Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0168

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 168/2012 tas- 27 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    ĠU L 54, 28.2.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/168/oj

    28.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 54/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 168/2012

    tas-27 ta’ Frar 2012

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (2).

    (2)

    Fid-dawl tal-kontinwazzjoni tar-ripressjoni brutali u tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Gvern tas-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/122/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK tipprovdi għal miżuri addizzjonali, jiġifieri projbizzjoni fuq il-bejgħ, ix-xiri, it-trasport u s-senserija ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti, miżuri restrittivi kontra l-Bank Ċentrali tas-Sirja, u emendi mal-lista ta’ persuni u entitajiet immirati.

    (3)

    Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (4)

    Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effikaċi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    Żdied l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 11a

    1.   Huma pprojbiti:

    (a)

    il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretta jew indiretta, ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VIII, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lill-Gvern tas-Sirja, lill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tas-Sirja, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew b’ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

    (b)

    ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VIII, kemm jekk l-oġġett ikkonċernat joriġina fis-Sirja kif ukoll jekk le, mill-Gvern tas-Sirja, mill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, mill-Bank Ċentrali tas-Sirja u minn kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew b’ordni minnhom, jew minn kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom; u

    (c)

    l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ assistenza teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatati mal-merċi msemmija fil-punti (a) u (b), lill-Gvern tas-Sirja, lill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tas-Sirja u lil kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew b’ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

    2.   L-Anness VIII għandu jinkludi deheb, metalli prezzjużi u djamanti suġġetti għall-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.”

    (2)

    Iddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 21a

    Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 14 ma għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    (i)

    trasferiment mill-Bank Ċentrali tas-Sirja, jew permezz tiegħu, ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi riċevuti u ffriżati wara d-data tal-inklużjoni tiegħu fil-lista, jew

    (ii)

    trasferiment lill-Bank Ċentrali tas-Sirja, jew permezz tiegħu, ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi fejn it-trasferiment ikun relatat ma’ pagament minn persuna jew entità mhux elenkata fl-Anness II jew IIa dovut b’rabta ma’ kuntratt kummerċjali speċifiku,

    sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti tkun iddeterminat, abbażi ta’ każ b’każ, li l-pagament ma tirċevihx, direttament jew indirettament, kwalunkwe persuna jew entità elenkata fl-Anness II jew IIa; jew

    (b)

    trasferiment magħmul mill-Bank Ċentrali tas-Sirja, jew permezz tiegħu, ta’ fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi sabiex jipprovdi lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri b’likwidità għall-finanzjament tal-kummerċ, sakemm it-trasferiment ikun ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.”.

    Artikolu 2

    Il-persuni jew entità mniżżla fl-Anness I ta’ dan ir-Regolemant għandu jiżdied mal-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

    Artikolu 3

    Il-persuna mniżżla fl-Anness II ta’ dan ir-Regolemant għandu jitħassar mil-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012

    Artikolu 4

    It-test stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament huwa miżjud mar-Regolament (UE) Nru 36/2012 bħala l-Anness VIII.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 319, 2.12.2011, p. 56.

    (2)  ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.

    (3)  Ara l-paġna 14 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS I

    Fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012, jinżiedu l-entrati li ġejjin:

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    Central Bank of Syria (Bank Ċentrali tas-Sirja)

    Sirja, Damasku, Pjazza Sabah Bahrat

    Indirizz postali:

    Pjazza Altjreda al Maghrebeh, Damasku,

    Repubblika Għarbija Sirjana,

    P.O.Box: 2254

    Ipprovda għajnuna finanzjarja lir-regim.

    27.2.2012

    2.

    Al –Halqi, Dr. Wael Nader

    Imwieled fil-Provinċja ta' Daraa, fl-1964

    Ministru tas-Saħħa

    Meta kienu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, l-isptarijiet ġew ordnati biex jirrifjutaw il-kura lil min kien jipprotesta.

    27.2.2012

    3.

    Azzam, Mansour Fadlallah

    Imwieled fil-Provinċja ta' Sweida, fl-1960

    Ministru tal-Affarijiet Presidenzjali

    Konsulent tal-President.

    27.2.2012

    4.

    Sabouni, Dr. Emad Abdul-Ghani

    Imwieled f'Damasku, fl-1964

    Ministru tal-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija.

    Taħt ir-responsabbiltà tiegħu, l-aċċess liberu għall-mezzi tax-xandir qed jixxekkel serjament.

    27.2.2012

    5.

    Allaw, Sufian

    Imwieled f'al-Bukamal, Deir Ezzor, fl-1944

    Ministru taż-Żejt u r-Riżorsi Minerali.

    Responsabbli għall-politiki dwar iż-żejt u r-riżorsi minerali li jipprovdu sors ta' appoġġ finanzjarju lir-reġim.

    27.2.2012

    6.

    Slakho, Dr Adnan

    Imwieled f'Damasku, fl-1955

    Ministru tal-Industrija

    Responsabbli għall-politiki ekonomiċi u industrijali li jipprovdu riżorsi u appoġġ lir-reġim.

    27.2.2012

    7.

    Al-Rashed, Dr. Saleh

    Imwieled fil-Provinċja ta' Aleppo, fl-1964

    Ministru tal-Edukazzjoni.

    Taħt ir-responsabbiltà tiegħu, l-iskejjel qed jintużaw bħala ħabsijiet proviżorji

    27.2.2012

    8.

    Abbas, Dr. Fayssal

    Imwieled fil-Provinċja ta' Hama, fl-1955

    Ministru tat-Trasport.

    Taħt ir-responsabbiltà tiegħu, qed jiġi pprovdut appoġġ loġistiku għar-repressjoni.

    27.2.2012


    ANNESS II

    Fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012, jinżiedu l-entrati li ġejjin:

    52.

    Emad Ghraiwati


    ANNESS III

    “ANNESS VIII

    Lista ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti msemmija fl-Artikolu 11a

    Kodiċi tas-SA

    Isem tal-merkanzija

    7102

    Djamanti, maħdumin jew le, iżda mhux immuntati jew ingastati.

    7106

    Fidda (inkluża fidda miksija bid-deheb jew platinu), mhux maħduma jew f’għamliet semimanifatturati, jew f’għamla ta’ trab.

    7108

    Deheb (inkluż deheb miksi bi platinu), mhux maħdum jew f’għamla semimanifatturata, jew f’għamla ta’ trab.

    7109

    Metalli komuni jew fidda, miksijin bid-deheb, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati.

    7110

    Platinu, f’għamliet mhux maħdumin jew semimanifatturati, jew f’għamla ta’ trab.

    7111

    Metalli komuni, fidda jew deheb, miksijin bil-platinu, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati.

    7112

    Skart u fdal ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż; skart u fdal ieħor li fihom metall prezzjuż jew komposti ta’ metall prezzjuż, ta’ tip użat l-aktar għall-irkupru ta’ metall prezzjuż.”.


    Top