Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0297

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2012 tat- 2 ta’ April 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 99, 5.4.2012, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/297/oj

    5.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 297/2012

    tat-2 ta’ April 2012

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta’ oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun ipprovdut li, soġġett għall-miżuri fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea relatati mas-sistemi ta’ verifika doppja u mas-sorveljanza minn qabel u retrospettiva ta’ oġġetti tessili waqt l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea, id-detentur ikun jista’ għal perjodu ta’ 60 jum ikompli joqgħod fuq tagħrif tariffarju vinkolanti maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-Nomeklatura Magħquda iżda li mhuwiex skont dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Suġġett għall-miżuri fis-seħħ fl-Unjoni relatati mas-sistemi ta’ verifika doppja u mas-sorveljanza retrospettiva ta’ prodotti tessili waqt l-importazzjoni fl-Unjoni, wieħed jista’ għal perjodu ta’ 60 jum jibqa’ joqgħod fuq tagħrif vinkolanti fuq it-tariffi maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fir-rigward tal-klassifika tal-merkanzija fin-Nomeklatura Magħquda u li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ April 2012.

    Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Oġġett rettangolari b’qies ta’ madwar 60 bi 300 cm, magħmul minn żewġ saffi differenti (saff minn drapp tat-tessut u saff minn karta) mwaħħla flimkien u għandhom ħxuna totali ta’ madwar 0,26 mm.

    Is-saff ta’ drapp tat-tessut jikkonsisti minn fibri sintetiċi (polyester) mhux minsuġa bi ħxuna ta’ madwar 0,18 mm u piż ta’ madwar 48,3 g/m2. Is-saff ta’ karta għandu ħxuna ta’ madwar 0,08 mm u piż ta’ madwar 20,9 g/m2.

    In-naħa viżibbli tas-saff tal-karta għandu disinn ħafif u erba’ kordi tessili tal-qoton (fil-forma ta’ spag) imwaħħla vertikalment għat-tul kollu. Fuq l-istess naħa, insibu zkuk irqaq tal-bambù imqiegħed orizzontalment tul il-wisgħa kollha b’intervalli ta’ madwar 4 cm.

    L-oġġett jista’ jintuża għal diversi skopijiet, pereżempju bħala purtiera fil-forma ta’ pannell, bħala diviżorju ta’ kamra, sabiex jgħatti post mikxuf użat għal ħżin, sabiex jissostitwixxi bieb.

    (purtiera fil-forma ta’ pannell)

    (Ara r-ritratt nru. 657) (*)

    6303 92 10

    Il-Klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 1 għat-Taqsima 63, in-Nota 7(e) għat-Taqsima XI u l-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 6303 , 6303 92  u 6303 92 10 .

    Id-drapp tat-tessut mhux minsuġ jagħti lill-oġġett il-karattru essenzjali, peress li l-preżenza tiegħu hi predominanti fil-kwantità u fil-piż, u minħabba l-funzjoni importanti tiegħu rigward l-użu tal-artikolu (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għar-Regola Ġenerali ta’ Interpretazzjoni 3(b), punt VIII). B’mod aktar speċifiku, mingħajr il-funzjoni ta’ rinfurzar tad-drapp tat-tessut mhux minsuġ, l-użu determinanti ma jkunx possibbli. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt il-Kapitolu 48 bħala oġġett magħmul minn karta hija eskluża.

    Ladarba l-oġġett jikkonsisti minn żewġ materjali differenti mwaħħlin flimkien (il-polyester tad-drapp tat-tessut mhux minsuġ u l-karta), l-oġġett huwa meqjus bħala oġġett magħmul fi ħdan it-tifsira tan-Nota 7(e) għal Taqsima XI.

    Ladarba z-zkuk irqaq tal-bambù huma mwaħħla b’intervalli ta’ madwar 4 cm huma meqjusa bħala li għandhom biss funzjoni ornamentali u ma jikkontribwixxux għal rinfurzar tal-oġġett. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt il-Kapitolu 46 bħala oġġett magħmul mill-bamboo hija eskluża.

    Minħabba d-daqs tiegħu, il-possibilità li jista’ jitqassar għat-tul mixtieq billi sempliċement jiġi maqtugħ, u l-fatt li jista’ jintuża għal diversi skopijiet relatati mal-użu tal-purtieri, l-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi ta’ purtiera jew ta’ ħasira għal ġewwa.

    Għaldaqstant għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi tan-NM 6303 92 10 bħala purtiera jew ħasira għal ġewwa, ta’ fibri sintetiċi.

    Image

    (*)  Ir-ritratt huwa għal skopijiet ta’ tagħrif biss.


    Top