EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0022

Direttiva tal-Kummissjoni 2012/22/UE tat- 22 ta’ Awwissu 2012 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-Karbonat tad-DDA jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 227, 23.8.2012, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Impliċitament imħassar minn 32012R0528

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/22/oj

23.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/7


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/22/UE

tat-22 ta’ Awwissu 2012

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-Karbonat tad-DDA jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Jannar 2007, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Lonza, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE, biex is-sustanza attiva Karbonat tad-DDA tiddaħħal fl-Anness I għall-użu fi prodotti tat-tip 8, preservattivi tal-injam, kif iddefinit fl-Anness V għad-Direttiva 98/8/KE. Il-Karbonat tad-DDA ma kienx fis-suq fid-data msemmija fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 98/8/KE bħala sustanza attiva ta’ prodott bijoċidali.

(2)

Wara li wettaq evalwazzjoni, fil-11 ta’ Novembru 2010, ir-Renju Unit ressaq ir-rapport tiegħu flimkien ma’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni.

(3)

Ir-rapport ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-2 ta’ Marzu 2012, u s-sejbiet tal-analiżi ġew inkorporati fir-rapport ta’ valutazzjoni.

(4)

Skont l-evalwazzjonijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala preservattivi tal-injam u li fihom il-Karbonat tad-DDA jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk huwa xieraq li l-Karbonat tad-DDA jiġi inkluż għal użu fil-prodotti tat-tip 8 fl-Anness I għad-Direttiva.

(5)

Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell tal-Unjoni. Pereżempju, l-użu minn utenti mhux professjonali ma ġiex ivvalutat. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jivvalutaw dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u l-kompartimenti ambjentali li għadhom ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.

(6)

Fid-dawl tar-riskji identifikati għas-saħħa tal-bniedem, għall-utenti industrijali huwa xieraq li jkun mitlub li jkunu stabbiliti proċeduri operazzjonali sikuri, u li l-prodotti jintużaw b’tagħmir personali protettiv xieraq sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jkunx jista’ jintwera li r-riskji jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli permezz ta’ mezzi oħra.

(7)

minħabba r-riskji identifikati għall-kompartimenti akkwatiċi u terrestri, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-applikazzjoni industrijali titwettaq f’żona iżolata jew fuq bażi iebsa impermeabbli b’sistema ta’ iżolament, li hekk kif l-injam jiġi ttrattat jinħażen taħt għata u/jew fuq bażi iebsa impermeabbli, u li kwalunkwe rilaxx mill-applikazzjoni ta’ prodotti użati bħala preservattivi tal-injam u li fihom il-Karbonat tad-DDA jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.

(8)

Ġew identifikati riskji mhux aċċettabbli għall-ambjent għal sitwazzjonijiet meta njam ittrattat permezz ta’ immersjoni fil-Karbonat tad-DDA jkun espost kontinwament għall-elementi jew ikun suġġett għal tixrib frekwenti (użu tal-klassi 3 kif iddefinit mill-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (Organisation for Economic Co-operation and Development — OECD) (2)), u meta njam ittrattat bil-Karbonat tad-DDA jintuża għall-kostruzzjoni fuq barra qrib jew fuq l-ilma (ix-xenarju ta’ ‘pont’ fl-użu tal-klassi 3, kif iddefinit mill-OECD (3)) jew kien f’kuntatt ma’ ilma ħelu (użu tal-klassi 4b kif iddefinit mill-OECD (4)). Għalhekk, huwa xieraq li jintalab li l-prodotti ma jiġux awtorizzati għat-trattament tal-injam maħsub għal dawk l-użi, sakemm ma tkunx ġiet ippreżentata dejta li turi li l-prodott se jissodisfa kemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE kif ukoll tal-Anness VI għaliha, jekk meħtieġ bl-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

(9)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu applikati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 8 li fihom is-sustanza attiva Karbonat tad-DDA, u wkoll biex jiġi ffaċilitat l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali b’mod ġenerali.

(10)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

(11)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2013.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Frar 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  Serje ta’ dokumenti tal-OECD dwar ix-xenarju tal-emissjonijiet, Numru 2, id-Dokument dwar ix-Xenarju tal-Emissjonijiet għall-Preservattivi tal-Injam, il-parti 2, p. 64.

(3)  Ibid.

(4)  Ibid.


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip ta’ prodotti

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*)

“58

Karbonat tad-DDA

Massa ta’ reazzjoni ta’ Karbonat tal-N,N-Dideċil-N,N-dimetilammonju, u Bikarbonat tal-N,N-Dideċil-N,N-dimetilammonju

Nru tal-KE: 451-900-9

Nru tal-CAS: 894406-76-9

Piż niexef: 740 gm/kg

fl-1 ta’ Frar 2013.

Mhux applikabbli

fil-31 ta’ Jannar 2023.

8

Il-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni ma kinetx tindirizza l-użi potenzjali kollha; ċerti użi, bħall-użu minn utenti mhux professjonali, ġew esklużi. Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Għall-utenti industrijali għandhom jiġu stabbiliti proċeduri operazzjonali sikuri, u l-prodotti għandhom jintużaw flimkien ma’ tagħmir personali protettiv xieraq, sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jistax jintwera li r-riskji jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli b’mezzi oħra;

(2)

it-tikketti, u fejn ipprovduti, il-fuljetti tad-dejta dwar is-sikurezza tal-prodotti awtorizzati għandhom jindikaw li l-applikazzjoni industrijali għandha titwettaq f’żona iżolata jew fuq bażi iebsa impermeabbli b’sistemi ta’ iżolament, li hekk kif l-injam jiġi ttrattat jinħażen taħt għata u/jew fuq bażi iebsa impermeabbli, biex jiġu evitati rilaxxi diretti fil-ħamrija jew l-ilma, u li kwalunkwe rilaxx mill-applikazzjoni tal-prodott jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi;

(3)

il-prodotti ma għandhomx jiġu awtorizzati għal trattament tal-injam li jkun se jiġi f’kuntatt ma’ ilma ħelu jew ikun ser jintuża f’kostruzzjoni fuq barra, qrib jew fuq l-ilma, jew għal trattament permezz tal-immersjoni tal-injam li ser ikun espost kontinwament għall-elementi jew ikun suġġett għal tixrib frekwenti, sakemm ma tiġix ippreżentata dejta li turi li l-prodott se jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u tal-Anness VI, jekk meħtieġ bl-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni.”


(*)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm


Top