Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0129

2013/129/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Marzu 2013 li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll

ĠU L 72, 15.3.2013, pp. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/10/2015; Mibdul minn 32015D1874

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/129(1)/oj

15.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Marzu 2013

li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll

(2013/129/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta’ Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Abbażi tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI, tħejja rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar l-4-metilamfetammina minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, u sussegwentement wasal għand il-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2012.

(2)

L-4-metilamfetammina hija derivattiv sintetiku metilat fiċ-ċirku tal-amfetammina li fil-biċċa l-kbira tinstab f’forma ta’ trab u ta’ pejst f’kampjuni li fihom l-amfetammina u l-kaffeina, iżda li deheret ukoll f’forma ta’ pilloli u f’forma ta’ likwidu. Ġie żvelat fis-suq tal-amfetammina illeċita fejn tinbiegħ u tintuża bħala d-droga kkontrollata, amfetammina. Kien hemm rapport dwar is-sustanza li nstabet f’prodott kummerċjali mibjugħ fuq l-Internet. Il-prekursur kimiku prinċipali għas-sinteżi tal-4-metilamfetammina huwa 4-metilbenżil metil keton (4-metil-BMK), li jidher li hu kummerċjalment disponibbli fuq l-Internet u mhux ikkontrollat skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi.

(3)

L-effetti fiżiċi speċifiċi tal-4-metilamfetammina ġew rarament rrappurtati mill-utenti, billi l-utenti tipikament ma jkunux konxji li ħadu is-sustanza. Madankollu, il-ftit rapporti li huma disponibbli jissuġġerixxu li għandha effetti ta’ tip ta’ stimulant. Id-dejta limitata disponibbli relatata mal-bnedmin tissuġġerixxi li l-effetti negattivi tal-4-metilamfetammina jinkludu ipertermija, pressjoni għolja, anoreksja, dardir, għaraq, problemi gastriċi, sogħla, remettar, uġiegħ ta’ ras, palpitazzjoni, insomnja, paranojja, ansjetà u dipressjoni. Id-data attwali mhix biżżejjed biex tistabbilixxi l-potenzjal relattiv tal-produzzjoni tad-dipendenza tas-sustanza.

(4)

Skont is-sorsi tad-data limitati disponibbli, it-tossiċità akuta tal-4-metilamfetammina hija simili għal dik ta’ stimulanti oħra. Ċerta evidenza tissuġġerixxi li taħlita ta’ 4-metilamfetammina ma’ sustanzi oħra, inklużi l-amfetammina u l-kaffeina, tista’ tirriżulta f’riskju ogħla ta’ tossiċità globali miżjuda.

(5)

Kien hemm total ta’ 21 fatalitajiet irreġistrati f’erba’ Stati Membri fejn l-4-metilamfetammina weħida jew f’kombinazzjoni ma’ sustanza waħda jew aktar, speċjalment l-amfetammina, instabet f’kampjuni post-mortem. Filwaqt li f’dawn il-fatalitajiet mhuwiex possibbli li mill-informazzjoni disponibbli jiġi ddeterminat b’ċertezza r-rwol tal-4-metilamfetammina, f’xi każijiet is-sustanza instabet bħala d-droga predominanti, b’livelli komparabbli għal dawk misjuba f’ċerti każijiet ta’ mewt ikkawżat mill-konsum tal-amfetammina.

(6)

L-4-metilamfetammina instabet fi 15-il Stat Membru, filwaqt li Stat Membru wieħed irrapporta il-manifattura tas-sustanza fit-territorju tiegħu. Prevalenza speċifika għall-4-metilamfetammina hija diffiċli li tiġi stmata. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar domanda speċifika għas-sustanza minn gruppi ta’ utenti u hija mhix ikkummerċjalizzata fis-suq permezz ta’ ħwienet fuq l-Internet.

(7)

L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-4-metilamfetammina hija prodotta u mqassma mill-istess gruppi kriminali organizzati li huma involuti fil-manifattura u t-traffikar tal-amfetammina.

(8)

L-4-metilamfetammina ma għandha l-ebda valur jew użu mediku magħruf, stabbilit jew rikonoxxut fl-Unjoni Ewropea u ma hemm l-ebda awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tas-sustanza fl-Unjoni. Minbarra l-użu tagħha bħala standard analitiku ta’ referenza u fir-riċerka xjentifika, ma hemm l-ebda indikazzjoni li tista’ tintuża għal xi skopijiet leġittimi oħra.

(9)

L-4-metilamfetammina attwalment mhix għaddejja minn l-ebda proċess ta’ valutazzjoni u ma għaddiet mill-ebda proċess ta’ valutazzjoni mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. Tmien Stati Membru jikkontrollaw is-sustanza skont il-leġislazzjoni dwar il-kontroll tad-droga bis-saħħa tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971. Żewġ Stati Membri oħrajn japplikaw id-definizzjoni ġenerika ta’ fenetilammina fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom għall-prodott filwaqt li Stat Membru wieħed jikkontrollaha skont il-leġislazzjoni tiegħu tal-mediċini.

(10)

Għalkemm ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju jiżvela li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli dwar il-karatteristiċi u r-riskji tal-4-metilamfetammina u jiġbed l-attenzjoni li huma meħtieġa aktar studji dwar ir-riskji ġenerali għas-saħħa u dawk soċjali assoċjati mas-sustanza. Madankollu, l-evidenza disponibbli tipprovdi biżżejjed raġunijiet biex jissottoponu lill-4-metilamfetammina għall-miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din tippreżenta, kif dokumentat fl-iskoperta tagħha f’diversi fatalitajiet irrapportati, speċjalment meta użata flimkien ma’ sustanzi oħra; ix-xebħ qawwi tagħha fid-dehra u l-effetti mal-amfetammina; il-fatt li l-utenti jistgħu bla ma jafu jikkunsmaw is-sustanza u l-valur mediku jew l-użu limitat tagħha, l-4-metilamfetammina għandha tkun soġġetta għall-miżuri ta’ kontroll fl-Unjoni.

(11)

Minħabba li għaxar Stati Membri diġà jikkontrollaw l-4-metilamfetammina, il-fatt li titqiegħed taħt miżuri ta’ kontroll fl-Unjoni jista’ jgħin biex jiġu evitati problemi ta’ infurzar transkonfinali tal-liġi kif ukoll problemi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja,

(12)

Il-miżuri ta’ kontroll fl-Unjoni kollha jistgħu jgħinu wkoll fil-prevenzjoni tal-4-metilamfetammina li tiżviluppa bħala alternattiva għall-amfetammina fis-swieq tad-drogi illeċiti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanza psikoattiva ġdida, 4-metilamfetammina, hija hawnhekk sottoposta għal miżuri ta’ kontroll fl-Unjoni.

Artikolu 2

Sas-17 ta’ Marzu 2014, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jissottoponu lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali, kif previst fil-leġislazzjoni tagħhom li tikkonforma mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SHATTER


(1)   ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Top