Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0033

    Direttiva 2012/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Novembru 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu

    ĠU L 327, 27.11.2012, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/06/2016; Impliċitament imħassar minn 32016L0802

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/33/oj

    27.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 327/1


    DIRETTIVA 2012/33/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-21 ta’ Novembru 2012

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-politika ambjentali tal-Unjoni, kif stabbilita fil-programmi ta’ azzjoni dwar l-ambjent u b’mod partikolari s-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li ġie adottat bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), għandha bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-kisba ta’ livelli ta’ kwalità tal-arja li ma joħolqux impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li ma jkunux ta’ riskju għalihom.

    (2)

    L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ livell għoli tal-protezzjoni li tqis id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni.

    (3)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar it-tnaqqis fil-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburantilikwidi (4) tistabbilixxi l-kontenut massimu permess ta’ kubrit ta’ żejt tal-karburant tqil, iż-żejt tal-gass, iż-żejt tal-gass għal użu marittimu u ż-żejt tad-diżil għal użu marittimu użati fl-Unjoni.

    (4)

    L-emissjonijiet mit-trasport marittimu minħabba l-kombustjoni ta’ karburanti għal użu marittimu b’kontenut għoli ta’ kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja fil-forma ta’ diossidu tal-kubrit u materja partikulata, li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent u jikkontribwixxu għad-depożitu aċiduż. Mingħajr il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva, l-emissjonijiet mill-bastimenti f'qasir żmien kienu se jkunu dalwaqt ogħla mill-emissjonijiet mis-sorsi l-oħra kollha bbażati fuq l-art.

    (5)

    It-tniġġis tal-arja kkawżat mill-bastimentii rmiġġjati huwa ta’ tħassib maġġuri għal ħafna bliet li għandhom portijiet fil-kuntest tal-isforzi tagħhom biex jirrispettaw il-valuri ta’ limitu tal-Unjoni għall-kwalità tal-arja.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-elettriku minn sorsi terrestri, billi l-elettriku għall-bastimenti ta’ daż-żmien normalment jiġi pprovdut minn magni awżiljarji.

    (7)

    Taħt id-Direttiva 1999/32/KE, il-Kummissjoni trid tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u tista' tressaq mar-rapport tagħha proposti biex jemendawha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-limiti ta’ kubrit għall-karburanti għal użu marittimu f’Żoni ta’ Kontroll għall-Emissjonijiet tal-SOx (SECAs), f'konformità mal-ħidma tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

    (8)

    Fl-2008, l-IMO adottat riżoluzzjoni sabiex jiġi emendat l-Anness VI tal-Protokoll tal-1997 sabiex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri, tal-1973, kif modifikata mill-Protokoll tal-1978 relatat magħha (MARPOL), li tinkludi regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri. L-Anness VI rivedut tal-MARPOL daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2010.

    (9)

    L-Anness VI rivedut tal-MARPOL jintroduċi, fost l-oħrajn, limiti aktar stretti għall-kubrit tal-karburanti għal użu marittimu fis-SECAs (1,00 % mill-1 ta’ Lulju 2010 u 0,10 % mill-1 ta’ Jannar 2015) kif ukoll fiż-żoni tal-baħar barra s-SECAs (3,50 % mill-1 ta’ Jannar 2012 u, fil-prinċipju, 0,50 % mill-1 ta’ Jannar 2020). Il-maġġoranza tal-Istati Membri huma obbligati, f' konformità mal-impenji internazzjonali tagħhom, jesiġu li l-vapuri jużaw karburant b’kontenut ta’ kubrit ta’ mhux aktar minn 1,00 % fis-SECAs mill-1 ta’ Lulju 2010. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-liġi internazzjonali kif ukoll sabiex jiġi żgurat infurzar korrett tal-istandards il-ġodda għall-kubrit li ġew stabbiliti b’mod globali fl-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE għandhom jiġu allinjati mal-Anness VI rivedut tal-MARPOL. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità minima tal-karburanti użat mill-vapuri għal konformità abbażi tal-karburant jew tat-teknoloġija, ma għandux jitħalla jintuża fl-Unjoni karburant għal użu marittimu li l-kontenut ta’ kubrit tiegħu jaqbeż l-istandard ġenerali ta’ 3,50 %, ħlief għall-karburanti forniti lill-bastimenti li jużaw metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li joperaw b'mod magħluq.

    (10)

    Emendi għall-Anness VI għall-MARPOL rigward is-SECAs huma possibbli skont il-proċeduri tal-IMO. Fil-każ li iktar tibdiliet, inklużi eżenzjonijiet, jiġu introdotti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limiti tas-SECA fl-Anness VI tal-MARPOL, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe tibdil bħal dan u, fejn ikun xieraq, mingħajr dewmien tagħmel il-proposta meħtieġa skont it-TFUE sabiex iġġib id-Direttiva 1999/32/KE f'konformità sħiħa mar-regoli tal-IMO rigward is-SECAs.

    (11)

    L-introduzzjoni ta’ kwalunkwe żona ta’ kontroll tal-emissjonijiet ġdida għandha tkun suġġetta għall-proċess tal-IMO skont l-Anness VI tal-MARPOL u għandha tkun ibbażata fuq każ fundat tajjeb fuq bażi ambjentali u ekonomika u bl-appoġġ ta’ data xjentifika.

    (12)

    Skont ir-regolament 18 tal-Anness VI rivedut tal-MARPOL, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jiżguraw id-disponibilità tal-karburanti marittimi li huma konformi ma’ din id-Direttiva.

    (13)

    Fil-perspettiva tad-dimensjoni globali tal-politiki ambjentali u l-emissjonijiet mill-bastimenti, standards ambizzjużi għall-emissjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fuq il-livell globali.

    (14)

    Il-vapuri tal-passiġġieri joperaw l-aktar fil-portijiet jew qrib żoni kostali u l-impatti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huma sinifikanti. Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja madwar il-portijiet u ż-żoni kostali, dawk il-vapuri huma meħtieġa jużaw karburant għal użu marittimu b'kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 1,50 % sakemm standards aktar stretti japplikaw għall-bastimenti kollha fl-ibħra territorjali, żoni ekonomiċi esklużivi u ż-żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-Istati Membri.

    (15)

    Skont l-Artikolu 193 TFUE, din id-Direttiva m'għandhiex iżżomm lil kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi iktar stretti sabiex jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni bikrija rigward il-kontenut massimu tal-kubrit tal-karburanti marittimi, pereżempju bl-użu metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet barra s-SECAs.

    (16)

    Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal teknoloġiji ġodda tal-magni bil-potenzjal għal tnaqqis ulterjuri sinifikanti tal-emissjonijiet fis-settur marittimu, il-Kummissjoni għandha tesplora iktar opportunitajiet sabiex tippermetti u tinkoraġġixxi l-użu ta’ magni li joperaw bil-gass fil-bastimenti.

    (17)

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 1999/32/KE huwa meħtieġ infurzar xieraq tal-obbligi fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu. L-esperjenza mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE wriet li hemm bżonn ta’ sistema aktar b’saħħitha ta’ monitoraġġ u infurzar sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba ta’ dik id-Direttiva. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw teħid ta’ kampjuni suffiċjentement frekwenti u preċiż tal-karburanti għal użu marittimu li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża abbord il-vapuri kif ukoll verifika regolari tar-reġistri li jinżammu abbord il-vapuri u n-noti ta’ kunsinna tal-bunker. Jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE. Sabiex tkun żgurata trasparenza akbar tal-informazzjoni, huwa xieraq ukoll li jiġi pprovdut li r-reġistru tal-fornituri lokali ta’ karburant għal użu marittimu ikun disponibbli b’mod pubbliku.

    (18)

    Ir-rappurtar mill-Istati Membri skont id-Direttiva 1999/32/KE rriżulta insuffiċjenti għall-iskop ta’ verifika tal-konformità ma’ dik id-Direttiva minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet armonizzati u suffiċjentement preċiżi dwar il-kontenut u l-format tar-rapporti tal-Istati Membri. Għalhekk, huma meħtieġa indikazzjonijiet aktar dettaljati dwar il-kontenut u l-format tar-rapport sabiex ikun żgurat rappurtar iżjed armonizzat.

    (19)

    Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (5), li tirriformula l-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet industrijali, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut massimu ta’ kubrit taż-żejt tal-karburant tqil jiġu emendati skont dan.

    (20)

    Il-konformità mal-limiti baxxi ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu, b’mod partikolari fis-SECAs, tista’ twassal għal żieda sinifikanti fil-prezz ta’ tali karburanti marittimu, tal-anqas fuq perjodu qasir, u jista’ jkollha effett negattiv fuq il-kompetittività tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra meta mqabbel ma’ modi oħra tat-trasport, kif ukoll fuq il-kompetittività tal-industriji fil-pajjiżi ta’ madwar is-SECAs. Huma meħtieġa soluzzjonijiet xierqa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-industriji affettwati, ngħidu aħna li jkunu jistgħu jintużaw metodi alternattivi, iżjed kosteffettivi ta’ konformità mill-konformità fuq il-bażi tal-karburanti u jiġi pprovdut appoġġ, meta jkun meħtieġ. Il-Kummissjoni, abbażi ta’ fost l-oħrajn rapporti mill-Istati Membri, se tissorvelja mill-qrib l-impatti tal-konformità tas-settur tat-trasport marittimu mal-istandards il-ġodda tal-kwalità tal-karburanti, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma’ tranżizzjoni modali possibbli mit-trasport bil-baħar lura għal dak fuq l-art, u, jekk ikun xieraq, se tieħu l-miżuri li suppost biex tikkontrobatti tendenza bħal din.

    (21)

    Huwa importanti li tkun limitata l-qalba modali minn trasport ibbażat fuq il-baħar għal trasport ibbażat fuq l-art meta wieħed iqis li porzjon dejjem ikbar mill-merkanzija li jinġarr bit-triq ikun żvilupp li f'ħafna każi jmur kontra l-objettivi rigward it-tibdil fil-klima tal-Unjoni u jżid il-konġestjoni.

    (22)

    L-ispejjeż tar-rekwiżiti ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit jistgħu jirriżultaw f'qalba modali minn trasport ibbażat fuq il-baħar għal trasport ibbażat fuq l-art u jista' jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-industriji. Il-Kummissjoni għandha tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti bħall-Marco Polo u n-network tat-trasport trans-Ewropew biex tipprovdi għajnuna mmirata biex jitnaqqas ir-riskju tal-qalba modali. L-Istati Membri jistgħu jqisu li hu meħtieġ li jipprovdu appoġġ lill-operaturi affettwati minn din id-Direttiva skont ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (23)

    Skont il-linji gwida eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali, u mingħajr preġudizzju għall-bidliet futuri għalih, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għajnuna mill-Istat favur operaturi affettwati minn din id-Direttiva, inkluża għajnuna għall-operazzjonijiet ta’ twaħħil ta’ tagħmir fil-bastimenti eżistenti wara li jkunu nxtraw, jekk miżuri ta’ għajnuna bħal dawn jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, b'mod partikolari fid-dawl tal-linji gwida applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' tqis li l-użu ta’ ċerti metodi ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet imorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva billi jnaqqsu mhux biss l-emissjonijiet tad-diossidju tal-kubrit iżda wkoll emissjonijiet oħrajn.

    (24)

    Għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. Dawn il-metodi jistgħu jipprovdu tnaqqis fl-emissjonijiet tal-anqas ekwivalenti jew, saħansitra akbar minn dak li jista’ jinkiseb bl-użu ta’ karburanti b’livell baxx ta’ kubrit, bil-kundizzjoni li ma jkollhomx effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent, bħall-ekosistemi tal-baħar, u li jiġu żviluppati suġġett għal mekkaniżmi xierqa ta’ approvazzjoni u kontroll. Il-metodi alternattivi diġà magħrufa, bħall-użu ta’ sistemi abbord għat-tindif tal-gass tal-egżost jew it-taħlita ta’ karburant u gass naturali likwifikat (LNG) jew l-użu tal-bijokarburanti għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Unjoni. Huwa importanti li jiġi promoss l-ittestjar u l-iżvilupp ta’ metodi ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, sabiex, fost raġunijiet oħra, tkun limitata l-qalba modali minn trasport ibbażat fuq il-baħar għal trasport ibbażat fuq l-art.

    (25)

    Il-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għandhom il-potenzjal għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tippromwovi l-ittestjar u l-iżvilupp u ta’ dawn it-tekonoloġiji, inter alia billi tqis it-twaqqif ta’ programm konġunt kofinanzjat mal-industrija ibbażat fuq prinċipji minn progrmmi simili, bħall-Programm Sema Nadifa.

    (26)

    Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u partijiet interessati, għandha tiżviluppa miżuri identifikati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2011 intitolat “Tnaqqis ta’ emissjonijiet inkwinanti mit-trasport marittimu u għodda għal trasport fuq l-ilma sostenibbli”.

    (27)

    Metodi ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet alternattivi bħal ċerti tipi ta’ "scrubbers" jistgħu jiġġeneraw skart li għandu jkun ittrattat kif suppost u m'għandux jintrema fil-baħar. Sakemm issir ir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (6), l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont l-impenji internazzjonali tagħhom, id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati għall-bżonnijiet tal-bastimenti li jużaw sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost. Fir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/59/KE, il-Kummissjoni għandha tqis l-inklużjoni ta’ skart mis-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost skont il-prinċipju ta’ ebda miżata speċjali applikabbli għall-ħlasijiet fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti previst f'dik id-Direttiva.

    (28)

    Il-Kummissjoni għandha, bħala parti mir-rieżami tal-politika tal-kwalità tal-arja li se tagħmel fl-2013, tqis il-possibbiltà li tnaqqas it-tniġġis tal-arja, inkluż fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri.

    (29)

    Penali effettivi, proporzjonati u disważivi huma importanti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE. L-Istati Membri għandhom jinkludu f'dawk il-penali, multi kkalkulati b'tali mod li jiżguraw li l-multi tal-inqas iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-ksur tagħhom u li dawk il-multi jiżdiedu gradwalment għal ksur ripetut. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet dwar il-penali.

    (30)

    Is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-valuri ekwivalenti ta’ emissjonijiet għal u tal-kriterji tal-użu tal-metodi ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet u sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE jiġu adattati għal-progress xjentifiku u tekniku u b'tali mod li tkun żgurata konsistenza stretta mal-istrumenti rilevanti tal-IMO, u l-emenda tal-punti 1, 2, 3, 3a, 3b u 4 tal-Artikolu 2, il-punt (b) tal-Artikolu 6(1a) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/32/KE sabiex jiġu adattati d-dispożizzjonijiet ta’ dik d-Direttiva għal-progress xjentifiku u tekniku. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti ta’ delega, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (31)

    Sabiex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7).

    (32)

    Huwa xieraq li l-Kumitat dwar l-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti li ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (8) jgħin lill-Kummissjoni fl-approvazzjoni tal-metodi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li mhumiex koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu (9).

    (33)

    F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (10), l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom ma’ dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur jikkunsidra li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

    (34)

    Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 1999/32/KE

    Id-Direttiva 1999/32/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1(2), il-punt (h) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “(h)

    mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3a, karburanti użati abbord bastimenti li jużaw metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont l-Artikoli 4c u 4e.”.

    (2)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punti 1 u 2 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “(1)   karburant tqil tfisser :

    kull karburant likwidu ġej miż-żejt, ħlief il-karburant marittimu, li jaqa' taħt il-Kodiċi CN 2710 19 51 sa 2710 19 68, 2710 20 31, 2710 20 35, 2710 20 39, jew

    kull karburant likwidu ġej miż-żejt, minbarra l-gasoil kif definit fil-punti 2 u 3, li, minħabba l-limiti ta’ distillazzjoni tiegħu, jaqa' taħt il-kategorija ta’ żjut tqal maħsuba għall-użu bħala karburanti u li minnu anqas minn 65 % bil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla f'250 °C bil-metodu ASTM D86. Jekk id-distillazzjoni ma tistax tiġi stabbilità bil-metodu ASTM D86, il-prodott taż-żejt ikun bl-istess mod kategorizzat bħala żejt karburant tqil;

    (2)   gażojl tfisser :

    kull karburant likwidu ġej miż-żejt, ħlief il-karburant marittimu, li jaqa' taħt il-Kodiċi CN 2710 19 25, 2710 19 29, 2710 19 47, 2710 19 48, 2710 20 17 jew 2710 20 19, jew

    kull karburant likwidu ġej miż-żejt, ħlief il-karburant marittimu, li minnu inqas minn 65 % bil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla f'250 °C u li tal-inqas minnu 85 % bil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla fi 350 °C bil-metodu ASTM D86.

    Karburanti tad-diżil, kif definiti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (*) huma esklużi minn din id-definizzjoni. Karburanti użati f'makkinarju mobbli mhux tat-toroq u tratturi għall-agrikoltura huma wkoll esklużi minn din id-definizzjoni;

    (*)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.”;"

    (b)

    il-punti 3a u 3b għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “(3a)

    żejt tad-diżil għal użu marittimu tfisser kwalunkwe karburant marittimu kif iddefinit għall-grad DMB fit-Tabella I tal-ISO 8217 bl-eċċezzjoni tar-referenza għall-kontenut ta’ kubrit;

    (3b)

    żejt tal-gass għal użu marittimu tfisser kwalunkwe karburanti għal użu marittimu kif iddefinit għall-gradi DMX, DMA u DMZ fit-Tabella I tal-ISO 8217 bl-eċċezzjoni tar-referenza għall-kontenut ta’ kubrit;”;

    (c)

    il-punt 3m għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “(3m)

    metodu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tfisser kwalunkwe attrezzatura, materjal, apparat jew strument li għandhom jitwaħħlu fuq vapur jew proċedura oħra, karburanti alternattiv, jew metodu ta’ konformità, użat bħala alternattiva għal karburanti għal użu marittimu b’livell baxx ta’ kubrit li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva, u li jista’ jiġi vverifikat, ikkwantifikat u infurzat;”;

    (3)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1 u 2 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx żjut tal-karburanti tqal fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta’ kubrit tagħhom jaqbeż 1 % skont il-massa.

    2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2015, suġġett għal monitoraġġ xieraq tal-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal żjut tal-karburant tqal użati:

    (a)

    f’impjanti ta’ kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (**), li huma suġġetti għall-Artikolu 4(1) jew (2) jew l-Artikolu 4(3)(a) ta’ dik id-Direttiva u li huma konformi mal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit għal tali impjanti kif stipulat f’dik id-Direttiva;

    (b)

    f’impjanti ta’ kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE, li huma suġġetti għall-Artikolu 4(3)(b) u l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Direttiva u li l-emissjonijiet medji tagħhom ta’ diossidu tal-kubrit fix-xahar ma jaqbżux 1 700 mg/Nm3 f’kontenut ta’ ossiġenu fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija ta’ 3 % skont il-volum fi stat niexef;

    (c)

    f’impjanti ta’ kombustjoni li ma jaqgħux taħt il-punti (a) jew (b), u li l-emissjonijiet medji tagħhom ta’ diossidu tal-kubrit fix-xahar ma jaqbżux 1 700 mg/Nm3 f’kontenut ta’ ossiġenu fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija ta’ 3 % skont il-volum fi stat niexef;

    (d)

    għal kombustjoni f'raffineriji, fejn il-medja fix-xahar ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit mifruxa fuq l-impjanti ta’ kombustjoni kollha fir-raffinerija, irrispettivament mit-tip ta’ karburanti jew taħlita ta’ karburanti li tintuża, iżda li ma tinkludix impjanti li jaqgħu taħt il-punti (a) u (b), turbini tal-gass u magni li jaħdmu bil-gass, ma taqbiżx 1 700 mg/Nm3 f’kontenut ta’ ossiġenu fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija ta’ 3 % skont il-volum fi stat niexef.

    3.   Mill-1 ta’ Jannar 2016, suġġett għal monitoraġġ xieraq tal-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal żjut tal-karburant tqal użati:

    (a)

    f’impjanti ta’ kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***), u li huma konformi mal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit għal tali impjanti kif stipulat fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva jew, fejn dawk il-valuri tal-limitu ta’ emissjonijiet ma jkunux applikabbli skont dik id-Direttiva, li l-emissjonijiet medji tagħhom ta’ diossidu tal-kubrit fix-xahar ma jaqbżux 1 700 mg/Nm3 f’kontenut ta’ ossiġenu fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija ta’ 3 % skont il-volum fi stat niexef;

    (b)

    f’impjanti ta’ kombustjoni li ma jaqgħux taħt il-punt (a), u li l-emissjonijiet medji tagħhom ta’ diossidu tal-kubrit fix-xahar ma jaqbżux 1 700 mg/Nm3 f’kontenut ta’ ossiġenu fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija ta’ 3 % skont il-volum fi stat niexef;

    (c)

    għal kombustjoni f'raffineriji, fejn il-medja fix-xahar ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit mifruxa fuq l-impjanti ta’ kombustjoni kollha fir-raffinerija, irrispettivament mit-tip ta’ karburanti jew taħlita ta’ karburanti li tintuża, iżda li ma tinkludix impjanti li jaqgħu taħt il-punt (a), turbini tal-gass u magni li jaħdmu bil-gass, ma taqbiżx 1 700 mg/Nm3 f’kontenut ta’ ossiġenu fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija ta’ 3 % skont il-volum fi stat niexef.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ebda impjant ta’ kombustjoni li juża żejt tal-karburant tqil b’konċentrazzjoni ta’ kubrit ogħla minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 ma jitħaddem mingħajr permess maħruġ minn awtorità kompetenti, li tispeċifika l-limiti tal-emissjonijiet.

    (**)  ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1."

    (***)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.”;"

    (b)

    il-paragrafu 3 jitħassar.

    (4)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 3a

    Kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx karburanti għal użu marittimu fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta’ kubrit tagħhom jaqbeż 3,50 % skont il-massa, ħlief għall-karburanti fornuti lill-bastimenti li qed jużaw il-metodi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet suġġetti għall-Artikolu 4c li joperaw b'mod magħluq.”;

    (5)

    Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx żjut tal-gass fit-territorji tagħhom jekk il-kontenut ta’ kubrit tagħhom jaqbeż 0,10 % skont il-massa.”;

    (6)

    L-Artikolu 4a jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Il-kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu użati f’ibħra territorjali, żoni ekonomiċi esklużivi u żoni ta’ kontroll tat-tniġġis tal-Istati Membri, inklużi Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-SOx u minn vapuri tal-passiġġieri li joperaw servizzi regolari lejn u minn portijiet tal-Unjoni”;

    (b)

    il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li ma jintużawx karburanti għal użu marittimu fiż-żoni tal-ibħra territorjali tagħhom, żoni ekonomiċi esklużivi u żoni ta’ kontroll tat-tniġġis li jaqgħu fi ħdan Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-SOx jekk il-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk il-karburanti skont il-massa jaqbeż:

    (a)

    1,00 % sal-31 ta’ Diċembru 2014;

    (b)

    0,10 % mill-1 ta’ Jannar 2015.

    Dan il-paragrafu għandu japplika għall-bastimenti tal-bnadar kollha, inklużi bastimenti li l-vjaġġ tagħhom ikun beda barra l-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis kif dovut kwalunkwe bidla futura fir-rekwiżiti skont l-Anness VI tal-MARPOL applikabbli ġewwa ż-Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-SOx, u, fejn ikun xieraq, u mingħajr dewmien żejjed tagħmel kull proposta rilevanti bil-ħsieb li temenda din id-Direttiva konsegwentement.”;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li ma jintużawx karburanti għal użu marittimu fiż-żoni tal-ibħra territorjali tagħhom, żoni ekonomiċi esklużivi u żoni ta’ kontroll tat-tniġġis jekk il-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk il-karburanti skont il-massa jaqbeż:

    (a)

    3,50 % mit-18 ta’ Ġunju 2014;

    (b)

    0,50 % mill-1 ta’ Jannar 2020.

    Dan il-paragrafu għandu japplika għall-bastimenti kollha tal-bnadar kollha, inklużi l-bastimenti li l-vjaġġ tagħhom ikun beda barra mill-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 4b.”;

    (d)

    il-paragrafi 4, 5, 6 u 7 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li ma jintużawx karburanti għal użu marittimu fl-ibħra territorjali tagħhom, żoni ekonomiċi esklużivi u żoni ta’ kontroll tat-tniġġis li jinsabu barra Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-SOx minn vapuri tal-passiġġieri li joperaw servizzi regolari lejn jew minn kwalunkwe port tal-Unjoni jekk il-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk il-karburanti jaqbeż 1,50 % skont il-massa sal-1 ta’ Jannar 2020.

    L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar ta’ dan ir-rekwiżit tal-inqas fir-rigward ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u tal-bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li qiegħdin fil-portijiet tagħhom.

    5.   L-Istati Membri għandhom jesiġu l-mili korrett tar-reġistri li jinżammu abbord il-vapuri, fosthom l-operazzjonijiet ta’ bdil tal-karburanti.

    5a.   L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiżguraw id-disponibilità tal-karburanti marittimi li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-disponibilità ta’ tali karburanti għal użu marittimu fil-portijiet u t-terminali tagħhom.

    5b.   Jekk bastiment jinstab minn Stat Membru li mhux konformi mal-istandards għall-karburant għal użu marittimu li huma f'konformità ma din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru hija intitolata tirrikjedi lill-bastiment li:

    (a)

    jippreżenta reġistru tal-azzjonijiet meħuda biex jipprova jiżgura li jkun konformi; u

    (b)

    jipprovdi evidenza li huwa pprova jixtri karburant għal użu marittimu li huwa f'konformità ma din id-Direttiva skont il-pjan tal-vjaġġ tiegħu u, jekk dan ma kienx għad-dispożizzjoni fejn kien ippjanat, li saru tentattivi biex jinstabu għejun alternattivi għal tali karburant għal użu marittimu u li, minkejja l-ikbar sforzi għall-kisba tal-karburant għal użu marittimu li huwa f'konformità ma din id-Direttiva, ma kien disponibbli għax-xiri l-ebda karburant għal użu marittimu bħal dan.

    Il-vapur m'għandux ikun meħtieġ li jiddevja mill-vjaġġ intenzjonat tiegħu jew li jittardja l-vjaġġ bla bżonn sabiex ikun f'konformità.

    Jekk vapur jipprovdi t-tagħrif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha u l-evidenza ppreżentata bil-għan li jiddeterminaw l-azzjoni xierqa li għandhom jieħdu, inkluż li ma jeħdux miżuri ta’ kontroll.

    Vapur għandu jinnotifika lill-Istat tal-bandiera tiegħu u lill-awtorità kompetenti tal-port ta’ destinazzjoni rilevanti meta ma jkunx jista’ jixtri karburant għal użu marittimu li huwa f'konformità ma din id-Direttiva.

    L-Istat tal-Port għandu jinnotifika lill-Kummissjoni meta vapur ikun ippreżenta evidenza ta’ nuqqas ta’ disponibilità ta’ karburanti għal użu marittimu li huma f'konformità ma din id-Direttiva.

    6.   L-Istati Membri għandhom, skont ir-regolament 18 tal-Anness VI tal-MARPOL:

    (a)

    iżommu reġistru pubblikament disponibbli tal-fornituri lokali ta’ karburanti għal użu marittimu;

    (b)

    jiżguraw li l-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu kollha mibjugħa fit-territorju tagħhom jiġi ddokumentat mill-fornitur fuq nota ta’ kunsinna tal-bunker, akkumpanjata minn kampjun issiġillat u ffirmat mir-rappreżentant tal-vapur li jirċievi l-karburanti;

    (c)

    jieħdu azzjoni kontra fornituri ta’ karburanti għal użu marittimu li jkunu nstabu li kkonsenjaw karburant li ma jaqbilx mal-ispeċifikazzjoni indikata fuq in-nota ta’ kunsinna tal-bunker;

    (d)

    jiżguraw li tittieħed azzjoni ta’ rimedju sabiex kwalunkwe karburant għal użu marittimu li jkun instab li mhux konformi jinġieb f’konformità.

    7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żjut tad-diżil għal użu marittimu ma jitpoġġewx fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk iż-żjut tad-diżil għal użu marittimu jaqbeż 1,50 % skont il-massa.”;

    (e)

    il-paragrafu 8 għandu jitħassar;

    (7)

    L-Artikoli 4b u 4c għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “Artikolu 4b

    Kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu użati minn vapuri rmiġġjati f’portijiet tal-Unjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li vapuri rmiġġjati f’portijiet tal-Unjoni ma jużawx karburanti għal użu marittimu b'kontenut ta’ kubrit li jaqbeż 0,10 % bil-massa, filwaqt li jitħalla ħin suffiċjenti għall-ekwipaġġ sabiex ilesti kwalunkwe operazzjoni neċessarja ta’ bdil tal-karburant kemm jista’ jkun malajr wara l-irmiġġ u kemm jista’ jkun tard qabel it-tluq.

    L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-ħin ta’ kwalunkwe operazzjoni ta’ bdil tal-karburant jiġi rreġistrat fir-reġistru li jinżamm abbord il-vapuri.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

    (a)

    kull meta, skont l-iskedi ppubblikati, il-vapuri jkunu ser jibqgħu rmiġġjati għal inqas minn sagħtejn;

    (b)

    għal vapuri li jitfu l-magni kollha u jużaw netwerk tal-elettriku terrestri waqt li jkunu rmiġġjati fil-portijiet.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jitpoġġewx żjut tal-gass għal użu marittimu fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk iż-żjut għal użu marittimu jaqbeż 0,10 % skont il-massa.

    Artikolu 4c

    Metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet

    1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu ta’ metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet minn vapuri tal-bnadar kollha fil-portijiet, l-ibħra territorjali, iż-żoni ekonomiċi esklużivi u ż-żoni ta’ kontroll tat-tniġġis tagħhom, bħala alternattiva għall-użu ta’ karburanti għal użu marittimu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4a u 4b, suġġett għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Il-vapuri li jużaw il-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom kontinwament jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit li jkun mill-anqas ekwivalenti għat-tnaqqis li jinkiseb bl-użu ta’ karburanti għal użu marittimu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4a u 4b. Il-valuri ta’ emissjonijiet ekwivalenti għandhom ikunu ddeterminati skont l-Anness I.

    2a.   L-Istati Membri għandhom, bħala soluzzjoni alternattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jinkoraġġixxu l-użu ta’ sistemi terrestri tal-provvista tal-enerġija lill-bastimenti rmiġġati.

    3.   Il-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konformi mal-kriterji speċifikati fl-istrumenti msemmija fl-Anness II.

    4.   Meta jkun iġġustifikat fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku rigward metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet alternattivi u b'tali mod li jiżgura konsistenza stretta mal-istrumenti u l-istandards rilevanti adottati mill-IMO, il-Kummissjoni għandha:

    (a)

    tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ delega skont l-Artikolu 9a li jemendaw l-Annessi I u II;

    (b)

    tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw rekwiżiti dettaljati għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet, fejn xieraq. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).”.

    (8)

    Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 4d

    Approvazzjoni ta’ metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għall-użu fuq vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru

    1.   Il-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (****) għandhom jiġu approvati skont dik id-Direttiva.

    2.   Il-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu approvati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru tal-2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (*****), billi jiġu kkunsidrati:

    (a)

    il-linji gwida żviluppati mill-IMO;

    (b)

    ir-riżultati ta’ kwalunkwe prova mwettqa skont l-Artikolu 4e;

    (c)

    l-effetti fuq l-ambjent, inkluż it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jista’ jinkiseb, u l-impatti fuq ekosistemi f’portijiet u estwarji magħluqa; kif ukoll

    (d)

    il-fattibbiltà tal-monitoraġġ u l-verifika.

    Artikolu 4e

    Provi ta’ metodi ġodda ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet

    L-Istati Membri jistgħu, b’kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra, kif ikun xieraq, japprovaw il-provi ta’ metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-vapuri, fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, jew f’żoni tal-baħar li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Matul dawk il-provi, ma għandux ikun obbligatorju l-użu ta’ karburanti għal użu marittimu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4a u 4b, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat portwali kkonċernat jiġu nnotifikati bil-miktub mill-anqas sitt xhur qabel jibdew il-provi;

    (b)

    il-permessi għall-provi ma jkunux għal iżjed minn 18-il xahar;

    (c)

    il-vapuri kollha involuti jinstallaw tagħmir li ma jistax jitbagħbas għall-monitoraġġ kontinwu tal-emissjonijiet ta’ gass miċ-ċumnija u jużawh matul il-perjodu kollu tal-prova;

    (d)

    il-vapuri kollha involuti jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun tal-anqas ekwivalenti għal dak li kieku jintlaħaq bil-limiti fuq il-kubrit għall-karburanti speċifikati f’din id-Direttiva;

    (e)

    matul il-perjodu kollu tal-prova jkun hemm implimentati sistemi tajbin għall-immaniġġjar tal-iskart għal kwalunkwe skart iġġenerat mill-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet;

    (f)

    matul il-perjodu kollu tal-prova ssir stima tal-impatti fuq l-ambjent tal-baħar, b’mod partikolari fuq ekosistemi f’portijiet u estwarji magħluqa; u

    (g)

    ir-riżultati sħaħ jiġu pprovduti lill-Kummissjoni, u jsiru pubblikament disponibbli fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-provi.

    Artikolu 4f

    Miżuri finanzjarji

    L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri finanzjarji favur l-operaturi affetwati minn din id-Direttiva fejn tali miżuri finanzjarji jkunu skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat applikabbli u li għandhom jiġu adottati f'dan il-qasam.

    (****)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25."

    (*****)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.”."

    (9)

    L-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Teħid tal-kampjuni u analiżi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiċċekkjaw permezz ta’ teħid tal-kampjuni li l-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti użati huwa konformi mal-Artikoli 3, 3a, 4, 4a u 4b. It-teħid tal-kampjuni għandu jibda fid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-limitu rilevanti għall-kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburant. Dan għandu jsir perjodikament u b’mod li l-kampjuni u l-kwantitajiet ikunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat, u fil-każ ta’ karburant għal użu marittimu, tal-karburant li jkun qiegħed jintuża mill-bastimenti waqt li jkunu f’żoni tal-baħar jew f’portijiet rilevanti. Il-kampjuni għandhom jiġu analizzati mingħajr dewmien żejjed.

    1a.   Għandu jintuża kull wieħed mill-mezzi li ġejjin ta’ teħid tal-kampjuni, analiżi u spezzjoni ta’ karburant għal użu marittimu:

    (a)

    l-ispezzjoni tar-reġistri li jinżammu abbord il-vapuri u n-noti ta’ kunsinna tal-bunker;

    u, kif ikun xieraq, il-mezzi li ġejjin ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi:

    (b)

    it-teħid ta’ kampjuni tal-karburant għal użu marittimu għal kombustjoni abbord waqt li jkun qed jiġi kkonsenjat lill-vapuri, skont il-Linji gwida għat-teħid ta’ kampjuni ta’ żejt tal-karburant sabiex tiġi ddeterminata l-konformità tiegħu mal-Anness VI rivedut tal-MARPOL adottat fis-17 ta’ Lulju 2009 bir-Riżoluzzjonii 182(59) tal-Kumitat għal-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu (MEPC) tal-IMO,u analiżi tal-kontenut ta’ kubrit tiegħu; jew

    (c)

    it-teħid ta’ kampjuni u analiżi tal-kontenut ta’ kubrit ta’ karburant għal użu marittimu għal kombustjoni abbord li jkun jinsab f’tankijiet fejn ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, u f’kampjuni tal-bunker issiġillati abbord il-vapuri;

    1b.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’:

    (a)

    il-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni;

    (b)

    il-metodi ta’ teħid tal-kampjuni;

    (c)

    id-definizzjoni ta’ kampjun rappreżentattiv tal-karburanti eżaminat.

    Dawn l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).

    2.   Il-metodu ta’ referenza adottat sabiex jiġi stabbilit il-kontenut ta’ kubrit għandu jkun il-metodu ISO 8754 (2003) jew PrEN ISO 14596 (2007).

    Sabiex jiġi stabbilit jekk il-karburant għal użu marittimu ikkonsenjat lill-vapuri u użat abbord dawn il-vapuri huwiex konformi mal-limiti ta’ kubrit meħtieġa skont l-Artikoli 3a, 4, 4a u 4b għandha tintuża l-proċedura ta’ verifika tal-karburant stipulata fl-Appendiċi VI tal-Anness VI tal-MARPOL.”.

    (10)

    L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Fuq il-bażi tar-riżultati tat-teħid ta’ kampjuni, analiżi u spezzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar il-konformità mal-istandards tal-kubrit stipulati f’din id-Direttiva għas-sena preċedenti.

    Fuq il-bażi tar-rapporti rċevuti skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u n-notifiki rigward in-nuqqas ta’ disponibilità tal-karburant għal użu marittimu li jikkonforma ma’ din id-Direttiva sottomessi mill-Istati Membri skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4a(5b), il-Kummissjoni għandha, fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-ewwel subparagrafu ta'dan il-paragrafu, tagħmel u tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa għat-tisħiħ ulterjuri tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva u tagħmel kwalunkwe proposta leġislattiva xierqa għal dak il-għan.”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport u l-format tar-rapport. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).”;

    (c)

    il-paragrafi 2 u 3 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti leġislattivi. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra fir-rapport tagħha l-potenzjal għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja filwaqt li tqis, inter alia: rapporti annwali sottomessi skont il-paragrafu 1 u 1a; il-kwalità tal-arja u l-aċidifikazzjoni osservati; l-ispejjeż għall-karburant; l-impatt eknomiku potenzjali u qalba modali osservata; u l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-bastimenti.

    3.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u partijiet interessati, sal-31 ta’ Diċembru 2012, għandha tiżviluppa miżuri xierqa, inklużi dawk identifikati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2011 intitolat 'Tnaqqis ta’ emissjonijiet inkwinanti mit-trasport marittimu u għodda għal trasport fuq l-ilma sostenibbli', li jippromwovu l-konformità mal-istandards ambjentali ta’ din id-Direttiva, u jimminimizzaw l-impatti negattivi possibbli.”;

    (d)

    il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta’ delega skont l-Artikolu 9a fir-rigward tal-adattamenti tal-Artikolu 2, il-punti 1, 2, 3, 3a, 3b u 4, il-punt (b) tal-Artikolu 6(1a) u l-Artikolu 6(2) għall-progress xjentifiku u tekniku. Tali adattamenti ma għandhomx jirriżultaw f’bidliet diretti għall-ambitu ta’ din id-Direttiva jew fil-limiti fuq il-kubrit għall-karburanti speċifikat f’din id-Direttiva.”;

    (11)

    L-Artikolu 8 għandu jitħassar;

    (12)

    L-Artikolu 9 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (******).

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Meta l-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz tal-att implimentattiv u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (******)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.”;"

    (13)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 9a

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa li tadotta atti ta’ delega hija kkonferita lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 4c(4) u fl-Artikolu 7(4) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Diċembru 2012 Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta’ tul ta’ żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4c(4) u l-Artikolu 7(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att ta’ delega li diġà jkun fis-seħħ.

    4.   Malli tadotta att ta’ delega, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan.

    5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 4c(4) u l-Artikolu 7(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

    (14)

    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Penali

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali li japplikaw għall-ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.

    2.   Il-penali ddeterminati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u disważivi u jistgħu jinkludu multi kkalkulati b'tali mod li jiżguraw li l-multi tal-inqas iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-ksur tagħhom u li dawk il-multi jiżdiedu gradwalment għal ksur ripetut."

    (15)

    L-Anness għad-Direttiva 1999/32/KE għandu jinbidel bl-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ Ġunju 2014 Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 70.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2012

    (3)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13.

    (5)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

    (6)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.

    (7)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    (8)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.

    (9)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25.

    (10)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    ANNESS

    ANNESS I

    VALURI EKWIVALENTI TA’ EMISSJONIJIET GĦALL-METODI TA’ TNAQQIS TA’ EMISSJONIJIET KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 4c(2)

    Limiti ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu imsemmija fl-Artikoli 4a u 4b u r-regolamenti 14.1 u 14.4 tal-Anness VI tal-MARPOL u l-valuri ta’ emissjonijiet korrispondenti msemmija fl-Artikolu 4c(2):

    Kontenut ta’ Kubrit ta’ karburanti għal użu marittimu (% m/m)

    Proporzjon ta’ Emissjonijiet ta’ SO2(ppm)/CO2(% v/v)

    3,50

    151,7

    1,50

    65,0

    1,00

    43,3

    0,50

    21,7

    0,10

    4,3

    Nota:

    L-użu tal-limiti tal-Proporzjon ta’ Emissjonijiet japplika biss meta jintuża Distillat ibbażat fuq il-petroleum jew Żjut tal-Karburant Residwi.

    F'każijiet iġġustifikati fejn il-konċentrazzjoni ta’ CO2 titnaqqas mill-unità tat-tindif tal-gass tal-egżost (EGC), il-konċentrazzjoni ta’ CO2 tista' titkejjel fid-daħla għall-unità tal-EGC, sakemm il-korrettezza ta’ metodoloġija bħal din tista' tintwera biċ-ċar.

    ANNESS II

    KRITERJI GĦALL-UŻU TAL-METODI TAT-TNAQQIS TAL-EMISSJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4c(3)

    Il-metodi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4c għandhom tal-anqas jikkonformaw mal-kriterji speċifikati fl-istrumenti li ġejjin, kif applikabbli:

    Metodu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

    Kriterji għall-użu

    Taħlita ta’ karburanti għal użu marittimu u gass li jevapora (boil-off gas)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/769/UE tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar l-iffissar ta’ kriterji għall-użu ta’ metodi teknoloġiċi minn trasportaturi tal-gass naturali likwifikat bħala alternattiva għall-użu ta’ karburantigħal użu marittimu b’kontenut ta’ kubrit baxx li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4b tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti] likwidi kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontenut ta’ kubrit f’karburanti għal użu marittimu (1).

    Sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost

    Riżoluzzjoni MEPC.184(59) adottata fis-17 ta’ Lulju 2009

    ‘L-ilma tal-ħasil li jirriżulta mis-sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost li jagħmlu użu mill-kimiċi, additivi, preparazzjonijiet u kimika rilevanti maħluqa in situ’, imsemmija fil-punt 10.1.6.1 tar-Riżoluzzjoni MEPC.184(59), ma għandhomx jintremew fil-baħar inkluż f'portijiet magħluqa, portijiet, u estwarji, sakemm ma jkunx ippruvat mill-operatur tal-bastiment li tali rimi ta’ ilma tal-ħasil ma joħloqx impatti negattivi fuq u riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Jekk il-kimika użata hija soda kawstika huwa biżżejjed li l-ilma tal-ħasil jissodisfa l-kriterji stipulati fir-Riżoluzzjoni MEPC.184 (59) u li l-pH tagħha ma jaqbiżx 8,0.

    Bijokarburanti:

    L-użu tal-bijokarburanti kif definiti fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (2) li jikkonformaw mal-istandards CEN u ISO rilevanti.

    It-taħlitiet ta’ bijokarburanti u karburanti għal użu marittimu għandhom jikkonformaw mal-istandards tal-kubrit stipulati fl-Artikolu 3a, l-Artikolu 4a(1), (1a) u (4) u l-Artikolu 4b ta’ din id-Direttiva.


    (1)  ĠU L 328, 14.12.2010, p. 15.

    (2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.


    Top