Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0822

    2012/822/UE, Euratom: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 90/179/Euratom, KEE li tawtorizza lir-Reġubblika Federali tal-Ġermanja biex tuża statistika għas-snin li jippreċedu l-aħħar sena għajr għal sena waħda u biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta’ tranżazzjonijiet jew biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (notifikata bid-dokument numru C(2012) 9569)

    ĠU L 352, 21.12.2012, p. 65–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/822/oj

    21.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 352/65


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-19 ta’ Diċembru 2012

    li temenda d-Deċiżjoni 90/179/Euratom, KEE li tawtorizza lir-Reġubblika Federali tal-Ġermanja biex tuża statistika għas-snin li jippreċedu l-aħħar sena għajr għal sena waħda u biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta’ tranżazzjonijiet jew biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 9569)

    (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    (2012/822/UE, Euratom)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir tar-riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1978, intaxxaw it-tranżazzjonijiet elenkati fl-Anness X, Parti A, jistgħu jibqgħu jintaxxaw dawk it-tranżazzjonijiet; għandu jittieħed kont ta’ dawn it-tranżazzjonijiet biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi tal-VAT.

    (2)

    Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1978, eżentaw it-tranżazzjonijiet elenkati fl-Anness X, Parti B, jistgħu jibqgħu jeżentaw dawk it-tranżazzjonijiet, skont il-kundizzjonijiet li japplikaw fl-Istat Membru kkonċernat f’dik id-data; għandu jittieħed kont ta’ dawn it-tranżazzjonijiet biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi tal-VAT.

    (3)

    B’effett mill-1 ta’ Jannar 1991 il-possibbiltà li kienet tagħti lok lil Stati Membri biex ikomplu jeżentaw tranżazzjonijiet elenkati fil-punt 13 tal-Anness F għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (3), kienet imwaqqfa permezz tal-Artikolu 1 punt 2(a) tat-Tmintax-il Direttiva tal-Kunsill 89/465/KEE (4); b’konsegwenza, l-awtorizzazzjoni mogħtija b’konnessjoni ma’ din mill-Kummissjoni għar-raġunijiet biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għandha titwaqqaf.

    (4)

    Fil-każ tal-Ġermanja, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, adottat id-Deċiżjoni 90/179/Euratom, KEE (5) li tawtorizza lill-Ġermanja, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1989, biex tuża statistika għas-snin ta’ qabel is-sena ta’ qabel u biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta’ tranżazzjonijiet jew biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT.

    (5)

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Ġermanja biex tivverifika jekk dawk l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-Ġermanja bl-ebda limitu espliċitu ta’ żmien, kinux għadhom meħtieġa u biex tikkonferma dan lill-Kummissjoni; Il-Ġermanja kkonfermat li awtorizzazzjoni biex ma tikkunsidrax it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 13 tal-Anness F tas-Sitt Direttiva u li awtorizzazzjoni għall-użu ta’ stimi approssimattivi għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 3 tal-Anness X, il-Parti B tad-Direttiva 2006/112/KE ma kellhiex tintuża; b’konsegwenza, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija b’konnessjoni ma’ din mill-Kummissjoni għar-raġunijiet biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għandha titwaqqaf.

    (6)

    Għall-finijiet ta’ kjarifika u trasparenza tar-regoli tal-Unjoni, dispożizzjonijiet li skadew jew ma baqgħux fis-seħħ għandhom jitneħħew.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    (1)   Artikolu 2 punt 3 tad-Deċiżjoni 90/179/Euratom, KEE b’dan qed jiġi mħassar.

    (2)   Artikolu 3 punt 3 tad-Deċiżjoni 90/179/Euratom, KEE b’dan qed jiġi mħassar.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Janusz LEWANDOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

    (2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1.

    (4)  ĠU L 226, 3.8.1989, p. 21.

    (5)  ĠU L 99, 19.4.1990, p. 22.


    Top