Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0147

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 147/2012 tal- 20 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 65/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali

    ĠU L 48, 21.2.2012, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32014R0640

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/147/oj

    21.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 48/7


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 147/2012

    tal-20 ta’ Frar 2012

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 65/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 51(4), 74(4) u 91 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 (2) fih definizzjonijiet li, skont it-test ta’ dak l-Artikolu, għandhom japplikaw biss għat-Titolu I tal-Parti II ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, it-termini “miżuri relatati maż-żona” u “miżuri relatati mal-annimali” jidhru mar-Regolament kollu. Għalhekk dawk it-termini għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ definizzjonjiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament.

    (2)

    Għal raġunijiet ta’ konsistenza, fl-Artikolu 31(a)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, it-terminu “appoġġ relatat maż-żona” għandu jiġi sostitwit mit-terminu “miżuri relatati maż-żona”.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (3) ġie emendat biex jiġu mtejba u ssimplifikati ċerti regoli ta’ kontroll fir-rigward ta’ pagamenti relatati mal-annimali. Għal raġunijiet ta’ konsistenza mal-kontrolli għall-miżuri relatati mal-annimali skont ir-Regolament (UE) Nru 65/2011, f’dak ir-Regolament għandhom jiġu inklużi regoli korrispondenti.

    (4)

    Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, annimal bovin li jkun tilef tikketta tal-widna waħda jew tnejn għandu jitqies li huwa parti mill-annimali stabbiliti sakemm jiġi identifikat b’mod ċar u individwalment mill-elementi l-oħra tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini. Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini hija stabbilita sew b’mod ġenerali. Għalhekk, fejn annimal bovin wieħed tilef iż-żewġ tikketti tal-widna u l-identità tiegħu tista’ tiġi stabbilita mingħajr ebda dubju, dan l-annimal għandu jiġi inkluż ukoll fl-għadd ta’ annimali stabbiliti u għandu jkun eleġibbli għall-pagament. Madankollu, dan għandu japplika biss jekk il-bidwi ħa miżuri biex jirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma titħabbar il-verifika fuq il-post u, sabiex ikun evitat kull riskju ta’ pagamenti irregolari, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għandha tkun limitata għal annimal wieħed.

    (5)

    Ġiet stabbilita sistema ġdida u mtejba għall-identifikazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (4). Għalhekk, fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 għandha tiġi inkluża dispożizzjoni simili għall-annimali ovini u kaprini ddikjarati għall-pagament.

    (6)

    Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 japplika mutatis mutandis għall-finijiet tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 65/2011. Filwaqt li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, il-benefiċjarji ta’ miżuri relatati ma’ annimali huma meħtieġa li jinfurmaw lill-aworitajiet kompetenti dwar kull tibdil ta’ fejn jinżammu l-annimali matul il-perjodu ta’ żamma, għandu jkun ċar il-fatt li jekk wieħed jonqos milli jagħmel dan ma jfissirx li se jkun hemm penalitajiet sakemm l-annimali kkonċernati jinstabu b’mod immedjat ġewwa l-ażjenda matul il-verifika fuq il-post.

    (7)

    Fir-rigward tar-regoli dwar it-tnaqqis u l-esklużjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 u l-ordni tat-tnaqqis stipulat fl-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament, għandu jkun ċar li l-għoti ta’ kumpens skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 (5) għandu dejjem jitwettaq l-aħħar ħaġa fl-ordni tat-tnaqqis skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 65/2011. L-Artikoli 17 u 22 ta’ dak ir-Regolament għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (8)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 65/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 65/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin:

    ‘(d)

    “Miżuri relatati maż-żona” tfisser miżuri jew sottomiżuri li għalihom l-appoġġ jiġi bbażat fuq id-daqs taż-żona ddikjarata;

    (e)

    “Miżuri relatati mal-annimali” tfisser miżuri jew sottomiżuri li l-appoġġ għalihom huwa bbażat fuq l-għadd ta’ annimali ddikjarati.’

    (2)

    Fl-Artikolu 6(2) għandhom jitħassru l-punti (a) u (b).

    (3)

    L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

    ‘3.   Annimal bovin li jkun tilef tikketta tal-widna waħda jew tnejn għandu jitqies li huwa parti mill-annimali stabbiliti sakemm jiġi identifikat b’mod ċar u individwalment mill-elementi l-oħra tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini. Barra minn hekk, fejn annimal bovin wieħed ta’ ażjenda jitlef żewġ tikketti tal-widna għandu jitqies li huwa parti mill-annimali stabbiliti sakemm dak l-annimal għadu jista’ jiġi identifikat mir-reġistru, il-passaport tal-annimal, id-dejtabejż jew mezzi oħra stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) u sakemm min hu responsabbli miż-żamma tiegħu jista’ jipprovdi evidenza li diġà kien ħa azzjoni sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma tħabbret il-verifika fuq il-post.

    (*)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.’"

    (b)

    Il-paragrafi li ġejjin huma mdaħħla:

    ‘3a.   Annimal ovin jew kaprin li tilef tikketta tal-widna waħda għandu jitqies li huwa parti mill-annimali stabbiliti sakemm dak l-annimal għadu jista’ jiġi identifikat bl-ewwel mezz ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (**) u sakemm ir-rekwiżiti l-oħra kollha tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini jkunu ssodisfati.

    3b.   Meta benefiċjarju jonqos milli jinforma lill-awtoritajiet kompetenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 li l-annimali ttieħdu f’post ieħor matul il-perjodu taż-żamma, l-annimali kkonċernati għandhom jitqiesu li huma parti mill-annimali stabbiliti jekk l-annimali instabu b’mod immedjat fl-ażjenda matul il-verifika fuq il-post.

    (**)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.’"

    (c)

    Fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5, it-tieni sentenza għandha titħassar;

    (d)

    Fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, it-tieni sentenza għandha titħassar;

    (e)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal:

    ‘8.   L-ammont li jirriżulta mill-esklużjonijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 5b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006. Jekk l-ammont ma jistax jiġi kkumpensat kompletament skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji li jsegwu s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ dovut għandu jiġi mħassar.’

    (4)

    Fl-Artikolu 22, is-sitt inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘—

    fl-aħħar, skont l-Artikolu 16(7) u 17(8) ta’ dan ir-Regolament.’

    (5)

    Fl-Artikolu 31(a), il-punt (ii) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    ‘(ii)

    għall-miżuri relatati maż-żona, iż-żona totali maqsuma skont l-iskema ta’ għajnuna individwali;’.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

    (2)  ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8.

    (3)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

    (4)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.

    (5)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 90.


    Top