Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1067

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1067/2012 tal- 14 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    ĠU L 318, 15.11.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1067/oj

    15.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 318/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1067/2012

    tal-14 ta’ Novembru 2012

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (2) ipoġġi fis-seħħ il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK. Dan ir-Regolament jipprevedi, inter alia, l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, jew li huma proprjetà, miżmuma jew kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Annessi VIII u IX tar-Regolament.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK (3) tipprovdi għal eżenzjoni skont il-miżuri restrittivi sabiex jipproteġu s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni.

    (3)

    Dik l-eżenzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, sabiex tiġi implimentata hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

    (4)

    Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma effettivi, dan għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fir-Regolament (UE) Nru 267/2012 jiddaħħal l-Artikolu segwenti:

    “Artikolu 28a

    Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 23(2) u (3) ma għandhomx japplikaw għal atti u tranżazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-entitajiet elenkati fl-Anness IX:

    (a)

    li għandhom drittijiet derivati minn għotja oriġinali qabel is-27 ta’ Ottubru 2010, minn Gvern sovran minbarra l-Iran, ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni tal-produzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 39, safejn tali atti u tranżazzjonijiet jirrigwardaw il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-entitajiet f’dak il-ftehim;

    (b)

    safejn neċessarju għall-eżekuzzjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2014, tal-obbligi li joriġinaw minn kuntratti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 12(1) dment li dawk l-atti u t-tranżazzjonijiet ikunu ġew awtorizzati minn qabel, każ b’każ, mill-awtorità kompetenti kkonċernata u li l-Istat Membru kkonċernat ikun informa lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-ħsieb tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

    (2)  ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1.

    (3)  ĠU L 282, 16.10.2012, p. 58.


    Top