Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1042

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1042/2012 tas- 7 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għall-elenkar ta’ pjattaforma tal-irkant li trid tinħatar mir-Renju Unit Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 310, 9.11.2012, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2830

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1042/oj

9.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1042/2012

tas-7 ta’ Novembru 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għall-elenkar ta’ pjattaforma tal-irkant li trid tinħatar mir-Renju Unit

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3d(3) u 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta kif ipprovdut fl-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (2), jistgħu jaħtru l-pjattaforma tal-irkant tagħhom stess għall-irkantar tas-sehem tagħhom tal-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, il-ħatra ta’ pjattaformi tal-irkant bħal dawn hija soġġetta għall-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li ma jipparteċipax fl-azzjoni konġunta kif ipprovdut fl-Artikolu 26(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, u li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu.

(3)

Fit-30 ta’ April 2012, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jaħtar lil ICE Futures Europe ("ICE") bħala pjattaforma tal-irkant kif jissemma fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010.

(4)

Fil-25 ta’ April 2012, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto (3). Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni u kjarifika lill-Kummissjoni, li jissupplimentaw in-notifika skont dan.

(5)

Sabiex ikun żgurat li l-ħatra proposta ta’ ICE bħala pjattaforma tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 hija kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament u hija konformi mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa meħtieġ li jiġu imposti għadd ta’ kundizzjonijiet u obbligi fuq ICE.

(6)

Skont l-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, pjattaforma tal-irkant hija inkarigata b’serje ta’ ħidmiet li jikkonċernaw l-ammissjoni ta’ persuni biex jagħmlu offerta fl-irkantijiet li jinkludu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta mill-klijenti b’mod li jiżguraw li japplikaw biss il-persuni eliġibbli għall-ammissjoni biex jagħmlu offerta direttament fl-irkantijiet. Ir-responsabbiltajiet tagħha jirriżultaw ukoll fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tal-konformità tal-applikanti ma’ ċerti rekwiżiti minimi għall-ammissjoni biex jagħmlu offerta, fis-sottomissjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ammissjoni biex jagħmlu offerta u fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jingħataw jew jiġu rrifjutati li jingħataw ammissjoni biex jagħmlu offerta, u biex jiġu rrevokati jew sospiżi l-ammissjonijiet, diġà mogħtija, biex jagħmlu offerta. Skont il-mudell ta’ kooperazzjoni bejn ICE u l-membri ta’ skambju tagħha u l-klijenti tagħhom, il-membri ta’ skambju ta’ ICE u wħud mill-klijenti tagħhom se jwettqu funzjonijiet ta’ ammissjoni bħal dawn fir-rigward tal-klijenti eżistenti jew prospettivi tagħhom. Mudell ta’ kooperazzjoni bħal dan jista’ jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, sakemm ICE tiżgura dik il-konformità mal-obbligi eżistenti tal-pjattaforma tal-irkant skont ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010.

(7)

Barra minn hekk, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, pjattaforma maħtura tal-irkant hija meħtieġa biex tipprovdi aċċess sħiħ, ġust u ekwu għal offerta f’irkantijiet għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u aċċess biex jagħmlu offerta f’irkantijiet għal emittenti żgħar. Biex tiżgura dan, ICE għandha tipprovdi lil dawn l-SMEs u emittenti żgħar informazzjoni trasparenti, komprensiva u aġġornata, dwar il-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-irkantijiet imwettqa minn ICE għar-Renju Unit inkluż il-gwida prattika kollha meħtieġa dwar kif tagħmel l-aħjar użu minn possibbiltajiet bħal dawn. Tali informazzjoni għandha tkun disponibbli pubblikament fuq il-paġna web ta’ ICE. Barra minn hekk, ICE għandha tirrapporta lis-sorveljatur tal-irkant maħtur, kif provdut fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, dwar il-kopertura miksuba taħt il-mudell ta’ kooperazzjoni tagħha mal-membri ta’ skambju u l-klijenti tagħhom, inkluż fuq il-livell ta’ kopertura ġeografika miksub u tqis bl-ikbar reqqa r-rakkomandazzjonijiet tas-sorveljatur tal-irkant f’dan ir-rigward sabiex tiżgura t-twettiq tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 35(3)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, meta jaħtru pjattaforma tal-irkant, l-Istati Membri jridu jqisu kemm il-pjattaforma tal-irkant kandidata hija kapaċi tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern inkluż is-suq tal-karbonju. B’mod partikolari, pjattaforma tal-irkant m’għandhiex tkun tista’ tuża l-kuntratt li jaħtarha biex tieħu vantaġġ fuq il-kompetittività tal-attivitajiet l-oħra tagħha, notevolment fis-suq sekondarju li torganizza. Barra minn hekk, l-elenkar ta’ ICE bħala pjattaforma tal-irkant għandu jkun kondizzjonali fuq ICE, inkluż kwalunkwe membru ta’ skambju jew membru ta’ kklerjar ammessi minn ICE, fejn il-kandidati offerenti jkollhom l-għażla li jkunu ammessi sabiex jagħmlu offerta fl-irkantijiet mingħajr il-ħtieġa li jsiru membri ta’ skambju jew parteċipanti fis-suq sekondarju organizzat minn ICE jew ta’ kwalunkwe post kummerċjali ieħor operat minn ICE jew minn kwalunkwe parti terza.

(9)

Skont il-punt (h) tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, meta jaħtru pjattaforma tal-irkant, l-Istati Membri jridu jqisu l-limitu sa fejn miżuri adegwati huma pprovduti biex jirrikjedu li pjattaforma tal-irkant titrasferixxi l-assi kollha tanġibbli u mhux tanġibbli meħtieġa għat-twettiq tal-irkantijiet minn suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant. Tali miżuri ġew stipulati fi strateġija ta’ ħruġ li għandha tiġi riveduta mis-sorveljatur tal-irkant. ICE għandha tiżviluppa l-istrateġija ta’ ħruġ tagħha b’mod ċar u f’waqtha filwaqt li tqis bl-ikbar reqqa l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant.

(10)

Skont l-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, it-tariffi u l-kundizzjonijiet kollha applikati minn pjattaforma tal-irkant kif ukoll dawk tas-sistema tal-ikklerjar jew sistema ta’ saldu għandhom jiġu ddikjarati b’mod ċar, ikunu jinftiehmu faċilment u pubblikament disponibbli. Fid-dawl tal-mudell ta’ kooperazzjoni previst minn ICE, kwalunkwe miżata u kundizzjoni addizzjonali applikati mill-membri ta’ skambju u klijenti tagħhom f’rabta mal-funzjonijiet ta’ ammissjoni li huma jwettqu għandhom jiġu ddikjarati wkoll b’mod ċar, jinftiehmu faċilment u pubblikament disponibbli fuq il-paġni web ta’ dawk li joffru s-servizzi b’referenzi diretti għal dawk il-paġni web, disponibbli fuq il-paġna web ta’ ICE.

(11)

Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, pjattaforma tal-irkant definittiva trid tiżgura li jkollha mekkaniżmu straġudizzjarju biex tittratta l-ilmenti mingħand applikanti għall-ammissjoni biex jagħmlu offerta, offerenti ammessi biex jagħmlu offerta, jew minn min l-ammissjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata, irrevokata jew sospiża. L-applikanti għal ammissjoni biex jagħmlu offerta, l-offerenti ammessi biex jagħmlu offerta jew li l-ammissjoni tagħhom biex jagħmlu offerta tkun ġiet irrifjutata, irrevokata jew sospiża għandhom ikunu jistgħu jużaw id-dritt tagħhom għal appell skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, anke meta dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu minn membri ta’ skambju ta’ ICE u l-klijenti tagħhom.

(12)

Minbarra l-bidliet fir-regoli ta’ skambju ta’ ICE stess meħtieġa biex jiżguraw konformità sħiħa mal-kundizzjoni u l-obbligi mniżżla fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, ICE għandha wkoll tieħu kwalunkwe pass ulterjuri kif meħtieġ biex tiżgura l-konformità sħiħa, li tista’ tinvolvi adattamenti fl-arranġamenti kuntrattwali bejn ICE u l-membri ta’ skambju tagħha, bejn il-membri ta’ skambju u l-klijenti, u bejn il-klijenti ’l isfel fil-katina.

(13)

Barra minn hekk, ċerti referenzi fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandhom jiġu emendati biex jeliminaw in-nuqqasijiet fil-monitoraġġ tal-proċessi tal-irkant mis-sorveljatur tal-irkant u għal raġunijiet ta’ konsistenza ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dak ir-Regolament.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(15)

Sabiex ikunu żgurati rkantijiet prevedibbli u f’waqthom mill-pjattaforma tal-irkant li trid tinħatar mir-Renju Unit, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza.

(16)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) jinbidel b’li ġej:

“(c)

kwalunkwe evidenza ta’ mġiba antikompetittiva, abbuż tas-suq, ħasil tal-flus, iffinanzjar tat-terroristi jew attività kriminali;”

(b)

il-punt (f) jinbidel b’li ġej:

“(f)

informazzjoni dwar l-għadd, in-natura u l-istatus ta’ kwalunkwe ilment magħmul skont l-Artikoli 59(4) jew 64(1) kif ukoll kwalunkwe ilment magħmul kontra pjattaforma tal-irkant lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jissorveljaw dik il-pjattaforma tal-irkant, il-qrati jew il-korpi amministrattivi kompetenti pprovduti fil-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39/KE.”

(2)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 49, 19.2.2004,p. 1.


ANNESS

Fit-tabella li tinsab fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, jiżdied li ġej:

Pjattaformi tal-irkant maħtura mir-Renju Unit

2

Pjattaforma tal-irkant

ICE Futures Europe (ICE)

 

Terminu tal-ħatra

Mill-10 ta' Novembru 2012 l-aktar kmieni sad-9 ta' Novembru 2017 l-aktar tard, bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5).

 

Definizzjonijiet

Għall-finijiet tal-kundizzjoni u l-obbligi li japplikaw għal ICE għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)   ‘Ir-regoli ta’ skambju ta’ ICE’— tfisser Regolamenti ta’ ICE, inkluż b’mod partikolari regoli tal-kuntratt u l-proċeduri marbuta ma’ ICE FUTURES EUA AUCTION CONTRACT u ICE FUTURES EUAA AUCTION CONTRACT;

(b)   ‘membru ta’ skambju’— tfisser membru kif definit fit-Taqsima A.1 tar-regoli ta’ skambju ta’ ICE;

(c)   ‘klijent’— tfisser klijent ta’ membru ta’ skambju, kif ukoll klijenti tal-klijenti tagħhom ’l isfel fil-katina, li jiffaċilitaw l-ammissjoni ta’ persuni biex jagħmlu offerta u jaġixxu f’isem l-offerenti.

 

Kundizzjonjiet

L-ammissjoni fl-irkantijiet ma għandhiex tkun dipendenti fuq li wieħed isir membru ta’ skambju jew parteċipant fis-suq sekondarju organizzat minn ICE jew minn kwalunkwe post tal-kummerċ ieħor operat minn ICE jew minn kwalunkwe parti terza.

 

Obbligi

1.

ICE għandha tirrikjedi li kwalunkwe deċiżjoni li għandha tittieħed mill-membri ta’ skambju ta’ ICE jew il-klijenti tagħhom fir-rigward tal-għoti tal-ammissjoni biex jagħmlu l-offerti fl-irkantijiet, ir-revoka jew is-sospensjoni ta’ ammissjoni bħal din tkun ikkomunikata lil ICE mill-membri tal-iskambju jew il-klijenti tagħhom li jieħdu tali deċiżjonijiet fil-mod li ġej:

(a)

fil-każ ta’ deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jagħtu ammissjoni biex jagħmlu offerta u d-deċiżjonijiet li jirrevokaw jew jissospendu l-aċċess għal irkantijiet, fuq bażi individwali mingħajr dewmien;

(b)

fil-każ ta’deċiżjonijiet oħrajn, fuq talba.

ICE għandha tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni bħal din tista’ tkun soġġetta għal eżami minn ICE fir-rigward tal-konformità tagħha mal-obbligi eżistenti tal-pjattaforma tal-irkant skont dan ir-Regolament, u li l-membri ta’ skambju ta’ ICE jew il-klijenti tagħhom jirrispettaw ir-riżultati ta’ kwalunkwe eżami bħal dan minn ICE. Dan jista’ jinkludi, iżda ma jkunx limitat għal, rikors għal kwalunkwe regoli ta’ skambju ta’ ICE applikabbli, inkluż proċeduri dixxiplinarji, jew kwalunkwe azzjoni oħra kif xieraq biex tiffaċilita l-ammissjoni biex jagħmlu offerta fl-irkantijiet.

2.

ICE għandha tfassal u żżomm fuq il-paġna web tagħha lista komprensiva u aġġornata tal-membri ta’ skambju jew il-klijenti tagħhom li huma eliġibbli biex jiffaċilitaw l-aċċess lill-SMEs u l-emittenti żgħar għall-irkantijiet tar-Renju Unit fuq ICE flimkien ma’ gwida prattika li tiftiehem immedjatament, li tinforma lill-SMEs u l-emittenti żgħar dwar il-passi li jridu jieħdu biex jaċċessaw l-irkantijiet permezz ta’ membri ta’ skambju bħal dawn jew il-klijenti tagħhom.

3.

Fi żmien sitt xhur wara l-bidu tal-irkantijiet jew xahrejn mill-ħatra tas-sorveljatur tal-irkant, skont liema minnhom iseħħ l-iktar tard, ICE għandha tirrapporta lis-sorveljatur tal-irkant, dwar il-kopertura miksuba taħt il-mudell ta’ kooperazzjoni tagħha mal-membri ta’ skambju u l-klijenti tagħhom, inkluż il-livell ta’ kopertura ġeografika miksub u tagħti l-ikbar kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-sorveljatur tal-irkant f’dan ir-rigward sabiex tiżgura t-twettiq tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 35(3)(a) u (b) ta' dan ir-Regolament.

4.

It-tariffi u l-kundizzjonijiet kollha applikati minn ICE u s-sistema ta’ kklerjar tagħha fuq persuni ammessi biex jagħmlu offerta jew offerenti għandhom ikunu ddikjarati b’mod ċar, li jiftiehem faċilment u jkunu pubblikament disponibbli fuq il-paġna web ta’ ICE, li għandha tinżamm aġġornata.

ICE għandha tipprovdi li fejn jiġu applikati miżati u kundizzjonijiet addizzjonali minn membru ta’ skambju jew klijent tiegħu, għall-ammissjoni biex jagħmel offerta, dawn it-tariffi u l-kundizzjonijiet għandhom ukoll ikunu ddikjarati b’mod ċar, jinftiehmu faċilment u jkunu pubblikament disponibbli fuq il-paġni web ta’ dawk li joffru s-servizzi b’referenzi diretti għal dawk il-paġni web disponibbli fuq il-paġna web ta’ ICE.

5.

Bla ħsara għal rimedji legali oħra, ICE għandha tipprovdi għad-disponibbiltà tal-Proċeduri ta’ Riżoluzzjoni ta’ Ilmenti ta’ ICE biex tiddeċiedi dwar ilmenti li jistgħu jirriżultaw f’rabta ma’ deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ ammissjoni biex jagħmlu offerta fl-irkantijiet, dwar ir-rifjut li tingħata ammissjoni biex jagħmlu offerta fl-irkantijiet, dwar ir-revoka jew is-sospensjoni ta’ ammissjonijiet biex jagħmlu offerta fl-irkantijiet diġà mogħtija, kif hemm speċifikat aktar fil-punt 1, meħuda minn membri ta’ skambju ta’ ICE jew il-klijenti tagħhom.

6.

ICE għandha temenda r-regoli ta’ skambju tagħha biex tiżgura konformità sħiħa mal-kundizzjoni u l-obbligi għall-elenkar tagħha li huma stipulati f’dan l-Anness. B’mod partikolari, ir-regoli ta’ skambju ta’ ICE emendati għandhom jistipulaw l-obbligi stipulati fil-punti 1, 2, 4 u 5.

7.

Fi żmien xahrejn mill-10 ta' Novembru 2012, ICE għandha tissottometti l-istrateġija ta’ ħruġ tagħha dettaljata lir-Renju Unit għall-konsultazzjoni tas-sorveljatur tal-irkant. Fi żmien xahrejn minn meta tasal l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant, ICE għandha tirrevedi l-istrateġija ta’ ħruġ tagħha, filwaqt li tqis bl-ikbar reqqa dik l-opinjoni.

8.

Ir-Renju Unit għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sostantiva fl-arranġamenti kuntrattwali ma’ ICE, innotifikati lill-Kummissjoni fit-30 ta’ April, l-4 ta’ Mejju u l-14 ta’ Ġunju 2012 u kkomunikati lill-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima fil-15 ta’ Mejju u fit-3 ta’ Lulju 2012.”


Top