Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0470

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2012 tal- 4 ta’ Ġunju 2012 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-Polidestrożju (E 1200) fil-birra Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 144, 5.6.2012, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/470/oj

5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 470/2012

tal-4 ta’ Ġunju 2012

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-Polidestrożju (E 1200) fil-birra

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi emendata bil-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew permezz ta’ applikazzjoni.

(4)

Tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-Polisdestrożju (E 1200) bħala stabbilizzatur fil-birra, li saret disponibbli għall-Istati Membri.

(5)

Il-birra b’kontenut imnaqqas ta’ kaloriji u b’livell baxx ta’ alkoħol ma tantx hija aċċettati minħabba n-nuqqas ta’ volum u ta’ konsistenza u fil-ħalq Iż-żieda ta’ Polidestrożju (E 1200) tista’ tikkontribwixxi għall-volum u għall-konsistenza fil-ħalq u fl-istess ħin tista’ tipprovdi l-istabbiltà tar-ragħwa meħtieġa. Barra dan, il-Polidestrożju (E 1200) għandu valur kaloriku baxx u ż-żieda tiegħu tagħti kontribut limitat għall-kontenut totali tal-kaloriji tal-birra.

(6)

Il-Polidestrożju (E 1200) jappartjeni lill-grupp ta’ addittivi li għalihom ma ġiex speċifikat it-teħid aċċettabbli tagħhom ta’ kuljum (3). Dan jimplika li ma jirrappreżentax riskju għas-saħħa fil-livelli meħtieġa biex jikseb l-effett teknoloġiku mixtieq. Huwa għalhekk xieraq li l-użu ta’ Polidestrożju (E 1200) jkun permess fil-birra b’kontenut imnaqqas ta’ kaloriji u b’livell baxx ta’ alkoħol.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx responsabbli li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ Polidestrożju (E 1200) fil-birra b’kontenut imnaqqas ta’ kaloriji u b’livell baxx ta’ alkoħol tikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li ma jkunx risponsabbli li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex neċessarju li titfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(8)

Skont id-dispożizzjonijiet transitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi (4) tal-ikel, l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013. Biex jiġi permess l-użu ta’ Polidestrożju (E 1200) fil-birra qabel din id-data, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata data aktar kmieni tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dan l-użu ta’ dak l-addittiv tal-ikel.

(9)

Għalhekk, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Rapport mill-Kummissjoni dwar it-Teħid tal-Addittivi tal-Ikel Dijetetiku fl-Unjoni Ewropea COM(2001) 542 finali.

(4)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja fil-kategorija tal-ikel 14.2.1 “il-birra u x-xarbiet magħmula mix-xgħir” wara l-annotazzjoni għal E 1105:

 

“E 1200

Polidestrożju

quantum satis

 

Birra b’kontenut imnaqqas ta’ kaloriji u b’livell baxx ta’ alkoħol biss

Perjodu ta’ applikazzjoni:

Mill-25 ta' Ġunju 2012”


Top