KESD.

KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 5

Netwerk

1.   Il-KESD għandu jkun organizzat bħala netwerk li jġib flimkien l-istituti, il-kulleġġi, l-akkademji, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ċivili u militari u atturi oħra li jittrattaw kwistjonijiet tal-politika ta’ sigurtá u ta’ difiża fl-Unjoni kif identifikati mill-Istati Membri, u l-EU ISS (“istituti”) biex jappoġġa t-tmexxija ta’ attivitajiet ta’ taħriġ fil-qasam tal-PSDK.

2.   Il-KESD għandu jistabbilixxi rabtiet mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL).

3.   Il-KESD għandu jaħdem taħt ir-responsabbiltà ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“Rappreżentant Għoli”).

Artikolu 6

Kapaċità Legali

1.   Il-KESD għandu jkollu l-kapaċità legali meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu u jissodisfa l-għanijiet tiegħu, biex jidħol fil-kuntratti u l-arranġamenti amministrattivi li jeħtieġ biex jiffunzjona, inkluż li jimplimenta l-issekondar ta’ persunal, jikseb tagħmir, b’mod partikolari tagħmir tat-tagħlim, iżomm kontijiet bankarji u jkun parti għal proċedimenti legali.

2.   Kwalunkwe responsabbiltà li tista’ tirriżulta minn kuntratti konklużi mill-KESD għandha tkun koperta mill-fondi disponibbli għalih b’konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16.

Artikolu 7

Struttura

Għandha tiġi stabbilita fi ħdan il-KESD l-istruttura msemmija hawnhekk:

(a)

il-Kumitat b’responsabbiltà għall-koordinazzjoni u d-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD;

(b)

Bord Akkademiku Eżekuttiv (“il-Bord”) b’responsabbiltà li jiżgura l-kwalità u l-koerenza tal-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD.

(c)

il-Kap tal-KESD bir-responsabilità għall-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva tal-KESD, kif ukoll li jassisti lill-Kumitat u l-Bord fl-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-KESD;

(d)

Segretarjat tal-KESD (“is-Segretarjat”) li għandu jassisti lill-Kap tal-KESD fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 8

Kumitat tat-Tmexxija

1.   Il-Kumitat, magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru, għandu jkun il-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-KESD. Kull membru tal-Kumitat jista’ jkun irrappreżentat jew akkumpanjat minn membru supplenti.

2.   Il-membri tal-Kumitat jistgħu jkunu akkumpanjati minn esperti għal-laqgħat tal-Kumitat.

3.   Il-Kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli li għandu esperjenza adatta. Huwa għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena.

4.   Rappreżentanti mill-pajjiżi aderenti għall-Unjoni jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi attivi.

5.   Il-Kap tal-KESD, il-President tal-Bord u fejn ikun adatt il-Presidenti tal-konfigurazzjonijiet differenti tiegħu, kif ukoll rappreżentant tal-Kummissjoni għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat mingħajr dritt li jivvotaw.

6.   Il-kompiti tal-Kumitat għandhom ikunu li:

(a)

jistabbilixxi l-programm akkademiku annwali tal-KESD, bl-użu tal-kunċett ta’ taħriġ tal-KESD;

(b)

jipprovdi gwida ġenerali għall-ħidma tal-Bord;

(c)

japprova u jagħmel reviżjoni regolari tal-kunċett ta’ taħriġ tal-KESD li jkun jirrifletti r-rekwiżiti maqbula tat-taħriġ tal-KESD;

(d)

jagħżel l-Istat jew l-Istati Membri li jospitaw l-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD u l-istituti li jwettquhom;

(e)

jiżviluppa u jaqbel dwar il-profil tal-kurrikuli għall-attivitajiet kollha tat-taħriġ tal-KESD;

(f)

jieħu nota tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-korsijiet u japprova rapport annwali ġenerali dwar l-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD, li għandhom jintbagħtu lill-korpi rilevanti tal-Kunsill;

(g)

jaħtar il-Presidenti tal-Bord u l-konfigurazzjonijiet differenti tiegħu għal perijodu ta’ mill-anqas sentejn akkademiċi;

(h)

jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji fir-rigward tal-funzjonament tal-KESD dment li dawn ma jkunux attribwiti lil korpi oħra;

(i)

japprova l-baġit annwali u kwalunkwe baġit emendatorju, billi jaġixxi fuq proposti mill-Kap tal-KESD;

(j)

japprova l-kontijiet annwali u jagħti kwittanza lill-Kap tal-KESD;

(k)

japprova regoli addizzjonali applikabbli għan-nefqa ġestita mill-KESD;

(l)

japprova kwalunkwe ftehim ta’ finanzjament u/jew arranġament tekniku mal-Kummissjoni, is-SEAE jew Stat Membru dwar l-iffinanzjar u/jew l-implimentazzjoni tan-nefqa tal-KESD;

(m)

japprova r-regoli applikabbli għall-persunal issekondat lill-KESD;

(n)

jiddeċiedi dwar il-ftuħ ta’ attivitajiet ta’ taħriġ speċifiċi tal-KESD għal parteċipanti ta’ pajjiżi terzi fil-qafas politiku ġenerali stabbilit mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà.

7.   Il-Kumitat għandu japprova r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

8.   Il-Kumitat għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, kif definita fit-Titolu II tal-Protokoll Nru 36 dwar Dispożizzjonijiet Transitorji, kif anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Il-Bord Akkademiku Eżekuttiv

1.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentanti anzjani minn dawk l-istituti ċivili u militari u atturi oħra identifikati mill-Istati Membri biex jappoġġaw it-twettiq tal-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD. Fejn ikun hemm diversi rappreżentanti minn Stat Membru wieħed, dawn għandhom jifformaw delegazzjoni waħda flimkien.

2.   Il-President tal-Bord għandu jinħatar mill-Kumitat minn fost il-membri tal-Bord.

3.   Ir-Rappreżentanti tal-Kummissjoni u tas-SEAE għandhom ikun mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord.

4.   Esperti akkademiċi u uffiċjali anzjani minn istituzzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni jistgħu jkunu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord.

5.   Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu li:

(a)

jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet akkademiċi lill-Kumitat;

(b)

jimplimenta, permezz tan-netwerk, il-programm akkademiku annwali miftiehem;

(c)

jissorvelja s-Sistema tal-IDL;

(d)

jiżviluppa kurrikuli ddettaljati għall-attivitajiet tat-taħriġ kollha tal-KESD ibbażati fuq il-kurrikuli ġenerali miftehmin;

(e)

jiżgura koordinazzjoni ġenerali tal-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD fost l-istituti kollha;

(f)

jeżamina l-istandards tal-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD imwettqin fis-sena akkademika ta’ qabel;

(g)

iressaq proposti għall-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD fis-sena akkademika li jmiss lill-Kumitat;

(h)

jiżgura evalwazzjoni sistematika tal-attivitajiet kollha ta’ taħriġ tal-KESD u japprova r-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-korsijiet;

(i)

jikkontribwixxi għall-abbozz tar-rapport ġenerali annwali dwar l-attivitajiet tal-KESD.

6.   Biex jaqdi l-kompiti tiegħu, il-Bord jista’ jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet differenti ffokati fuq proġetti. Il-Bord għandu jfassal ir-regoli u l-arranġamenti li jirregolaw il-ħolqien u l-funzjonament ta’ dawn il-konfigurazzjonijiet li għandhom jiġu maqbula mill-Kumitat.

7.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord għandhom jiġu adottati mill-Kumitat.

Artikolu 10

Il-Kap tal-KESD

1.   Il-Kap tal-KESD għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD. Il-Kap tal-KESD għandu jappoġġa l-ħidma tal-Kumitat u l-Bord f’dan il-qasam u għandu jaġixxi bħala r-rappreżentant tal-KESD għall-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD fi ħdan u barra min-netwerk. Il-Kap tal-KESD għandu b’mod partikolari:

(a)

jieħu kull pass meħtieġ, inkluż l-adozzjoni ta’ istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ notifiki, biex jiżgura li l-attivitajiet tal-KESD jiffunzjonaw b’mod effettiv;

(b)

ifassal l-abbozz preliminari tar-rapport annwali tal-KESD u l-abbozz preliminari tal-programm ta’ ħidma tiegħu li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat abbażi tal-proposti ppreżentati mill-Bord;

(c)

jikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-KESD;

(d)

iżomm kuntatti mal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri;

(e)

iżomm kuntatti mal-atturi rilevanti esterni tat-taħriġ fil-qasam tal-PSDK;

(f)

fejn ikun meħtieġ jikkonkludi arranġamenti tekniċi dwar attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD mal-awtoritajiet rilevanti u l-atturi tat-taħriġ fil-qasam tal-PSDK;

(g)

iwettaq kull kompitu ieħor assenjat lilu mill-Kumitat.

2.   Il-Kap tal-KESD għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva tal-KESD, u b’mod partikolari:

(a)

ifassal u jippreżenta kull baġit abbozzat lill-Kumitat;

(b)

jadotta l-baġits wara li jiġu approvati mill-Kumitat;

(c)

ikun l-uffiċjal li jawtorizza l-baġit tal-KESD;

(d)

jiftaħ kont bankarju wieħed jew aktar f’isem il-KESD;

(e)

jinnegozja, jippreżenta lill-Kumitat u jikkonkludi kwalunkwe ftehim ta’ finanzjament u/jew arranġament tekniku mal-Kummissjoni, is-SEAE jew Stat Membru dwar il-finanzjament u/jew l-implimentazzjoni tan-nefqa tal-KESD;

(f)

jinnegozja u jiffirma f’isem il-KESD kull skambju ta’ ittri għall-issekondar ta’ persunal tas-Segretarjat lill-KESD;

(g)

ġeneralment, jirrappreżenta lill-KESD għall-finijiet ta’ kull att legali b’implikazzjonijiet finanzjarji;

(h)

jippreżenta lill-Kumitat l-kontijiet annwali tal-KESD.

3.   Il-Kap tal-KESD għandu jinħatar mir-Rappreżentant Għoli, wara li jikkonsulta lill-Kumitat. Huwa għandu jiġi maħtur bħala membru tal-persunal tas-SEAE għall-perijodu tal-ħatra tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw kandidati għall-pożizzjoni ta’ Kap tal-KESD u l-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE u tas-SEAE jistgħu japplikaw għal din il-pożizzjoni, f’konformità mar-regoli applikabbli.

4.   Il-Kap tal-KESD għandu jagħti rendikont tal-attivitajiet tiegħu lill-Kumitat.

Artikolu 11

Is-Segretarjat tal-KESD

1.   Is-Segretarjat għandu jassisti lill-Kap tal-KESD fil-qadi ta’ dmirijietu.

2.   Il-Kap tal-KESD, assistit minn kumitat tal-għażla, għandu jkun responsabbli għall-għażla tal-persunal tas-Segretarjat.

3.   Is-segretarjat għandu jipprovdi appoġġ lill-Kumitat, lill-Bord u lil istituzzjonijiet għall-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD.

4.   Kull istitut għandu jaħtar punt ta’ kuntatt mas-Segretarjat biex jittratta l-kwistjonijiet organizzattivi u amministrattivi marbutin mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD.

5.   Is-Segretarjat għandu jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni u mas-SEAE.

Artikolu 12

Il-Persunal tal-KESD

1.   Il-persunal tal-KESD għandu jkun magħmul minn:

(a)

persunal issekondat lill-KESD mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, is-SEAE u l-aġenziji tal-Unjoni;

(b)

esperti nazzjonali ssekondati lill-KESD mill-Istati Membri.

2.   Il-KESD jista’ jirċievi apprendisti u akkademiċi mistiedna.

3.   Il-Kumitat, li jaġixxi fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, għandu jiddefinixxi dment li jkun meħtieġ il-kondizzjonijiet applikabbli għall-apprendisti u l-akkademiċi mistiedna.

4.   Id-Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-23 ta’ Marzu 2011 li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali Ssekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (4) għandha tapplika mutatis mutandis għall-esperti nazzjonali ssekondati lill-KESD mill-Istati Membri.

KAPITOLU III

FINANZJAMENT

Artikolu 13

Kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD

1.   Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, aġenzija u istitut tal-Unjoni u s-SEAE għandu jerfa’ l-ispejjeż kollha marbutin mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-KESD, inklużi salarji, allowances, infiq tal-ivvjaġġar u sussistenza u spejjeż marbutin mas-sostenn organizzattiv u amministrattiv tal-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD.

2.   Kull parteċipant għandu jerfa’ l-ispejjeż kollha marbutin mal-parteċipazzjoni tiegħu.

Artikolu 14

Appoġġ mis-SEAE

1.   Is-SEAE għandu jġarrab l-ispejjeż li jirriżultaw meta jospita lill-Kap tal-KESD u lis-Segretarjat fil-kwartieri tiegħu, inkluż l-ispejjeż tat-teknoloġija tal-informazzjoni, l-issekondar tal-Kap tal-KESD u l-issekondar ta’ membru tal-persunal assistenti wieħed lis-Segretarjat.

2.   Is-SEAE għandu jipprovdi lill-KESD bl-appoġġ amministrattiv meħtieġ għar-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-persunal tiegħu u biex jimplimenta l-baġit tiegħu.

3.   Arranġament tekniku mas-SEAE għall-appoġġ li huwa jipprovdi għandu jiġi nnegozjat mill-Kap tal-KESD u approvat mill-Kumitat.

Artikolu 15

Kontribuzzjonijiet volontarji

1.   Għall-finijiet tal-finanzjament ta’ attivitajiet speċifiċi, il-KESD jista’ jirċievi kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri u l-istituti jew donaturi oħra. Kontribuzzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu ġestiti mill-KESD bħala introjtu assenjat.

2.   Arranġamenti tekniċi għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu nnegozjati mill-Kap tal-KESD u approvati mill-Kumitat.

Artikolu 16

Kontribuzzjoni mill-Baġit tal-Unjoni

1.   Il-KESD għandu jirċievi kontribuzzjoni annwali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dik il-kontribuzzjoni tista’ tkopri b’mod partikolari l-ispejjeż tal-appoġġ għall-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD u l-esperti nazzjonali ssekondati mill-Istati Membri lill-KESD.

2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-KESD matul l-ewwel 12-il xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun ta’ EUR 535 000. L-ammonti ta’ referenza finanzjarja maħsuba biex ikopru n-nefqa tal-KESD għal perijodi sussegwenti għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill.

3.   Wara d-deċiżjoni mill-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 2, għandu jiġi nnegozjat mill-Kap tal-KESD ftehim finanzjarju mal-Kummissjoni u approvat mill-Kumitat.

Artikolu 17

Regoli finanzjarji

Ir-Regoli Finanzjarji stipulati fl-Anness għandhom japplikaw għan-nefqa ffinanzjata mill-KESD u għall-finanzjament ta’ din in-nefqa.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 18

Parteċipazzjoni fl-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD

1.   L-attivitajiet ta’ taħriġ kollha tal-KESD għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni miċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-Istati Aderenti kollha. L-istituti li jorganizzaw u jwettqu dawn l-attivitajiet għandhom jiżguraw li dan il-prinċipju japplika mingħajr eċċezzjoni.

L-attivitajiet ta’ taħriġ tal-KESD għandhom ikunu wkoll miftuħin fil-prinċipju għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni u, jekk ikun adatt, ta’ pajjiżi terzi oħrajn.

2.   Il-parteċipanti għandhom ikunu persunal ċivili u militari li jittrattaw aspetti strateġiċi fil-qasam tal-PSDK u esperti li għandhom jintbagħtu fuq missjonijiet jew operazzjonijiet ta’ PSDK.

Rappreżentanti ta’, fost oħrajn, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet non-governattivi, istituzzjonijiet akkademiċi u l-mezzi tax-xandir u l-istampa, kif ukoll membri tal-komunità kummerċjali, jistgħu jkunu mistiedna jipparteċipaw fl-attivitajiet tat-taħriġ tal-KESD.

3.   Parteċipant li jkun temm kors tal-KESD għandu jingħata ċertifikat iffirmat mir-Rappreżentant Għoli. Il-modalitajiet taċ-ċertifikat għandhom jinżammu taħt reviżjoni mill-Kumitat. Iċ-ċertifikat għandu jkun rikonoxxut mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Artikolu 19

Kooperazzjoni

Il-KESD għandu jikkoopera ma’ u jutilizza l-kompetenza ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi rilevanti oħrajn, bħalma huma l-istituti tat-taħriġ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 20

Regolamenti tas-sigurtà

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (5) għandhom japplikaw għall-KESD.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Kontinwità

Ir-regoli u r-regolamenti adottati għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK għandhom jibqgħu fis-seħħ għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni safejn ikunu kompatibbli ma’ din id-Deċiżjoni u sakemm jiġu emendati jew jitħassru.

Artikolu 22

Tħassir

L-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK hija b’dan imħassra.

Artikolu 23

Reviżjoni, dħul fis-seħħ u tmiem

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2013. Hija għandha tiġi riveduta kif meħtieġ, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi erba’ snin wara d-data ta’ konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 16(3).

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)   ĠU L 194, 26.7.2005, p. 15.

(2)   ĠU L 176, 4.7.2008, p. 20.

(3)   ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(4)   ĠU C 12, 14.1.2012, p. 8.

(5)   ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.


ANNESS

Regoli Finanzjarji applikabbli għan-nefqa ffinanzjata mill-KESD u l-finanzjament tagħha

Artikolu 1

Prinċipji baġitarji

1.   Il-baġit tal-KESDhuwa l-att li għal kull sena finanzjarja jistipula u jawtorizza l-introjtu kollu tal-KESD u n-nefqa kollha ffinanzjata mill-KESD.

2.   L-introjtu u n-nefqa tal-baġit għandhom ikunu f’bilanċ.

3.   Ma jista’ jiġi implimentat ebda introjtu jew nefqa ffinanzjata mill-KESD ħlief b’allokazzjoni għal intestatura fil-baġit.

Artikolu 2

Adozzjoni tal-baġits

1.   Kull sena l-Kap tal-KESD għandu jfassal abbozz tal-baġit għas-sena finanzjarja li jkun imiss, li tibda fl-1 ta’ Jannar u tintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena. L-abbozz tal-baġit għandu jinkludi l-approprjazzjonijiet meqjusa meħtieġa biex ikopru n-nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mill-KESD matul dak il-perijodu u tbassir tal-introjtu li mistenni jkopri dik in-nefqa.

2.   L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu kklassifikati bħala meħtieġa skont it-tip jew il-fini f’kapitoli u artikoli. L-abbozz għandu jinkludi kummenti ddettaljati skont l-artikolu.

3.   L-introjtu għandu jikkonsisti mill-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri, il-kontribuzzjoni annwali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u introjtu ieħor.

4.   Il-Kap tal-KESD għandu jippreżenta rapport dettaljat tal-baġi dwar is-snin finanzjarji attwali u preċedenti u jipproponi l-abbozz tal-baġit lill-Kumitat sal-31 ta’ Ottubru. Il-Kumitat għandu japprova l-abbozz tal-baġit sal-31 ta’ Diċembru.

5.   Fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux mistennija u tħieġa kostrinġenti, il-Kap tal-KESD jista’ jipproponi baġit emendatorju. Kwalunkwe abbozz ta’ baġit emendatorju u l-baġit għall-ewwel sena wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi propost, approvat u adottat f’konformità mal-istess proċedura bħal dik applikabbli bħall-baġit annwali, ħlief li l-iskadenzi applikabbli għall-baġit annwali m’għandhomx japplikaw.

Artikolu 3

Trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet

Il-Kap tal-KESD jista’ jagħmel trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet fil-baġit bl-approvazzjoni tal-Kumitat.

Artikolu 4

Riporti ta’ approprjazzjonijiet

1.   L-approprjazzjonijiet meħtieġa biex jitħallsu l-obbligi legali li jittieħdu sal-31 ta’ Diċembru ta’ sena finanzjarja għandhom jiġu riportati għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

2.   Il-Kap tal-KESD jista’ jirriporta approprjazzjonijiet oħra fil-baġit għas-sena finanzjarja li jkun imiss bl-approvazzjoni tal-Kumitat.

3.   Approprjazzjonijiet oħra għandhom jiġu kkanċellati fit-tmiem tas-sena finanzjarja.

Artikolu 5

Implimentazzjoni tal-baġit u ġestjoni tal-persunal

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu u l-ġestjoni tal-persunal tiegħu, il-KESD għandu kemm ikun possibbli juża l-istrutturi amministrattivi eżistenti tal-Unjoni, b’mod partikolari s-SEAE.

Artikolu 6

Kontijiet bankarji tal-KESD

1.   Kwalunkwe kont bankarju tal-KESD għandu jinfetaħ f’istituzzjoni finanzjarja tal-ogħla kalibru li l-uffiċċju prinċipali tagħha jinsab fi Stat Membru u għandu jkun kont kurrenti jew kont ta’ skadenza qasira f’euro.

2.   Ma jistgħux jinġibdu flus aktar milli jkun hemm depożitati, minn ebda kont bankarju tal-KESD.

Artikolu 7

Pagamenti

Kwalunkwe ħlas minn kont bankarju tal-KESD għandu jeħtieġ il-firma konġunta tal-Kap tal-KESD u ta’ membru ieħor tal-persunal tal-KESD.

Artikolu 8

Kontabilità

1.   Il-Kap tal-KESD għandu jiżgura li l-kontijiet li juru l-introjtu, in-nefqa u l-inventarju tal-assi tal-KESD jinżammu konformi mal-istandards ta’ kontabilità għas-settur pubbliku aċċettati f’livell internazzjonali.

2.   Il-Kap tal-KESD għandu jippreżenta lill-Kumitat l-kontijiet annwali għal sena finanzjarja speċifika mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ wara.

3.   Is-servizzi meħtieġa tal-kontabilità għandhom jiġu esternalizzati.

Artikolu 9

Awditjar

1.   L-awditjar tal-kontijiet tal-KESD għandu jsir kull sena.

2.   Is-servizzi meħtieġa tal-awditjar għandhom jiġu esternalizzati.

3.   Ir-rapporti ta’ awditjar għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat jekk mitlubin.

Artikolu 10

Kwittanza

1.   Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar il-bażi tal-kontijiet annwali u fid-dawl tar-rapport annwali tal-awditur jekk jagħtix lill-Kap tal-KESD kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESD.

2.   Il-Kap tal-KESD għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jissodisfa lill-Kumitat li kwittanza tista’ tingħata u biex jieħu azzjoni dwar l-osservazzjonijiet fid-deċiżjonijiet li tingħata kwittanza, jekk ikun il-każ.


Top